KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-11 ta’ April 2013 ( 1 )

Kawża C-492/11

Ciro Di Donna

vs

Società Imballaggi Metallici Salerno Srl (SIMSA)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di Pace di Mercato S. Severino, l-Italja)

“Direttiva 2008/52/KE — Medjazzjoni f’materji ċivili — Medjazzjoni obbligatorja — Aċċess għall-ġustizzja — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

2.

Fl-isfond tad-domandi preliminari hemm id-dispożizzjonijiet Taljani li jittrasponu din id-direttiva ( 3 ), li jipprovdu għal proċedura ta’ medjazzjoni għal ċerti kawżi ċivili. Skont id-dritt Taljan, il-medjazzjoni kienet kundizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri legali sussegwenti. Barra minn hekk, id-dritt Taljan jinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-effetti ta’ proċedura ta’ medjazzjoni fuq il-proċeduri legali sussegwenti. Għalhekk, min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja, imħallef jista’ pereżempju jiddeduċi ċerti provi li għandhom jiġu prodotti mill-parti li ma pparteċipatx.

3.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sistema hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-direttiva dwar il-medjazzjoni.

4.

Madankollu, jirriżulta li fi tmiem il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana tat sentenza li tiddikjara antikostituzzjonali numru ta’ dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010, inkluża dik li teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni. Għalhekk hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura għal deċiżjoni preliminari sadanittant għadx għandha skop.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, din il-kawża taqa’ fil-kamp tad-Direttiva 2008/52, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 1, li b’mod partikolari jipprovdi dan li ġej:

“(1)   L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi u li tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ disputi billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji.

[…]”

6.

Taħt l-intestatura “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘Medjazzjoni’ tfisser proċess strutturat, irrispettivament minn kif inhu msemmi jew minn kif issir referenza għalih, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew aktar f’disputa jippruvaw, bejniethom fuq bażi volontarja jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputa tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet jew jiġi suġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru. Din tinkludi medjazzjoni magħmula minn imħallef li ma jkunx responsabbli għal kwalunkwe proċediment ġuridiku rigward id-disputa konċernata. Hija teskludi tentattivi magħmula mill-qorti jew l-imħallef invokati biex jiddeċiedu disputa fil-kors tal-proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tad-disputa konċernata. […]”

B – Id-dritt Taljan

7.

Id-Direttiva dwar il-medjazzjoni ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-DL 28/2010 ( 4 ). L-Artikolu 5 tiegħu jipprovdi li, f’ċerti każijiet, l-eżistenza ta’ medjazzjoni hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ proċeduri legali. L-Artikolu 1(1) jipprovdi:

“(1) Kull persuna li beħsiebha tiftaħ azzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda tilwima dwar koproprjetà, drittijiet reali, diviżjoni, drittijiet ta’ suċċessjoni, kuntratti tal-familja, kiri, self, kiri ta’ kumpanniji, kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi u ta’ dgħajjes, responsabbiltà medika u malafama mill-istampa jew b’mezzi oħra ta’ reklamar, kuntratt ta’ assigurazzjoni, kuntratti bankarji u finanzjarji, hija l-ewwel nett meħtieġa tirrikorri għall-proċedura ta’ medjazzjoni taħt dan id-digriet [...]. Ir-rekwiżit tal-proċedura ta’ medjazzjoni hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba. [...] Fejn il-qorti ssib li diġà ngħata bidu għall-proċedura ta’ medjazzjoni, iżda din ma ntemmitx, huwa għandu jistabbilixxi d-data tas-seduta li jmiss wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 6. Bl-istess mod, fil-każ fejn il-proċedura ta’ medjazzjoni għadha ma nbdietx, huwa għandu jagħti lill-partijiet terminu ta’ ħmistax-il jum għall-preżentata ta’ talba għall-medjazzjoni. […]”

8.

L-Artikolu 6 tad-DL 28/2010, dwar it-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni, jipprovdi:

“(1)   It-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni ma għandux jeċċedi erba’ xhur.

[…]”

9.

L-Artikolu 8(5) dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri jipprovdi kif ġej:

“(5) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni fil-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti tista’ tiddeduċi provi fil-kuntest tal-proċeduri legali sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 116(2) tal-Codice di procedura civile [Kodiċi ta’ proċedura ċivili]. Il-qorti għandha tikkundanna lill-parti li, mingħajr ġustifikazzjoni, ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni, sabiex tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri.”

10.

L-Artikolu 11 dwar is-soluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ medjazzjoni jipprovdi:

“(1)   Fejn ikun intlaħaq ftehim bonarju, il-medjatur għandu jfassal rapport li huwa mehmuż mat-test tal-ftehim innifsu. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-medjatur jista’ jagħmel proposta għal konċiljazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-medjatur għandu jagħmel proposta għal konċiljazzjoni jekk il-partijiet jagħmlu talba konġunta, fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura. Qabel ma jifformola l-proposta, il-medjatur għandu jinforma lill-partijiet bil-konsegwenzi possibbli previsti fl-Artikolu 13.

(2)   Il-proposta għal konċiljazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-partijiet bil-miktub. Il-partijiet għandhom jikkomunikaw lill-medjatur, bil-miktub, fi żmien sebat ijiem, l-aċċettazzjoni tagħhom jew ir-rifjut tagħhom tal-proposta. Jekk ma tingħata ebda tweġiba f’dan iż-żmien, il-proposta hija kkunsidrata bħala miċħuda. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, il-proposta ma tista’ tinkludi ebda referenza għall-istqarrijiet magħmula jew għall-informazzjoni miksuba matul il-proċedura.

[…]

(4)   Fil-każ li l-konċiljazzjoni ma sseħħx, il-medjatur għandu jfassal rapport fejn jindika l-proposta; ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u mill-medjatur, li jiċċertifika l-awtentiċità tal-firem tal-partijiet jew li l-iffirmar min-naħa tagħhom huwa impossibbli. Fl-istess rapport, il-medjatur għandu jindika n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-proċess ta’ medjazzjoni.

(5)   Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lis-segretarjat tal-korp, li għandu jagħti kopja lill-partijiet li jitolbu dan.”

11.

L-Artikolu 13 jirregola l-ispejjeż tal-proċedura ta’ medjazzjoni:

“(1)   Meta d-digriet li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji jikkorrispondi kompletament mal-kontenut tal-proposta, il-qorti għandha teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti matul il-perijodu wara l-formulazzjoni tal-proposta mill-parti rebbieħa u li tkun irrifjutat il-proposta, u għandha tikkundannaha għall-ispejjeż sostnuti matul l-istess perijodu mill-parti telliefa, kif ukoll għall-ħlas favur it-Teżor tal-Istat ta’ somma oħra ta’ ammont ugwali għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta. L-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili għandhom jibqgħu applikabbli. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom japplikaw ukoll għall-kumpens imħallas lill-medjatur u għall-ispejjeż tal-espert fis-sens tal-Artikolu 8(4).

(2)   Meta d-digriet li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji ma jikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta, il-qorti madankollu tista’, fil-preżenza ta’ raġunijiet gravi u eċċezzjonali, teskludi l-irkupru tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-medjatur u tal-ispejjeż tal-espert fis-sens tal-Artikolu 8(4). […]”

C – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana

12.

Permezz tas-sentenza Nru 272/2012, mogħtija fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana ddikjarat bħala antikostituzzjonali ċerti partijiet mid-DL 28/2010, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 8(5), kif ukoll l-Artikolu 13 (ħlief, għal dan tal-aħħar, ir-riferimenti għall-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan, li madankollu ma huwiex rilevanti f’din il-kawża).

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

13.

Il-kawża prinċipali tirrigwarda rikors għal responsabbiltà delittwali. Il-vettura ta’ Ciro Di Donna saritilha ħsara minn forklifter tal-kumpannija SIMSA srl ( 5 ), fuq is-sit ta’ din tal-aħħar. SIMSA la tikkontesta l-inċident u lanqas ir-responsabbiltà tagħha, iżda tqis li l-ħsara għandha tkun koperta mill-assigurazzjoni tagħha, liema sitwazzjoni tispjega għalfejn għad ma kienx hemm ħlas lil C. Di Donna. Fin-nuqqas ta’ rimedju dirett kontra l-assigurazzjoni, C. Di Donna ressaq kawża għall-ħlas kontra SIMSA, li talbet il-posponiment tal-ewwel seduta sabiex tintima l-assigurazzjoni tagħha fil-kawża inkwistjoni.

14.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 5(1) tad-DL 28/2010, anki fil-kawża inkwistjoni jrid ikun hemm proċedura ta’ medjazzjoni bejn SIMSA u l-assigurazzjoni. Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ liema huma t-termini li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tad-data tal-ewwel seduta: Huwa t-terminu ta’ 45 jum ipprovdut fil-proċedura ċivili Taljana għas-sejħa fil-kawża inkwistjoni biss jew anki l-erba’ xhur previsti fl-Artikolu 6(1) tad-DL 28/2010 bħala tul massimu tal-proċedura ta’ medjazzjoni?

15.

Il-partijiet jilmentaw mill-proroga eċċessiva tat-tul tal-proċedura li dan jimplika. Fuq talba ta’ SIMSA, li għandha dubji mill-kompatibbiltà tad-DL 28/2010 mad-Direttiva dwar il-medjazzjoni, il-Giudice di Pace di Mercato S. Severino għamel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

L-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 u adottata fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007, id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’mod ġenerali, id-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu, jipprekludu li tiġi introdotta, f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni, bħad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 u d-Digriet Ministerjali Nru 180/2010, kif emendat bid-Digriet Ministerjali Nru 145/2011, li abbażi tagħha:

1)

il-qorti tista’ tiddeduċi, fil-kuntest tal-kawża sussegwenti, provi kontra l-parti li naqset milli tattendi, mingħajr ġustifikazzjoni, għal proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja;

2)

il-qorti għandha teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti, mill-parti rebbieħa li tkun irrifjutat proposta għal konċiljazzjoni, wara li tkun saret din tal-aħħar, u għandha tikkundannaha għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti matul dan l-istess perijodu mill-parti telliefa, kif ukoll għall-ħlas favur it-Teżor tal-Istat ta’ somma oħra ta’ ammont ugwali għal dawk diġà mħallsa bħala taxxa dovuta (kontribuzzjoni unifikata), jekk is-sentenza mogħtija fi tmiem il-kawża mressqa wara l-formulazzjoni tal-proposta rrifjutata tikkorrispondi kompletament mal-kontenut ta’ din il-proposta;

3)

il-qorti, għal raġunijiet gravi u eċċezzjonali, tista’ teskludi r-rimbors tas-somom sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill- medjatur u tal-ispejjeż ta’ espert, anki meta s-sentenza mogħtija fi tmiem il-kawża ma tikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta;

4)

il-qorti għandha tikkundanna lill-parti li ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri;

5)

il-medjatur jista’, jew anki għandu, jifformula proposta ta’ konċiljazzjoni anki mingħajr il-qbil tal-partijiet u anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-partijiet fil-proċeduri;

6)

it-terminu li fih għandu jintemm it-tentattiv ta’ medjazzjoni jista’ jkun ta’ erba’ xhur;

7)

anki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur mill-bidu tal-proċedura, kawża tista’ titressaq biss wara li jinkiseb, mingħand is-segretarjat tal-korp ta’ medjazzjoni, rapport li jistabbilixxi nuqqas ta’ qbil, redatt mill-medjatur u li jindika l-proposta miċħuda;

8)

ma huwiex eskluż li l-proċeduri ta’ medjazzjoni jistgħu jimmultiplikaw — u b’hekk jiġu mmultiplikati t-termini sabiex jintemmu l-kawżi — bl-istess mod bħat-talbiet leġittimament imressqa fil-kuntest tal-proċeduri li sadanittant ikunu nbdew;

9)

l-ispiża tal-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja hija mill-inqas darbtejn ogħla minn dik tal-proċeduri ġudizzjarji li l-proċedura ta’ medjazzjoni tipprova tevita u din id-differenza tiżdied b’mod esponenzjali hekk kif jiżdied il-valur tal-kwistjoni (b’mod li l-ispiża tal-medjazzjoni tista’ tirriżulta sitt darbiet ogħla mill-ispiża ta’ proċess ġudizzjarju) jew hekk kif tiżdied il-kumplessità tagħha (meta jkun neċessarju, f’dan l-aħħar każ, li jinħatar espert, imħallas mill-partijiet fil-proċedura, sabiex jassisti lill-medjatur fi kwistjonijiet li jirrikjedu ħiliet tekniċi speċifiċi, mingħajr ma r-rapport tal-espert jew l-informazzjoni li huwa jkun stabbilixxa jistgħu sussegwentement jintużaw fil-kuntest tal-proċeduri legali)?

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Wara li ġiet fi tmiemha l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana tat is-sentenza Nru 272/2012, li ddikjarat bħala antikostituzzjonali ċerti dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010, b’mod partikolari dik li teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jiġi ppreżentat rikors.

17.

F’dan il-kuntest, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tippreċiża l-impatt tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana fir-rigward tad-deċiżjoni preliminari u tal-kawża prinċipali. Fis-17 ta’ Jannar 2013, il-qorti tar-rinviju wieġbet li hija kienet għadha trid risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula. Hija ma tat l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana u dwar ir-raġunijiet għaż-żamma tat-talba tagħha.

18.

Il-Gvern Taljan, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ipparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

V – Analiżi ġuridika

19.

Hemm dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni spjegat b’mod plawżibbli, li ċerti domandi magħmula kienu ipotetiċi. Għalhekk ma huwiex ċar kif il-modalitajiet ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-ispejjeż, jista’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Bi tweġiba għar-rikjesta tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-importanza tad-domandi magħmula għall-finijiet tad-deċiżjoni li trid tittieħed, il-qorti tar-rinviju sempliċement stqarret li għandha tistabbilixxi d-data tal-proċedura orali u tiddetermina jekk it-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni għandux ukoll jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tat-terminu.

20.

Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ hawnhekk li jingħad jekk id-deċiżjoni preliminari kinitx għalhekk inammissibbli mill-bidu, minn tal-inqas parzjalment. Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari huma fi kwalunkwe każ ipotetiċi, minħabba fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana.

21.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali kif previst fl-Artikolu 267 KE, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Hija tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali peress li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 7 ).

22.

Madankollu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali ( 8 ). Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jikkaratterizza r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, minn naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi ( 9 ).

23.

Meta ġiet mistoqsija dwar dan, il-qorti tar-rinviju sempliċement indikat li hija għadha tixtieq risposta għat-talba tagħha. Madankollu, hija ma spjegatx għalfejn, wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, id-domandi tagħha baqgħu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi huma sempliċement ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, dawn jew jirreferu direttament għad-dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010 li kienu ddikjarati antikostituzzjonali jew ma għadhomx ta’ importanza sabiex tittieħed deċiżjoni fil-kawża prinċipali peress li l-obbligu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jingħata bidu lill-proċeduri legali ma għadux japplika. Xejn ma jindika li minkejja d-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità, dawn ir-regoli jibqgħu rilevanti għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, qorti Taljana oħra rtirat talba simili għal deċiżjoni preliminari, li wkoll kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-medjazzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet Taljani li ġew annullati mill-Qorti Kostituzzjonali ( 10 ).

Dwar id-domandi 1 sa 4

24.

Id-domandi 1 sa 4 huma intiżi li jsir magħruf jekk ċerti miżuri li l-qorti tar-rinviju tista’ tadotta taħt id-DL 28/2010 humiex kompatibbli mad-Direttiva dwar il-medjazzjoni jew mad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali. Dawn id-domandi jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet li ġew iddikjarati antikostituzzjonali. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri msemmija fid-domandi 1 sa 4 mad-dritt tal-Unjoni għalhekk hija purament ipotetika u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħti risposta.

25.

Għalhekk, l-ewwel domanda tirrigwarda l-possibbiltà li, fil-kuntest tal-proċeduri legali wara l-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti nazzjonali tiddeduċi ċerti provi kontra l-parti li naqset milli tattendi, mingħajr ġustifikazzjoni, għal proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja. Din il-possibbiltà kienet prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(5) tad-DL 28/2010, dispożizzjoni li kienet iddikjarata antikostituzzjonali.

26.

It-tieni domanda tirrigwarda l-Artikolu 13(1) tad-DL 28/2010, li jipprovdi li l-qorti kompetenti tista’ tikkundanna għall-ispejjeż lill-parti rebbieħa li tkun ċaħdet proposta tal-medjatur li tikkorrispondi mad-deċiżjoni li fl-aħħar nett ġiet adottata mill-qorti. Għaldaqstant, anki l-Artikolu 13(1) kien iddikjarat antikostituzzjonali.

27.

It-tielet domanda hija intiża li tiċċara l-punt dwar jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li l-qorti nazzjonali, għal raġunijiet gravi u eċċezzjonali, tista’ teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-medjatur u tal-ispejjeż tal-espert, minkejja li s-sentenza mogħtija fi tmiem il-proċeduri ġudizzjarji ma tikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta tal-medjatur. Dan kien previst fl-Artikolu 13(2) tad-DL 28/2010, li wkoll kien iddikjarat antikostituzzjonali.

28.

Anki r-raba’ domanda preliminari ma għadx għandha skop. Hija tirreferi għar-regola li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(5) tad-DL 28/2010, li teżiġi li l-parti li ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni, għandha tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri.

Dwar id-domandi 5 sa 9

29.

B’riżultat tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, ir-risposti għad-domandi preliminari l-oħra magħmula wkoll tilfu r-rilevanza tagħhom għad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-domandi 5 sa 9 — li jirrigwardaw proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja — jirreferu għall-modalitajiet ta’ tmexxija u ta’ konklużjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, għat-tul tagħha kif ukoll għall-ispejjeż fir-rigward tagħha. Madankollu, f’dan il-każ ma jidhirx li ser ikun hemm proċedura ta’ medjazzjoni.

30.

Bħala riżultat tal-antikostituzzjonalità tal-Artikolu 5(1) tad-DL 28/2010, il-partijiet ma humiex iktar meħtieġa jipparteċipaw fi proċedura ta’ medjazzjoni. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari tar-rinviju, huma fil-preżent ma għandhom l-ebda intenzjoni li jsegwu tali proċedura volontarjament. Minflok, huma jikkritikaw il-proroga eċċessiva tat-tul tal-proċedura li tinvolvi medjazzjoni. Skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tħejjija ta’ proċedura ta’ medjazzjoni kienet ġiet prevista biss minħabba li l-liġi Taljana kienet timponiha fuq il-partijiet.

31.

Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab għalhekk ikkonfrontata b’talba għal deċiżjoni preliminari li ma għadx għandha skop minħabba fl-emendi li seħħew fiċ-ċirkustanzi ta’ dritt. Għalhekk, hija għandha tiddikjara li ma huwiex iktar neċessarju li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lilha. Dan jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-domandi preliminari ma kinux inammissibbli mill-bidu, iżda sempliċement ma għadx għandhom skop wara li tressqet it-talba, mingħajr ma ġew irtirati mill-qorti tar-rinviju ( 11 ).

VI – Konklużjoni

32.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Giudice di Pace di Mercato S. Severino:

Ma għadx hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 136, p. 3 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-medjazzjoni”).

( 3 ) Decreto legislativo Nru 28, tal-4 ta’ Marzu 2010, li jimplementa l-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem id-“DL 28/2010”).

( 4 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 5 ) Iktar ’il quddiem “SIMSA”.

( 6 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38), tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C-544/07, Ġabra p. I-3389, punt 36), tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C-314/08, Ġabra p. I-11049, punt 40), tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C-310/10, Ġabra p. I-5989, punt 25) u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C-416/10, punt 53).

( 7 ) Sentenzi PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39), Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 38), Filipiak (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42), Agafiţei et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 27) u Križan et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 54).

( 8 ) Sentenzi PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39), Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 37) u Filipiak (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41).

( 9 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 28), tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 38), tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C-617/10, punt 42).

( 10 ) Ara d-digriet ta’ tħassir mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2013 fil-kawża Galioto (C-464/11).

( 11 ) Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża García Blanco (C-225/02, Ġabra 2005, p. I-523, punt 36).


Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

I – Introduzzjoni

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (2) .

2. Fl-isfond tad-domandi preliminari hemm id-dispożizzjonijiet Taljani li jittrasponu din id-direttiva (3), li jipprovdu għal proċedura ta’ medjazzjoni għal ċerti kawżi ċivili. Skont id-dritt Taljan, il-medjazzjoni kienet kundizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri legali sussegwenti. Barra minn hekk, id-dritt Taljan jinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-effetti ta’ proċedura ta’ medjazzjoni fuq il-proċeduri legali sussegwenti. Għalhekk, min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja, imħallef jista’ pereżempju jiddeduċi ċerti provi li għandhom jiġu prodotti mill-parti li ma pparteċipatx.

3. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sistema hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-direttiva dwar il-medjazzjoni.

4. Madankollu, jirriżulta li fi tmiem il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana tat sentenza li tiddikjara antikostituzzjonali numru ta’ dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010, inkluża dik li teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni. Għalhekk hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura għal deċiżjoni preliminari sadanittant għadx għandha skop.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5. Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, din il-kawża taqa’ fil-kamp tad-Direttiva 2008/52, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 1, li b’mod partikolari jipprovdi dan li ġej:

“(1) L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi u li tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ disputi billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji.

[…]”

6. Taħt l-intestatura “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a) ‘Medjazzjoni’ tfisser proċess strutturat, irrispettivament minn kif inhu msemmi jew minn kif issir referenza għalih, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew aktar f’disputa jippruvaw, bejniethom fuq bażi volontarja jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputa tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet jew jiġi suġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru. Din tinkludi medjazzjoni magħmula minn imħallef li ma jkunx responsabbli għal kwalunkwe proċediment ġuridiku rigward id-disputa konċernata. Hija teskludi tentattivi magħmula mill-qorti jew l-imħallef invokati biex jiddeċiedu disputa fil-kors tal-proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tad-disputa konċernata. […]”

B – Id-dritt Taljan

7. Id-Direttiva dwar il-medjazzjoni ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-DL 28/2010 (4) . L-Artikolu 5 tiegħu jipprovdi li, f’ċerti każijiet, l-eżistenza ta’ medjazzjoni hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ proċeduri legali. L-Artikolu 1(1) jipprovdi:

“(1) Kull persuna li beħsiebha tiftaħ azzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda tilwima dwar koproprjetà, drittijiet reali, diviżjoni, drittijiet ta’ suċċessjoni, kuntratti tal-familja, kiri, self, kiri ta’ kumpanniji, kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi u ta’ dgħajjes, responsabbiltà medika u malafama mill-istampa jew b’mezzi oħra ta’ reklamar, kuntratt ta’ assigurazzjoni, kuntratti bankarji u finanzjarji, hija l-ewwel nett meħtieġa tirrikorri għall-proċedura ta’ medjazzjoni taħt dan id-digriet [...]. Ir-rekwiżit tal-proċedura ta’ medjazzjoni hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba. [...] Fejn il-qorti ssib li diġà ngħata bidu għall-proċedura ta’ medjazzjoni, iżda din ma ntemmitx, huwa għandu jistabbilixxi d-data tas-seduta li jmiss wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 6. Bl-istess mod, fil-każ fejn il-proċedura ta’ medjazzjoni għadha ma nbdietx, huwa għandu jagħti lill-partijiet terminu ta’ ħmistax-il jum għall-preżentata ta’ talba għall-medjazzjoni. […]”

8. L-Artikolu 6 tad-DL 28/2010, dwar it-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni, jipprovdi:

“(1) It-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni ma għandux jeċċedi erba’ xhur.

[…]”

9. L-Artikolu 8(5) dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri jipprovdi kif ġej:

“(5) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni fil-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti tista’ tiddeduċi provi fil-kuntest tal-proċeduri legali sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 116(2) tal-Codice di procedura civile [Kodiċi ta’ proċedura ċivili]. Il-qorti għandha tikkundanna lill-parti li, mingħajr ġustifikazzjoni, ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni, sabiex tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri.”

10. L-Artikolu 11 dwar is-soluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ medjazzjoni jipprovdi:

“(1) Fejn ikun intlaħaq ftehim bonarju, il-medjatur għandu jfassal rapport li huwa mehmuż mat-test tal-ftehim innifsu. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-medjatur jista’ jagħmel proposta għal konċiljazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-medjatur għandu jagħmel proposta għal konċiljazzjoni jekk il-partijiet jagħmlu talba konġunta, fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura. Qabel ma jifformola l-proposta, il-medjatur għandu jinforma lill-partijiet bil-konsegwenzi possibbli previsti fl-Artikolu 13.

(2) Il-proposta għal konċiljazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-partijiet bil-miktub. Il-partijiet għandhom jikkomunikaw lill-medjatur, bil-miktub, fi żmien sebat ijiem, l-aċċettazzjoni tagħhom jew ir-rifjut tagħhom tal-proposta. Jekk ma tingħata ebda tweġiba f’dan iż-żmien, il-proposta hija kkunsidrata bħala miċħuda. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, il-proposta ma tista’ tinkludi ebda referenza għall-istqarrijiet magħmula jew għall-informazzjoni miksuba matul il-proċedura.

[…]

(4) Fil-każ li l-konċiljazzjoni ma sseħħx, il-medjatur għandu jfassal rapport fejn jindika l-proposta; ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u mill-medjatur, li jiċċertifika l-awtentiċità tal-firem tal-partijiet jew li l-iffirmar min-naħa tagħhom huwa impossibbli. Fl-istess rapport, il-medjatur għandu jindika n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-proċess ta’ medjazzjoni.

(5) Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lis-segretarjat tal-korp, li għandu jagħti kopja lill-partijiet li jitolbu dan.”

11. L-Artikolu 13 jirregola l-ispejjeż tal-proċedura ta’ medjazzjoni:

“(1) Meta d-digriet li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji jikkorrispondi kompletament mal-kontenut tal-proposta, il-qorti għandha teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti matul il-perijodu wara l-formulazzjoni tal-proposta mill-parti rebbieħa u li tkun irrifjutat il-proposta, u għandha tikkundannaha għall-ispejjeż sostnuti matul l-istess perijodu mill-parti telliefa, kif ukoll għall-ħlas favur it-Teżor tal-Istat ta’ somma oħra ta’ ammont ugwali għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta. L-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili għandhom jibqgħu applikabbli. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom japplikaw ukoll għall-kumpens imħallas lill-medjatur u għall-ispejjeż tal-espert fis-sens tal-Artikolu 8(4).

(2) Meta d-digriet li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji ma jikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta, il-qorti madankollu tista’, fil-preżenza ta’ raġunijiet gravi u eċċezzjonali, teskludi l-irkupru tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-medjatur u tal-ispejjeż tal-espert fis-sens tal-Artikolu 8(4). […]”

C – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana

12. Permezz tas-sentenza Nru 272/2012, mogħtija fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana ddikjarat bħala antikostituzzjonali ċerti partijiet mid-DL 28/2010, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 8(5), kif ukoll l-Artikolu 13 (ħlief, għal dan tal-aħħar, ir-riferimenti għall-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan, li madankollu ma huwiex rilevanti f’din il-kawża).

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

13. Il-kawża prinċipali tirrigwarda rikors għal responsabbiltà delittwali. Il-vettura ta’ Ciro Di Donna saritilha ħsara minn forklifter tal-kumpannija SIMSA srl (5), fuq is-sit ta’ din tal-aħħar. SIMSA la tikkontesta l-inċident u lanqas ir-responsabbiltà tagħha, iżda tqis li l-ħsara għandha tkun koperta mill-assigurazzjoni tagħha, liema sitwazzjoni tispjega għalfejn għad ma kienx hemm ħlas lil C. Di Donna. Fin-nuqqas ta’ rimedju dirett kontra l-assigurazzjoni, C. Di Donna ressaq kawża għall-ħlas kontra SIMSA, li talbet il-posponiment tal-ewwel seduta sabiex tintima l-assigurazzjoni tagħha fil-kawża inkwistjoni.

14. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 5(1) tad-DL 28/2010, anki fil-kawża inkwistjoni jrid ikun hemm proċedura ta’ medjazzjoni bejn SIMSA u l-assigurazzjoni. Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ liema huma t-termini li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tad-data tal-ewwel seduta: Huwa t-terminu ta’ 45 jum ipprovdut fil-proċedura ċivili Taljana għas-sejħa fil-kawża inkwistjoni biss jew anki l-erba’ xhur previsti fl-Artikolu 6(1) tad-DL 28/2010 bħala tul massimu tal-proċedura ta’ medjazzjoni?

15. Il-partijiet jilmentaw mill-proroga eċċessiva tat-tul tal-proċedura li dan jimplika. Fuq talba ta’ SIMSA, li għandha dubji mill-kompatibbiltà tad-DL 28/2010 mad-Direttiva dwar il-medjazzjoni, il-Giudice di Pace di Mercato S. Severino għamel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

L-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 u adottata fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007, id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’mod ġenerali, id-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu, jipprekludu li tiġi introdotta, f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni, bħad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 u d-Digriet Ministerjali Nru 180/2010, kif emendat bid-Digriet Ministerjali Nru 145/2011, li abbażi tagħha:

1) il-qorti tista’ tiddeduċi, fil-kuntest tal-kawża sussegwenti, provi kontra l-parti li naqset milli tattendi, mingħajr ġustifikazzjoni, għal proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja;

2) il-qorti għandha teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti, mill-parti rebbieħa li tkun irrifjutat proposta għal konċiljazzjoni, wara li tkun saret din tal-aħħar, u għandha tikkundannaha għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti matul dan l-istess perijodu mill-parti telliefa, kif ukoll għall-ħlas favur it-Teżor tal-Istat ta’ somma oħra ta’ ammont ugwali għal dawk diġà mħallsa bħala taxxa dovuta (kontribuzzjoni unifikata), jekk is-sentenza mogħtija fi tmiem il-kawża mressqa wara l-formulazzjoni tal-proposta rrifjutata tikkorrispondi kompletament mal-kontenut ta’ din il-proposta;

3) il-qorti, għal raġunijiet gravi u eċċezzjonali, tista’ teskludi r-rimbors tas-somom sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill- medjatur u tal-ispejjeż ta’ espert, anki meta s-sentenza mogħtija fi tmiem il-kawża ma tikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta;

4) il-qorti għandha tikkundanna lill-parti li ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri;

5) il-medjatur jista’, jew anki għandu, jifformula proposta ta’ konċiljazzjoni anki mingħajr il-qbil tal-partijiet u anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-partijiet fil-proċeduri;

6) it-terminu li fih għandu jintemm it-tentattiv ta’ medjazzjoni jista’ jkun ta’ erba’ xhur;

7) anki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur mill-bidu tal-proċedura, kawża tista’ titressaq biss wara li jinkiseb, mingħand is-segretarjat tal-korp ta’ medjazzjoni, rapport li jistabbilixxi nuqqas ta’ qbil, redatt mill-medjatur u li jindika l-proposta miċħuda;

8) ma huwiex eskluż li l-proċeduri ta’ medjazzjoni jistgħu jimmultiplikaw — u b’hekk jiġu mmultiplikati t-termini sabiex jintemmu l-kawżi — bl-istess mod bħat-talbiet leġittimament imressqa fil-kuntest tal-proċeduri li sadanittant ikunu nbdew;

9) l-ispiża tal-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja hija mill-inqas darbtejn ogħla minn dik tal-proċeduri ġudizzjarji li l-proċedura ta’ medjazzjoni tipprova tevita u din id-differenza tiżdied b’mod esponenzjali hekk kif jiżdied il-valur tal-kwistjoni (b’mod li l-ispiża tal-medjazzjoni tista’ tirriżulta sitt darbiet ogħla mill-ispiża ta’ proċess ġudizzjarju) jew hekk kif tiżdied il-kumplessità tagħha (meta jkun neċessarju, f’dan l-aħħar każ, li jinħatar espert, imħallas mill-partijiet fil-proċedura, sabiex jassisti lill-medjatur fi kwistjonijiet li jirrikjedu ħiliet tekniċi speċifiċi, mingħajr ma r-rapport tal-espert jew l-informazzjoni li huwa jkun stabbilixxa jistgħu sussegwentement jintużaw fil-kuntest tal-proċeduri legali)?

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16. Wara li ġiet fi tmiemha l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana tat is-sentenza Nru 272/2012, li ddikjarat bħala antikostituzzjonali ċerti dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010, b’mod partikolari dik li teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jiġi ppreżentat rikors.

17. F’dan il-kuntest, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tippreċiża l-impatt tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana fir-rigward tad-deċiżjoni preliminari u tal-kawża prinċipali. Fis-17 ta’ Jannar 2013, il-qorti tar-rinviju wieġbet li hija kienet għadha trid risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula. Hija ma tat l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana u dwar ir-raġunijiet għaż-żamma tat-talba tagħha.

18. Il-Gvern Taljan, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ipparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

V – Analiżi ġuridika

19. Hemm dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni spjegat b’mod plawżibbli, li ċerti domandi magħmula kienu ipotetiċi. Għalhekk ma huwiex ċar kif il-modalitajiet ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-ispejjeż, jista’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Bi tweġiba għar-rikjesta tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-importanza tad-domandi magħmula għall-finijiet tad-deċiżjoni li trid tittieħed, il-qorti tar-rinviju sempliċement stqarret li għandha tistabbilixxi d-data tal-proċedura orali u tiddetermina jekk it-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni għandux ukoll jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tat-terminu.

20. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ hawnhekk li jingħad jekk id-deċiżjoni preliminari kinitx għalhekk inammissibbli mill-bidu, minn tal-inqas parzjalment. Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari huma fi kwalunkwe każ ipotetiċi, minħabba fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana.

21. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali kif previst fl-Artikolu 267 KE, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (6) . Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Hija tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali peress li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (7) .

22. Madankollu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali (8) . Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jikkaratterizza r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, minn naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (9) .

23. Meta ġiet mistoqsija dwar dan, il-qorti tar-rinviju sempliċement indikat li hija għadha tixtieq risposta għat-talba tagħha. Madankollu, hija ma spjegatx għalfejn, wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, id-domandi tagħha baqgħu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi huma sempliċement ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, dawn jew jirreferu direttament għad-dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010 li kienu ddikjarati antikostituzzjonali jew ma għadhomx ta’ importanza sabiex tittieħed deċiżjoni fil-kawża prinċipali peress li l-obbligu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jingħata bidu lill-proċeduri legali ma għadux japplika. Xejn ma jindika li minkejja d-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità, dawn ir-regoli jibqgħu rilevanti għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, qorti Taljana oħra rtirat talba simili għal deċiżjoni preliminari, li wkoll kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-medjazzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet Taljani li ġew annullati mill-Qorti Kostituzzjonali (10) .

Dwar id-domandi 1 sa 4

24. Id-domandi 1 sa 4 huma intiżi li jsir magħruf jekk ċerti miżuri li l-qorti tar-rinviju tista’ tadotta taħt id-DL 28/2010 humiex kompatibbli mad-Direttiva dwar il-medjazzjoni jew mad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali. Dawn id-domandi jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet li ġew iddikjarati antikostituzzjonali. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri msemmija fid-domandi 1 sa 4 mad-dritt tal-Unjoni għalhekk hija purament ipotetika u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħti risposta.

25. Għalhekk, l-ewwel domanda tirrigwarda l-possibbiltà li, fil-kuntest tal-proċeduri legali wara l-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti nazzjonali tiddeduċi ċerti provi kontra l-parti li naqset milli tattendi, mingħajr ġustifikazzjoni, għal proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja. Din il-possibbiltà kienet prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(5) tad-DL 28/2010, dispożizzjoni li kienet iddikjarata antikostituzzjonali.

26. It-tieni domanda tirrigwarda l-Artikolu 13(1) tad-DL 28/2010, li jipprovdi li l-qorti kompetenti tista’ tikkundanna għall-ispejjeż lill-parti rebbieħa li tkun ċaħdet proposta tal-medjatur li tikkorrispondi mad-deċiżjoni li fl-aħħar nett ġiet adottata mill-qorti. Għaldaqstant, anki l-Artikolu 13(1) kien iddikjarat antikostituzzjonali.

27. It-tielet domanda hija intiża li tiċċara l-punt dwar jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li l-qorti nazzjonali, għal raġunijiet gravi u eċċezzjonali, tista’ teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-medjatur u tal-ispejjeż tal-espert, minkejja li s-sentenza mogħtija fi tmiem il-proċeduri ġudizzjarji ma tikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta tal-medjatur. Dan kien previst fl-Artikolu 13(2) tad-DL 28/2010, li wkoll kien iddikjarat antikostituzzjonali.

28. Anki r-raba’ domanda preliminari ma għadx għandha skop. Hija tirreferi għar-regola li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(5) tad-DL 28/2010, li teżiġi li l-parti li ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni, għandha tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri.

Dwar id-domandi 5 sa 9

29. B’riżultat tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, ir-risposti għad-domandi preliminari l-oħra magħmula wkoll tilfu r-rilevanza tagħhom għad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-domandi 5 sa 9 — li jirrigwardaw proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja — jirreferu għall-modalitajiet ta’ tmexxija u ta’ konklużjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, għat-tul tagħha kif ukoll għall-ispejjeż fir-rigward tagħha. Madankollu, f’dan il-każ ma jidhirx li ser ikun hemm proċedura ta’ medjazzjoni.

30. Bħala riżultat tal-antikostituzzjonalità tal-Artikolu 5(1) tad-DL 28/2010, il-partijiet ma humiex iktar meħtieġa jipparteċipaw fi proċedura ta’ medjazzjoni. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari tar-rinviju, huma fil-preżent ma għandhom l-ebda intenzjoni li jsegwu tali proċedura volontarjament. Minflok, huma jikkritikaw il-proroga eċċessiva tat-tul tal-proċedura li tinvolvi medjazzjoni. Skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tħejjija ta’ proċedura ta’ medjazzjoni kienet ġiet prevista biss minħabba li l-liġi Taljana kienet timponiha fuq il-partijiet.

31. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab għalhekk ikkonfrontata b’talba għal deċiżjoni preliminari li ma għadx għandha skop minħabba fl-emendi li seħħew fiċ-ċirkustanzi ta’ dritt. Għalhekk, hija għandha tiddikjara li ma huwiex iktar neċessarju li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lilha. Dan jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-domandi preliminari ma kinux inammissibbli mill-bidu, iżda sempliċement ma għadx għandhom skop wara li tressqet it-talba, mingħajr ma ġew irtirati mill-qorti tar-rinviju (11) .

VI – Konklużjoni

32. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Giudice di Pace di Mercato S. Severino:

Ma għadx hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari.

(1) .

(2)  – ĠU L 136, p. 3 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-medjazzjoni”).

(3)  – Decreto legislativo Nru 28, tal-4 ta’ Marzu 2010, li jimplementa l-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem id-“DL 28/2010”).

(4)  – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(5)  – Iktar ’il quddiem “SIMSA”.

(6)  – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38), tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C-544/07, Ġabra p. I-3389, punt 36), tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C-314/08, Ġabra p. I-11049, punt 40), tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C-310/10, Ġabra p. I-5989, punt 25) u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C-416/10, punt 53).

(7)  – Sentenzi PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39), Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 38), Filipiak (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42), Agafiţei et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 27) u Križan et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 54).

(8)  – Sentenzi PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39), Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 37) u Filipiak (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41).

(9)  – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 28), tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 38), tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C-617/10, punt 42).

(10)  – Ara d-digriet ta’ tħassir mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2013 fil-kawża Galioto (C-464/11).

(11)  – Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża García Blanco (C-225/02, Ġabra 2005, p. I-523, punt 36).