KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2013 ( 1 )

Kawża C‑534/11

Mehmet Arslan

vs

Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka)]

“Ċittadin ta’ pajjiż terz — Soġġorn illegali — Detenzjoni għall-finijiet tal-iskorta sal-fruntiera — Direttiva 2008/115/KE — Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali — Direttiva 2005/85/KE — Direttiva 2003/9/KE — Abbuż ta’ dritt”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li ġiet imressqa fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2011, tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“direttiva ritorn”), u dwar il-kombinament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat ( 3 ).

2.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qiegħed isir fil-kuntest ta’ kawża bejn Arslan, ċittadin Tork, u l-Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policieporte (Pulizija tar-Repubblika Ċeka, direttorat reġjonali tar-reġjun ta’ Ústí, sezzjoni pulizija tal-barranin) (iktar ’il quddiem “il-konvenuta fil-kawża prinċipali”). Arslan daħal u qagħad fit-territorju tar-Repubblika Ċeka mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ddeċidiet li tqiegħdu f’detenzjoni għal perijodu ta’ 60 jum bil-għan li tipproċedi għat-tneħħija amministrattiva tiegħu. Arslan ressaq rikors quddiem il-qrati Ċeki kontra d-deċiżjoni meħuda mill-konvenuta fil-kawża prinċipali biex ittawwal id-detenzjoni tiegħu għal perijodu addizzjonali ta’ 120 jum. Arslan jallega li fid-data tad-deċiżjoni li jittawwal it-tul ta’ żmien tad-detenzjoni tiegħu, ma kien għad fadal ebda prospett raġonevoli li t-tneħħija tiegħu tista’ ssir qabel l-iskadenza tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst mil-liġi nazzjonali, jiġifieri 180 jum. Effettivament, fil-fehma tiegħu, dan it-terminu kien ser jinqabeż bilfors minħabba l-fatt li kien applika għal protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem “talba għall-ażil”) ( 4 ) u minħabba l-intenzjoni tiegħu li juża u li jeżawrixxi l-mezzi proċedurali u ġudizzjarji applikabbli fil-kuntest ta’ din l-aħħar talba.

3.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-applikabbiltà tad-direttiva “ritorn” għal ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali li jressaq applikazzjoni għall-ażil fis-sens tad-Direttiva 2005/85 u, fit-tieni lok, dwar il-punt jekk tali applikazzjoni għandhiex ikollha bħala konsegwenza t-tmiem tad-detenzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ tneħħija bbażata fuq id-direttiva ritorn.

4.

Fl-isfond ta’ dawn id-domandi, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem il-problema tal-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet dwar l-ażil jintużaw bil-għan li tinġieb ineffettiva l-applikazzjoni tad-direttiva “ritorn”.

II – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-direttiva “ritorn”

5.

Il-premessa 9 tad-direttiva ritorn tipprovdi li:

“Skond id-Direttiva tal-Kunsill [2005/85/KE], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.”

6.

L-Artikolu 2(1) tad-direttiva “ritorn” jistipula li:

“Din id-direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

7.

L-Artikolu 3(2) tad-direttiva “ritorn” jiddefinixxi l-kunċett ta’ “soġġorn illegali” bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul [...], soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

8.

Skont l-Artikolu 5 tad-direttiva “ritorn”, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement ikkristallizzat mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 5 ) inkluż meta jimplementaw din id-direttiva.

9.

L-Artikolu 6(1) tad-direttiva “ritorn” jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom […]”.

10.

L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija f’każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

11.

L-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn” jipprovdi:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

2. Id-Direttiva 2005/85

12.

Id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi r-regoli minimi għall-proċedura tal-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Din tirregola essenzjalment il-preżentata ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, il-proċedura għall-ipproċessar ta’ dawk l-applikazzjonijiet u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti għall-ażil matul dik il-proċedura.

13.

l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi:

“1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet id-deċiżjoni skond il-proċeduri fl-istadju ta’ prim’istanza stabbiliti fil-Kapitolu III. Dan id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru ma jikkostitwixxix jedd għal permess ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn, skond l-Artikoli 32 u 34, ma tkunx sejra tiġi eżaminata aktar xi applikazzjoni sussegwenti jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skond il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor konformament ma’ obbligi taħt il-Mandat ta’ Arrest Ewropew jew diversament, jew lejn pajjiż terz, jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.”

14.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2005/85/KE jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa jkun applikant għall-ażil.

2.   Fejn applikant għall-ażil ikun miżmum f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja aċċelerata.”

15.

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85/KE jistipula li:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami […] jekk:

[...]

g)

l-applikant ressaq sottomissjonijiet inkonsistenti, kontradittorji, improbabbli jew insuffiċjenti li jagħmlu t-talba tiegħu xejn konvinċenti fir-rigward tal-kwistjoni jekk kienx jew le l-oġġett ta’ persekuzzjoni kif imsemmi fid-direttiva [2004/83 ( 6 )];

[…]

j)

l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu [...];

l)

l-applikant daħal fit-territorju ta’ l-Istat Membru illegalment jew tawwal il-permanenza tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu quddiem l-awtoritajiet u/jew ressaq applikazzjoni għall-ażil mill-iktar fis possibbli fid-dawl taċ-ċirkostanzi tad-dħul tiegħu […].”

3. Id-Direttiva 2003/9

16.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/9/KE jipprovdi:

“1.   Dawk li jfittxu ażil jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha taħt din id-direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza ta’ min ifittex ażil minħabba reġunjiet ta’ interess pubbliku, ordni pubblika jew, meta meħtieġ, ta’ pproċessar ta’ malajr u mmonitorjar effettiv ta’ l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha.

3.   Meta jkun ipprovat meħtieġ, per eżempju għal reġunijiet legali jew raġunijiet ta’ ordni pubblika, Stati Membri jistgħu jirrestrinġu applikant għal post partikulari skont il-liġi nazzjonali tagħhom

[...]”

B – Id-dritt Ċek

17.

Id-direttiva “ritorn” ġiet trasposta fid-dritt Ċek essenzjalment permezz ta’ emenda tal-liġi Nru 326/1999 Sb. dwar is-soġġorn tal-barranin fit-territorju tar-Repubblika Ċeka (iktar ’il quddiem, il-“liġi dwar is-soġġorn tal-barranin”).

18.

Skont l-Artikolu 124(1) ta’ din il-liġi, il-pulizija “hija awtorizzata li tpoġġi f’detenzjoni persuna barranija ta’ iktar minn 15-il sena li tkun ġiet innotifikata bil-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva ta’ tneħħija, li fil-konfront tagħha tkun diġà ġiet adottata deċiżjoni amministrattiva definittiva ta’ tneħħija, jew li għaliha Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jkun diġà ħareġ digriet ta’ projbizzjoni ta’ dħul valida għat-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li l-adozzjoni ta’ miżuri partikolari għall-finijiet ta’ tneħħija volontarja ma tkunx suffiċjenti”, u jekk tkun sodisfatta ta’ mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti b) u e) tal-imsemmi artikolu, jiġifieri li “jkun jeżisti riskju li l-persuna barranija tkun tista’ taħrab jew tagħmel iktar diffiċli l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija amministrattiva”, u li “il-persuna barranija tkun irreġistrata fis-sistema tal-informatika tal-partijiet kontraenti”.

19.

Skont l-Artikolu 125(1) tal-liġi dwar is-soġġorn tal-barranin, it-tul ta’ żmien tad-detenzjoni ma jistax, fil-prinċipju ( 7 ), jaqbeż il-180 ġurnata.

20.

L-Artikolu 127 tal-liġi dwar is-soġġorn tal-persuni barranin jipprovdi:

“1.   Id-detenzjoni għandha tintemm mingħajr dewmien

a)

meta r-raġunijiet għad-detenzjoni ma jkunux għadhom jissussistu;

[…]

d)

jekk il-persuna barranija tkun ingħatat l-ażil jew protezzjoni sussidjarja; jew

e)

jekk il-persuna barranija tkun ingħatat permess ta’ soġġorn għal żmien twil għall-finijiet tal-protezzjoni tagħha fit-territorju.

2.   Il-preżentata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta’ detenzjoni ma tikkostitwixxix raġuni li tiġġustifika t-tmiem tad-detenzjoni.”

21.

Id-Direttiva 2005/85 ġiet trasposta fid-dritt Ċek essenzjalment permezz ta’ emenda tal-liġi Nru 325/1999 dwar l-ażil. L-Artikolu 85a ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1)

Id-dikjarazzjoni għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ttemm il-validità tal-viża għal żmien twil jew tal-permess ta’ soġġorn għal żmien twil mogħtija b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli.

2)

L-istatus ġuridiku tal-persuna barranija li jirriżulta mit-tqegħid tagħha f’ċentru ta’ detenzjoni ma jiġix affettwat minn dikjarazzjoni li tista’ tingħata għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali jew minn applikazzjoni li tista’ ssir għal protezzjoni internazzjonali (Artikolu 10).

3)

Il-persuna barranija li tkun għamlet dikjarazzjoni għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali jew li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija, suġġetta għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli, obbligata li tibqa’ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22.

Fl-1 ta’ Frar 2011, M. Arslan ġie arrestat minn skwadra mobbli tal-pulizija Ċeka u tpoġġa f’detenzjoni. Fit-2 ta’ Frar 2011, ittieħdet deċiżjoni ta’ tneħħija kontrih. B’deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2011, it-tul ta’ żmien tad-detenzjoni ta’ M. Arslan ġie estiż għal 60 ġurnata għar-raġuni li, b’mod partikolari, fid-dawl tal-imġieba tiegħu fil-passat, wieħed seta’ jassumi li kien ser jipprova jevita d-deċiżjoni ta’ tneħħija. Id-deċiżjoni kienet tesponi li M. Arslan, detentur ta’ karta tal-identità tar-Repubblika tat-Turkija, kien daħal b’mod klandestin fiż-żona Schengen, u li kien issoġġorna suċċessivament fl-Awstrija u mbagħad fir-Repubblika Ċeka mingħajr dokument tal-ivvjaġġar u mingħajr viża. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet tirrileva li M. Arslan kien diġà ġie interpellat fl-2009 fit-territorju Grieg fil-pussess ta’ passaport falz, kien intbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u kien iddaħħal fis-sistema tal-informatika Schengen bħala persuna taħt projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati taż-żona Schengen għall-perijodu bejn is-26 ta’ Jannar 2010 u s-26 ta’ Jannar 2013.

23.

Fit-8 ta’ Frar 2011, jiġifieri sebat ijiem wara li tpoġġa f’detenzjoni u sitt ijiem wara d-deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda kontra tiegħu, iżda fl-istess ġurnata meta ġiet adottata d-deċiżjoni biex id-detenzjoni tiegħu tiżdied għal 60 jum, M. Arslan ippreżenta quddiem l-awtoritajiet Ċeki applikazzjoni għall-ażil.

24.

Fil-25 ta’ Marzu 2011, id-detenzjoni ta’ M. Arslan ġiet ipprolongata bid-deċiżjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali għal 120 jum għar-raġuni li dik l-estensjoni kienet meħtieġa għat-tħejjija tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-persuna kkonċernata, peress li matul il-perijodu tal-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil, id-deċiżjoni ta’ tneħħija amministrattiva ma setgħetx tiġi eżegwita. Skont id-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2011, l-applikazzjoni għall-ażil ġiet ippreżentata minn M. Arslan bil-għan li jagħmel iktar diffiċli l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija. Din id-deċiżjoni kienet tirrileva, barra minn hekk, li sa dakinhar l-ambaxxata tat-Turkija kienet għadha ma ħarġitx dokument tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni għal M. Arslan, liema fatt kien qiegħed jostakola wkoll l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

25.

Għandu jitfakkar li M. Arslan ippreżenta rikors quddiem il-Krajský soud d’Ústí nad Labem (Qorti reġjonali ta’ d’Ústí nad Labem, ir-Repubblika Ċeka) kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2011, billi sostna li, fil-mument meta ġiet adottata, ma kienx għad hemm, minħabba l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, prospett raġonevoli li t-tneħħija tiegħu tkun tista’ ssir matul il-perijodu ta’ detenzjoni massimu ta’ 180 jum previst mil-liġi Ċeka dwar is-soġġorn ta’ persuni barranin. M. Arslan b’hekk kellu l-intenzjoni, f’każ li tiġi miċħuda l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil mill-ministru għall-Intern, li jikkontesta din id-deċiżjoni tal-ministru permezz ta’ rikors li l-liġi tagħti effett sospensiv. Huwa invoka wkoll, f’każ li jiġi miċħud dan ir-rikors, il-possibbiltà li jippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (Qorti amministrattiva suprema) li wkoll għandu effett sospensiv.

26.

Minħabba ż-żmien twil li normalment jieħdu proċeduri ġudizzjarji f’dan it-tip ta’ kawżi, M. Arslan deherlu li ma kienx realistiku li d-deċiżjoni ta’ tneħħija amministrattiva tista’ tiġi eżegwita fit-terminu ċċitat iktar ’il fuq ta’ 180 jum. Huwa sostna li f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-25 ta’ Marzu 2011 tmur kontra l-Artikolu 15(1) u (4) tad-direttiva “ritorn” kif ukoll kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 8 ).

27.

Skont M. Arslan, id-deċiżjoni inkwistjoni kienet illegali mhux minħabba li kienet tmur kontra d-dritt tal-ażil, iżda għaliex kundizzjoni essenzjali għaż-żamma tiegħu f’detenzjoni, jiġifieri prospett raġonevoli ta’ tneħħija qabel it-tmiem tat-terminu massimu ta’ dik id-detenzjoni, ma kinitx sodisfatta.

28.

Il-Krajský soud ċaħdet ir-rikors b’sentenza tas-27 ta’ April 2011, billi ddeċidiet li l-argument ta’ M. Arslan “kien purament ibbażat fuq interess personali u spekulattiv”, għaliex wieħed ma jistax jeskludi li l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil, inklużi l-proċeduri ġudizzjarji relatati li jista’ jkun hemm, isiru fit-terminu ffissat mid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2011. M. Arslan ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi bbaża, essenzjalment, fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati fl-ewwel istanza.

29.

B’deċiżjoni tat-12 ta’ April 2011, il-Ministru tal-Intern ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Arslan. Dan tal-aħħar ressaq rikors kontra din id-deċiżjoni.

30.

Fis-27 ta’ Lulju 2011, jiġifieri prattikament wara l-iskadenza tat-terminu ffissat mid-deċiżjoni kkontestata minn M. Arslan, l-awtoritajiet Ċeki temmew id-detenzjoni ta’ M. Arslan “għaliex ir-raġunijiet għad-detenzjoni tiegħu ma kinux għadhom jissussistu” ( 9 ).

31.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 2(1) tad-direttiva ritorn għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tintemm id-detenzjoni ta’ persuna barranija għall-finijiet ta’ ritorn, meta din tal-aħħar tkun ippreżentat applikazzjoni għall-ażil u meta fl-istess ħin, ma jkunx hemmx raġunijiet oħrajn biex tiġi pprolongata d-detenzjoni ħlief biex jitħejja r-ritorn u/jew sabiex issir t-tneħħija ( 10 ). Il-qorti tar-rinviju xxaqleb lejn risposta affermattiva, u hija tal-fehma li d-detenzjoni tista’ tiġi estiża biss kemm-il darba tiġi adottata deċiżjoni ġdida ta’ żamma f’detenzjoni, li madankollu ma tkunx ibbażata fuq id-direttiva ritorn, iżda fuq dispożizzjoni oħra li tippermetti speċifikament li jinżamm f’detenzjoni applikant għall-ażil. Madankollu, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, dik il-konklużjoni tista’ tinkoraġġixxi l-użu abużiv tal-proċeduri tal-ażil.

32.

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-leġiżlatur Ċek b’ebda mod ma jaqbel ma’ din l-interpretazzjoni, u lanqas ma’ dik li favurha jargumenta l-Avukat Ġenerali Mazák fit-teħid ta’ pożizzjoni fil-kawża Kadzoev ( 11 ).

33.

F’dawn il-kundizzjonijiet, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-premessa 9, tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, meta dan iċ-ċittadin barrani jinżamm sabiex jiġi rritornat, din iż-żamma għandha titwaqqaf meta dan iċ-ċittadin iressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2005/85/KE u meta ma jkunx hemm raġunijiet oħra sabiex tiġi estiża ż-żamma tiegħu?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34.

Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, in-Nejvyšší správní soud talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tissottometti l-kawża għal proċedura aċċellerata abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju spjegat, b’mod partikolari, li għalkemm id-detenzjoni ta’ M. Arslan intemmet fis-27 ta’ Lulju 2011, xorta waħda kien opportun li din il-kawża diġi sottomessa għal dik il-proċedura aċċellerata, minħabba l-eżistenza ta’ numru kbir ta’ każijiet simili li fihom id-detenzjoni ta’ barranin kienet għadha għaddejja jew każijiet ta’ detenzjoni li mhumiex ser jonqsu fil-futur qrib.

35.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2012, din it-talba ġiet miċħuda.

36.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, tas-Slovakkja, ta’ Franza, Svizzeru kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012.

V – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

37.

Il-Gvern Franċiż jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, għaliex ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li M. Arslan ikkontesta l-applikabbiltà tad-direttiva “ritorn” fuq il-bażi li huwa kien ippreżenta applikazzjoni għall-ażil. Il-kwistjoni pjuttost tidher li hi jekk, meta din id-direttiva tiġi applikata għal applikant għall-ażil, tibqax sodisfatta l-kundizzjoni li jinżamm f’detenzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ prospett raġonevoli ta’ tneħħija. Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li ma huwiex evidenti li l-ewwel domanda hija neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ taqta’ l-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-ewwel domanda hija ta’ natura ipotetika.

38.

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-domandi fformulati mill-qorti nazzjonali jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni ( 12 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar domanda preliminari meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali ma għandhiex x’taqsam mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew inkella meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 13 ).

39.

Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura preliminari effettivament tikkonsisti f’li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 14 ).

40.

Kif jindika l-Gvern Franċiż, jidhirli li l-ewwel domanda preliminari hija ipotetika, għaliex is-soluzzjoni tal-kawża ma tiddependix mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda.

41.

F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni ta’ rinviju li M. Arslan ma huwiex qiegħed jikkontesta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li jitkeċċa u li jitpoġġa f’detenzjoni għal dak l-iskop. Huwa jinvoka biss il-fatt li fid-data tad-deċiżjoni li tiġi pprolongata d-detenzjoni tiegħu, indipendentement mill-kwalità tiegħu bħala applikant għall-ażil, kien diġà jissussisti l-motiv li jimponi li tintemm dik id-detenzjoni, għaliex ma kienx għad fadal prospett raġonevoli li tiġi eżegwita d-deċiżjoni tat-tneħħija tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu massimu ta’ detenzjoni previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Nirrileva li, skont id-deċiżjoni ta’ rinviju, M. Arslan argumenta wkoll quddiem il-qrati nazzjonali li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kellhom jiġu interpretati biss fir-rigward tal-Artikolu 15 (paragrafi 1 u 4) tad-direttiva “ritorn”.

42.

Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni ta’ rinviju ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2011 li, f’din id-data, id-detenzjoni ta’ M. Arslan kienet diġà ntemmet “għaliex il-motivi għad-detenzjoni ma kinux għadhom jeżistu”. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li, fis-27 ta’ Lulju 2011, id-data meta ntemmet id-detenzjoni ta’ Arslan, it-tul massimu ta’ 180 jum ta’ detenzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 125(1) tal-Liġi Nru 326/1999 Sb. dwar is-soġġorn tal-barranin kien prattikament intlaħaq.

43.

Għandu jingħad ukoll li jirriżulta mill-proċess u mis-seduta li M. Arslan ħarab immedjatament u għeb malli ħareġ mid-detenzjoni fis-27 ta’ Lulju 2011. Barra minn hekk, huwa ma pparteċipax f’din il-proċedura preliminari.

44.

Fid-dawl tal-fatt li s-suġġett tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju huwa rikors kontra d-deċiżjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali tal-25 ta’ Marzu 2011 li tipprolonga d-detenzjoni ta’ Arslan u li, fid-dawl tal-fatti msemmija fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, id-detenzjoni tiegħu ntemmet, jidhirli li r-risposta għad-domandi preliminari ma tippermettix li jiġu stabbiliti elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tapplika utilment sabiex taqta’, abbażi ta’ dan id-dritt, il-kawża mressqa quddiemha ( 15 ). L-opinjoni tiegħi hija kkonfermata mill-fatt li l-qorti tar-rinviju ġġustifikat it-talba tagħha għal proċedura aċċellerata mill-eżistenza jew l-imminenza ta’ numru kbir ta’ każijiet simili.

45.

Għaldaqstant, jidhirli li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli.

46.

Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tirrispondi dawn id-domandi preliminari, qiegħed nissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-konklużjonijiet segwenti dwar il-mertu tad-domandi preliminari.

B – Fuq il-mertu tad-domandi preliminari

1. Argumenti

47.

Il-Gvern Ċek jikkunsidra li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, li d-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija u l-miżuri ta’ detenzjoni ordnati kontra applikant għall-ażil jaqgħu taħt sistemi ġuridiċi distinti, din is-sentenza madankollu ma teskludix li l-persuna li titpoġġa f’detenzjoni fil-kuntest tar-reġim tad-direttiva “ritorn” għandha titpoġġa f’detenzjoni fil-qafas tal-istess reġim wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil.

48.

Peress li t-tqegħid ta’ persuna barranija f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għandha tkun iġġustifikata minn motivi serji, il-Gvern Ċek jidhirlu li jkun hemm abbuż serju tal-iskop tad-direttiva “ritorn” jekk dik il-persuna tkun tista’ taħrab mis-sistema ta’ din id-direttiva u mid-detenzjoni ordnata b’applikazzjoni tal-imsemmija direttiva billi sempliċement tippreżenta applikazzjoni għall-ażil. F’tali każ, il-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil tkun ekwivalenti għal “formula maġika” li permezz tagħha persuna li tkun tinsab f’detenzjoni fil-qafas tar-reġim tad-direttiva ritorn tkun tista’ faċilment “tiftaħ il-bibien” tad-detenzjoni.

49.

Ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-persuni li jinżammu f’detenzjoni, b’applikazzjoni tad-direttiva ritorn, għandhom ikomplu jaqgħu taħt din id-direttiva anki wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil. Dan ma jżommx lil dawn il-persuni milli jaqgħu wkoll taħt id-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli għall-applikanti għall-ażil.

50.

Il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li jirriżulta mill-Artikoli 2(1) u 3(2) tad-direttiva “ritorn” kif ukoll mill-premessa 9 tagħha li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil għad-durata tal-proċedura ta’ ażil. Effettivament, skont il-Gvern Ġermaniż, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni skont id-Direttiva 2005/85 huwa awtorizzat li joqgħod fl-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

51.

Skont il-Gvern Ġermaniż, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw f’liema kundizzjonijiet applikant għall-ażil jista’ jinżamm f’detenzjoni. Huwa tal-fehma li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2005/85 ma jipprekludix iż-żamma f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u d-Direttiva 2003/9 tippreżumi wkoll, fl-Artikoli 2(k), 6(2), 13(2) u 14(8) tagħha, li l-applikant għall-ażil jista’ jkun jinsab f’detenzjoni.

52.

Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-effikaċja tal-proċedura ta’ ritorn teħtieġ, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà li jinżammu f’detenzjoni ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu tpoġġew f’detenzjoni għall-finijiet tar-ritorn jew t-tneħħija tagħhom, anki meta dawn tal-aħħar jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil matul id-detenzjoni tagħhom. Skont dan il-gvern, il-preżentata ta’ applikazzjonijiet għall-ażil abużivi tkun imħeġġa jekk il-preżentata ta’ tali applikazzjonijiet tkun twassal b’mod obbligatorju għall-ħelsien taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed f’soġġorn illegali. Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li l-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn” ma jawtorizzax iż-żamma f’detenzjoni, għal finijiet ta’ ritorn jew tneħħija, ħlief f’kundizzjonijiet stretti, jiġifieri prattikament fil-ħin bħala ultima ratio tal-proċedura ta’ ritorn.

53.

Il-Gvern Slovakk jikkunsidra li l-għan tad-direttiva “ritorn” ikun ippreġudikat kieku ma jkunx possibbli li persuna f’soġġorn illegali titwaqqaf milli taħrab billi tinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet u fuq il-bażi tad-direttiva “ritorn” anki wara li ssir applikazzjoni għall-ażil. Skont dan il-gvern, dan jista’ jiġġustifika li jinżamm f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz fil-kuntest tar-reġim tad-direttiva ritorn wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil. Anki fl-ipoteżi fejn din il-konklużjoni ma tapplikax, ir-Repubblika Slovakka hija tal-fehma li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom, wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil matul id-detenzjoni għall-finijiet ta’ ritorn, terminu ta’ żmien xieraq biex jevalwaw il-possibbiltà li tinżamm f’detenzjoni l-persuna kkonċernata fuq il-bażi tad-direttivi dwar l-ażil u tad-dritt intern.

54.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li hija fil-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura bilanċ ġust bejn il-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement u l-għanijiet ta’ prevenzjoni u tal-ġlieda msaħħa kontra l-immigrazzjoni illegali.

55.

Il-Gvern Franċiż huwa tal-fehma li l-prinċipju ta’ non-refoulement huwa implementat ukoll fid-direttiva “ritorn”, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tagħha, interpretat fid-dawl tal-premessa 9 tagħha. Madankollu, dan il-gvern huwa tal-fehma li l-Artikolu 2 tad-direttiva “ritorn”, moqri fid-dawl ta’ din id-direttiva kollha, kif ukoll tad-Direttiva 2003/9 u d-Direttiva 2005/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-direttiva ritorn tista’ tapplika għal ċittadini ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil, kemm-il darba l-garanziji mogħtija mir-reġim ta’ ażil nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva 2003/9 u d-Direttiva 2005/85 ikunu osservati u li, jekk il-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement hekk ikun jeħtieġ, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tiġi posposta. Barra minn hekk, it-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-ażil jew iż-żamma ta’ dak it-tqegħid f’detenzjoni huma suġġetti, minn naħa waħda, għall-ħarsien tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-direttiva ritorn, u min-naħa l-oħra, għall-eżistenza ta’ prospett raġonevoli ta’ tneħħija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva.

56.

Il-Gvern Svizzeru u l-Kummissjoni jikkunsidraw li skont l-Artikolu 2(1) u l-premessa 9 tad-direttiva “ritorn”, applikant għall-ażil ma jibqax jaqa’ taħt dik id-direttiva sakemm ma tittiħidx deċiżjoni negattiva dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Il-Gvern Svizzeru u l-Kummissjoni jirrilevaw li jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jinżamm f’detenzjoni abbażi tad-direttiva “ritorn” jippreżenta applikazzjoni għall-ażil, għandha tintemm id-detenzjoni ordnata fuq il-bażi ta’ din id-direttiva.

57.

Skont il-Kummissjoni, l-istatus ġuridiku tal-persuna kkonċernata, bħala applikant għall-ażil, b’hekk hija essenzjalment regolata mid-Direttivi 2003/9 u 2005/85. B’hekk huwa biss abbażi ta’ dawn id-direttivi li applikant għall-ażil jista’ jitpoġġa f’detenzjoni. Hija tal-fehma, barra minn hekk, li d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata bħala applikant għall-ażil tista’ tkompli għaddejja biss jekk tiġi adottata deċiżjoni ġdida ta’ tqegħid f’detenzjoni, li b’hekk tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil li jawtorizzaw id-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil.

2. Analiżi

58.

Qabel ma tingħata risposta għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, fuq bażi preliminari, li l-prinċipju ta’ gwida ta’ non-refoulement kif ikkristallizzat mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève japplika mhux biss għad-Direttiva 2005/85, iżda wkoll għad-direttiva “ritorn”.

59.

Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-direttiva “ritorn” sabiex jistabbilixxi politika kontra l-immigrazzjoni illegali, fejn ir-ritorn jikkostitwixxi element indispensabbli ta’ politika ta’ immigrazzjoni amministrata sew ( 16 ), il-leġittimità tal-prattika ta’ ritorn mill-Istati Membri taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali hija rikonoxxuta biss kemm-il darba jiġu osservati s-sistema ta’ ażil u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement ( 17 ). Effettivament, skont l-Artikolu 5 tad-direttiva “ritorn”, meta l-Istati Membri jimplementaw din id-direttiva, huma għandhom josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9 tad-direttiva “ritorn” l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija b’mod partikolari f’każ fejn ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement ( 18 ).

60.

Fir-rigward tad-detenzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-direttiva “ritorn”, jirriżulta mid-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni li d-detenzjoni hija ta’ natura eċċezzjonali u hija biss l-aħħar rimedju. Din ma tistax tiġi imposta ħlief jekk miżuri oħrajn inqas restrittivi jkunu inadegwati u jekk ċerti kriterji stretti jkunu u jibqgħu sodisfatti ( 19 ). F’dan ir-rigward, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jitpoġġa f’detenzjoni ħlief jekk huwa jkun “suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija”, u jekk “ikun hemm riskju ta’ ħarba”, “jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn” jew il-funzjonament tajjeb tal-“proċess ta’ tneħħija”. Id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta ( 20 ). Id-detenzjoni għandha tkun ordnata bil-miktub mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, waqt li jindikaw il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt. Meta ma tkunx teżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija qabel l-iskadenza tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u l-persuna kkonċernata jkollha tiġi liberata minnufih ( 21 ).

a) Fuq l-ewwel domanda

61.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk id-direttiva “ritorn” tistax tkompli tapplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil.

62.

Skont id-diċitura tal-Artikolu 2(1) tad-direttiva “ritorn”, din id-direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali fit-territorju ta’ Stat Membru. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-direttiva “ritorn” jiddefinixxi l-kunċett ta’ “soġġorn illegali” bħala l-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza f’dan l-Istat Membru. Issa, jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll mill-premessa 13 tagħha li applikant għall-ażil għandu d-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru sakemm tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu, anki jekk ma jkollux dritt għal titolu ta’ soġġorn.

63.

Waqt li huwa minnu li d-dritt ta’ soġġorn fi Stat Membru huwa previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85 “għall-fini tal-proċedura” biss, xorta jibqa’ l-fatt li dak id-dritt jista’ jiġi limitat mill-Istati Membri biss taħt il-kundizzjonijiet ferm restrittivi ffissati fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu.

64.

L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, ta’ mill-inqas temporanjament, id-direttiva “ritorn” ma tkunx tapplika għal applikant għall-ażil, tirriżulta b’mod ċar ukoll mill-premessa 9 tad-direttiva “ritorn” li tipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal ażil fi Stat Membru ma għandux jitqies li qiegħed illegalment fit-territorju tal-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward tal-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu biex jitlob l-ażil ( 22 ). Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil, fil-prinċipju, hija regolata biss mill-qafas regolatorju dwar id-dritt ta’ ażil ( 23 ).

65.

Madankollu, u mingħajr preġudizzju għall-ħarsien tal-prinċipju ta’ gwida ta’ non-refoulement, għall-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Ġenève u b’mod iktar ġenerali għad-drittijiet fundamentali ( 24 ), jidhirli li l-pożizzjoni tiegħi għandha tiġi kkwalifikata meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari u konkordanti ta’ manipulazzjoni tal-qafas regolatorju dwar l-għoti ta’ ażil bil-għan li tinġieb inoperattiva l-applikazzjoni tad-direttiva “ritorn”, sal-punt li jinħoloq abbuż tad-dritt ta’ ażil ( 25 ).

66.

Dan il-punt ser jiġi eżaminat fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda preliminari.

67.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jien tal-fehma li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda għandha tkun li, ħlief f’każ ta’ abbuż ta’ dritt, id-direttiva “ritorn” ma tibqax applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil u dan sakemm il-proċedura relatata ma’ din l-applikazzjoni tkun pendenti.

b) Fuq it-tieni domanda

68.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandi nirrispondi peress li r-risposta tiegħi għall-ewwel domanda hija, fil-prinċipju, fi kwalunkwe każ, fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk b’hekk għandhiex tintemm id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ ritorn meta dan tal-aħħar jippreżenta applikazzjoni għall-ażil u ma jkunx hemm raġunijiet oħrajn biex tiġi pprolongata din id-detenzjoni ( 26 ).

69.

Jidhirli li jirriżulta direttament mir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda li, fin-nuqqas ta’ abbuż ta’ dritt, għandha tintemm id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva “ritorn”, meta dan tal-aħħar ikun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil u dan sakemm il-proċedura relatata ma’ din it-talba tkun pendenti. Id-direttiva “ritorn” ma tibqax applikabbli, tal-inqas temporanjament, f’każ bħal dan. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/9 li l-applikanti għall-ażil jistgħu, fil-prinċipju, jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istat Membru ta’ akkoljenza jew fi ħdan żona li tiġi ffissata lilhom minn dak l-Istat Membru.

70.

Qabel ma nindirizza l-kwistjoni ta’ abbuż ta’ dritt, tqum b’hekk il-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil jistax jitpoġġa jew jinżamm f’detenzjoni b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi oħrajn, jiġifieri l-kuntest regolatorju relatat mal-ażil.

71.

Waqt li huwa minnu li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata ma għadhiex fil-prinċipju regolata mid-direttiva “ritorn” iżda mid-dispożizzjonijiet relatati mal-ażil, jirriżulta mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/9 li l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lil applikant għall-ażil biex jibqa’ f’post partikolari b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħhom, meta dan jirriżulta li huwa neċessarju, pereżempju għal raġunijiet ġuridiċi jew ta’ ordni pubbliku ( 27 ). Huwa manifest li din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali relatati mat-tqegħid f’detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, iżda tħallilhom il-possibbiltà li jadottaw regoli f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, minkejja riferiment ġenerali għal “raġunijiet ġuridiċi jew ta’ ordni pubbliku”, ma hemmx armonizzazzjoni fir-rigward tal-kriterji speċifiċi sabiex jitpoġġa f’detenzjoni applikant għall-ażil.

72.

Minn dan isegwi li l-applikant għall-ażil jista’ jitpoġġa f’detenzjoni biss jekk id-dritt nazzjonali dwar l-ażil ikun jipprovdi għal din il-possibbiltà ( 28 ) u jkun jiddefinixxi l-kundizzjonijiet relatati. Dan premess, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri ma jistgħux ipoġġu lil persuna f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li hija tkun talbet l-ażil u, b’mod konformi mal-paragrafu 2 ta’ dak l-istess Artikolu, meta applikant għall-ażil jitpoġġa f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju veloċi.

73.

Għalkemm huwa paċifiku li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija regolata mid-direttiva “ritorn” u d-detenzjoni ordnata kontra applikant għall-ażil, jaqgħu taħt sistemi ġuridiċi distinti ( 29 ), nikkunsidra li sabiex ma jrendux inoperattivi d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’mod konformi mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/9 u bl-istess mod bħar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achughbabian ( 30 ), l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom terminu qasir, limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, biex jadottaw deċiżjoni ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata bbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ażil ( 31 ), qabel ma jtemmu d-detenzjoni tagħha skont id-direttiva “ritorn”.

74.

Jifdal biss li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ abbuż ta’ dritt.

75.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni suġġetti għal-liġi ma jistgħux jipprevalu ruħhom b’mod frawdolenti jew abbużiv mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li l-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jikkunsidraw l-imġiba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt. Madankollu, l-imsemmija qrati huma obbligati, meta jevalwaw dan l-aġir, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ( 32 ).

76.

Il-konstatazzjoni li teżisti prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, għadd sħiħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Hija teħtieġ, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb xi benefiċċju riżultanti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet mitluba għall-kisba tiegħu. Hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi, li l-prova tagħhom għandha tinġieb b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali, kemm-il darba ma tiġix mittiefsa l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni ( 33 ).

77.

Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2005/85, il-politika komuni fil-qasam tal-ażil ġiet stabbilita għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkustanzi, ifittxu “leġittimament” protezzjoni fl-Unjoni ( 34 ). Huwa ċar li sempliċi applikazzjoni għall-ażil ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum f’detenzjoni fuq il-bażi tad-direttiva “ritorn” ma tistax, fiha nfisha, tagħti lok għal preżunzjoni ta’ abbuż tad-dritt ta’ ażil, u dan minkejja l-fatt li din id-detenzjoni hija fiha nfisha eċċezzjonali u suġġetta għal kriterji ferm stretti ( 35 ). Peress li hemm fin-nofs il-libertà ( 36 ) tal-persuna kkonċernata, iċ-ċirkustanzi individwali u speċifiċi ta’ kull każ għandhom jiġu eżaminati rigorożament u fid-dettall mill-qrati nazzjonali, sabiex issir distinzjoni bejn “li jittieħed vantaġġ minn possibbiltà mogħtija mil-liġi u abbuż ta’ dritt” ( 37 ).

78.

Fir-rigward ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni fil-proċess ta’ din il-kawża l-elementi segwenti:

l-okkażjonijiet preċedenti meta M. Arslan daħal irregolarment fit-territorju ta’ diversi Stati Membri mingħajr ma ssemmiet applikazzjoni għall-ażil;

il-fatt li l-persuna kkonċernata indikat b’mod ċar li meta talbet l-ażil, l-intenzjoni tagħha kienet li twaqqaf id-detenzjoni tagħha billi tuża l-mezzi sospensivi kollha li setgħu joffrulha l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil, peress li b’hekk id-detenzjoni bilfors kienet ser taqbeż il-perijodu massimu awtorizzat mid-dritt nazzjonali, sabiex b’hekk jiġi eliminat mal-ewwel kull prospett raġonevoli li titwettaq il-proċedura ta’ tneħħija, u

il-fatt li wara li ġie liberat, M. Arslan għeb minnufih u, minn dak li jista’ jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta mill-Gvern Ċek, huwa ma segwiex il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil.

79.

F’każ ta’ abbuż tad-dritt ta’ ażil, għalkemm il-persuna kkonċernata tkun tista’ tinżamm f’detenzjoni b’applikazzjoni tad-direttiva “ritorn” u għalkemm il-ħidma ta’ tħejjija għat-tneħħija tagħha tista’ tkompli għaddejja, dan jista’ jsir biss taħt il-kundizzjonijiet stretti li t-tneħħija ma tiġix eżegwita sakemm il-proċedura ta’ ażil tkun għadha ma ngħalqitx, li l-prinċipju ta’ non-refoulement japplika bis-sħiħ, u li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata u pproċessata skont ir-regoli kollha imposti, b’mod partikolari mid-Direttiva 2005/85 billi jiġu rrispettati l-garanziji kollha mogħtija lill-applikanti għall-ażil f’dan ir-rigward. Dan jimplika wkoll li ż-żamma f’detenzjoni fuq il-bażi tad-direttiva “ritorn” għandha tosserva l-garanziji kollha previsti fl-Artikoli 15 sa 18 ta’ din id-direttiva, inkluż dwar id-durata massima tad-detenzjoni ( 38 ).

80.

Nirrileva wkoll li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw proċedura aċċellerata jew prijoritarja għall-applikazzjonijiet għall-ażil skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85 jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti ( 39 ).

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta segwenti għat-tieni domanda preliminari:

għandha tintemm id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-direttiva “ritorn”, meta dan tal-aħħar jippreżenta applikazzjoni għall-ażil u dan sakemm il-proċedura relatata ma’ din l-applikazzjoni tkun pendenti;

l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/9 jippermetti lil Stat Membru li jipprovdi, fid-dritt nazzjonali tiegħu dwar l-ażil, il-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jobbliga lil applikant għall-ażil li jibqa’ f’post partikolari, meta dan jirriżulta li huwa neċessarju, pereżempju għal raġunijiet ġuridiċi jew ta’ ordni pubbliku. F’din l-ipoteżi, l-awtorità nazzjonali għandha terminu qasir, li huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, sabiex tadotta deċiżjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ażil, qabel ma ttemm id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata fuq il-bażi tad-direttiva “ritorn”, u

f’każ ta’ abbuż tad-dritt ta’ ażil, jiġifieri meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari u konkordanti ta’ manipulazzjoni tal-qafas regolatorju dwar l-għoti tal-ażil bil-għan li tinġieb inoperattiva l-applikazzjoni tad-direttiva “ritorn”, il-persuna kkonċernata tista’ tinżamm f’detenzjoni skont din id-direttiva u l-ħidma ta’ tħejjija għat-tneħħija tagħha tista’ tkompli għaddejja, kemm-il darba t-tneħħija ma tiġix eżegwita sakemm il-proċedura ta’ ażil tkun għadha ma ngħalqitx, li l-prinċipju ta’ non-refoulement japplika bis-sħiħ, u li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata u pproċessata skont ir-regoli kollha imposti, b’mod partikolari mid-Direttiva 2005/85 billi jiġu osservati l-garanziji kollha mogħtija lill-applikanti għall-ażil f’dan ir-rigward. Dan jimplika wkoll li ż-żamma f’detenzjoni fuq il-bażi tad-direttiva “ritorn” għandha tosserva l-garanziji kollha previsti fl-Artikoli 15 sa 18 ta’ din id-direttiva, inkluż dwar id-durata massima tad-detenzjoni.

VI – Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud li:

ħlief f’każ ta’ abbuż ta’ dritt, id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ma tibqax applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil u dan sakemm il-proċedura relatata ma’ din l-applikazzjoni tkun pendenti. B’hekk għandha tintemm id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE, meta dan tal-aħħar jippreżenta applikazzjoni għall-ażil u dan sakemm il-proċedura relatata ma’ dik l-applikazzjoni tkun pendenti;

l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil, jippermetti lil Stat Membru li jipprovdi fid-dritt nazzjonali tiegħu dwar l-ażil il-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jobbliga lil applikant għall-ażil li jibqa’ f’post partikolari, meta dan jirriżulta li huwa neċessarju, pereżempju għal raġunijiet ġuridiċi jew ta’ ordni pubbliku. F’din l-ipoteżi, l-awtorità nazzjonali għandha terminu qasir, li huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, sabiex tadotta deċiżjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ażil, qabel ma ttemm id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata fuq il-bażi tad-Direttiva 2008/115/KE, u

f’każ ta’ abbuż tad-dritt ta’ ażil, jiġifieri meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari u konkordanti ta’ manipulazzjoni tal-qafas regolatorju dwar l-għoti tal-ażil bil-għan li tinġieb inoperattiva l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE, il-persuna kkonċernata tista’ tinżamm f’detenzjoni skont din id-direttiva u l-ħidma ta’ tħejjija għat-tneħħija tagħha tista’ tkompli għaddejja, kemm-il darba t-tneħħija ma tiġix eżegwita sakemm il-proċedura ta’ ażil tkun għadha ma ngħalqitx, li l-prinċipju ta’ non-refoulement japplika bis-sħiħ, u li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata u pproċessata skont ir-regoli kollha imposti, b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat billi jiġu osservati l-garanziji kollha mogħtija lill-applikanti għall-ażil f’dan ir-rigward. Dan jimplika wkoll li ż-żamma f’detenzjoni fuq il-bażi tad-Direttiva 2008/115/KE għandha tosserva l-garanziji kollha previsti fl-Artikoli 15 sa 18 ta’ din id-direttiva, inkluż dwar id-durata massima tad-detenzjoni.


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 348, p. 98.

( 3 ) ĠU L 175M, p. 168.

( 4 ) Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/85, “applikazzjoni” jew “applikazzjoni għall-ażil” tfisser applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna ta’ bla Stat li tista’ tiġi mifhuma bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru taħt [il-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, iffirmat f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, u kkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż f’New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève)].

Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta applikazzjoni għall-ażil, sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx b’mod espliċitu xi protezzjoni oħra li għaliha tista’ ssir applikazzjoni separatament. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża t-termini “applikazzjoni għall-ażil” u “applikant għall-ażil”. Ara wkoll, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU L 31, p. 18).

( 5 ) L-imsemmi Artikolu 33 bit-titolu “Difiża tal-espulsjoni u ta’ refoulement”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, li “ebda Stat Kontraenti ma jista’ jkeċċi jew jirritorna (“refouler”) refuġjat bi kwalunkwe mod lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ikun hemm theddida għal ħajtu jew għal-libertajiet tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu”.

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 7 ) L-Artikolu 125(2) tal-imsemmija liġi jiddetermina l-eċċezzjonijiet li jippermettu li jinqabeż dan it-terminu. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn l-eċċezzjonijiet ma humiex applikabbli għal M. Arslan.

( 8 ) L-Artikolu 5, bit-titolu “Dritt għal-libertà u sigurtà” jipprovdi li “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skond il-proċedura preskritta bil-liġi: […]”

( 9 ) Dik il-frażi tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju u tirrigwarda l-Artikolu 127(1)(A) tal-liġi Ċeka Nru 326/1999 Sb. dwar is-soġġorn tal-barranin. Ara iktar ’il fuq il-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħi.

( 10 ) Ara l-Artikolu 15(1) tad-direttiva “ritorn”.

( 11 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009 (C-357/09 PPU, Ġabra P. I-11189).

( 12 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 20).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39); tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera (C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 48), kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 32) u tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C-478/07, Ġabra p. I-7721, punt 64).

( 15 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1982 (Vlaeminck, 132/81, Ġabra p. 2953, punt 13).

( 16 ) Ara l-premessa 4 tad-direttiva “ritorn”. Effettivament, skont l-Artikoli 6 u 8 tad-direttiva “ritorn”, u ħlief f’xi każijiet ta’ eċċezzjonijiet elenkati f’din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn irregolari fit-territorju tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ ritorn. Ara, f’dan is-sens, il-punt 59 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2011, El Dridi et, C-61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-għan segwit mid-direttiva “ritorn” kien li tiġi stabbilita politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali.

( 17 ) Ara l-premessa 8 tad-direttiva “ritorn”.

( 18 ) Ara wkoll il-premessa 23 tad-direttiva “ritorn” li tipprovdi li: “[l]-applikazzjoni [tad-direttiva ritorn] hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra […]”.

( 19 ) Jidhirli li ż-żamma tal-applikabbiltà tad-direttiva “ritorn” hija barra minn hekk regolata strettament mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont il-premessa 16 tad-direttiva “ritorn”, “[l]-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.”

( 20 ) Skont l-Artikolu 15(5) u (6) tad-direttiva “ritorn”, id-detenzjoni ma tistax taqbeż is-sitt xhur, bil-possibbiltà ta’ estensjoni li ma taqbiżx it-tnax-il xahar addizzjonali, meta jkun probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija tkun ser iddum iżjed minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-persuna kkonċernata jew dewmien biex jinkisbu d-dokumenti meħtieġa minn pajjiżi terzi. Għandu jitfakkar li l-leġiżlatur Ċek illimita għal 180 jum il-perijodu massimu tad-detenzjoni (suġġett għal dak li jingħad fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 dwar l-eċċezzjonijiet li jippermettu li jinqabeż dan it-terminu).

( 21 ) F’każ ta’ detenzjoni ordnata mill-awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju aċċellerat tal-legalità tad-detenzjoni. Il-persuna kkonċernata għandha tiġi liberata minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali. Ara l-Artikolu 15(2) tad-direttiva “ritorn”.

( 22 ) Nirrileva li fil-punt 82 tat-teħid ta’ pożizzjoni tiegħu fil-kawża Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Mazák ikkunsidra li “ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun talab ażil, ma jaqax — jew, skont il-każ, ma jaqax iktar — taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-“ritorn” sakemm tkun għadha għaddejja l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegћu għal ażil”.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 84.

( 24 ) Ara l-premessi 23 u 24 tad-direttiva “ritorn”.

( 25 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li matul laqgħa ta’ ħidma li saret fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Novembru 2011, dwar il-“proposta emendata ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil” [COM/2011 finali] ġie propost li jiġi emendat l-Artikolu 8(3) ta’ din il-proposta billi tiżdied dispożizzjoni li tipprevedi ż-żamma f’detenzjoni ta’ applikant għall-ażil, meta huwa jkun diġà ddetenut fuq il-bażi tad-direttiva “ritorn”, sabiex titħejja t-tneħħija tiegħu u/jew sabiex tiġi segwita l-proċedura ta’ tneħħija meta l-uniku skop tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ikun biex idewwem jew ifixkel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn. Madankollu, nikkonstata li dan is-suġġeriment ma jinsabx fit-test attwali tal-proposta datata l-1 ta’ Ġunju 2011, u lanqas a fortiori fid-dritt pożittiv.

( 26 ) Ċittadin ta’ Stat terz f’soġġorn irregolari li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil jista’ eventwalment jiġi ddetenut b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet penali nazzjonali, pereżempju, jekk ikun issuspettat li wettaq jew jekk ikun wettaq reat (ara s-sentenza El Dridi, iċċitata, punti 53 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara s-sentenza Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 42). Għandu jingħad li skont l-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2003/9, id-“detenzjoni” hija ddefinita bħala “restrizzjoni ta’ min ifittex ażil minn Stat Membru għal post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha”. Madankollu, dejjem fir-rigward ta’ ċaħda tal-libertà, “id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija rregolata mid-Direttiva [‘ritorn’] u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għal ażil, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2003/9 u 2005/85 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali differenti” (ara, s-sentenza Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

Barra minn hekk, “[i]l-perijodu li matulu pesuna tkun ġiet imqegħda f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil m’għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva [ritorn]” (ara s-sentenza Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

( 28 ) Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, li jidher li huwa l-każ fir-Repubblika Ċeka, Stat Membru ma jistax jibbaża direttament fuq l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/9 sabiex jiġi ddetenut applikant għall-ażil.

Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C-321/05, Ġabra p. I-5795, punti 42 u 45).

( 29 ) Ara s-sentenza Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

( 30 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011 (C-329/11, Ġabra p. I-1269, punti 30 u 31).

( 31 ) Adottati b’mod konformi mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/9.

( 32 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C-212/97, Ġabra p. I-1459, punti 24 u 25), kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 42).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C-110/99, Ġabra p. I-11569, punti 52 sa 54).

( 34 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 50, p. 1), kif ukoll id-Direttivi 2003/9 u 2004/83 ukoll “jagħmlu riferiment, fil-premessa 1 tagħhom, għall-fatt li politika komuni fil-qasam tal-ażil, li tinkludi sistema Ewropea komuni tal-ażil, hija element li jagħmel parti mill-għan tal-Unjoni li jikkonċerna l-implementazzjoni progressiva ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja miftuħa għal dawk li, minħabba ċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom, ifittxu protezzjoni fil-Komunità b’mod leġittimu.” (Enfasi miżjuda minni). Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905, punt 14.

( 35 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Il-possibbiltà għal Stat li jżomm f’detenzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet lil applikant għall-ażil ġiet rikonoxxuta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Saadi vs Ir-Renju Unit tad-29 ta’ Jannar 2008. F’dik il-kawża, l-Awla Magna tal-imsemmija Qorti interpretat, b’mod partikolari, l-ewwel parti tal-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li jipprovdi eċċezzjoni għad-dritt ta’ libertà fir-rigward ta’ “l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż […]”.

( 37 ) Ara l-punt 127 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, C‑542/09). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Kofoed, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 58).

( 38 ) Ara l-Artikolu 15(5) u (6) tad-direttiva “ritorn” dwar id-durata massima tad-detenzjoni, kif ukoll il-punt 57 tas-sentenza Kadzoev, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod strett dawn id-dispożizzjonijiet u stabbilixxiet li “l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva [ritorn] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja”. L-Istati Membri għandhom il-fakultà li jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tad-durata massima tad-detenzjoni. Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 4 kif ukoll l-Artikolu 15(5) u (6) tad-direttiva “ritorn”. Għandu jitfakkar li jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika Ċeka ma utilizzatx il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-direttiva “ritorn” li tipprovdi għal perijodu massimu ta’ detenzjoni ta’ 18-il xahar, iżda pprovdiet għal perijodu iqsar, jiġifieri total massimu ta’ 180 ġurnata.

( 39 ) Fir-rigward taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li, f’każijiet simili, it-termini tal-Artikolu 23(4)(g), (j) u (l) tad-Direttiva 2005/85 jistgħu eventwalment jiġu invokati mill-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw proċedura aċċellerata jew prijoritarja għall-applikazzjonijiet għall-ażil.