KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )

Kawża C‑435/11

CHS Tour Services GmbH

vs

Team4 Travel GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Prattiki qarrieqa — Dmir ta’ diliġenza professjonali — Brochure b’asserzjoni ta’ esklużività żbaljata”

1. 

Jekk jirriżulta li prattika kummerċjali tqarraq lill-klijenti, huwa rilevanti jekk il-kummerċjant għamilx dak kollu li seta’ sabiex jevita li dan iseħħ? Din hija l-kwistjoni li dwarha l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija) qiegħda titlob gwida.

I – Il-kuntest ġuridiku

2.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29/KE (iktar ’il quddiem “id-Direttiva’) ( 2 ) jipprovdi:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

(a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

kif ukoll

(b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

(a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

(b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

3.

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva jittrattaw dwar prattiki kummerċjali qarrieqa, waqt li l-Artikoli 8 u 9 jikkonċernaw prattiki kummerċjali ta’ natura aggressiva. L-Artikolu 6 jipprovdi:

“1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

[…]

(b)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà[...]”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda rrinvijata

4.

Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna żewġ aġenti tal-ivvjaġġar Awstrijaċi, CHS Tour Services GmbH (iktar ‘il quddiem “CHS’) u Team4 Travel GmbH (iktar ‘il quddiem “Team4 Trave’’). Kemm CHS kif ukoll Team4 Travel jorganizzaw u jipprovdu korsijiet tal-iskiing u vaganzi fix-xitwa fl-Awstrija għal gruppi ta’ tfal tal-iskola mir-Renju Unit.

5.

Fil-brochure tal-bejgħ bl-Ingliż ta’ Team4 Travel, li ġie ppubblikat f’nofs Settembru 2010, simbolu li jindika “esklużiv” tpoġġa maġenb ċertu numru ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni elenkati. Skont il-brochure, it-terminu “esklużiv” għandu jinftiehem li jfisser “[a]kkomodazzjoni li hija disponibbli esklużivament għal gruppi ta’ [Team4 Travel] f’nofs it-terminu jew f’nofs it-terminu u l-Għid jew matul l-istaġun kollu tax-xitwa”. Il-qorti tar-rinviju tispjega f’dan ir-rigward li l-użu ta’ dik l-espressjoni kien ifisser li l-istabbiliment ta’ akkomodazzjoni kellu relazzjoni kuntrattwali fissa ma’ Team4 Travel u li operaturi tal-vjaġġi oħrajn ma kinux jinsabu f’pożizzjoni fejn setgħu jipprovdu akkomodazzjoni f’dak l-istabbiliment f’dati speċifikati. Skont l-osservazzjonijiet li ssottomettiet CHS, il-lista tal-prezzijiet ta’ Team4 Travel kienet tgħid ukoll li “[il-]prezzijiet kollha mmarkati […] jindikaw li [Team4 Travel] għandha sodod esklużivament f’dik id-data”.

6.

Għal dati li ma humiex speċifikati fid-digriet tar-rinviju, li jkopru ċerti perijodi fl-2012, Team4 Travel ikkonkludiet kuntratti għal kwoti ta’ sodod ma’ bosta fornituri ta’ akkomodazzjoni. Dawk il-kuntratti – li t-termini tagħhom ma humiex riprodotti fid-digriet innifsu – jinkludu klawsola li kienet tiddikjara li l-kwoti tal-kmamar tas-sodda speċifikati kienu ser jinżammu disponibbli mingħajr restrizzjoni għal Team4 Travel u li l-fornitur ma kienx ser imur kontra dik l-istipulazzjoni mingħajr il-kunsens bil-miktub ta’ Team4 Travel. Riżervazzjoni kellha ssir finali 28 jum qabel il-wasla korrispondenti. Il-qorti tar-rinviju ssemmi li, sabiex tiġi żgurata esklużività, Team4 Travel kienet stipulat drittijiet ta’ kanċellazzjoni mal-fornitur tal-akkomodazzjoni kif ukoll penali kuntrattwali.

7.

Madankollu, mill-proċess li ntbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja l-kuntratti msemmija hawn fuq, CHS irriżervat kwoti ta’ sodod fl-istess stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni bħal Team4 Travel għal perijodi ta’ riżervazzjonijiet sovraposti. Il-qorti tar-rinviju ssemmi, barra minn hekk, li r-riżervazzjonijiet saru wara li Team4 Travel kienet ikkonkludiet il-kuntratti esklużivi. Konsegwentement, il-fornituri tal-akkomodazzjoni kienu qegħdin jiksru l-obbligi kummerċjali tagħhom lejn Team4 Travel.

8.

Mingħajr ma jispeċifika l-ħin preċiż meta dan seħħ, id-digriet tar-rinviju jsemmi li Team4 Travel ġiet infurmata mill-fornituri tal-akkomodazzjoni li kienu għadhom ma saru ebda riżervazzjonijiet minn operaturi tal-vjaġġi oħrajn. Barra minn hekk jiddikjara li d-direttriċi ta’ Team4 Travel ħadet ħsieb li tiżgura li, minħabba n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni disponibbli, ebda operatur tal-vjaġġi ieħor ma kien ser ikun jista’ jsib kmamar fil-lukandi. Hija ma kinitx taf li kien hemm riżervazzjonijiet oħrajn sakemm bdew il-proċeduri legali.

9.

Madankollu, peress li CHS madankollu rnexxielha wkoll tirriżerva l-akkomodazzjoni disponibbli kollha jew parti minnha għal Frar jew għall-vaganzi tal-Għid 2013, hija kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet dwar l-esklużività kienu skorretti u jikkostitwixxu prattika kummerċjali inġusta. CHS għalhekk ippreżentat mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-Landesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck, l-Awstrija) sabiex twaqqaf lil Team4 Travel milli tgħid li akkomodazzjoni speċifika għal data ta’ wasla partikolari kienet offruta minn Team4 Travel fuq bażi esklużiva.

10.

B’digriet tat-30 ta’ Novembru 2010, il-Landesgericht Innsbruck irrifjutat li toħroġ manda ta’ inibizzjoni, peress li kkunsidrat li d-dikjarazzjoni ta’ esklużività kienet korretta fid-dawl tal-kuntratti ta’ riżervazzjoni irrevokabbli konklużi minn qabel minn Team4 Travel.

11.

Fit-13 ta’ Novembru 2011, l-Oberlandesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija) ikkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza fuq il-bażi li Team4 Travel kienet ikkonformat mar-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali u setgħet tippretendi b’mod leġittimu li l-kokuntratturi tagħha kienu ser josservaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

12.

CHS sussegwentement ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof.

13.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-eżitu tal-proċeduri jiddependi fuq l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva. Hija tenfasizza li l-appell ma jistax jintlaqa’ jekk Team4 Travel tista’ tiddependi fuq id-difiża li hija ma aġixxietx kontra r-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali. Fuq din il-bażi, l-Oberster Gerichtshof tissottometti żewġ interpretazzjonijiet differenti għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14.

Skont l-ewwel linja ta’ argument, l-effett tar-riferiment fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva għal prattiki qarrieqa jew aggressivi, kif stipulat fl-Artikoli 6 sa 9, huwa li dawk il-prattiki huma, per se, inkonsistenti mad-dmir ta’ diliġenza professjonali taħt l-Artikolu 5(2). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikoli 6 sa 9 ma jsemmux id-dmir ta’ diliġenza professjonali taħt l-Artikolu 5(2)(a).

15.

Skont it-tieni linja ta’ argument, jekk ir-riferiment fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva għal distorsjoni tal-imġiba ekonomika ta’ konsumatur kellha tinftiehem fis-sens li hija kkjarifikata mid-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi fl-Artikoli 6 sa 9, l-Artikolu 5(2)(a) xorta waħda jkun applikabbli. Bħala konsegwenza, prattika qarrieqa taħt l-Artikolu 6 tkun teħtieġ, barra minn hekk, ksur tad-dmir ta’ diliġenza professjonali taħt l-Artikolu 5(2)(a). Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan ir-raġunament joħroġ mill-iskema ġenerali tad-Direttiva.

16.

Peress li kellha dubji, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5 tad-[Direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prattiki qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, ma għandux ikun hemm eżami distint tal-kriterji tal-Artikolu 5(2)(a)?’

17.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn CHS, minn Team4 Travel, mill-Gvern Awstrijak, Ġermaniż, Taljan, Ungeriż, Pollakk, Svediż u tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni. Ma nżammet ebda seduta.

III – Analiżi

18.

Fil-punti li ġejjin, ser jikkunsidra l-istruttura, il-formulazzjoni, l-isfond u l-objettiv tad-Direttiva, u – b’mod partikolari – id-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

A – Rilevanza tad-dmir ta’ diliġenza professjonali għall-kunċett ta’ “prattika kummerċjali qarrieqa”

19.

Rigward l-istruttura tad-Direttiva, huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali żleali”, li huma pprojbiti taħt l-Artikolu 5(1), ikopri tliet kategoriji: (i) prattiki li jissodisfaw iż-żewġ rekwiżiti kumulattivi li jinsabu fl-Artikolu 5(2); (ii) skont l-Artikolu 5(4), prattiki qarrieqa jew aggressivi kif stipulat fl-Artikoli 6 sa 9; u (iii) skont l-Artikolu 5(5), il-prattiki li jsir riferiment għalihom fl-Anness I tad-Direttiva (“il-lista s-sewda”) ( 3 ). B’differenza mill-ewwel żewġ kategoriji, madankollu, il-prattiki kummerċjali fuq il-lista s-sewda jitqiesu bħala żleali awtomatikament, mingħajr ma hija meħtieġa evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ( 4 ).

20.

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva, mill-formulazzjoni tiegħu stess, jelabora u jikkjarifika dik l-istruttura. Skont din id-dispożizzjoni, il-prattiki kummerċjali li huma qarrieqa (Artikoli 6 u 7) jew aggressivi (Artikoli 8 u 9) huma, “b’mod partikolari”, żleali. Il-frażi “b’mod partikolari” turi mhux biss li prattiki qarrieqa u aggressivi huma sottotipi speċifiċi (“kategoriji preċiżi”) ta’ prattiki kummerċjali żleali ( 5 ) iżda, b’mod iktar importanti, li jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom, prattiki kummerċjali żleali ( 6 ).

21.

B’hekk, fuq il-bażi ta’ analiżi strutturali kif ukoll letterali, ma naqbilx mal-fehma li l-Artikoli 6 u 7 (jew l-Artikoli 8 u 9) tad-Direttiva sempliċement jipprovdu eżempji speċifiċi tal-element li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ distorsjoni tal-imġiba ekonomika ta’ klijent, bl-effett li l-Artikolu 5(2)(a) jibqa’ applikabbli, kif isegwi mit-tieni interpretazzjoni proposta mill-qorti nazzjonali.

22.

Sussegwentement, wara li neżaminaw l-isfond u l-objettiv tad-Direttiva, jidher li appoġġ sod għall-analiżi mogħtija hawn fuq tal-istruttura u l-formulazzjoni tagħha tinsab, barra minn hekk, fl-oriġini leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni ( 7 ) dwar prattiki kummerċjali qarrieqa u aggressivi jispeċifikaw b’mod inekwivoku li l-kriterju relatat mad-diliġenza professjonali taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva ma għandux rwol separat. Dan huwa b’kuntrast qawwi mal-inferenzi li l-Gvern Pollakk donnu jimplika minn dak l-istess dokument ( 8 ).

23.

Fuq livell iktar bażiku, madankollu, il-fatt li jiġu ssodisfatti kriterji addizzjonali minbarra dak stipulat fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva sabiex tiskatta l-applikabbiltà tal-Artikolu 6 imur kontra t-termini nfushom ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 6 jidher – ta’ mill-inqas f’ċerti ċirkustanzi – li jħaddan approċċ ta’ ebda tort fir-rigward tan-negozjant ( 9 ). Ikun kontra dan l-approċċ jekk, fin-nuqqas ta’ riferiment għall-Artikolu 5(2)(a), in-negozjanti jkunu intitolati jistrieħu fuq id-difiża li huma aġixxew b’mod konformi mad-dmir tagħhom ta’ diliġenza professjonali ( 10 ). Kif imsemmi fit-travaux préparatoires, ksur tal-Artikolu 6 jikkostitwixxi, per se, ksur tar-rekwiżit tad-dmir ta’ diliġenza professjonali.

24.

Bl-istess mod, jekk ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti addizzjonali taħt l-Artikolu 6, ikun diffiċli sabiex dan jiġi rrikonċiljat mal-ispirtu u l-objettiv tad-Direttiva nfisha. Fil-fatt, f’dak il-każ ir-riżultat ikun li jitbaxxa u mhux jogħla l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li d-Direttiva timmira li tikseb ( 11 ); livell li, għandu jitfakkar, huwa suġġett għal armonizzazzjoni sħiħa fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 12 ).

25.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-fatt li negozjant seta’ kkonforma mad-dmir ta’ diliġenza professjonali taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva ma huwa ta’ ebda sinjifikat fil-preżenza ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa (jew aggressivi). CHS u l-Gvern Awstrijak, Ġermaniż, Ungeriż, Svediż, u tar-Renju Unit ilkoll jaqblu ma’ din il-fehma, bl-istess mod bħall-Kummissjoni; barra minn hekk, dik il-fehma hija wkoll konsistenti mal-ewwel interpretazzjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali ( 13 ).

B – Kunsiderazzjonijiet ulterjuri

26.

Peress li l-elementi interpretattivi kollha jippuntaw fl-istess direzzjoni, huwa kemxejn diffiċli wieħed jifhem għaliex il-qorti tar-rinviju ltaqgħet ma’ diffikultajiet sabiex tapplika l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva għall-fatti. Madankollu, jidher probabbli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja setgħet sfortunatament ġiet interpretata b’mod żbaljat fil-prattika. Huwa fil-fatt indikattiv li kemm Team4 Travel kif ukoll il-Gvern Pollakk jistrieħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġġustifikaw fehmiet opposti.

27.

Team4 Travel tissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’relazzjoni ma’ prattika kummerċjali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva iżda li ma tidhirx fuq il-lista s-sewda, li “din il-prattika tista’ tiġi kkunsidrata żleali, u b’hekk ipprojbita, biss wara analiżi speċifika, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva” ( 14 ). Madankollu, ma jidhirlix li din is-silta hija rilevanti għall-kwistjoni li għandna quddiemna. Din tirrigwarda r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni individwali ta’ prattika kummerċjali kkontestata taħt id-Direttiva; rekwiżit li – ma huwiex ikkontestat – japplika għall-Artikolu 6. B’kuntrast, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkjarifikatx f’dak il-paragrafu l-interrelazzjoni bejn l-Artikolu 5 tad-Direttiva, min-naħa waħda, u l-Artikoli 6 sa 9, min-naħa l-oħra, li hija l-kwistjoni f’din il-kawża. Għall-istess raġuni, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Gvern Pollakk u ta’ Team4 Travel, hija irrelevanti għal din il-kawża l-kunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat qabel li “għandu wkoll jiġi vverifikat jekk il-prattika inkwistjoni hijiex kuntrarja għall-ħtiġijiet tad-diliġenza professjonali, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva” ( 15 ). Fil-fatt, dik id-dikjarazzjoni tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b), pjuttost milli minn dik bejn l-Artikolu 5 u l-Artikoli 6 sa 9.

28.

Barra minn hekk, l-approċċ propost mill-Gvern Pollakk, li jgħid li “huwa possibbli”, f’każ ta’ prattiki qarrieqa, li jiġi evalwat separatament il-kriterju taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, huwa insostenibbli. Fil-fatt, tali libertà ta’ għażla tmur kontra l-għan tad-Direttiva, li huwa li jinkiseb l-istess livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-Istati Membri kollha, kif imsemmi hawn fuq.

29.

Iżda l-fatt li d-Direttiva ma tagħtix il-libertà li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tkun suġġetta għal kriterji addizzjonali ma jfissirx li ma jibqa’ ebda spazju għal manuvrar. Kif irrileva l-Gvern Svediż, id-Direttiva ma tipprekludix qorti nazzjonali milli tiddetermina, fuq bażi ta’ każ b’każ, fl-ewwel lok, jekk prattika kummerċjali kkontestata taqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ “qarrieqa” jew “aggressiva” skont l-Artikoli 6 sa 9 tad-Direttiva, u fin-nuqqas ta’ dan, fit-tieni lok, jekk il-kundizzjonijiet ġenerali stipulati taħt l-Artikolu 5(2) humiex issodisfatti. Fil-fatt, jidher li d-Direttiva tiffavorixxi approċċ “minn fuq għal isfel”, jiġifieri, evalwazzjoni li tibda bil-lista s-sewda, segwita mid-dispożizzjonijiet dwar prattiki qarrieqa jew aggressivi, u li tintemm bil-klawżola ġenerali. Jekk wieħed mill-ewwel passi jindika l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali inġusta, ma jkun hemm ebda bżonn li wieħed jipproċedi għall-pass li jmiss, għaliex il-prattika kkontestata fi kwalunkwe każ ikollha titqies bħala żleali.

30.

Fuq nota finali, ninsab konxju mill-fatt li, minn naħa waħda, iż-żewġ qrati inferjuri li qegħdin jisimgħu l-każ fl-Awstrija ddeċidew favur Team4 Travel ( 16 ) u, min-naħa l-oħra, li skont il-qorti tar-rinviju, qorti Ġermaniża “eżaminat ukoll il-kriterju ta’ nuqqas ta’ diliġenza speċjalizzata minkejja l-konstatazzjoni tagħha li kien hemm riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa” ( 17 ). Madankollu, fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet preċedenti, nibqa’ totalment konvint dwar l-approċċ korrett li għandu jittieħed f’din il-kawża.

IV – Konklużjoni

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domanda tal-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija):

L-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta prattika kummerċjali taqa’ taħt l-ambitu tal-Artikolu 5(4) ta’ dik id-direttiva, huwa irrelevanti jekk il-kriterji taħt l-Artikolu 5(2)(a) u/jew l-Artikolu 5(2)(b) humiex issodisfatti wkoll.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005 L 149, p. 22).

( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Kawżi magħquda VTB-VAB u Galatea (C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punti 53 sa 56); tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C-304/08, Ġabra p. I-217, punti 42 sa 45); u tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C-540/08, Ġabra p. I-10909, punti 31 sa 34).

( 4 ) Ara l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-premessa 17 fil-preambolu għad-Direttiva.

( 5 ) Ara s-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33.

( 6 ) Il-maġġoranza tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva jinkludu espressjoni ekwivalenti għal “b’mod partikolari”. Madankollu, il-verżjoni Svediża saħansitra tħalli barra t-terminu “b’mod partikolari”, u sempliċement tgħid “[a]ffärsmetoder skall anses otillbörliga om de a) är vilseledande enligt artiklarna 6 och 7, eller b) aggressiva enligt artiklarna 8 och 9”.

( 7 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-Suq Intern u li temenda d-Direttivi 84/450/KEE, 97/7/KE u 98/27/KE (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti), COM (2003) 356 finali.

( 8 ) Il-punt 56 tal-memorandum ta’ spjega li jakkumpanja l-proposta għal direttiva – li għalih isir riferiment mill-Gvern Pollakk fil-punt 12 tal-osservazzjonijiet tiegħu sabiex jissostanzja l-fehma tiegħu – jipprovdi li “jekk prattika kummerċjali tinsab li hija jew ‘qarrieqa’ jew inkella ‘aggressiva’, din tkun awtomatikament żleali, mingħajr riferiment ulterjuri għall-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5”. Il-memorandum ta’ spjega jipprovdi wkoll, fil-punt 57, li “meta konsumatur jiġi mqarraq jew ittrattat b’mod aggressiv, dan jitqies fih innifsu li jikkostitwixxi distorsjoni tal-aġir tal-konsumatur aktar milli influwenza leġittima u, fih innifsu, kontra r-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali. Aġir li verament jinganna, jimmolesta, jinfluwenza b’mod mhux xieraq jew iġiegħel dejjem jitqies li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali u jippreġudika b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata. Għal din ir-raġuni, ma hemm ebda riferiment separata għat-test ta’ diliġenza professjonali jew l-element ta’ “distorsjoni” tad-definizzjoni ta’ “distorsjoni materjali”. Finalment, jipprovdi fil-punt 58 li “dawn il-kategoriji speċifiċi ma jippreġudikawx il-funzjonament awtonomu tal-projbizzjoni ġenerali, li għandha tkompli topera bħala xibka ta’ sigurtà u b’hekk tipprovdi mod kif tiġi evalwata l-lealtà ta’ kwalunkwe prattiki attwali jew futuri li ma jaqgħux fi ħdan waħda miż-żewġ tipi ewlenin imsemmija espliċitament” (enfasi miżjuda) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma’ dan għandi nżid li l-proposta għal direttiva ma ġietx emendata f’dan ir-rigward matul il-proċess leġiżlattiv.

( 9 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, dik id-dispożizzjoni hija applikabbli “anke jekk it-tagħrif [li jinsab fil-prattika kummerċjali] ikun korrett fattwalment”.

( 10 ) Fuq nota simili, fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “impressjoni falza” kif użata fil-paragrafu 31 tal-lista s-sewda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 46 ta’ dik is-sentenza, li l-objettiv tad-Direttiva “ma jintlaħaqx jekk il-punt 31 tal-Anness I tad-[Direttiva] jiġi interpretat bħala li jinkludi element ta’ qerq, distint miċ-ċirkustanzi deskritti fit-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni” (ara wkoll il-punti 26, 27 u 29 tas-sentenza, moqrija fid-dawl tar-raba’ domanda magħmula f’dik il-kawża). Huwa minnu li, b’differenza mill-prattiki elenkati fil-lista s-sewda, il-prattiki qarrieqa taħt l-Artikolu 6 fil-fatt jeħtieġu evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Madankollu, dan ma jfissirx li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sitwazzjoni, ma huwiex ugwalment rilevanti għall-Artikolu 6, mutatis mutandis.

( 11 ) Ara digriet tal-15 ta’ Diċembru 2011, INNO (C‑126/11, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss l-opportunità li tindirizza din il-kwistjoni b’mod indirett. Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, ), hija kkunsidrat – b’risposta għal domanda dwar l-impatt li konstatazzjoni ta’ prattika kummerċjali żleali jkollha fuq l-evalwazzjoni dwar jekk hijiex ġusta u valida klawżola kuntrattwali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) – li l-prattika inkwistjoni kienet qarrieqa taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva, u ma analizzatx jekk kienx hemm ukoll ksur tad-dmir ta’ diliġenza professjonali (ara l-punti 40, 41 u 43, u l-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza). Madankollu, l-Avukat Ġenerali Trstenjak esprimiet fehma simili ħafna għal tiegħi f’għadd kbir ta’ okkażjonijiet (ara l-konklużjonijiet tagħha fil-Kawżi ċċitati iktar ’il fuq VTB-VAB u Galatea, punti 78 u 79; Plus Warenhandelsgesellschaft, punti 73 u 74; Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punti 65 u 66; u Pereničová u Perenič, punti 104 sa 107).

( 14 ) Sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43.

( 15 ) Ibid., punt 46.

( 16 ) Irrid inżid li r-raġunijiet mogħtija minn dawn iż-żewġ qrati jidhru li huma differenti. Fil-fatt, jidher li r-raġuni prinċipali għaliex il-Landesgericht ċaħdet it-talba għal miżuri proviżorji kienet minħabba li dehrilha li l-asserzjoni ta’ esklużività kienet korretta. B’hekk jidher li biss id deċiżjoni mogħtija mill-Oberlandesgericht Innsbruck hija bbażata fuq konstatazzjoni li Team4 Travel ma naqsitx mid-dmir tagħha ta’ diliġenza professjonali.

( 17 ) Deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Jena (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Jena) (il-Ġermanja) tat-8 ta’ Lulju 2009, NJOZ [2010] 1216. Madankollu, ma naqbilx mal-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tat lil dik is-sentenza, għaliex din donnha tindirizza biss il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal konstatazzjoni ta’ prattika qarrieqa humiex issodisfatti u l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward . Barra minn hekk, l-Oberlandesgericht Jena tindika b’mod espliċitu li mid-dehra d-Direttiva ma kinitx ġiet implimentata fil-Ġermanja.