KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2012 ( 1 )

Kawża C-427/11

Margaret Kenny

Patricia Quinn

Nuala Condon

Eileen Norton

Ursula Ennis

Loretta Barrett

Joan Healy

Kathleen Coyne

Sharon Fitzpatrick

Breda Fitzpatrick

Sandra Hennelly

Marian Troy

Antoinette Fitzpatrick

Helena Gatley

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform

Minister for Finance

Commissioner of an garda síochána

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda)]

“Remunerazzjoni ugwali — Diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess — Direttiva 75/117/KEE — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni oġġettiva — Negozjar kollettiv”

1. 

Il-High Court tar-Repubblika tal-Irlanda qed tagħmel domandi preliminari dwar l-obbligu ta’ persuni li jimpjegaw li jipprovdi ġustifikazzjoni “f’ċirkostanzi fejn ikun hemm prima facie diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fil-pagi”. Il-High Court tistaqsi wkoll jekk, u sa fejn, l-interessi tar-relazzjonijiet industrijali tajba jistgħux b’mod leġittimu jikkostitwixxu waħda mill-kriterji għall-ġustifikazzjoni.

2. 

F’dan il-kuntest, it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri opportunità oħra sabiex jerġgħu jiġu kkunsidrati xi aspetti verament speċifiċi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess ( 2 ). L-ewwel aspett jirrigwarda l-problema li jiġu definiti t-termini ta’ referenza li għandhom jintużaw fl-evalwazzjoni tal-ugwaljanza (it-tertium comparationis); it-tieni aspett huwa marbut mal-kunsiderazzjoni tad-drittijiet u l-interessi li jikkompetu ma’ xulxin li jeżistu fis-sitwazzjoni verament speċifika ta’ riorganizzazzjonijiet amministrattivi li jinvolvu r-riallokazzjoni ta’ doveri f’tipi ta’ impjiegi fejn sess wieħed jew l-ieħor għad għandu preżenza dominanti.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 ( 3 ) jipprovdi hekk kif ġej:

“Il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, ’il quddiem imsejjaħ “prinċipju ta’ paga ndaqs”, ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fuq bażi tas-sess għar-rigward ta’ l-aspetti kollha u kondizzjonijiet ta’ ħlas.

Partikolarment, fejn sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ impjiegi hija użata biex tistabbilixxi paga, għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u għan-nisa u hekk imfassla li teskludi kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess”

4.

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 75/117:

“L-Istati Membri għandhom ineħħu għal kollox kull diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa li toħroġ minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ paga ndaqs”.

5.

L-Artikolu 4 tal-istess Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li disposizzjonijiet li jidhru fi ftehim kollettiv, skali ta’ paga, ftehim fuq pagi jew kuntratti ta’ impjieg individwali li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ paga ndaqs għandhom jew jistgħu jiġu dikjarati nulli u bla effett jew jistgħu ikunu emendati.”

6.

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom, skond iċ-ċirkostanzi nazzjonali u sistemi legali tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-prinċipju ta’ paga ndaqs ikun applikat. Huma għandhom jaraw li mezzi effettivi huma disponibbli biex jieħdu ħsieb li dan il-prinċipju ikun osservat.”

7.

B’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009, id-Direttiva 75/117 ġiet imħassra bid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol ( 4 ), li tipprovdi li r-referenzi kollha fil-leġiżlazzjoni l-oħra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għad-direttiva l-ġdida (Artikolu 34).

8.

Permezz tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ dik id-Direttiva, “diskriminazzjoni indiretta” għandha tinkludi kull “dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa” ( 5 ).

B – Id-dritt nazzjonali

9.

L-Atti dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg (Employment Equality Acts) 1998-2004 jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fix-xogħol fuq il-bażi tas-sess ( 6 ). Parti III tal-Att tal-1998 hija dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. It-Taqsima 18(1)(a), kif emendata, tipprovdi dan li ġej:

“Suġġett għall-paragrafu (b), għall-finijiet ta’ din il-Parti, “A” u “B” jirrapreżentaw 2 persuni tas-sess oppost li, fejn A hija mara, B huwa raġel u viċi versa.”

10.

It-Taqsima 19, kif emendata, tipprovdi dan li ġej:

“1.   Għandu jkun terminu tal-kuntratt li taħtu A hija impjegata li, skont dan l-Att, A għandha fi kwalunkwe żmien tkun intitolata għall-istess rata ta’ remunerazzjoni għax-xogħol li A tkun impjegata li tagħmel bħal B li, f’dak iż-żmien jew fi kwalunkwe ħin ieħor, ikun impjegat li jagħmel l-istess xogħol mill-istess persuna li timpjega jew persuna assoċjata.

[…]

(a)

Id-diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta dispożizzjoni li tkun tidher newtrali tqiegħed lil persuni ta’ sess partikolari (li huma A jew B) fi żvantaġġ partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni meta mqabbla ma’ impjegati oħra tal-istess persuna li timpjega.

(b)

Fejn japplika l-paragrafu (a), il-persuni msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu trattati kollha għall-finijiet tas-subtaqsima (1) bħala li jikkonformaw, skont il-każ, jew li ma jikkonformawx mad-dispożizzjoni kkonċernata, skont liema twassal għall-ogħla remunerazzjoni, sakemm id-dispożizzjoni ma tkunx ġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jinkiseb dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa.

(ċ)

Fi kwalunkwe proċeduri, l-istatistiċi huma ammissibbli għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk din is-subtaqsima tapplika b’rabta ma’ A jew B.

5.   Suġġett għas-subtaqsima (4), xejn f’din il-Parti ma tipprekludi lil persuni li jimpjegaw milli jħallsu, fuq bażijiet oħra apparti l-bażi tas-sess, rati differenti ta’ remunerazzjoni lil impjegati differenti.”

II – Il-fatti

11.

L-appellanti fil-kawża prinċipali huma impjegati taċ-ċivil li jaħdmu fid-Department of Justice, Equality and Law Reform (Ministeru tal-Ġustizzja, tal-Ugwaljanza u tar-Riformi Leġiżlattivi) li huma assenjati xogħol klerikali f’An Garda Síochána (Pulizija Nazzjonali Irlandiża, iktar ’il quddiem, “Garda”). Ix-xogħlijiet klerikali jitwettqu wkoll minn uffiċjali tal-Garda (iktar ’il quddiem, “persuni ta’ referenza”). Dawn huma karigi klerikali speċifiċi riżervati għal dawn l-uffiċjali tal-Garda, imsejħa karigi “deżinjati” jew “riżervati”. Ir-remunerazzjoni hija determinata għaż-żewġ gruppi fuq il-bażi tal-kategorija ta’ impjegat fiċ-ċivil li għaliha jappartjenu.

12.

It-trejdjunjin tal-appellanti għamlet allegazzjonijiet quddiem l-Equality Tribunal taħt l-Atti dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg 1998-2004 u, b’deċiżjoni ddatata t-22 ta’ Novembru 2005, it-Tribunal iddeċieda favur 7 mill-14-il appellant.

13.

Id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ugwaljanza ġiet appellata quddiem il-Labour Court miż-żewġ partijiet. L-intimati ssottomettew, essenzjalment, (A) li l-allegazzjonijiet indikaw diskriminazzjoni diretta, (B) li l-appellanti tħallsu r-rata xierqa għall-grad ta’ uffiċjali klerikali, billi l-persuni ta’ referenza tħallsu r-rata applikabbli għall-grad tagħhom bħala membri tal-Garda, u (C) li r-rati differenti ta’ remunerazzjoni tħallsu fuq bażijiet oħra apparti s-sess, skont it-Taqsima 19(5) tal-Att tal-1998. Sostnew ukoll, sussidjarjament, li, fil-każ li tinstab diskriminazzjoni indiretta, id-differenza fir-remunerazzjoni tkun oġġettivament ġustifikata, abbażi tat-Taqsima 19(4) tal-Att 1998. L-appellanti argumentaw, essenzjalment, li l-kwistjoni kienet tikkonċerna diskriminazzjoni indiretta li fir-rigward tagħha ma kienx hemm ġustifikazzjoni oġġettiva.

14.

Il-Labour Court iddeċidiet li l-allegazzjonijiet tal-14-il appellant ġew ikklassifikati bħala diskriminazzjoni indiretta u li l-proporzjonijiet ta’ rġiel u nisa fil-gruppi rilevanti kienu jiżvelaw prima facie diskriminazzjoni indiretta fil-pagi. Bil-qbil bejn il-partijiet, il-Labour Court iddeċidiet li tittratta l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni oġġettiva bħala kwistjoni preliminari. Għal dan il-għan, il-Qorti ppreżumiet, mingħajr ma ddikjarat dan, li l-appellanti u l-persuni ta’ referenza magħżula tagħhom kienu involuti f’“xogħol identiku” fi ħdan it-tifsira tat-Taqsima 7(1) tal-Att tal-1998. Din il-preżunzjoni kienet limitata għall-appellanti u l-persuni ta’ referenza magħżula tagħhom.

15.

Wara li ddeċidiet b’dan il-mod, il-Labour Court talbet lill-intimati biex iżidu provi li juru ġustifikazzjoni oġġettiva. L-intimati argumentaw li l-użu tal-membri tal-Garda fil-karigi riżervati klerikali kien oġġettivament ġustifikat biex jintlaħqu l-ħtiġijiet operazzjonali tal-Garda u kien xieraq u meħtieġ għall-kisba ta’ dik il-ħtieġa operazzjonali li l-uffiċjali tal-pulizija assenjati għal dak ix-xogħol jitħallsu r-rata applikabbli għall-kariga tagħhom.

16.

Il-prova tal-intimati indikat ukoll li n-numru ta’ karigi deżinjati kien ġie determinat bi qbil dwar ir-relazzjonijiet industrijali bejn il-maniġment tal-Garda u l-korpi rappreżentattivi tal-Garda u li t-tielet intimat imsemmi kien qed inaqqas in-numru ta’ karigi klerikali deżinjati okkupati mill-uffiċjali tal-pulizija f’kooperazzjoni mal-korpi rappreżentattivi tal-Garda. Dan il-proċess ta’ tnaqqis huwa magħruf bħala “civilianisation”. Ġie aċċettat mill-intimati li kien hemm numru żgħir ta’ karigi okkupati minn uffiċjali tal-pulizija li fir-rigward tagħhom ma kien hemm ebda ħtieġa operazzjonali għal uffiċjal tal-pulizija mħarreġ iżda l-intimati qalu li dawn il-karigi ma kinux rappreżentattivi tal-ġeneralità tal-karigi li fihom kienu użati l-membri tal-Garda, li fihom l-għarfien u l-esperjenza fil-pulizija huma rekwiżiti.

17.

Fir-rigward tal-fatti ta’ din il-kawża, il-Labour Court iddeċidiet li kien hemm 353 kariga deżinjata okkupata mill-uffiċjali tal-pulizija meta l-allegazzjonijiet tal-bidla ġew sottomessi f’Lulju 2000, li minnhom 279 kienu okkupati minn irġiel u 74 minn nisa. Kien hemm 761 uffiċjal klerikali, l-iżjed nisa, użati f’karigi klerikali fi ħdan il-Garda. Il-Labour Court iddeċidiet ukoll li, fiż-żmien tas-seduta tal-Labour Court f’Mejju 2007, li n-numru ta’ karigi deżinjati kien 298 u li l-politika tal-intimati kienet li jitnaqqas dan in-numru għal 219 kariga ewlenija deżinjata.

18.

Fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Lulju 2007, il-Labour Court laqgħet l-appell imressaq mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform. Il-qorti qalet li l-użu ta’ uffiċjali tal-pulizija għal xogħol klerikali jilħaq il-ħtiġijiet operazzjonali tal-pulizija jew il-ħtieġa li jiġi implementat il-proċess tas-“civilianisation” b’mod u b’pass li jiżgura l-appoġġ tal-korpi rappreżentattivi tal-pulizija. B’mod partikolari, il-ħlas lill-uffiċjali tal-pulizija assenjati għal dawn il-karigi klerikali bir-rata applikabbli lill-uffiċjali tal-pulizija jilħaq dan l-għan. Id-deċiżjoni tkompli tgħid li, meta wieħed iqis in-numru żgħir ta’ karigi “deżinjati”, iż-żamma tal-arranġamenti maqbula mal-korpi rappreżentattivi sakemm jitlesta l-proċess tas-“civilianisation” hija proporzjonali mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-pulizija.

19.

L-appellanti ressqu appell fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-Labour Court quddiem il-High Court. L-appellanti sostnew li, bil-provi mressqa, kien skorrett li jiġi aċċettat li d-diskriminazzjoni indiretta kienet oġġettivament ġustifikata, meta l-ħtiġijiet operazzjonali ċċitati f’dan ir-rigward ma kinux japplikaw għall-karigi deżinjati kollha u, b’mod partikolari, ma kinux japplikaw għall-karigi miżmuma mill-persuni ta’ referenza magħżula. Fil-fehma tal-appellanti, il-ġustifikazzjoni tal-għan neċessarju ma tikkonsistix fil-wiri li l-persuni ta’ referenza għandhom jirċievu paga ogħla. Dak li għandu jiġi ġġustifikat huwa li l-appellanti għandhom jitħallsu inqas u li l-paga inqas kienet l-uniku mezz li jinkisbu l-għanijiet imfittxa mill-intimati. Fi kwalunkwe każ, l-interessi tar-relazzjonijiet industrijali tajbin ma jistgħux jiġġustifikaw ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza.

III – Id-domandi preliminari

20.

F’dan il-kuntest, il-High Court qed tressaq dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-ewwel domanda preliminari:

 

F’ċirkustanzi fejn prima facie tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tkun taffettwa l-paga, bi ksur tal-Artikolu 141 (li issa sar l-Artikolu 157 TFUE) u tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, sabiex tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva, min iħaddem għandu jipprovdi:

a)

ġustifikazzjoni fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema li jissostitwixxu fil-pożizzjonijiet okkupati minnhom;

b)

ġustifikazzjoni għall-ħlas ta’ paga bbażata fuq rata ogħla lill-ħaddiema li jissostitwixxu; jew

ċ)

ġustifikazzjoni għall-ħlas ta’ paga bbażata fuq rata iktar baxxa lir-rikorrenti?

It-tieni domanda preliminari

 

F’ċirkustanzi fejn prima facie tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tkun taffettwa l-paga, sabiex tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva, min iħaddem għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fir-rigward:

a)

tal-ħaddiema speċifiċi li jissostitwixxu msemmija mir-rikorrenti u/jew,

b)

tal-ġeneralità tal-pożizzjonijiet li jiġu ssostitwiti [karigi ta’ referenza]?

It-tielet domanda preliminari

 

Jekk ir-risposta għad-domanda 2(b) tkun fl-affermattiv, il-ġustifikazzjoni oġġettiva xorta tkun stabbilita minkejja li tali ġustifikazzjoni ma tkunx tapplika għall-ħaddiema magħżula li jissostitwixxu?

Ir-raba’ domanda preliminari

 

Il-Labour Court, wettqet żball, skont id-dritt Komunitarju meta aċċettat li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-‘interessi ta’ relazzjonijiet industrijali tajba’ fid-determinazzjoni jekk min iħaddem jistax jiġġustifika b’mod oġġettiv id-differenza fil-paga?

Il-ħames domanda:

 

F’ċirkustanzi fejn prima facie tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tkun taffettwa l-paga, tista’ tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva abbażi tat-tħassib min-naħa tal-konvenut fir-rigward tar-relazzjonijiet industrijali? Tali tħassib għandu jkollu xi rilevanza fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva?”

21.

Il-High Court tgħid li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jqajmu domandi importanti tad-dritt Komunitarju li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma tat l-ebda deċiżjoni, minkejja l-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Bilka  ( 7 ).

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2011.

23.

L-appellanti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet ta’ Spanja u l-Irlanda u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

24.

Waqt is-seduta, li seħħet fit-12 ta’ Lulju 2012, l-appellanti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V – Argumenti

25.

L-appellanti fil-kawża prinċipali jikkontendu li, minkejja l-fatt li huma jagħmlu l-istess xogħol bħal uffiċjali tal-pulizija li huma assenjati għal karigi “deżinjati” jew “riżervati”, dawn tal-aħħar, bħala uffiċjali tal-pulizija, huma mħallsa rata ogħla. Fil-fehma tagħhom, l-appellanti fil-kawża prinċipali ma tawx prova ta’ kwalunkwe mill-bażijiet imsemmija biex jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dawn il-karigi “deżinjati”, pereżempju li min jokkupa dawn il-karigi huwa rikjest li jipprepara pjanijiet ta’ xogħol ta’ pulizija jew li dawn il-karigi huma meħtieġa biex jiżguraw kontinwità tas-servizz jew għall-finijiet tal-komunikazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jittrattaw esklużivament mal-uffiċjali tal-pulizija. Barra minn hekk, ġie stabbilit li xi uffiċjali tal-pulizija huma assenjati biex iwettqu doveri li ma jinvolvux l-użu ta’ setgħat tal-pulizija u li f’xi każijiet id-doveri tagħhom huma identiċi bħal dawk ta’ uffiċjali klerikali ċivili.

26.

Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, l-appellanti jargumentaw li min jimpjega għandu jiġġustifika li jħallashom b’rata iktar baxxa u, jekk ikun il-każ, juri li l-iżgurar tal-effiċjenza operazzjonali tal-pulizija ma tistax tintlaħaq bl-ebda mezzi oħra. B’rabta mat-tieni u t-tielet domandi preliminari, l-appellanti jargumentaw li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mal-persuni ta’ referenza speċifikati ċċitati minnhom li, bħalhom, ma humiex assenjati għal kwalunkwe mir-rwoli klerikali fil-pulizija li jirrikjedu setgħat tal-pulizija. Finalment, b’rabta mar-raba’ u l-ħames domandi, l-appellanti jsostnu li t-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali ma jistgħux jiġġustifikaw id-differenza fil-paga.

27.

Il-Gvern Irlandiż jibda billi jindika li l-Ministeru ma jaċċettax li l-appellanti u l-persuni ta’ referenza kienu involuti f’xogħol simili, u jargumenta li d-differenza fil-paga hija ġustifikata fuq bażijiet lil hinn mis-sess. Fi kwalunkwe każ, l-ekwivalenza tax-xogħol hija sempliċement preżunzjoni magħmula mil-Labour Court fl-interessi tal-ekonomija.

28.

B’rabta mal-ewwel domanda preliminari, il-Gvern Irlandiż jargumenta li dak li għandu jkun ġustifikat huma d-dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali li jiddiskriminaw kontra n-nisa, iżjed milli kwalunkwe rata partikolari ta’ paga jew l-użu tal-persuni ta’ referenza partikolari. F’dan il-każ, il-prattika inkwistjoni hija l-assenjazzjoni ta’ uffiċjali tal-pulizija għal karigi klerikali għal raġunijiet operazzjonali u li jitħallsu bir-rata applikabbli għall-kariga tagħhom. B’rabta mat-tieni domanda preliminari, il-Gvern Irlandiż iqis li l-ġustifikazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-ġeneralità tal-karigi ta’ referenza u li, ladarba l-prattika adottata ntweriet li hija ġustifikata, il-fatt li din taffettwa numru ikbar ta’ nisa milli rġiel ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 157 TFUE. Sa fejn it-tielet domanda preliminari hija kkonċernata, il-Gvern Irlandiż isostni li l-Labour Court ikkonkludiet li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mal-ġeneralità tad-doveri klerikali, billi qalet li ċerti karigi jinvolvu doveri li jirrikjedu għarfien u esperjenza fi kwistjonijiet tal-pulizija, li kien hemm bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz jew li, għal raġunijiet operazzjonali, in-numru ta’ karigi “deżinjati” ma jistax jaqa’ taħt 219. Fl-aħħar nett, il-fehma tal-Gvern Irlandiż hija li ma hemmx raġuni għaliex il-kunsiderazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali ma jistgħux jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest, minkejja li l-Labour Court għamlet dan biss b’rabta man-numru żgħir ta’ karigi “deżinjati” li ma humiex strettament neċessarji. Dan kien għaldaqstant kriterju li ma kienx rilevanti b’mod ġeneriku.

29.

Il-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol, b’rabta mal-ewwel tliet domandi preliminari, hija li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mad-differenza fir-rati tal-ħlas bejn l-appellanti u l-persuni ta’ referenza, filwaqt li jitħallew barra persuni oħra assenjati għal karigi “deżinjati”. Finalment, il-Gvern Spanjol ma jqisx li l-interessi ta’ relazzjonijiet industrijali tajbin jikkostitwixxu ġustifikazzjoni xierqa għad-deroga mid-dritt għal paga ugwali.

30.

Il-Kummissjoni tgħid, b’rabta mal-ewwel tliet domandi preliminari, li kwalunkwe differenza fil-paga għandha tkun oġġettivament ġustifikata, li tinvolvi, sa fejn din il-kawża hija kkonċernata, spjegazzjoni ta’ kif il-persuni ta’ referenza ġew użati fil-karigi tagħhom. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fejn jista’ jintwera li d-doveri mwettqa huma l-istess, bħal fil-każ ta’ uffiċjali tal-pulizija li baqgħu f’kariga klerikali għal ħafna snin mingħajr ma wettqu karigi ta’ pulizija, ikun diffiċli li tiġi ġġustifikata d-differenza fil-paga. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mad-differenza fir-rati tal-ħlas għal xogħol simili iżjed milli għall-fatt li grupp wieħed jew iżjed huma mħallsa rata ogħla jew iżjed baxxa. F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjoni għandha tkun ristretta għall-grupp ta’ persuni li jagħmlu xogħol simili għal dak tal-appellanti. Fir-rigward tar-raba’ u l-ħames domandi preliminari, il-Kummissjoni tissottometti li t-tfittxija tad-djalogu soċjali ma jassolvix lil min jimpjega mir-rekwiżit li jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva għal differenzi fir-rati tal-ħlas fejn ikun hemm diskriminazzjoni prima facie fuq bażi tas-sess.

VI – Evalwazzjoni

A – Osservazzjoni preliminari

31.

Sabiex jiġi definit is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandna nżommu f’moħħna li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qed tistenna risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess li hija allegata mill-appellanti fil-kawża prinċipali teżistix jew le. Id-domanda dwar jekk ġewx diskriminati b’dan il-mod jew le hija, fi kwalunkwe każ, kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qrati Irlandiżi.

32.

Meta ressqet id-domandi preliminari, il-High Court qalet b’mod ċar li qed tagħmel hekk “f’ċirkustanzi fejn prima facie ikun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-paga”. Għaldaqstant, id-diskriminazzjoni hija sempliċement preżunta għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kuntest li fih għandhom jiġu kkunsidrati d-domandi preliminari. Il-kwistjoni għaldaqstant ma hijiex li ssir evalwazzjoni tal-ugwaljanza iżda li jiġu mwieġba xi domandi verament preċiżi marbuta mad-definizzjoni tat-termini li fuqhom tista’ ssir evalwazzjoni ta’ dik ix-xorta.

33.

Fl-opinjoni tiegħi, il-ħames domandi preliminari magħmula mill-High Court jistgħu jiġu miġbura flimkien fi tliet gruppi.

34.

Fl-ewwel wieħed, ikun hemm l-ewwel domanda preliminari, jiġifieri, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, min jimpjega għandux jiġġustifika (A) l-użu tal-persuni magħżula mill-appellanti bħala persuni ta’ referenza f’karigi partikolari; (B) il-fatt li dawk il-persuni huma mħallsa rata ogħla; jew, (C) il-fatt li l-appellanti huma mħallsa rata iżjed baxxa. Dawn l-alternattivi kollha huma marbuta mad-differenza fit-trattament li huwa potenzjalment diskriminatorju. Essenzjalment, id-domanda hija: x’għandu jkun ġustifikat, l-użu ta’ individwi partikolari f’karigi partikolari jew ir-rati differenti ta’ ħlas li japplikaw għal individwi differenti?

35.

It-tieni grupp ikopri t-tieni u t-tielet domanda, li jistaqsu jekk il-ġustifikazzjoni meħtieġa għandhiex tkun marbuta ma’ (A) persuni ta’ referenza speċifiċi ċċitati jew (B) il-ġeneralità tal-karigi tal-persuni ta’ referenza u sa liema limitu. Meta tagħmel dawn id-domandi, il-High Court qiegħda essenzjalment tistaqsi x’għandu jkun it-terminu ta’ referenza suġġettiv rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza li għandha ssir sabiex tintlaħaq deċiżjoni dwar id-diskriminazzjoni allegata mill-appellanti.

36.

Finalment, ir-raba’ u l-ħames domandi jikkostitwixxu t-tielet grupp, marbut mal-merti ta’ kunsiderazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali bħala ġustifikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-High Court tistaqsi jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva aċċettabbli għad-differenza inkwistjoni. Id-dubju li għandha l-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt għaldaqstant huwa marbut biss ma’ aspett verament speċifiku ta’ waħda mill-partijiet kostituttivi tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza: il-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament li allegament hija diskriminatorja. Ma hijiex qed tfittex risposta dwar jekk id-differenza inkwistjoni hijiex kapaċi li tkun ġustifikata jew b’rabta mal-merti preċiżi tal-kunsiderazzjonijiet speċifikament imsemmija bħala ġustifikazzjoni; trid biss li taċċerta jekk, u sa fejn, iż-żamma ta’ relazzjonijiet industrijali tajba jistgħux jiġu inklużi bħala wieħed mill-kriterji li għandhom jintużaw biex jiġi evalwat jekk id-differenza fir-rati tal-ħlas hijiex oġġettivament ġustifikata.

37.

F’dan l-isfond, inqis li dawn il-proċeduri jiffukaw fuq tliet elementi fl-istruttura tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza: a) id-differenza fit-trattament li jirrikjedi l-ġustifikazzjoni, b) it-tertium comparationis b’referenza għal min ikun qed isofri differenza fit-trattament u,ċ) il-merti ta’ kwalunkwe mill-kriterji użati bħala bażi ta’ ġustifikazzjoni għad-differenza allegatament diskriminatorja fit-trattament ( 8 ).

B – Id-differenza fit-trattament

38.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-uffiċjali tal-pulizija użati f’karigi magħrufa bħala ‘karigi deżinjati’ jew ‘karigi riżervati’ huma mħallsa rata ogħla mill-appellanti fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li huma membri tal-Garda. Il-paga ogħla ma hijiex, għaldaqstant, konnessa mal-“kariga deżinjata jew riżervata”, li attwalment hija kariga klerikali ekwivalenti għall-karigi li għandhom l-appellanti, irrispettivament minn jekk f’ċerti każijiet jistax ikun hemm karigi li jistgħu jinżammu biss minn uffiċjali tal-pulizija peress li jinvolvu l-użu ta’ setgħat tal-pulizija fihom infushom. Anki dawk li nistgħu nsejħu “karigi klerikali b’aspetti tal-pulizija” fihom infushom ma jġorrux rata ogħla ta’ ħlas peress li, anki f’dawn il-każijiet, il-ħlas ogħla joħroġ mill-fatt li l-persuni li jokkupawhom huma uffiċjali tal-pulizija.

39.

Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li ma jagħmilx ħafna sens li tiġi provduta ġustifikazzjoni għall-użu f’karigi li fihom infushom ma jinvolvu l-ebda differenza fil-ħlas.

40.

Li għandu jiġi ġustifikat huwa l-fatt li, apparti l-każ ta’ dak li sejjaħt “karigi klerikali b’aspetti ta’ pulizija”, jeżisti fil-Garda numru ta’ karigi klerikali li, fuq il-preżunzjoni li jinvolvu xogħol li bażikament huwa indistingwibbli, jattiraw rata differenti ta’ ħlas minħabba l-kategorija ta’ impjegat taċ-ċivil li għaliha hija assenjata l-persuna li tokkupa dik il-kariga, u iżjed u iżjed meta dik ir-raġuni tissarraf, fil-prattika, f’differenza li primarjament hija ta’ żvantaġġ għan-nies, biex b’hekk indirettament tagħti lok għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess.

41.

Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li, il-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta esklużivament mad-differenza fil-paga. Fl-opinjoni tiegħi huwa rrilevanti jekk dan jitqiesx mill-perspettiva tal-paga ogħla jew dak tal-paga iktar baxxa. Il-fattur importanti huwa d-differenza fiha nfisha. Huwa biss ladarba jiġi stabbilit li teżisti differenza u, jekk inhu l-każ, li hija diskriminatorja, kif muri mill-evalwazzjoni rilevanti tal-ugwaljanza, li jkun wasal iż-żmien li wieħed jikkunsidra rimedju u għaldaqstant li jiddeċiedi jekk id-differenza għandhiex tiġi korretta billi tiġi aġġustata l-paga ’il fuq jew ’l isfel, jiġifieri, billi tiżdied il-paga ta’ dawk li tħallsu rata iktar baxxa, billi jitnaqqas il-ħlas tal-uffiċjali li tħallsu rata ogħla jew billi jiġu bbilanċjati l-pagi tat-tnejn f’punt fin-nofs bejn it-tnejn li huma. Dan ikun ukoll iż-żmien li jiġu indirizzati aspetti biex jerġa’ jkun hemm l-ugwaljanza, bħal, b’mod partikolari, iż-żmien għall-implementazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dak l-istadju jkun għadu ma ntalaħaqx fil-kawża prinċipali u ċertament ma jikkostitwixxix is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

42.

Għaldaqstant l-ewwel konklużjoni tiegħi hija li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari billi tgħid li, fiċ-ċirkustanzi fejn ikun hemm prima facie diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-ħlas, min jimpjega għandu jiġġustifika l-eżistenza tar-rati differenti tal-ħlas għaż-żewġ gruppi, li t-tnejn ġew murija li għandhom distribuzzjonijiet differenti bejn is-sessi, waqt li ma jkunx meħtieġ li jiġi determinat jekk l-anomalija tinsabx fil-ħlas ogħla jew f’dak iktar baxx. Għal dawn il-finijiet, il-fattur determinanti huwa li hemm disparità bejn it-tnejn.

C – Identifikazzjoni tat-tertium comparationis

43.

It-tieni u t-tielet domandi jikkonċernaw it-terminu ta’ referenza li lejh għandha tħares il-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk l-appellanti fil-kawża prinċipali humiex vittmi ta’ diskriminazzjoni.

44.

Ma għandix għalfejn ngħid li l-ugwaljanza hija, bħala definizzjoni, kunċett relattiv jew relazzjonali. Id-dritt tal-ugwaljanza ma huwa xejn iżjed minn dritt li tiġi trattat bl-istess termini bħal xi ħadd f’sitwazzjoni legali ekwivalenti. Għaldaqstant, huwa dritt li huwa dejjem affermat fuq tqabbil bejn mill-inqas żewġ suġġetti, oġġetti, ċirkustanzi jew sitwazzjonijiet.

45.

Allegazzjoni ta’ trattament inugwali dejjem tinvolvi tqabbil ma’ terza parti li, minkejja li tinsab f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-persuna li tagħmel l-allegazzjoni, tiġi trattata b’mod differenti. Sabiex iġġib prova tad-differenza li fuqha sar l-ilment, għaldaqstant, trid tkun kapaċi li tirreferi għal persuni ta’ referenza b’mod li juri din id-differenza. Jekk id-differenza tirriżulta mit-tqabbil, allura l-eżistenza tagħha tiddependi fuq l-identifikazzjoni korretta tal-elementi mqabbla.

46.

Hawnhekk ninsabu f’territorju viċin ħafna għal dak tal-oneru tal-prova fil-qasam tal-ugwaljanza. Il-fatt tal-provvista tat-terminu ta’ referenza ġust sabiex jiġi stabbilit li teżisti differenza ma huwiex, strettament, prova ta’ diskriminazzjoni. Minflok, hija preżunzjoni li fuqha tali prova hija bbażata, peress li jekk id-diskriminazzjoni hija kwalunkwe differenza fit-trattament li għaliha ma hemmx ġustifikazzjoni raġonevoli, it-tertium comparationis huwa t-terminu ta’ referenza li permezz tiegħu tiġi żvelata d-differenza li tirrikjedi l-ġustifikazzjoni.

47.

L-oneru li jiġi pruvat li teżisti differenza fit-trattament għandha tkun fuq il-persuna li tallega li d-differenza inkwistjoni ma hijiex ġustifikata jew hija diskriminatorja. F’dan ir-rigward għaldaqstant, allura, il-linji gwida osservati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-oneru tal-prova fil-qasam tal-inugwaljanza huma applikabbli. Għandu jiġi mfakkar li, fil-kliem tas-sentenza tal-Qorti f’Brunnhofer ( 9 ), “normalment huwa kompitu tal-persuna li tallega l-fatti b’appoġġ tal-allegazzjoni li tipprovdi l-provi ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-oneru tal-prova tal-eżistenza tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fil-kwistjoni tal-ħlas jaqa’ fuq il-ħaddiem li, peress li jemmen li huwa l-vittma ta’ tali diskriminazzjoni, jagħti bidu għal proċeduri legali kontra min jimpjegah bil-għan li titneħħa din id-diskriminazzjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Enderby, C-127/92, Ġabra p. I-5535, punt 13).”

48.

Għaldaqstant huwa kompitu tal-appellanti fil-kawża prinċipali li juru, fl-ewwel istanza, li hemm differenza fit-trattament billi jipprovdu termini ta’ referenza validi li juri l-eżistenza ta’ grupp ta’ persuni li, f’sitwazzjoni ekwivalenti għal tagħhom, jirċievu trattament differenti f’termini tar-rati tal-ħlas tagħhom.

49.

Ladarba jkun intwera li teżisti differenza, imbagħad ikun irid jiġi stabbilit jekk id-differenza hijiex diskriminatorja jew le, fi kliem ieħor, jekk hijiex ġustifikata jew le. Sa fejn id-determinazzjoni tat-terminu ta’ referenza huwa kkonċernat, madankollu, l-evalwazzjoni tal-ugwaljanza sseħħ fiż-żmien meta d-differenza tiġi identifikata.

50.

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma naħsibx li l-kwistjoni hija jekk it-terminu ta’ referenza rilevanti għandux ikun stabbilit minn persuni ta’ referenza speċifiċi ċċitati mill-appellanti jew il-ġeneralità ta’ karigi ta’ referenza (u, fil-każ tal-aħħar, xi jkunu l-konsegwenzi jekk il-ġustifikazzjoni potenzjali għad-differenza b’rabta ma’ tali karigi ma tkoprix il-persuni indikati mill-appellanti). Fl-opinjoni tiegħi, il-fattur determinanti huwa, pjuttost, jekk l-appellanti kinux kapaċi juru li kien hemm numru rappreżentattiv ta’ ħaddiema li, minkejja li jagħmlu xogħol li huwa ekwivalenti għax-xogħol imwettaq mill-appellanti, xorta jitħallsu rata ogħla.

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet din il-fehma fis-sentenza Brunnhofer, meta qalet li huwa kompitu ta’ min jimpjega li jġib prova li l-prattika fil-kwistjoni tal-pagi ma hijiex diskriminatorja “jekk il-ħaddiema mara tistabbilixxi, b’rabta ma’ numru relattivament kbir ta’ impjegati, li l-pagi medji għan-nisa huma inqas minn dawk għall-irġiel” (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Danfoss, 109/88, Ġabra p. I-3199, punt 16)’ ( 10 ).

52.

Fil-qosor, l-iżjed ħaġa importanti hija jekk l-appellanti kinux kapaċi li jipprovdu terminu ta’ referenza xieraq għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “numru relattivament kbir ta’ impjegati” li jagħmlu l-istess xogħol bħall-appellanti iżda huma mħallsa rata ogħla.

53.

Għaldaqstant il-problema hija waħda li jiġu evalwati l-provi fil-proċeduri u, għaldaqstant, hija kwistjoni li taqa’ quddiem il-qrati nazzjonali biex isolvuha. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-valur evidenzjali tal-istatistiċi prodotti fi proċeduri biex turi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta hija applikabbli. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Enderby ( 11 ), “huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk tistax tikkunsidra dawk l-istatistiċi, jiġifieri, jekk ikoprux biżżejjed individwi, jekk jurux fenomeni purament fortuwiti jew fuq żmien qasir, u jekk, b’mod ġenerali, jekk jidhrux li huma sinjifikanti”.

54.

F’sitwazzjoni, bħal din, ta’ diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess, huwa kompitu tal-appellanti li jipprovdu biżżejjed provi dwar l-eżistenza ta’ differenza li, huma jallegaw, fil-prattika tiżvantaġġa lin-nisa. Kif indikajt, għandhom jistabbilixxu li “numru relattivament kbir” ta’ rġiel, jew “numru biżżejjed” minnhom, huma ngaġġati f’xogħol ekwivalenti u huma mħallsa rata ogħla mill-appellanti u, b’mod iżjed ġenerali, b’rata ogħla minn grupp ta’ individwi magħmul l-iżjed minn nisa. Għandhom jagħmlu dan b’mod li jissuġġerixxi xi ħaġa li hija sistematika jew indikattiva ta’ struttura tal-pagi li hija intrinsikament diskriminatorja, iżjed milli fenomenu “fortuwitu” jew “fuq żmien qasir”.

55.

Naturalment, jekk id-deċiżjoni dwar id-differenza allegata tintlaħaqx fuq il-bażi ta’ tqabbil bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u dik tal-persuni ta’ referenza speċifiċi msemmija minnhom jew bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u dik tal-persuni li jokkupaw il-ġeneralità ta’ karigi “deżinjati” jew “riżervati” hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, il-ħaġa importanti hija li, bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-appellanti, il-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi b’kod konkret, skont ir-regoli applikabbli tal-provi taħt il-liġi proċedurali nazzjonali, li d-differenza allegata fil-fatt teżisti, peress li numru inekwivokalment rappreżentattiv ta’ rġiel li jagħmlu l-istess xogħol bħall-appellanti jitħallsu xorta waħda rata ogħla.

56.

It-tieni konklużjoni tiegħi għaldaqstant tkun li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni u t-tielet domandi b’mod li fiċ-ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-pagi, min jimpjega għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ numru sinjifikanti ta’ rġiel li jwettqu l-istess xogħol bħall-appellanti.

D – Xi kummenti dwar il-ġustifikazzjoni ta’ differenzi maħluqa mir-riorganizzazzjonijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħidma

57.

Fir-raba’ u l-ħames domandi, il-High Court qed tistaqsi jekk iż-żamma ta’ relazzjonijiet industrijali tajba hijiex aċċettabbli bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza fil-paga inkunsiderazzjoni. Kif diġà għedt, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qed titlob risposta b’rabta mal-merti preċiżi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija b’mod speċifiku bħala ġustifikazzjoni. Qiegħda sempliċement tistaqsi jekk, u sa fejn, iż-żamma ta’ relazzjonijiet industrijali tajba jistgħux jiġu inklużi bħala waħda mill-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fir-rati tal-pagi hijiex oġġettivament ġustifikata.

58.

Qabel ma nanalizza din il-kwistjoni, irrid insemmi li nsib li d-differenza fil-kliem taż-żewġ domandi toħloq xi ftit tal-konfużjoni. Fl-ewwel domanda, il-Qorti qiegħda tistaqsi jekk il-Labour Court, “bħala kwistjoni ta’ Liġi Komunitarja, [żbaljatx] meta aċċettat li ’l-interessi ta’ relazzjonijiet industrijali tajba’ setgħu jiġu aċċettati fid-determinazzjoni ta’ jekk min iħaddem jistax oġġettivament jiġġustifika d-differenza fil-pagi”. Fit-tieni domanda, tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, “tistax tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva abbażi tat-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali tal-intimat” u, addizzjonalment, jekk dan it-tħassib għandux “xi rilevanza għall-analiżi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva”.

59.

Nistqarr li nsib diffikultà biex nifhem id-differenza sottili fit-tifsir bejn iż-żewġ domandi. Niddubita jekk, fil-verità, hijiex qed issir domanda waħda dwar il-valur tal-kunsiderazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali bħala ġustifikazzjoni, b’kull waħda miż-żewġ domandi preliminari li jirreferu għal livell ta’ saħħa li dawn il-kunsiderazzjonijiet jista’ jkollhom bħala ġustifikazzjoni. Għaldaqstant, meta tistaqsi jekk dawn l-interessi “jistgħux jiġu kkunsidrati” fid-determinazzjoni jekk id-differenza fil-pagi hijiex oġġettivament ġustifikata, il-High Court qed tistaqsi jekk il-kriterju jistax jiġi evalwat. B’kuntrast, id-domanda dwar jekk il-ġustifikazzjoni oġġettiva tistax tiġi stabbilita “abbażi ta’ tħassib fuq ir-relazzjonijiet industrijali tal-intimat” qed tistaqsi jekk dan it-tħassib, minflok jiġi kkunsidrat bħala element wieħed, fost oħrajn, tal-ġustifikazzjoni, jistax imur lil hinn minn dan u jikkostitwixxi l-bażi tal-ġustifikazzjoni nfisha (li fuqha “toqgħod”).

60.

Nista’ ngħid f’dan il-punt li nemmen li t-tieni minn dawn il-possibbiltajiet ma hijiex vijabbli.

61.

Fl-ispjega tar-raġunijiet tiegħi biex nasal għal din id-deċiżjoni, irrid nibda billi nsemmi l-kuntest li fih iż-żamma tar-relazzjonijiet industrijali tajba saret kunsiderazzjoni rilevanti.

62.

Fir-realtà, id-differenza fil-paga lmentata mill-appellanti fil-kawża prinċipali tidher li tirriżulta b’konsegwenza ta’ riorganizzazzjoni fi ħdan il-Garda li taħtha ċerti karigi klerikali li kienu tradizzjonalment miżmuma minn uffiċjali tal-pulizija issa għandhom jittieħdu minn ċittadini ordinarji. Id-differenza fil-paga tirriżulta mill-fatt li, billi dawn tal-aħħar huma mħallsa bħala ċittadini ordinarji, dawk tal-ewwel baqgħu jitħallsu daqs uffiċjali tal-pulizija, sabiex id-differenza ma hijiex marbuta mal-kariga iżda mal-kategorija ta’ impjegati taċ-ċivili li jokkupawha.

63.

Bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza, l-awtorità tal-pulizija toqgħod fuq il-fatt li kien meħtieġ li tinżamm l-istruttura tal-ħlas għal uffiċjali tal-pulizija sabiex dawk li jwettqu doveri klerikali ma jarawx lilhom infushom bħala żvantaġġjati meta mqabbla mal-maġġoranza tal-uffiċjali tal-pulizija. Fil-fatt, il-ftehim milħuq għal dan l-effett mal-korpi rappreżentattivi tal-uffiċjali tal-pulizija jidher li kien fundamentali għas-suċċess tal-proċess tar-riorganizzazzjoni tal-Garda.

64.

Kif ingħad fil-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Prigge ( 12 ), “l-awtonomija tan-negozjar kollettiv jimmerita protezzjoni adegwata fil-qafas tal-Unjoni”. B’mod evidenti, parti mill-iżgurar tal-livelli xierqa tal-protezzjoni hija r-rispett għall-prinċipju tal-ugwaljanza. Barra li jinsab taħt it-Titolu III tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-forma tad-dritt li ma tiġix diskriminat fuq bażi tas-sess fil-qasam tal-pagi, dak il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 157 TFUE bħala wieħed li “jifforma parti mill-bażi tal-Komunità” ( 13 ).

65.

Fis-sentenza Prigge, indikajt li “ġurisprudenza estensiva affermat mill-ġdid li l-ftehim kollettiv ma huwiex eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet sanċiti fit-Trattat” u, b’mod iktar konkret, “li l-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u nisa, kif jidher fit-Trattati (suċċessivament, l-Artikoli 119 KE u 141 KE, attwalment l-Artikolu 157 TFUE) u fid-dritt sekondarju, japplika għall-ftehim kollettiv meta jkun hemm regola imperattiva” ( 14 ).

66.

Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li l-kwistjonijiet maqbula fil-kuntest tan-negozjati mar-rappreżentanti tal-pulizija ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet xierqa għall-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ differenza bħal dik li qed tiġi kkunsidrata fil-kawża prinċipali.

67.

Huwa veru li l-qorti tar-rinviju mhux qed tistaqsi speċifikament jekk il-ftehim milħuq mar-rappreżentanti tal-pulizija jistax jagħmel dan. Madankollu, huwa ċar, mill-mod li fih saret id-domanda, li r-rispett għat-termini maqbula huwa prerekwiżit għaż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba u dan it-tħassib huwa l-ġustifikazzjoni potenzjali għad-differenza fid-domanda.

68.

Ma għandi l-ebda dubju li dan it-tħassib, li huwa perfettament leġittimu fil-prinċipju, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi bażi suffiċjenti li fuqu tiġi ġġustifikata d-differenza fil-ħlas fuq il-bażi tas-sess ( 15 ).

69.

Dan ma jfissirx li, flimkien ma’ fatturi oħra, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tikkombina biex tifforma bażi suffiċjenti għall-ġustifikazzjoni. Huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk f’dan il-każ tali kombinazzjoni ta’ bażi għal ġustifikazzjoni hix preżenti. Huwa wkoll kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa l-piż relattiv li għandu jingħata għal din il-kunsiderazzjoni partikolari.

70.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, madankollu, tonqos milli ssemmi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-piż relattiv għandux jiddependi fuq it-tul taż-żmien meħud mir-riorganizzazzjoni amministrattiva li matulu d-differenza kkontestata fil-paga qamet u kompliet.

71.

B’dan infisser li ż-żamma tar-relazzjonijiet industrijali tajba ma tistax tingħata l-istess piż f’każijiet fejn ir-riorganizzazzjoni li tista’ tkun detrimentali għal tali kunsiderazzjonijiet tikkostitwixxi attakk iżjed serju fuq id-drittijiet jew aspettattivi tal-persuni kkonċernati, minħabba l-impożizzjoni mhux mistennija tagħha jew is-severità tagħha, bħal meta r-riorganizzazzjoni tkun mifruxa fuq tul taż-żmien sabiex l-impatt tagħha jitnaqqas permezz ta’ implementazzjoni gradwali, ippjanata u prevedibbli.

72.

Għaldaqstant il-qrati Irlandiżi għandhom jevalwaw l-importanza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni li bdiet fl-aħħar deċennju tas-seklu għoxrin u li r-riżultat tagħha llum jidher mill-informazzjoni pprovduta mill-partijiet tul dawn il-proċeduri.

73.

It-tielet u l-aħħar konklużjoni tiegħi għaldaqstant se tkun li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb ir-raba’ u l-ħames domandi b’mod li, fiċ-ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess, il-ġustifikazzjoni oġġettiva ma tkunx tista’ tiġi stabbilita billi wieħed joqgħod fuq it-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali tal-intimat biss. Tali tħassib jista’, madankollu, ikun rilevanti għal analiżi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, skont il-kuntest li fih jitqajjem tali tħassib.

VII – Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula lilha mill-High Court tkun is-segwenti:

1.

F’ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-pagi, bi ksur tal-Artikolu 141 KE (li issa sar l-Artikolu 157 TFUE) u d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, sabiex tiġi stabbilita l-ġustifikazzjoni oġġettiva, min jimpjega għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għad-differenza fil-pagi bħala tali.

2.

F’ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-pagi, min jimpjega għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ numru sinjifikanti ta’ nies li jwettqu l-istess xogħol bħall-appellanti.

3.

F’ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fil-pagi, il-ġustifikazzjoni oġġettiva ma tistax tiġi stabbilita billi wieħed joqgħod fuq it-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali tal-intimat biss. Dan it-tħassib jista’ jkun rilevanti għal analiżi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, skont il-kuntest li fih jitqajjem dan it-tħassib.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Lista aġġornata tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam tinstab fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (C-17/05, Ġabra p. I-9583).

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).

( 4 ) ĠU 2006 L 204, p. 23.

( 5 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-definizzjoni taqbel ukoll mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż [l-oneru] tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264) u fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għal impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).

( 6 ) L-Att dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg 1998 irrevoka u ssostitwixxa leġiżlazzjoni iżjed antika li kienet tittrasponi fil-liġi Irlandiża, inter alia, id-Direttiva 75/117. L-Equality Act 2004 emenda l-Att tal-1998 sabiex jittrasponi fil-liġi Irlandiża ċerti direttivi fil-qasam tal-ugwaljanza.

( 7 ) Kawża 170/84, Ġabra p. 1607.

( 8 ) Dwar l-istruttura tipika tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza ara, inter alia, R. Alexy, “Das allgemeine Gleichheitsrecht”, f’Theorie der Grundrechte, 5th ed., Suhrkamp, Frankfurt am Main. 2006, pp. 357 sa 393, u M. Sachs, “Zur dogmatischen Struktur der Gleichheitsrechte als Abwehrrechte”, f’DÖV, 1984, pp. 411 sa 419.

( 9 ) Kawża C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 52.

( 10 ) Kawża Brunnhofer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54.

( 11 ) iċċitata iktar ’il fuq, punt 17.

( 12 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 20001 (C-447/09, Ġabra p. I-8003).

( 13 ) Is-sentenza Cadman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28. L-Artikolu 157 TFUE nnifsu ġie definit bħala “id-dispożizzjoni ewlenija tal-liġi tal-impjieg dwar it-trattament ugwali” (S. Krebber, “Art. 157, Rn. 1” f’C. Callies and M. Ruffert, EUV.AEUV Kommentar, 4th ed., C.H. Beck, Munich, 2011.

( 14 ) Punt 45. Huma ċċitati s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455, punt 39); tat-8 ta’ Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (165/82, Ġabra p. 3431, punt 11); tas-27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska (C-33/89, Ġabra p. I-2591, punt 12); tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C-184/89, Ġabra p. I-297, punt 11); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 26); tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass (C-284/02, Ġabra p. I-11143, punt 25); u tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek (C-19/02, Ġabra p. I-11491, punt 43).

( 15 ) Dwar il-ġustifikazzjonijiet għal din id-differenza, b’mod ġenerali, ara T.K. Hervey, “EC Law on Justifications for Sex Discrimination in Working Life”, in Collective Bargaining, Discrimination, social security and European Integration, Bulletin of Comparative Labour Relations, Nru 48, 2003, p. 103 sa 152.


Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. Il-High Court tar-Repubblika tal-Irlanda qed tagħmel domandi preliminari dwar l-obbligu ta’ persuni li jimpjegaw li jipprovdi ġustifikazzjoni “f’ċirkostanzi fejn ikun hemm prima facie diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fil-pagi”. Il-High Court tistaqsi wkoll jekk, u sa fejn, l-interessi tar-relazzjonijiet industrijali tajba jistgħux b’mod leġittimu jikkostitwixxu waħda mill-kriterji għall-ġustifikazzjoni.

2. F’dan il-kuntest, it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri opportunità oħra sabiex jerġgħu jiġu kkunsidrati xi aspetti verament speċifiċi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess (2) . L-ewwel aspett jirrigwarda l-problema li jiġu definiti t-termini ta’ referenza li għandhom jintużaw fl-evalwazzjoni tal-ugwaljanza (it- tertium comparationis ); it-tieni aspett huwa marbut mal-kunsiderazzjoni tad-drittijiet u l-interessi li jikkompetu ma’ xulxin li jeżistu fis-sitwazzjoni verament speċifika ta’ riorganizzazzjonijiet amministrattivi li jinvolvu r-riallokazzjoni ta’ doveri f’tipi ta’ impjiegi fejn sess wieħed jew l-ieħor għad għandu preżenza dominanti.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 (3) jipprovdi hekk kif ġej:

“Il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, ’il quddiem imsejjaħ “prinċipju ta’ paga ndaqs”, ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fuq bażi tas-sess għar-rigward ta’ l-aspetti kollha u kondizzjonijiet ta’ ħlas.

Partikolarment, fejn sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ impjiegi hija użata biex tistabbilixxi paga, għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u għan-nisa u hekk imfassla li teskludi kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess”

4. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 75/117:

“L-Istati Membri għandhom ineħħu għal kollox kull diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa li toħroġ minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ paga ndaqs”.

5. L-Artikolu 4 tal-istess Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li disposizzjonijiet li jidhru fi ftehim kollettiv, skali ta’ paga, ftehim fuq pagi jew kuntratti ta’ impjieg individwali li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ paga ndaqs għandhom jew jistgħu jiġu dikjarati nulli u bla effett jew jistgħu ikunu emendati.”

6. L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom, skond iċ-ċirkostanzi nazzjonali u sistemi legali tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-prinċipju ta’ paga ndaqs ikun applikat. Huma għandhom jaraw li mezzi effettivi huma disponibbli biex jieħdu ħsieb li dan il-prinċipju ikun osservat.”

7. B’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009, id-Direttiva 75/117 ġiet imħassra bid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (4), li tipprovdi li r-referenzi kollha fil-leġiżlazzjoni l-oħra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għad-direttiva l-ġdida (Artikolu 34).

8. Permezz tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ dik id-Direttiva, “diskriminazzjoni indiretta” għandha tinkludi kull “dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa” (5) .

B – Id-dritt nazzjonali

9. L-Atti dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg (Employment Equality Acts) 1998-2004 jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fix-xogħol fuq il-bażi tas-sess (6) . Parti III tal-Att tal-1998 hija dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. It-Taqsima 18(1)(a), kif emendata, tipprovdi dan li ġej:

“Suġġett għall-paragrafu (b), għall-finijiet ta’ din il-Parti, “A” u “B” jirrapreżentaw 2 persuni tas-sess oppost li, fejn A hija mara, B huwa raġel u viċi versa.”

10. It-Taqsima 19, kif emendata, tipprovdi dan li ġej:

“1. Għandu jkun terminu tal-kuntratt li taħtu A hija impjegata li, skont dan l-Att, A għandha fi kwalunkwe żmien tkun intitolata għall-istess rata ta’ remunerazzjoni għax-xogħol li A tkun impjegata li tagħmel bħal B li, f’dak iż-żmien jew fi kwalunkwe ħin ieħor, ikun impjegat li jagħmel l-istess xogħol mill-istess persuna li timpjega jew persuna assoċjata.

[…]

4.(a) Id-diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta dispożizzjoni li tkun tidher newtrali tqiegħed lil persuni ta’ sess partikolari (li huma A jew B) fi żvantaġġ partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni meta mqabbla ma’ impjegati oħra tal-istess persuna li timpjega.

(b) Fejn japplika l-paragrafu (a), il-persuni msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu trattati kollha għall-finijiet tas-subtaqsima (1) bħala li jikkonformaw, skont il-każ, jew li ma jikkonformawx mad-dispożizzjoni kkonċernata, skont liema twassal għall-ogħla remunerazzjoni, sakemm id-dispożizzjoni ma tkunx ġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jinkiseb dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa.

(ċ) Fi kwalunkwe proċeduri, l-istatistiċi huma ammissibbli għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk din is-subtaqsima tapplika b’rabta ma’ A jew B.

5. Suġġett għas-subtaqsima (4), xejn f’din il-Parti ma tipprekludi lil persuni li jimpjegaw milli jħallsu, fuq bażijiet oħra apparti l-bażi tas-sess, rati differenti ta’ remunerazzjoni lil impjegati differenti.”

II – Il-fatti

11. L-appellanti fil-kawża prinċipali huma impjegati taċ-ċivil li jaħdmu fid-Department of Justice, Equality and Law Reform (Ministeru tal-Ġustizzja, tal-Ugwaljanza u tar-Riformi Leġiżlattivi) li huma assenjati xogħol klerikali f’An Garda Síochána (Pulizija Nazzjonali Irlandiża, iktar ’il quddiem, “Garda”). Ix-xogħlijiet klerikali jitwettqu wkoll minn uffiċjali tal-Garda (iktar ’il quddiem, “persuni ta’ referenza”). Dawn huma karigi klerikali speċifiċi riżervati għal dawn l-uffiċjali tal-Garda, imsejħa karigi “deżinjati” jew “riżervati”. Ir-remunerazzjoni hija determinata għaż-żewġ gruppi fuq il-bażi tal-kategorija ta’ impjegat fiċ-ċivil li għaliha jappartjenu.

12. It-trejdjunjin tal-appellanti għamlet allegazzjonijiet quddiem l-Equality Tribunal taħt l-Atti dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg 1998-2004 u, b’deċiżjoni ddatata t-22 ta’ Novembru 2005, it-Tribunal iddeċieda favur 7 mill-14-il appellant.

13. Id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ugwaljanza ġiet appellata quddiem il-Labour Court miż-żewġ partijiet. L-intimati ssottomettew, essenzjalment, (A) li l-allegazzjonijiet indikaw diskriminazzjoni diretta, (B) li l-appellanti tħallsu r-rata xierqa għall-grad ta’ uffiċjali klerikali, billi l-persuni ta’ referenza tħallsu r-rata applikabbli għall-grad tagħhom bħala membri tal-Garda, u (C) li r-rati differenti ta’ remunerazzjoni tħallsu fuq bażijiet oħra apparti s-sess, skont it-Taqsima 19(5) tal-Att tal-1998. Sostnew ukoll, sussidjarjament, li, fil-każ li tinstab diskriminazzjoni indiretta, id-differenza fir-remunerazzjoni tkun oġġettivament ġustifikata, abbażi tat-Taqsima 19(4) tal-Att 1998. L-appellanti argumentaw, essenzjalment, li l-kwistjoni kienet tikkonċerna diskriminazzjoni indiretta li fir-rigward tagħha ma kienx hemm ġustifikazzjoni oġġettiva.

14. Il-Labour Court iddeċidiet li l-allegazzjonijiet tal-14-il appellant ġew ikklassifikati bħala diskriminazzjoni indiretta u li l-proporzjonijiet ta’ rġiel u nisa fil-gruppi rilevanti kienu jiżvelaw prima facie diskriminazzjoni indiretta fil-pagi. Bil-qbil bejn il-partijiet, il-Labour Court iddeċidiet li tittratta l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni oġġettiva bħala kwistjoni preliminari. Għal dan il-għan, il-Qorti ppreżumiet, mingħajr ma ddikjarat dan, li l-appellanti u l-persuni ta’ referenza magħżula tagħhom kienu involuti f’“xogħol identiku” fi ħdan it-tifsira tat-Taqsima 7(1) tal-Att tal-1998. Din il-preżunzjoni kienet limitata għall-appellanti u l-persuni ta’ referenza magħżula tagħhom.

15. Wara li ddeċidiet b’dan il-mod, il-Labour Court talbet lill-intimati biex iżidu provi li juru ġustifikazzjoni oġġettiva. L-intimati argumentaw li l-użu tal-membri tal-Garda fil-karigi riżervati klerikali kien oġġettivament ġustifikat biex jintlaħqu l-ħtiġijiet operazzjonali tal-Garda u kien xieraq u meħtieġ għall-kisba ta’ dik il-ħtieġa operazzjonali li l-uffiċjali tal-pulizija assenjati għal dak ix-xogħol jitħallsu r-rata applikabbli għall-kariga tagħhom.

16. Il-prova tal-intimati indikat ukoll li n-numru ta’ karigi deżinjati kien ġie determinat bi qbil dwar ir-relazzjonijiet industrijali bejn il-maniġment tal-Garda u l-korpi rappreżentattivi tal-Garda u li t-tielet intimat imsemmi kien qed inaqqas in-numru ta’ karigi klerikali deżinjati okkupati mill-uffiċjali tal-pulizija f’kooperazzjoni mal-korpi rappreżentattivi tal-Garda. Dan il-proċess ta’ tnaqqis huwa magħruf bħala “civilianisation”. Ġie aċċettat mill-intimati li kien hemm numru żgħir ta’ karigi okkupati minn uffiċjali tal-pulizija li fir-rigward tagħhom ma kien hemm ebda ħtieġa operazzjonali għal uffiċjal tal-pulizija mħarreġ iżda l-intimati qalu li dawn il-karigi ma kinux rappreżentattivi tal-ġeneralità tal-karigi li fihom kienu użati l-membri tal-Garda, li fihom l-għarfien u l-esperjenza fil-pulizija huma rekwiżiti.

17. Fir-rigward tal-fatti ta’ din il-kawża, il-Labour Court iddeċidiet li kien hemm 353 kariga deżinjata okkupata mill-uffiċjali tal-pulizija meta l-allegazzjonijiet tal-bidla ġew sottomessi f’Lulju 2000, li minnhom 279 kienu okkupati minn irġiel u 74 minn nisa. Kien hemm 761 uffiċjal klerikali, l-iżjed nisa, użati f’karigi klerikali fi ħdan il-Garda. Il-Labour Court iddeċidiet ukoll li, fiż-żmien tas-seduta tal-Labour Court f’Mejju 2007, li n-numru ta’ karigi deżinjati kien 298 u li l-politika tal-intimati kienet li jitnaqqas dan in-numru għal 219 kariga ewlenija deżinjata.

18. Fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Lulju 2007, il-Labour Court laqgħet l-appell imressaq mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform. Il-qorti qalet li l-użu ta’ uffiċjali tal-pulizija għal xogħol klerikali jilħaq il-ħtiġijiet operazzjonali tal-pulizija jew il-ħtieġa li jiġi implementat il-proċess tas-“civilianisation” b’mod u b’pass li jiżgura l-appoġġ tal-korpi rappreżentattivi tal-pulizija. B’mod partikolari, il-ħlas lill-uffiċjali tal-pulizija assenjati għal dawn il-karigi klerikali bir-rata applikabbli lill-uffiċjali tal-pulizija jilħaq dan l-għan. Id-deċiżjoni tkompli tgħid li, meta wieħed iqis in-numru żgħir ta’ karigi “deżinjati”, iż-żamma tal-arranġamenti maqbula mal-korpi rappreżentattivi sakemm jitlesta l-proċess tas-“civilianisation” hija proporzjonali mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-pulizija.

19. L-appellanti ressqu appell fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-Labour Court quddiem il-High Court. L-appellanti sostnew li, bil-provi mressqa, kien skorrett li jiġi aċċettat li d-diskriminazzjoni indiretta kienet oġġettivament ġustifikata, meta l-ħtiġijiet operazzjonali ċċitati f’dan ir-rigward ma kinux japplikaw għall-karigi deżinjati kollha u, b’mod partikolari, ma kinux japplikaw għall-karigi miżmuma mill-persuni ta’ referenza magħżula. Fil-fehma tal-appellanti, il-ġustifikazzjoni tal-għan neċessarju ma tikkonsistix fil-wiri li l-persuni ta’ referenza għandhom jirċievu paga ogħla. Dak li għandu jiġi ġġustifikat huwa li l-appellanti għandhom jitħallsu inqas u li l-paga inqas kienet l-uniku mezz li jinkisbu l-għanijiet imfittxa mill-intimati. Fi kwalunkwe każ, l-interessi tar-relazzjonijiet industrijali tajbin ma jistgħux jiġġustifikaw ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza.

III – Id-domandi preliminari

20. F’dan il-kuntest, il-High Court qed tressaq dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-ewwel domanda preliminari:

F’ċirkustanzi fejn prima facie tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tkun taffettwa l-paga, bi ksur tal-Artikolu 141 (li issa sar l-Artikolu 157 TFUE) u tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, sabiex tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva, min iħaddem għandu jipprovdi:

a) ġustifikazzjoni fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema li jissostitwixxu fil-pożizzjonijiet okkupati minnhom;

b) ġustifikazzjoni għall-ħlas ta’ paga bbażata fuq rata ogħla lill-ħaddiema li jissostitwixxu; jew

ċ) ġustifikazzjoni għall-ħlas ta’ paga bbażata fuq rata iktar baxxa lir-rikorrenti?

It-tieni domanda preliminari

F’ċirkustanzi fejn prima facie tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tkun taffettwa l-paga, sabiex tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva, min iħaddem għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fir-rigward:

a) tal-ħaddiema speċifiċi li jissostitwixxu msemmija mir-rikorrenti u/jew,

b) tal-ġeneralità tal-pożizzjonijiet li jiġu ssostitwiti [karigi ta’ referenza]?

It-tielet domanda preliminari

Jekk ir-risposta għad-domanda 2(b) tkun fl-affermattiv, il-ġustifikazzjoni oġġettiva xorta tkun stabbilita minkejja li tali ġustifikazzjoni ma tkunx tapplika għall-ħaddiema magħżula li jissostitwixxu?

Ir-raba’ domanda preliminari

Il-Labour Court, wettqet żball, skont id-dritt Komunitarju meta aċċettat li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-‘interessi ta’ relazzjonijiet industrijali tajba’ fid-determinazzjoni jekk min iħaddem jistax jiġġustifika b’mod oġġettiv id-differenza fil-paga?

Il-ħames domanda:

F’ċirkustanzi fejn prima facie tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tkun taffettwa l-paga, tista’ tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva abbażi tat-tħassib min-naħa tal-konvenut fir-rigward tar-relazzjonijiet industrijali? Tali tħassib għandu jkollu xi rilevanza fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva?”

21. Il-High Court tgħid li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jqajmu domandi importanti tad-dritt Komunitarju li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma tat l-ebda deċiżjoni, minkejja l-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Bilka (7) .

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2011.

23. L-appellanti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet ta’ Spanja u l-Irlanda u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

24. Waqt is-seduta, li seħħet fit-12 ta’ Lulju 2012, l-appellanti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V – Argumenti

25. L-appellanti fil-kawża prinċipali jikkontendu li, minkejja l-fatt li huma jagħmlu l-istess xogħol bħal uffiċjali tal-pulizija li huma assenjati għal karigi “deżinjati” jew “riżervati”, dawn tal-aħħar, bħala uffiċjali tal-pulizija, huma mħallsa rata ogħla. Fil-fehma tagħhom, l-appellanti fil-kawża prinċipali ma tawx prova ta’ kwalunkwe mill-bażijiet imsemmija biex jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dawn il-karigi “deżinjati”, pereżempju li min jokkupa dawn il-karigi huwa rikjest li jipprepara pjanijiet ta’ xogħol ta’ pulizija jew li dawn il-karigi huma meħtieġa biex jiżguraw kontinwità tas-servizz jew għall-finijiet tal-komunikazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jittrattaw esklużivament mal-uffiċjali tal-pulizija. Barra minn hekk, ġie stabbilit li xi uffiċjali tal-pulizija huma assenjati biex iwettqu doveri li ma jinvolvux l-użu ta’ setgħat tal-pulizija u li f’xi każijiet id-doveri tagħhom huma identiċi bħal dawk ta’ uffiċjali klerikali ċivili.

26. Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, l-appellanti jargumentaw li min jimpjega għandu jiġġustifika li jħallashom b’rata iktar baxxa u, jekk ikun il-każ, juri li l-iżgurar tal-effiċjenza operazzjonali tal-pulizija ma tistax tintlaħaq bl-ebda mezzi oħra. B’rabta mat-tieni u t-tielet domandi preliminari, l-appellanti jargumentaw li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mal-persuni ta’ referenza speċifikati ċċitati minnhom li, bħalhom, ma humiex assenjati għal kwalunkwe mir-rwoli klerikali fil-pulizija li jirrikjedu setgħat tal-pulizija. Finalment, b’rabta mar-raba’ u l-ħames domandi, l-appellanti jsostnu li t-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali ma jistgħux jiġġustifikaw id-differenza fil-paga.

27. Il-Gvern Irlandiż jibda billi jindika li l-Ministeru ma jaċċettax li l-appellanti u l-persuni ta’ referenza kienu involuti f’xogħol simili, u jargumenta li d-differenza fil-paga hija ġustifikata fuq bażijiet lil hinn mis-sess. Fi kwalunkwe każ, l-ekwivalenza tax-xogħol hija sempliċement preżunzjoni magħmula mil-Labour Court fl-interessi tal-ekonomija.

28. B’rabta mal-ewwel domanda preliminari, il-Gvern Irlandiż jargumenta li dak li għandu jkun ġustifikat huma d-dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali li jiddiskriminaw kontra n-nisa, iżjed milli kwalunkwe rata partikolari ta’ paga jew l-użu tal-persuni ta’ referenza partikolari. F’dan il-każ, il-prattika inkwistjoni hija l-assenjazzjoni ta’ uffiċjali tal-pulizija għal karigi klerikali għal raġunijiet operazzjonali u li jitħallsu bir-rata applikabbli għall-kariga tagħhom. B’rabta mat-tieni domanda preliminari, il-Gvern Irlandiż iqis li l-ġustifikazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-ġeneralità tal-karigi ta’ referenza u li, ladarba l-prattika adottata ntweriet li hija ġustifikata, il-fatt li din taffettwa numru ikbar ta’ nisa milli rġiel ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 157 TFUE. Sa fejn it-tielet domanda preliminari hija kkonċernata, il-Gvern Irlandiż isostni li l-Labour Court ikkonkludiet li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mal-ġeneralità tad-doveri klerikali, billi qalet li ċerti karigi jinvolvu doveri li jirrikjedu għarfien u esperjenza fi kwistjonijiet tal-pulizija, li kien hemm bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz jew li, għal raġunijiet operazzjonali, in-numru ta’ karigi “deżinjati” ma jistax jaqa’ taħt 219. Fl-aħħar nett, il-fehma tal-Gvern Irlandiż hija li ma hemmx raġuni għaliex il-kunsiderazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali ma jistgħux jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest, minkejja li l-Labour Court għamlet dan biss b’rabta man-numru żgħir ta’ karigi “deżinjati” li ma humiex strettament neċessarji. Dan kien għaldaqstant kriterju li ma kienx rilevanti b’mod ġeneriku.

29. Il-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol, b’rabta mal-ewwel tliet domandi preliminari, hija li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mad-differenza fir-rati tal-ħlas bejn l-appellanti u l-persuni ta’ referenza, filwaqt li jitħallew barra persuni oħra assenjati għal karigi “deżinjati”. Finalment, il-Gvern Spanjol ma jqisx li l-interessi ta’ relazzjonijiet industrijali tajbin jikkostitwixxu ġustifikazzjoni xierqa għad-deroga mid-dritt għal paga ugwali.

30. Il-Kummissjoni tgħid, b’rabta mal-ewwel tliet domandi preliminari, li kwalunkwe differenza fil-paga għandha tkun oġġettivament ġustifikata, li tinvolvi, sa fejn din il-kawża hija kkonċernata, spjegazzjoni ta’ kif il-persuni ta’ referenza ġew użati fil-karigi tagħhom. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fejn jista’ jintwera li d-doveri mwettqa huma l-istess, bħal fil-każ ta’ uffiċjali tal-pulizija li baqgħu f’kariga klerikali għal ħafna snin mingħajr ma wettqu karigi ta’ pulizija, ikun diffiċli li tiġi ġġustifikata d-differenza fil-paga. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta mad-differenza fir-rati tal-ħlas għal xogħol simili iżjed milli għall-fatt li grupp wieħed jew iżjed huma mħallsa rata ogħla jew iżjed baxxa. F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjoni għandha tkun ristretta għall-grupp ta’ persuni li jagħmlu xogħol simili għal dak tal-appellanti. Fir-rigward tar-raba’ u l-ħames domandi preliminari, il-Kummissjoni tissottometti li t-tfittxija tad-djalogu soċjali ma jassolvix lil min jimpjega mir-rekwiżit li jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva għal differenzi fir-rati tal-ħlas fejn ikun hemm diskriminazzjoni prima facie fuq bażi tas-sess.

VI – Evalwazzjoni

A – Osservazzjoni preliminari

31. Sabiex jiġi definit is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandna nżommu f’moħħna li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qed tistenna risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess li hija allegata mill-appellanti fil-kawża prinċipali teżistix jew le. Id-domanda dwar jekk ġewx diskriminati b’dan il-mod jew le hija, fi kwalunkwe każ, kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qrati Irlandiżi.

32. Meta ressqet id-domandi preliminari, il-High Court qalet b’mod ċar li qed tagħmel hekk “f’ċirkustanzi fejn prima facie ikun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-paga”. Għaldaqstant, id-diskriminazzjoni hija sempliċement preżunta għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kuntest li fih għandhom jiġu kkunsidrati d-domandi preliminari. Il-kwistjoni għaldaqstant ma hijiex li ssir evalwazzjoni tal-ugwaljanza iżda li jiġu mwieġba xi domandi verament preċiżi marbuta mad-definizzjoni tat-termini li fuqhom tista’ ssir evalwazzjoni ta’ dik ix-xorta.

33. Fl-opinjoni tiegħi, il-ħames domandi preliminari magħmula mill-High Court jistgħu jiġu miġbura flimkien fi tliet gruppi.

34. Fl-ewwel wieħed, ikun hemm l-ewwel domanda preliminari, jiġifieri, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, min jimpjega għandux jiġġustifika (A) l-użu tal-persuni magħżula mill-appellanti bħala persuni ta’ referenza f’karigi partikolari; (B) il-fatt li dawk il-persuni huma mħallsa rata ogħla; jew, (C) il-fatt li l-appellanti huma mħallsa rata iżjed baxxa. Dawn l-alternattivi kollha huma marbuta mad-differenza fit-trattament li huwa potenzjalment diskriminatorju. Essenzjalment, id-domanda hija: x’għandu jkun ġustifikat , l-użu ta’ individwi partikolari f’karigi partikolari jew ir-rati differenti ta’ ħlas li japplikaw għal individwi differenti?

35. It-tieni grupp ikopri t-tieni u t-tielet domanda, li jistaqsu jekk il-ġustifikazzjoni meħtieġa għandhiex tkun marbuta ma’ (A) persuni ta’ referenza speċifiċi ċċitati jew (B) il-ġeneralità tal-karigi tal-persuni ta’ referenza u sa liema limitu. Meta tagħmel dawn id-domandi, il-High Court qiegħda essenzjalment tistaqsi x’għandu jkun it-terminu ta’ referenza suġġettiv rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza li għandha ssir sabiex tintlaħaq deċiżjoni dwar id-diskriminazzjoni allegata mill-appellanti.

36. Finalment, ir-raba’ u l-ħames domandi jikkostitwixxu t-tielet grupp, marbut mal-merti ta’ kunsiderazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali bħala ġustifikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-High Court tistaqsi jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva aċċettabbli għad-differenza inkwistjoni. Id-dubju li għandha l-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt għaldaqstant huwa marbut biss ma’ aspett verament speċifiku ta’ waħda mill-partijiet kostituttivi tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza: il-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament li allegament hija diskriminatorja. Ma hijiex qed tfittex risposta dwar jekk id-differenza inkwistjoni hijiex kapaċi li tkun ġustifikata jew b’rabta mal-merti preċiżi tal-kunsiderazzjonijiet speċifikament imsemmija bħala ġustifikazzjoni; trid biss li taċċerta jekk, u sa fejn, iż-żamma ta’ relazzjonijiet industrijali tajba jistgħux jiġu inklużi bħala wieħed mill-kriterji li għandhom jintużaw biex jiġi evalwat jekk id-differenza fir-rati tal-ħlas hijiex oġġettivament ġustifikata.

37. F’dan l-isfond, inqis li dawn il-proċeduri jiffukaw fuq tliet elementi fl-istruttura tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza: a) id-differenza fit-trattament li jirrikjedi l-ġustifikazzjoni, b) it- tertium comparationis b’referenza għal min ikun qed isofri differenza fit-trattament u,ċ) il-merti ta’ kwalunkwe mill-kriterji użati bħala bażi ta’ ġustifikazzjoni għad-differenza allegatament diskriminatorja fit-trattament (8) .

B – Id-differenza fit-trattament

38. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-uffiċjali tal-pulizija użati f’karigi magħrufa bħala ‘karigi deżinjati’ jew ‘karigi riżervati’ huma mħallsa rata ogħla mill-appellanti fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li huma membri tal-Garda. Il-paga ogħla ma hijiex, għaldaqstant, konnessa mal-“kariga deżinjata jew riżervata”, li attwalment hija kariga klerikali ekwivalenti għall-karigi li għandhom l-appellanti, irrispettivament minn jekk f’ċerti każijiet jistax ikun hemm karigi li jistgħu jinżammu biss minn uffiċjali tal-pulizija peress li jinvolvu l-użu ta’ setgħat tal-pulizija fihom infushom. Anki dawk li nistgħu nsejħu “karigi klerikali b’aspetti tal-pulizija” fihom infushom ma jġorrux rata ogħla ta’ ħlas peress li, anki f’dawn il-każijiet, il-ħlas ogħla joħroġ mill-fatt li l-persuni li jokkupawhom huma uffiċjali tal-pulizija.

39. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li ma jagħmilx ħafna sens li tiġi provduta ġustifikazzjoni għall-użu f’karigi li fihom infushom ma jinvolvu l-ebda differenza fil-ħlas.

40. Li għandu jiġi ġustifikat huwa l-fatt li, apparti l-każ ta’ dak li sejjaħt “karigi klerikali b’aspetti ta’ pulizija”, jeżisti fil-Garda numru ta’ karigi klerikali li, fuq il-preżunzjoni li jinvolvu xogħol li bażikament huwa indistingwibbli, jattiraw rata differenti ta’ ħlas minħabba l-kategorija ta’ impjegat taċ-ċivil li għaliha hija assenjata l-persuna li tokkupa dik il-kariga, u iżjed u iżjed meta dik ir-raġuni tissarraf, fil-prattika, f’differenza li primarjament hija ta’ żvantaġġ għan-nies, biex b’hekk indirettament tagħti lok għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess.

41. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li, il-ġustifikazzjoni għandha tkun marbuta esklużivament mad-differenza fil-paga. Fl-opinjoni tiegħi huwa rrilevanti jekk dan jitqiesx mill-perspettiva tal-paga ogħla jew dak tal-paga iktar baxxa. Il-fattur importanti huwa d-differenza fiha nfisha. Huwa biss ladarba jiġi stabbilit li teżisti differenza u, jekk inhu l-każ, li hija diskriminatorja, kif muri mill-evalwazzjoni rilevanti tal-ugwaljanza, li jkun wasal iż-żmien li wieħed jikkunsidra rimedju u għaldaqstant li jiddeċiedi jekk id-differenza għandhiex tiġi korretta billi tiġi aġġustata l-paga ’il fuq jew ’l isfel, jiġifieri, billi tiżdied il-paga ta’ dawk li tħallsu rata iktar baxxa, billi jitnaqqas il-ħlas tal-uffiċjali li tħallsu rata ogħla jew billi jiġu bbilanċjati l-pagi tat-tnejn f’punt fin-nofs bejn it-tnejn li huma. Dan ikun ukoll iż-żmien li jiġu indirizzati aspetti biex jerġa’ jkun hemm l-ugwaljanza, bħal, b’mod partikolari, iż-żmien għall-implementazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dak l-istadju jkun għadu ma ntalaħaqx fil-kawża prinċipali u ċertament ma jikkostitwixxix is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

42. Għaldaqstant l-ewwel konklużjoni tiegħi hija li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari billi tgħid li, fiċ-ċirkustanzi fejn ikun hemm prima facie diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-ħlas, min jimpjega għandu jiġġustifika l-eżistenza tar-rati differenti tal-ħlas għaż-żewġ gruppi, li t-tnejn ġew murija li għandhom distribuzzjonijiet differenti bejn is-sessi, waqt li ma jkunx meħtieġ li jiġi determinat jekk l-anomalija tinsabx fil-ħlas ogħla jew f’dak iktar baxx. Għal dawn il-finijiet, il-fattur determinanti huwa li hemm disparità bejn it-tnejn.

C – Identifikazzjoni tat-tertium comparationis

43. It-tieni u t-tielet domandi jikkonċernaw it-terminu ta’ referenza li lejh għandha tħares il-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk l-appellanti fil-kawża prinċipali humiex vittmi ta’ diskriminazzjoni.

44. Ma għandix għalfejn ngħid li l-ugwaljanza hija, bħala definizzjoni, kunċett relattiv jew relazzjonali. Id-dritt tal-ugwaljanza ma huwa xejn iżjed minn dritt li tiġi trattat bl-istess termini bħal xi ħadd f’sitwazzjoni legali ekwivalenti. Għaldaqstant, huwa dritt li huwa dejjem affermat fuq tqabbil bejn mill-inqas żewġ suġġetti, oġġetti, ċirkustanzi jew sitwazzjonijiet.

45. Allegazzjoni ta’ trattament inugwali dejjem tinvolvi tqabbil ma’ terza parti li, minkejja li tinsab f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-persuna li tagħmel l-allegazzjoni, tiġi trattata b’mod differenti. Sabiex iġġib prova tad-differenza li fuqha sar l-ilment, għaldaqstant, trid tkun kapaċi li tirreferi għal persuni ta’ referenza b’mod li juri din id-differenza. Jekk id-differenza tirriżulta mit-tqabbil, allura l-eżistenza tagħha tiddependi fuq l-identifikazzjoni korretta tal-elementi mqabbla.

46. Hawnhekk ninsabu f’territorju viċin ħafna għal dak tal-oneru tal-prova fil-qasam tal-ugwaljanza. Il-fatt tal-provvista tat-terminu ta’ referenza ġust sabiex jiġi stabbilit li teżisti differenza ma huwiex, strettament, prova ta’ diskriminazzjoni. Minflok, hija preżunzjoni li fuqha tali prova hija bbażata, peress li jekk id-diskriminazzjoni hija kwalunkwe differenza fit-trattament li għaliha ma hemmx ġustifikazzjoni raġonevoli, it- tertium comparationis huwa t-terminu ta’ referenza li permezz tiegħu tiġi żvelata d-differenza li tirrikjedi l-ġustifikazzjoni.

47. L-oneru li jiġi pruvat li teżisti differenza fit-trattament għandha tkun fuq il-persuna li tallega li d-differenza inkwistjoni ma hijiex ġustifikata jew hija diskriminatorja. F’dan ir-rigward għaldaqstant, allura, il-linji gwida osservati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-oneru tal-prova fil-qasam tal-inugwaljanza huma applikabbli. Għandu jiġi mfakkar li, fil-kliem tas-sentenza tal-Qorti f’Brunnhofer (9), “normalment huwa kompitu tal-persuna li tallega l-fatti b’appoġġ tal-allegazzjoni li tipprovdi l-provi ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-oneru tal-prova tal-eżistenza tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fil-kwistjoni tal-ħlas jaqa’ fuq il-ħaddiem li, peress li jemmen li huwa l-vittma ta’ tali diskriminazzjoni, jagħti bidu għal proċeduri legali kontra min jimpjegah bil-għan li titneħħa din id-diskriminazzjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Enderby, C-127/92, Ġabra p. I-5535, punt 13).”

48. Għaldaqstant huwa kompitu tal-appellanti fil-kawża prinċipali li juru, fl-ewwel istanza, li hemm differenza fit-trattament billi jipprovdu termini ta’ referenza validi li juri l-eżistenza ta’ grupp ta’ persuni li, f’sitwazzjoni ekwivalenti għal tagħhom, jirċievu trattament differenti f’termini tar-rati tal-ħlas tagħhom.

49. Ladarba jkun intwera li teżisti differenza, imbagħad ikun irid jiġi stabbilit jekk id-differenza hijiex diskriminatorja jew le, fi kliem ieħor, jekk hijiex ġustifikata jew le. Sa fejn id-determinazzjoni tat-terminu ta’ referenza huwa kkonċernat, madankollu, l-evalwazzjoni tal-ugwaljanza sseħħ fiż-żmien meta d-differenza tiġi identifikata.

50. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma naħsibx li l-kwistjoni hija jekk it-terminu ta’ referenza rilevanti għandux ikun stabbilit minn persuni ta’ referenza speċifiċi ċċitati mill-appellanti jew il-ġeneralità ta’ karigi ta’ referenza (u, fil-każ tal-aħħar, xi jkunu l-konsegwenzi jekk il-ġustifikazzjoni potenzjali għad-differenza b’rabta ma’ tali karigi ma tkoprix il-persuni indikati mill-appellanti). Fl-opinjoni tiegħi, il-fattur determinanti huwa, pjuttost, jekk l-appellanti kinux kapaċi juru li kien hemm numru rappreżentattiv ta’ ħaddiema li, minkejja li jagħmlu xogħol li huwa ekwivalenti għax-xogħol imwettaq mill-appellanti, xorta jitħallsu rata ogħla.

51. Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet din il-fehma fis-sentenza Brunnhofer, meta qalet li huwa kompitu ta’ min jimpjega li jġib prova li l-prattika fil-kwistjoni tal-pagi ma hijiex diskriminatorja “jekk il-ħaddiema mara tistabbilixxi, b’rabta ma’ numru relattivament kbir ta’ impjegati, li l-pagi medji għan-nisa huma inqas minn dawk għall-irġiel” (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Danfoss, 109/88, Ġabra p. I-3199, punt 16)’ (10) .

52. Fil-qosor, l-iżjed ħaġa importanti hija jekk l-appellanti kinux kapaċi li jipprovdu terminu ta’ referenza xieraq għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “numru relattivament kbir ta’ impjegati” li jagħmlu l-istess xogħol bħall-appellanti iżda huma mħallsa rata ogħla.

53. Għaldaqstant il-problema hija waħda li jiġu evalwati l-provi fil-proċeduri u, għaldaqstant, hija kwistjoni li taqa’ quddiem il-qrati nazzjonali biex isolvuha. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-valur evidenzjali tal-istatistiċi prodotti fi proċeduri biex turi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta hija applikabbli. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Enderby (11), “huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk tistax tikkunsidra dawk l-istatistiċi, jiġifieri, jekk ikoprux biżżejjed individwi, jekk jurux fenomeni purament fortuwiti jew fuq żmien qasir, u jekk, b’mod ġenerali, jekk jidhrux li huma sinjifikanti”.

54. F’sitwazzjoni, bħal din, ta’ diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess, huwa kompitu tal-appellanti li jipprovdu biżżejjed provi dwar l-eżistenza ta’ differenza li, huma jallegaw, fil-prattika tiżvantaġġa lin-nisa. Kif indikajt, għandhom jistabbilixxu li “numru relattivament kbir” ta’ rġiel, jew “numru biżżejjed” minnhom, huma ngaġġati f’xogħol ekwivalenti u huma mħallsa rata ogħla mill-appellanti u, b’mod iżjed ġenerali, b’rata ogħla minn grupp ta’ individwi magħmul l-iżjed minn nisa. Għandhom jagħmlu dan b’mod li jissuġġerixxi xi ħaġa li hija sistematika jew indikattiva ta’ struttura tal-pagi li hija intrinsikament diskriminatorja, iżjed milli fenomenu “fortuwitu” jew “fuq żmien qasir”.

55. Naturalment, jekk id-deċiżjoni dwar id-differenza allegata tintlaħaqx fuq il-bażi ta’ tqabbil bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u dik tal-persuni ta’ referenza speċifiċi msemmija minnhom jew bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u dik tal-persuni li jokkupaw il-ġeneralità ta’ karigi “deżinjati” jew “riżervati” hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, il-ħaġa importanti hija li, bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-appellanti, il-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi b’kod konkret, skont ir-regoli applikabbli tal-provi taħt il-liġi proċedurali nazzjonali, li d-differenza allegata fil-fatt teżisti, peress li numru inekwivokalment rappreżentattiv ta’ rġiel li jagħmlu l-istess xogħol bħall-appellanti jitħallsu xorta waħda rata ogħla.

56. It-tieni konklużjoni tiegħi għaldaqstant tkun li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni u t-tielet domandi b’mod li fiċ-ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-pagi, min jimpjega għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ numru sinjifikanti ta’ rġiel li jwettqu l-istess xogħol bħall-appellanti.

D – Xi kummenti dwar il-ġustifikazzjoni ta’ differenzi maħluqa mir-riorganizzazzjonijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħidma

57. Fir-raba’ u l-ħames domandi, il-High Court qed tistaqsi jekk iż-żamma ta’ relazzjonijiet industrijali tajba hijiex aċċettabbli bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza fil-paga inkunsiderazzjoni. Kif diġà għedt, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qed titlob risposta b’rabta mal-merti preċiżi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija b’mod speċifiku bħala ġustifikazzjoni. Qiegħda sempliċement tistaqsi jekk, u sa fejn, iż-żamma ta’ relazzjonijiet industrijali tajba jistgħux jiġu inklużi bħala waħda mill-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fir-rati tal-pagi hijiex oġġettivament ġustifikata.

58. Qabel ma nanalizza din il-kwistjoni, irrid insemmi li nsib li d-differenza fil-kliem taż-żewġ domandi toħloq xi ftit tal-konfużjoni. Fl-ewwel domanda, il-Qorti qiegħda tistaqsi jekk il-Labour Court, “bħala kwistjoni ta’ Liġi Komunitarja, [żbaljatx] meta aċċettat li ‘l-interessi ta’ relazzjonijiet industrijali tajba’ setgħu jiġu aċċettati fid-determinazzjoni ta’ jekk min iħaddem jistax oġġettivament jiġġustifika d-differenza fil-pagi”. Fit-tieni domanda, tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, “tistax tiġi stabbilita ġustifikazzjoni oġġettiva abbażi tat-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali tal-intimat” u, addizzjonalment, jekk dan it-tħassib għandux “xi rilevanza għall-analiżi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva”.

59. Nistqarr li nsib diffikultà biex nifhem id-differenza sottili fit-tifsir bejn iż-żewġ domandi. Niddubita jekk, fil-verità, hijiex qed issir domanda waħda dwar il-valur tal-kunsiderazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali bħala ġustifikazzjoni, b’kull waħda miż-żewġ domandi preliminari li jirreferu għal livell ta’ saħħa li dawn il-kunsiderazzjonijiet jista’ jkollhom bħala ġustifikazzjoni. Għaldaqstant, meta tistaqsi jekk dawn l-interessi “jistgħux jiġu kkunsidrati” fid-determinazzjoni jekk id-differenza fil-pagi hijiex oġġettivament ġustifikata, il-High Court qed tistaqsi jekk il-kriterju jistax jiġi evalwat. B’kuntrast, id-domanda dwar jekk il-ġustifikazzjoni oġġettiva tistax tiġi stabbilita “abbażi ta’ tħassib fuq ir-relazzjonijiet industrijali tal-intimat” qed tistaqsi jekk dan it-tħassib, minflok jiġi kkunsidrat bħala element wieħed, fost oħrajn, tal-ġustifikazzjoni, jistax imur lil hinn minn dan u jikkostitwixxi l-bażi tal-ġustifikazzjoni nfisha (li fuqha “toqgħod”).

60. Nista’ ngħid f’dan il-punt li nemmen li t-tieni minn dawn il-possibbiltajiet ma hijiex vijabbli.

61. Fl-ispjega tar-raġunijiet tiegħi biex nasal għal din id-deċiżjoni, irrid nibda billi nsemmi l-kuntest li fih iż-żamma tar-relazzjonijiet industrijali tajba saret kunsiderazzjoni rilevanti.

62. Fir-realtà, id-differenza fil-paga lmentata mill-appellanti fil-kawża prinċipali tidher li tirriżulta b’konsegwenza ta’ riorganizzazzjoni fi ħdan il-Garda li taħtha ċerti karigi klerikali li kienu tradizzjonalment miżmuma minn uffiċjali tal-pulizija issa għandhom jittieħdu minn ċittadini ordinarji. Id-differenza fil-paga tirriżulta mill-fatt li, billi dawn tal-aħħar huma mħallsa bħala ċittadini ordinarji, dawk tal-ewwel baqgħu jitħallsu daqs uffiċjali tal-pulizija, sabiex id-differenza ma hijiex marbuta mal-kariga iżda mal-kategorija ta’ impjegati taċ-ċivili li jokkupawha.

63. Bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza, l-awtorità tal-pulizija toqgħod fuq il-fatt li kien meħtieġ li tinżamm l-istruttura tal-ħlas għal uffiċjali tal-pulizija sabiex dawk li jwettqu doveri klerikali ma jarawx lilhom infushom bħala żvantaġġjati meta mqabbla mal-maġġoranza tal-uffiċjali tal-pulizija. Fil-fatt, il-ftehim milħuq għal dan l-effett mal-korpi rappreżentattivi tal-uffiċjali tal-pulizija jidher li kien fundamentali għas-suċċess tal-proċess tar-riorganizzazzjoni tal-Garda.

64. Kif ingħad fil-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Prigge (12), “l-awtonomija tan-negozjar kollettiv jimmerita protezzjoni adegwata fil-qafas tal-Unjoni”. B’mod evidenti, parti mill-iżgurar tal-livelli xierqa tal-protezzjoni hija r-rispett għall-prinċipju tal-ugwaljanza. Barra li jinsab taħt it-Titolu III tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-forma tad-dritt li ma tiġix diskriminat fuq bażi tas-sess fil-qasam tal-pagi, dak il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 157 TFUE bħala wieħed li “jifforma parti mill-bażi tal-Komunità” (13) .

65. Fis-sentenza Prigge, indikajt li “ġurisprudenza estensiva affermat mill-ġdid li l-ftehim kollettiv ma huwiex eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet sanċiti fit-Trattat” u, b’mod iktar konkret, “li l-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u nisa, kif jidher fit-Trattati (suċċessivament, l-Artikoli 119 KE u 141 KE, attwalment l-Artikolu 157 TFUE) u fid-dritt sekondarju, japplika għall-ftehim kollettiv meta jkun hemm regola imperattiva” (14) .

66. Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li l-kwistjonijiet maqbula fil-kuntest tan-negozjati mar-rappreżentanti tal-pulizija ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet xierqa għall-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ differenza bħal dik li qed tiġi kkunsidrata fil-kawża prinċipali.

67. Huwa veru li l-qorti tar-rinviju mhux qed tistaqsi speċifikament jekk il-ftehim milħuq mar-rappreżentanti tal-pulizija jistax jagħmel dan. Madankollu, huwa ċar, mill-mod li fih saret id-domanda, li r-rispett għat-termini maqbula huwa prerekwiżit għaż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba u dan it-tħassib huwa l-ġustifikazzjoni potenzjali għad-differenza fid-domanda.

68. Ma għandi l-ebda dubju li dan it-tħassib, li huwa perfettament leġittimu fil-prinċipju, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi bażi suffiċjenti li fuqu tiġi ġġustifikata d-differenza fil-ħlas fuq il-bażi tas-sess (15) .

69. Dan ma jfissirx li, flimkien ma’ fatturi oħra, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tikkombina biex tifforma bażi suffiċjenti għall-ġustifikazzjoni. Huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk f’dan il-każ tali kombinazzjoni ta’ bażi għal ġustifikazzjoni hix preżenti. Huwa wkoll kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa l-piż relattiv li għandu jingħata għal din il-kunsiderazzjoni partikolari.

70. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, madankollu, tonqos milli ssemmi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-piż relattiv għandux jiddependi fuq it-tul taż-żmien meħud mir-riorganizzazzjoni amministrattiva li matulu d-differenza kkontestata fil-paga qamet u kompliet.

71. B’dan infisser li ż-żamma tar-relazzjonijiet industrijali tajba ma tistax tingħata l-istess piż f’każijiet fejn ir-riorganizzazzjoni li tista’ tkun detrimentali għal tali kunsiderazzjonijiet tikkostitwixxi attakk iżjed serju fuq id-drittijiet jew aspettattivi tal-persuni kkonċernati, minħabba l-impożizzjoni mhux mistennija tagħha jew is-severità tagħha, bħal meta r-riorganizzazzjoni tkun mifruxa fuq tul taż-żmien sabiex l-impatt tagħha jitnaqqas permezz ta’ implementazzjoni gradwali, ippjanata u prevedibbli.

72. Għaldaqstant il-qrati Irlandiżi għandhom jevalwaw l-importanza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni li bdiet fl-aħħar deċennju tas-seklu għoxrin u li r-riżultat tagħha llum jidher mill-informazzjoni pprovduta mill-partijiet tul dawn il-proċeduri.

73. It-tielet u l-aħħar konklużjoni tiegħi għaldaqstant se tkun li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb ir-raba’ u l-ħames domandi b’mod li, fiċ-ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess, il-ġustifikazzjoni oġġettiva ma tkunx tista’ tiġi stabbilita billi wieħed joqgħod fuq it-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali tal-intimat biss. Tali tħassib jista’, madankollu, ikun rilevanti għal analiżi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, skont il-kuntest li fih jitqajjem tali tħassib.

VII – Konklużjoni

74. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula lilha mill-High Court tkun is-segwenti:

1. F’ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-pagi, bi ksur tal-Artikolu 141 KE (li issa sar l-Artikolu 157 TFUE) u d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, sabiex tiġi stabbilita l-ġustifikazzjoni oġġettiva, min jimpjega għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għad-differenza fil-pagi bħala tali.

2. F’ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess fil-pagi, min jimpjega għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ numru sinjifikanti ta’ nies li jwettqu l-istess xogħol bħall-appellanti.

3. F’ċirkustanzi fejn prima facie jkun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fil-pagi, il-ġustifikazzjoni oġġettiva ma tistax tiġi stabbilita billi wieħed joqgħod fuq it-tħassib tar-relazzjonijiet industrijali tal-intimat biss. Dan it-tħassib jista’ jkun rilevanti għal analiżi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, skont il-kuntest li fih jitqajjem dan it-tħassib.

(1) .

(2)  – Lista aġġornata tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam tinstab fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (C-17/05, Ġabra p. I-9583).

(3)  – Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).

(4)  – ĠU 2006 L 204, p. 23.

(5)  – Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-definizzjoni taqbel ukoll mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż [l-oneru] tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264) u fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għal impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).

(6)  – L-Att dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg 1998 irrevoka u ssostitwixxa leġiżlazzjoni iżjed antika li kienet tittrasponi fil-liġi Irlandiża, inter alia , id-Direttiva 75/117. L-Equality Act 2004 emenda l-Att tal-1998 sabiex jittrasponi fil-liġi Irlandiża ċerti direttivi fil-qasam tal-ugwaljanza.

(7)  – Kawża 170/84, Ġabra p. 1607.

(8)  – Dwar l-istruttura tipika tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza ara, inter alia , R. Alexy, “Das allgemeine Gleichheitsrecht”, f’ Theorie der Grundrechte , 5th ed., Suhrkamp, Frankfurt am Main. 2006, pp. 357 sa 393, u M. Sachs, “Zur dogmatischen Struktur der Gleichheitsrechte als Abwehrrechte”, f’ DÖV , 1984, pp. 411 sa 419.

(9)  – Kawża C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 52.

(10)  – Kawża Brunnhofer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54.

(11)  – iċċitata iktar ’il fuq, punt 17.

(12)  – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 20001 (C-447/09, Ġabra p. I-8003).

(13)  – Is-sentenza Cadman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28. L-Artikolu 157 TFUE nnifsu ġie definit bħala “id-dispożizzjoni ewlenija tal-liġi tal-impjieg dwar it-trattament ugwali” (S. Krebber, “Art. 157, Rn. 1” f’C. Callies and M. Ruffert, EUV.AEUV Kommentar , 4th ed., C.H. Beck, Munich, 2011.

(14) – Punt 45. Huma ċċitati s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455, punt 39); tat-8 ta’ Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (165/82, Ġabra p. 3431, punt 11); tas-27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska (C-33/89, Ġabra p. I-2591, punt 12); tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C-184/89, Ġabra p. I-297, punt 11); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 26); tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass (C-284/02, Ġabra p. I-11143, punt 25); u tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek (C-19/02, Ġabra p. I-11491, punt 43).

(15)  – Dwar il-ġustifikazzjonijiet għal din id-differenza, b’mod ġenerali, ara T.K. Hervey, “EC Law on Justifications for Sex Discrimination in Working Life”, in Collective Bargaining, Discrimination, social security and European Integration , Bulletin of Comparative Labour Relations , Nru 48, 2003, p. 103 sa 152.