KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-419/11

Česká spořitelna as

vs

Gerald Feichter

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Městký soud v Praze (ir-Repubblika Ċeka)]

“Ġurisdizzjoni — Materji kuntrattwali — Kuntratt konkluż minn konsumatur — Maniġer ta’ kumpannija — Ftehim ta’ kreditu magħmul mill-kumpannija — Promissory note stabbilita b’mod mhux komplut — Aval — Post tat-twettiq tal-obbligu”

1. 

Permezz ta’ din it-talba għal domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001 ( 2 ). L-isfond għal din il-kawża jinvolvi promissory note stabbilita b’mod mhux komplut minn kumpannija, li s-sede tagħha kien fi Stat Membru, favur sellief iddomiċiljat fl-istess Stat Membru. Il-promissory note ġiet stabbilita wkoll, b’aval ( 3 ), minn persuna fiżika konnessa mal-kumpannija iżda ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor. Fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas abbażi tal-promissory note miftuħa kontra dik il-persuna fl-ewwel Stat Membru, hija tista’ tinvoka li l-qrati ta’ dak l-Istat ma għandhomx ġurisdizzjoni abbażi li hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament, li japplikaw għall-konsumaturi? Jekk dan ma huwiex il-każ, jista’ d-detentur tal-promissory note jiftaħ proċeduri fl-Istat li fih il-promissory note inkwistjoni tidher li hija pagabbli – minkejja li ġiet stabbilita b’mod mhux komplut – abbażi li l-obbligu taħt il-promissory note huwa kopert mill-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” taħt l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament?

Il-kuntest legali

Il-Leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea ( ‘UE’)

2.

Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2002 ( 4 ). Huwa ssostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri ( 5 ), il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

3.

Il-premessi 11 sa 13 tar-Regolament jipprovdu hekk:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)

B’relazzjoni ma’ […] kuntratti tal-konsumatur […], il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

4.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament jistabbilixxi r-regola ġenerali li persuni ddomiċiljati fi Stat Membru għandhom jiġu mfittxa fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

5.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi serje ta’ eċċezzjonijiet parzjali għal din ir-regola. Sa fejn jestendi għal tilwimiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija:

(1)

(a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]”

6.

Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 ma joperawx b’mod li jeskludu l-ftuħ ta’ proċeduri fl-Istat Membru li fih huwa ddomiċiljat il-konvenut. Huma jipprovdu biss bażi alternattiva għal ġurisdizzjoni fil-każijiet li japplikaw għalihom.

7.

L-Artikoli 15 u 16 jiffurmaw parti mis-Sezzjoni 4 tar-Regolament, bl-isem “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”. Huma jiddisponu:

“'Artikolu 15

1.   F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, [...] jekk:

(a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

(b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[...]

L-Artikolu 16

[...]

(2)   Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

[...]”

8.

Minkejja li r-Regolament issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni li tat fir-rigward ta’ dan il-ftehim hija valida wkoll fir-rigward tar-Regolament kull meta ż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti ( 7 ).

Id-dritt nazzjonali

9.

Il-Paragrafu 75 tat-Titolu I tal-Liġi Nru 191/1950 dwar il-kambjali, il-promissory notes u ċ-ċekkijiet (Zákon směnečný a šekový) (iktar ’il quddiem iz-“ZSS”) jistabbilixxi ċerti rekwiżiti proċedurali marbuta mal-validità ta’ promissory note. Il-promissory note għandha, inter alia, tinkludi wegħda inkundizzjonata għall-ħlas ta’ somma ddeterminata ta’ flus f’ħin u post speċifikati. Permezz tal-Paragrafu 76, meta promissory note ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti hija ma tkunx valida ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet.

10.

Taħt il-Paragrafu 10 tat-Titolu I taz-ZSS, promissory note li ma tkunx kompluta meta tinħareġ hija sempliċement ta’ natura “embrijonali”. Meta sussegwentement titlesta, tiġi ttrattata daqs li kieku kienet kompluta minn meta nħarġet. Ma hemm l-ebda regola taħt id-dritt nazzjonali li tagħmel il-validità ta’ tali promissory note dipendenti fuq il-fatt li tkun ġiet kompluta skont kwalunkwe ftehim li jkun sar f’dak ir-rigward. Il-promissory note għaldaqstant tkun valida anki jekk id-detentur ikun komplieha b’mod li ma jirriflettix dak il-ftehim. Madankollu, jekk titkompla b’mod ħażin, f’ħafna każijiet, dan jagħti lid-debitur dritt ta’ oġġezzjoni.

11.

Permezz tal-Paragrafu 32(1) u (2) tat-Titolu I taz-ZSS, il-persuna li tagħti l-aval hija marbuta bl-istess mod bħall-persuna li għaliha sar garanti u l-garanzija tagħha hija effettiva anki meta l-obbligu li tkun iggarantixxiet ikun minnu nnifisu mhux infurzabbli, sakemm ir-raġuni ma tkunx difett ta’ forma.

12.

Taħt id-dritt nazzjonali, promissory note hija meqjusa bħala sigurtà astratta li ma għandhiex in-natura ta’ kuntratt, anki jekk tista’ tkun il-prodott, f’forma materjali, tal-ftehim li jipprovdi għall-ħruġ tagħha ( 8 ).

Fatti, proċedura u d-domandi preliminari

13.

Fit-28 ta’ April 2004, Feichter-CZ s.r.o. (iktar ’il quddiem il-“parti li ssellfet”), kumpannija li għandha s-sede tagħha fir-Repubblika Ċeka, daħlet fi ftehim ta’ overdraft (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Kreditu”) ma’ Česká Spořitelna a.s. (iktar ’il quddiem il-“parti li sellfet”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija wkoll iddomiċiljata f’dak l-Istat Membru. Il-faċilità ta’ self taħt il-Ftehim ta’ Kreditu ġiet ipprovduta għall-għanijiet tan-negozju tal-parti li ssellfet. Fl-istess data, il-parti li ssellfet ħarġet u tat lill-parti li sellfet promissory note għas-somma ta’ CZK 5 000 000 (li jammontaw għal madwar EUR 193 000 skont ir-rati tal-kambju attwali).

14.

Il-promissory note inħarġet b’mod mhux komplut, mingħajr id-dettalji tal-ammont, id-data u l-post ta’ pagament. Hija ġiet iffirmata għan-nom tal-parti li ssellfet minn G. Feichter, il-konvenut fil-kawża prinċipali, fil-kapaċità tiegħu bħala l-maniġer tal-parti li ssellfet. Huwa ffirma wkoll bħala individwu, bl-indikazzjoni “per aval”, u b’hekk assuma r-responsabbiltà fuqu nnifsu għall-ħlas tal-promissory note skont it-termini tagħha ( 9 ). Minbarra li huwa marbut mill-viċin mal-parti li ssellfet peress li huwa l-maniġer tagħha, G. Feichter kellu wkoll, fiż-żmien li fih saru l-arranġamenti, sehem ta’ 60 % minnha ( 10 ).

15.

Id-dettalji tal-ammont tal-promissory note, flimkien mad-data u l-post tal-pagament ġew sussegwentement miżjuda mill-parti li sellfet skont ftehim ieħor bejn il-parti li sellfet, il-parti li ssellfet u G. Feichter (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Supplimentali”.

16.

Għalkemm il-promissory note ġiet ippreżentata għall-ħlas fid-data tal-iskadenza fil-post tal-pagament, hija ma ġietx onorata.

17.

Il-parti li sellfet għaldaqstant fetħet kawża kontra G. Feichter quddiem il-Městský soud v Praze (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Belt ta’ Praga”) fejn talbet ħlas tas-somma prinċipali dovuta taħt il-promissory note, flimkien ma’ interessi bir-rata ta’ 6 % fis-sena fuq dak l-ammont mit-28 ta’ Mejju 2008 sad-data tal-ħlas u kummissjoni ta’ CZK 16 666 (li jammontaw għal madwar EUR 645 skont ir-rati tal-kambju attwali) fuq il-promissory note.

18.

G. Feichter qajjem l-eċċezzjoni tul il-proċeduri li l-Městský soud v Praze ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddeċiedi l-kawża kontrih. Il-bażi għal din l-eċċezzjoni kienet li, peress li huwa persuna fiżika ddomiċiljat fl-Awstrija, kwalunkwe proċeduri li għandhom l-għan li jinfurzaw il-ħlas taħt il-promissory note huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni fuq il-kuntratti tal-konsumatur u għandhom, b’konsegwenza ta’ dan, jinfetħu f’dak l-Istat Membru.

19.

Il-qorti nazzjonali hija tal-fehma li deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament hija meħtieġa sabiex tippermettilha tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni fil-kawża quddiemha. Fl-istess ħin, u fl-interessi tal-ekonomija tal-ġudizzju, hija tikkunsidra li għandha tfittex ukoll kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament, sa fejn dak l-artikolu jista’ jkun rilevanti biex jiddetermina l-ġurisdizzjoni fil-kawża prinċipali jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 15 ma japplikax. Għaldaqstant hija ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.

“1.   L-espressjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu’, użata fl-Artikolu 15(1), tar-[Regolament], tista’ tiġi interpretata fis-sens li tinkludi wkoll id-drittijiet li jirriżultaw mill-promissory note, stabbilita b’mod mhux komplut, li l-benefiċjarju jinvoka kontra dak li jagħti l-aval għan-nom ta’ min ħareġ il-promissory note?

2.   Minkejja r-risposta għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, b’kunsiderazzjoni esklużiva tal-kontenut tal-promissory note bħala tali, hija tinkludi wkoll id-drittijiet li jirriżultaw mill-promissory note, stabbilita b’mod mhux komplut, li l-benefiċjarju juża kontra dak li jagħti l-aval għan-nom ta’ min ħareġ il-promissory note?”

20.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-parti li sellfet, mir-Repubblika Ċeka, mill-Konfederazzjoni Svizzera ( 11 ) u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni ġew irrappreżentati u għamlu sottomissjonijiet orali lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

Ammissibbiltà

21.

Skont il-parti li sellfet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-ewwel domanda bħala inammissibbli, peress li hija purament ipotetika. Kif qed nifhem l-argumenti ta’ din il-parti f’dan ir-rigward, in-natura ipotetika tad-domanda preliminari għandha tiġi inferita mill-fatt li (fil-fehma tal-parti li sellfet), G. Feichter ma għandux jiġi ttrattat bħala konsumatur għall-finijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament.

22.

Madankollu, il-qorti nazzjonali għamlitha ċara fid-deċiżjoni tar-rinviju li tqis il-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni bħala kruċjali għad-determinazzjoni ta’ jekk għandhiex ġurisdizzjoni fil-kawża li għandha quddiemha. Peress li parti importanti tad-difiża ta’ G. Feichter fil-kawża prinċipali tidher li hija bbażata preċiżament fuq l-argument li huwa konsumatur għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament, ma jista’ jkun hemm l-ebda bażi li fuqha l-ewwel domanda tista’ titqies li hija ipotetika. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

Il-kuntest

23.

Qabel ma nindirizza l-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti nazzjonali, ser nagħmel osservazzjoni ġenerali waħda. B’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, f’sitwazzjonijiet ta’ bidu tan-negozju, hija prattika normali li l-parti li ssellef lil persuna ġuridika teżiġi, qabel ma tagħmel il-fondi disponibbli, li tiġi pprovduta garanzija minn wieħed jew iżjed mill-individwi li huma s-sidien u/jew li jmexxu lil din il-persuna ġuridika. Ir-raġuni hija ovvja. Fiż-żmien li fih isiru l-arranġamenti tas-self, il-persuna ġuridika jkollha ftit assi li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-ħlas lura jew anki forsi ma jkollhiex. Filwaqt li kemm il-parti li ssellef kif ukoll il-parti li tissellef jistgħu jittamaw u jemmnu li n-negozju ser jiġġenera l-assi meħtieġa b’konsegwanza tal-fondi magħmula disponibbli, dan ir-riżultat ma huwiex żgurat. Il-parti li ssellef, għal raġunijiet kummerċjali sodi, għandu jħares lejn sors alternattiv ta’ ħlas lura fil-każ li l-affarijiet ma jipproċedux kif ippjanat. Dawn l-arranġamenti jsiru fuq bażi kwotidjana fl-Unjoni. Bl-ebda mod ma jirrapreżentaw xi ħaġa mhux tas-soltu.

24.

Il-fatti ta’ din il-kawża, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju u mqassra hawn fuq, jaqgħu preċiżament taħt din il-kategorija. Ma humiex imxekklin b’uħud mill-kumplikazzjonijiet li jistgħu jqumu f’arranġamenti ta’ self iżjed kumplessi – fejn, pereżempju, il-parti li ssellef tista’ tidħol fi ftehim ma’ parti oħra fin-negozju sabiex jendorsja jew jittrasferixxi promissory note pprovduta bħala parti mill-arranġamenti kuntrattwali sottostanti. Lanqas, kif tagħmilha ċara d-deċiżjoni tar-rinviju, ma hemm tilwim bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-post tal-ħlas taħt il-promissory note li l-parti li sellfet trid jinforza kontra G. Feichter, bħala l-persuna li tat l-aval fuqha. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fi kliem ieħor, qed tintalab tikkunsidra serje ta’ tranżazzjonijiet li għandhom fuq kwalunkwe bażi jiġu kkunsidrati bħala sempliċi u għandhom jiġi analizzati bħala tali.

L-ewwel domanda preliminari

25.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti nazzjonali qed tfittex kjarifika dwar l-applikazzjoni għall-kawża prinċipali tar-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament.

26.

Peress li l-Artikoli 15 u 16 jikkostitwixxu lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ( 12 ), huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tal-ewwel japplikax qabel ma tiġi kkunsidrata r-rilevanza ta’ dak tal-aħħar. Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 16(2) hija esklużiva. Jekk dik id-dispożizzjoni tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab iddomiċiljat G. Feichter, ir-regoli li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni fuq tilwimiet kuntrattwali stipulati fl-Artikolu 5(1) ma jistgħux, bħala definizzjoni, ikunu rilevanti.

27.

Kif tindika l-Kummissjoni, għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu japplikaw l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament. L-ewwel nett, il-kuntratt inkwistjoni għandu jkun ġie konkluż minn konsumatur. It-tieni nett, dak il-kuntratt għandu jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 15(1). Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

28.

L-għan tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 huwa li tiġi żgurata protezzjoni xierqa għall-konsumatur bħala l-parti kontraenti meqjusa bħala ekonomikament iżjed dgħajfa u b’inqas esperjenza fi kwistjonijiet legali mill-parti kontraenti professjonali l-oħra ( 13 ). Għaldaqstant, iservu objettiv differenti minn dak tal-Artikolu 5 tar-Regolament, li huwa dak li jirrifletti fattur ta’ konnessjoni mill-qrib bejn it-tilwima u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni permezz ta’ dawk l-eċċezzjonijiet ( 14 ).

29.

Huwa forsi għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha t-tendenza li tagħti interpretazzjoni stretta lill-Artikoli 15 u 16 ( 15 ). Għaldaqstant, fis-sentenza Benincasa ( 16 ), hija ddeċidiet li “huma biss il-kuntratti konklużi bl-għan li jilħqu l-ħtiġijiet individwali f’termini ta’ konsum privat li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet intiżi li jipproteġu l-konsumatur bħala l-iżjed parti dgħajfa ekonomikament. Il-protezzjoni speċifika li jagħtu dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ kuntratti għall-finijiet ta’ kummerċ jew attività professjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 17 ). Id-dispożizzjonijiet japplikaw biss sa fejn l-azzjoni “hija marbuta b’mod ġenerali ma’ kuntratt konkluż minn konsumatur għal skop lil hinn min-negozju jew il-professjoni tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 18 ).

30.

Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-każ fil-proċeduri ewlenin, jien noffri l-osservazzjonijiet li ġejjin.

31.

Sabiex tkun ta’ għajnuna għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali inkludiet dettalji partikolari tal-isfond fattwali li temmen li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma mid-domandi preliminari. Dawn id-dettalji huma msemmija fil-qosor fil-punti 13 sa 18 hawn fuq. Huma jinkludu informazzjoni dwar l-għan li għalih sar il-Ftehim ta’ Kreditu u r-rwol ta’ G. Feichter bħala parteċipant fid-dokumentazzjoni li saret disponibbli lil parti li sellfet taħt dak il-ftehim u l-Ftehim Supplimentali, inkluża l-promissory note. Il-provvista ta’ dawn id-dettalji partikolari mill-qorti nazzjonali hija parti standard tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Din tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġiba utli għad-domandi preliminari. Għaldaqstant huwa mminimizzat ir-riskju li r-risposta fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ dritt tal-UE tkun ipotetika, billi tonqos milli tindirizza kwistjonijiet li huma essenzjali għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali jew, fil-fatt, tindirizza kwistjonijiet li ma huma ta’ ebda rilevanza għal dik it-tilwima.

32.

Fil-każ normali, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika dik ir-risposta għall-fatti tal-każ quddiemha, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti gwida bbażata fuq id-dokumenti fil-każ u l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ġew sottomessi lilha ( 19 ). F’ċerti każijiet, madankollu, din il-Qorti tista’ tiddetermina li tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali tweġiba iżjed sħiħa. Għaldaqstant, fis-sentenza British Telecommunications ( 20 ), każ li jinvolvi obbligu ta’ Stat Membru li jħallas kumpens għal dannu subit b’konsegwenza tan-nuqqas tiegħu li jittrasponi direttiva korrettement fil-liġi nazzjonali, il-Qorti ddeċidiet li: “Filwaqt li bħala prinċipju huma l-qrati nazzjonali li jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt Komunitarju humiex sodissfati, f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tevalwa jekk il-fatti jammontawx għal ksur serju biżżejjed tad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 21 )

33.

Jidhirli li l-istess prinċipju japplika b’analoġija għal din il-kawża. Peress li l-qorti nazzjonali kienet ta’ għajnuna bil-materjal ta’ sfond iddettaljat li pprovdiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tivverifika hi stess jekk id-definizzjoni ta’ “konsumatur” għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament hijiex sodisfatta fil-kawża ta’ G. Feichter. Hawn, ma hemm l-ebda suġġeriment li huwa assuma l-obbligi jew permezz tal-aval jew taħt il-Ftehim Supplimentali għall-finijiet tal-konsum privat tiegħu jew għal finijiet lil hinn min-negozju jew professjoni tiegħu. Fil-fatt, jidher li l-każ huwa eżattament il-kontra ta’ dan. Dawk l-arranġamenti saru b’garanzija ta’ faċilità ta’ kreditu magħmula disponibbli lill-parti li ssellfet, entità kummerċjali, għall-finijiet tan-negozju tagħha. Dik l-entità kienet waħda li G. Feichter kien konness mill-qrib magħha. L-isem tan-negozju kien jinkorpora kunjomu, huwa kien il-maniġer tiegħu u azzjonist ewlieni fil-kumpannija ( 22 ).

34.

Għaldaqstant inqis li l-kwalità tal-konsumatur, li hija essenzjali għall-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn G. Feichter fil-kawża prinċipali, hija kompletament nieqsa f’din il-kawża. Il-fatt li konvenut jista’ jkun persuna fiżika u, bħala tali, aktarx li jkun “konsumatur” għal ċerti skopijiet tal-ħajja kwotidjana tiegħu ma jfissirx, fiha nnifisha li l-persuna tkun awtomatikament intitolata li tinvoka l-Artikolu 15(1) tar-Regolament fi kwalunkwe kawża li tinġieb kontriha.

35.

Minħabba dan, id-domanda ta’ jekk il-kuntratt jaqax fi ħdan waħda mill-kategoriji mniżżla fl-Artikolu 15(1) ma tqumx.

36.

Għal finijiet ta’ kompletezza, inżid kumment wieħed jew tnejn dwar in-natura ta’ “kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur” għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament. Peress li jien tal-fehma li din il-kwistjoni ma għandha l-ebda effett fuq ir-riżoluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, ser inżomm fil-qosor u mhux ser nipprova nidħol fiha fid-dettall.

37.

Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tirrapreżenta, jidhirli, eżempju perfett ta’ każ fejn forma ta’ obbligu ta’ garanzija ttieħed minn individwu li ma huwiex kopert mid-dispożizzjonijiet marbuta mal-konsumaturi fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament. Ma hemm l-ebda element quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li l-faċilità (sostanzjali) disponibbli għall-parti li ssellfet u ggarantita mill-aval kellha x’taqsam mal-finanzjament ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ persuna fiżika għax-xiri ta’ oġġetti konsumabbli.

38.

Ejja nieħdu eżempju ieħor, sabiex nuru n-naħa l-opposta tal-ispettru. Minuri jixtieq jixtri smartphone iżda l-fornitur, li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, jirrifjuta li jidħol f’kuntratt ta’ xiri mingħajr ma l-ġenituri tiegħu jaqblu li joqogħdu bħala garanti tal-obbligi tiegħu fuq il-kuntratt. Il-ġenituri jipprovdu l-garanzija meħtieġa u l-minuri jixtri l-ismartphone. Fil-kuntratt li jkun daħal fih mal-fornitur, il-minuri huwa ċarament konsumatur. L-Artikoli 15 u 16 japplikaw għalih f’każ li l-fornitur jipprova jibda proċeduri kontrih taħt il-kuntratt.

39.

X’inhi l-pożizzjoni tal-ġenituri? Jidhirli li huma wkoll, huma intitolati għall-protezzjoni li jagħtu dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ir-riżultat jirrifletti l-iskema globali tar-Regolament. Filwaqt li dawn ikunu, wieħed jimmaġina, iżjed esperjenzati u finanzjarjament solventi minn uliedhom, madankollu xorta jistgħu jitqiesu bħala ekonomikament iżjed dgħajfa u inqas esperjenzati fi kwistjonijiet legali mill-parti l-oħra fil-kuntratt li huwa l-fornitur ( 23 ). L-arranġamenti li jinvolvu l-ġenituri għaldaqstant jikkostitwixxu “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur” għall-finijiet tal-Artikolu 15(1).

40.

Minkejja li dawn ir-riflessjonijiet huma interessanti, dan l-eżempju jmur ħafna lil hinn miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Biex inpoġġuha b’mod sempliċi, G. Feichter ma huwiex “konsumatur” għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament.

41.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jiena tal-fehma li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tal-qorti nazzjonali għandha tkun li, meta promissory note tifforma parti minn serja ta’ arranġamenti li tkun daħlet fihom entità kummerċjali għall-finijiet tan-negozju tagħha, u persuna fiżika, li tagħti aval fuqha, hija konnessa mill-qrib ma’ din l-entità, l-aval għandu jitqies għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bħala li ngħata għall-finijiet ta’ kummerċ jew attività professjonali. Minn dan isegwi li l-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu” fl-Artikolu 15(1) ma tapplikax.

It-tieni domanda preliminari

42.

Il-kwistjoni essenzjali sottostanti t-tieni domanda preliminari hija l-applikabbiltà tar-regoli li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament.

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċiediet li, minkejja li dik id-dispożizzjoni ma tirrikjedix il-konklużjoni ta’ kuntratt, bħala minimu għandu jkun hemm obbligu identifikabbli. Tali regola hija essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali hija ddeterminata mill-post fejn jitwettaq l-obbligu inkwistjoni ( 24 ).

44.

Dan l-obbligu għandu jittieħed volontarjament minn parti lejn oħra. Li tiġi interpretata d-dispożizzjoni mingħajr ma jiġi stabbilit dan ir-rekwiżit imur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti mir-Regolament ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet sunt ta’ dak ir-rekwiżit billi ddeċidiet li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) “tippresupponi li jiġi determinat obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrenti” ( 26 ).

45.

Ma hemm l-ebda dubju li kien hemm kuntratt bejn il-parti li sellfet u l-parti li ssellfet f’din il-kawża. Il-parti li sellfet obbligat ruħha li tipprovdi fondi lill-parti li ssellfet taħt il-Ftehim ta’ Kreditu u l-parti li ssellfet kienet obbligata li tħallashom lura skont dan il-ftehim. Il-pożizzjoni ta’ G. Feichter kienet differenti, peress li ma kienx parti f’dak il-ftehim. Iżda l-għoti tal-aval taħt il-promissory note xorta jidhirli li jirrapreżenta obbligu legali li għalih ta l-kunsens liberu tiegħu. Permezz tal-Paragrafu 32(1) u (2) taz-ZSS, huwa kien marbut bl-istess mod bħall-persuna li għaliha kien aġixxa ta’ garanti, jiġifieri, il-parti li ssellfet ( 27 ). Li huwa ma kienx il-benefiċjarju dirett tal-obbligi tal-parti li sellfet għaldaqstant huwa irrilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(a).

46.

Lanqas ma nqis li tagħmel xi differenza li l-promissory note inħarġet b’mod mhux komplut u għaldaqstant, f’dak l-istadju tal-eżistenza tagħha, kellha tiġi kklassifikata bħala “embrijonali”. Huwa fiż-żmien ta’ meta bdew il-proċeduri li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tikkristallizza ruħha. Fil-fatt, peress li l-promissory note inkwistjoni ġiet stabbilita sabiex tiżgura faċilità ta’ overdraft li tista’ tiġġedded, ma setgħetx, bħala definizzjoni, tinħareġ f’forma kompluta fiż-żmien meta bdiet il-faċilità.

47.

Għandi ngħid ukoll li l-fatt li d-dritt nazzjonali jikklassifika kambjala bħala sigurtà astratta li ma għandhiex in-natura ta’ kuntratt ( 28 ), ma jaffettwax din il-pożizzjoni. B’riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kunċetti użati fil-Konvenzjoni – u b’mod partikolari dawk użati fl-Artikoli 5(1) u (3) u 13 ( 29 ) – għandhom jiġu interpretati indipendentement, prinċipalment b’riferiment għas-sistema u l-objettivi tal-Konvenzjoni, sabiex jiġi żgurat li din tiġi applikata b’mod uniformi fl-Istati kontraenti kollha ( 30 ). Ma nara l-ebda raġuni għaliex il-pożizzjoni għandha tkun differenti fir-rigward tar-Regolament ( 31 ).

48.

Għaldaqstant, nikkunsidra li r-regola stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament tista’ tapplika għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

49.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk fil-fatt tapplikax, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk il-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni jinsabx fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha ( 32 ). L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b) ma hija rilevanti, peress li l-kuntratt inkwistjoni ma huwiex marbut mal-bejgħ ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi. Isegwi li huwa l-post tal-ħlas li ser ikun determinanti. Id-deċiżjoni tar-rinviju turi li l-post tal-ħlas taħt il-promissory note huwa Praga u tgħid ukoll li G. Feichter ma għandu l-ebda oġġezzjoni b’dan il-punt. Inżid biss li arranġament li permezz tiegħu il-ħlas lura tas-somom mogħtija għandu jsir fil-post tan-negozju tal-parti li sellfet għandu, fi kwalunkwe każ, jitqies li jirrappreżenta l-prattika normali taħt il-ftehim ta’ self kummerċjali.

50.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li dan jikkonkludi l-kwistjoni. Peress li l-partijiet ma humiex qed jitlewmu dwar il-post tat-twettiq tal-obbligu li jiddetermina l-ġurisdizzjoni, il-qorti li quddiemha jitressqu l-proċeduri tista’ tieħu ġurisdizzjoni.

51.

Il-qorti nazzjonali, madankollu, tistaqsi jekk il-fatt li l-promissory note kienet vojta meta nħarġet u tkompliet sussegwentement mill-parti li sellfet kellux effett fuq il-pożizzjoni. Hija tosserva li ma tistax tiġi eliminata l-possibbiltà li l-post tal-ħlas iddaħħal bi ksur tat-termini tal-Ftehim Supplimentali jew li l-ftehim kien null minħabba inċertezza jew minħabba xi raġunijiet oħra. Jekk dan kien il-każ, ma jkunx possibbli li wieħed jitkellem dwar obbligu li kien ittieħed liberament minn parti lejn oħra ( 33 ).

52.

Nifhem dan il-punt. Madankollu, peress li jidher li ma hemm l-ebda kontestazzjoni min-naħa ta’ G. Feichter rigward il-post tat-twettiq, il-kwistjoni ma tidhirx li tqum f’din il-kawża. Jekk, madankollu, il-post tal-ħlas skont il-promissory note jiġi kkontestat, tkun xi tkun il-bażi, jien nasal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

53.

Meta rreferiet għal obbligu li ttieħed minn parti waħda lejn oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tiddeskrivi kif il-kunċett ta’ “kuntratt” għandu jinftiehem għall-finijiet tar-Regolament. Jekk il-linji gwida stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu sodisfatti f’każ partikolari, l-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” ma tistax tkun ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-ġurisidzzjoni quddiem qorti nazzjonali. Iżda dan ma jfissirx li l-espressjoni ma tistax tapplika jekk il-kontenut ta’ dak l-obbligu jkun parti mit-tilwima.

54.

Fil-fatt, hija fin-natura tar-Regolament li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu joperaw preċiżament fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil. F’kuntest differenti, iżda li huwa xorta waħda relatat mill-qrib, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(1)(a) japplika anki meta l-eżistenza ta’ kuntratt li fuqu hija bbażata t-talba tkun inkwistjoni bejn il-partijiet ( 34 ). Kieku l-pożizzjoni tkun differenti, dik id-dispożizzjoni tkun fil-periklu li tiċċaħħad mill-effett tagħha, għaliex ikun biżżejjed, sabiex tingħeleb ir-regola li tistabbilixxi li waħda mill-partijiet issostni li l-kuntratt ma jeżistix.

55.

Jidhirli li l-istess raġunament japplika hawn b’analoġija. Ikun faċli ħafna għal konvenut li jkun jixtieq jegħleb ir-Regolament li jikkontesta, mhux l-eżistenza tal-kuntratt kollu li fuqu hija bbażata t-talba, iżda dispożizzjoni ta’ dak il-kuntratt li fuqu l-ġurisdizzjoni tkun inkella bbażata. Kieku dan l-argument kellu jintlaqa’, jinħoloq ir-riskju li jintilef l-iskop kollu tal-leġiżlazzjoni, li wieħed mill-għanijiet primarji tagħha huwa li tipprovdi ċertezza fil-qasam li hija intiża tkopri ( 35 ).

56.

Bl-istess mod, madankollu, ma għandux ikun possibbli għal rikorrent mingħajr skrupli jew li ngħata parir ħażin li jinvoka ġurisdizzjoni fuq bażijiet mhux ġenwini billi jsostni, mingħajr l-ebda bażi legali, li kuntratt jipprovdi li l-obbligu li suppost jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni għandu jitwettaq f’post partikolari.

57.

Jekk, fil-proċeduri li jinvolvu “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament, ikun hemm tilwima dwar il-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni, jien nissuġġerixxi li l-qorti nazzjonali għandha l-ewwel tqis l-eċċezzjoni tal-konvenut f’dan ir-rigward. Jekk dik l-eċċezzjoni għandha evidentement bażi soda, hija għandha tiċħad il-ġurisdizzjoni, sakemm ma jkunx ċar li hemm bażijiet oħra sostanzjati kif xieraq li abbażi tagħhom tista’ tipproċedi li tiddetermina l-kawża mressqa quddiemha. Sussegwentement, u jekk ikun meħtieġ, hija għandha tqis il-bażi li fuqha r-rikorrent jibbaża l-allegazzjoni tiegħu li din il-qorti għandha l-ġurisdizzjoni. Jekk dik il-bażi hija ċarament bla bażi, il-qorti nazzjonali għandha tiċħad li tisma’ l-kawża mressqa quddiemha. Jekk (kif spiss ikun il-każ), il-pożizzjoni vera tkun iżjed diffiċli li tiġi aċċertata, il-qorti għandha tiddetermina jekk ir-rikorrent għandux każ prima facie fir-rigward tal-applikabbiltà tad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament. Jekk issib li dan il-każ jeżisti, hija tista’ tipproċedi biex taċċetta l-ġurisidizzjoni.

58.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-opinjoni li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tal-qorti nazzjonali għandha tkun li l-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament għandha tinkludi wkoll id-drittijiet li jirriżultaw minn promissory note oriġinarjament stabbilita b’mod mhux komplut (iżda li sussegwentament tkun tkompliet) li l-benefiċjarju jinvoka kontra l-persuna li tat l-aval għan-nom ta’ min ħareġ il-promissory note.

Osservazzjonijiet finali

59.

Jekk jiġu applikati l-konklużjonijiet stabbiliti hawn fuq għall-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, jidhirli li huwa ċar li din il-qorti ser ikollha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Dan ir-riżultat jidhirli li mhux biss jirrifletti t-termini u l-istruttura globali tar-Regolament, iżda wkoll jirrifletti r-realtà sottostanti tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, jekk ir-riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolament kellu jkun mod ieħor f’kawża bħal din, tali riżultat ikun manifestament assurd.

60.

Bħala eżempju ser nieħu s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ self ibbażati fi Stat Membru ġdid (pereżempju, xi mkien fil-Balkani). Numru ta’ kumpanniji bbażati fi Stati Membri oħra jixtiequ jistabbilixxu sussidjarji biex jagħmlu n-negozju hemm, bl-għan li jespandu n-negozju tagħhom. Dawn il-kumpanniji sussidjarji, preżentement, ma’ għandhom xejn bħala assi jew għandhom assi ta’ valur li mhux ta’ min isemmi. Il-partijiet li jsellfuhom jimponu l-kundizzjoni li biex jipprovdu l-fondi jridu jingħataw garanziji mill-individwi li huma l-maniġers u/jew is-sidien proprji tas-sussidjarji. Fost il-garanti f’dawn l-arranġamenti hemm numru ta’ individwi ddomiċiljati (pereżempju) fil-Finlandja u l-Litwanja. Jidhirli li ma jistax ikun remotament konċepibbli, u lanqas ma għandu jkun konċepibbli, li l-partijiet li jsellfuhom fl-eżempju inkwistjoni ma għandhomx ikunu intitolati jiftħu kawża għall-infurzar tal-garanziji inkwistjoni fl-Istat Membru tagħhom stess. Kwalunkwe riżultat ieħor ikun qed imur kontra r-realtà.

Konklużjoni

61.

Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Městký soud v Praze:

(1)

Meta promissory note tifforma parti minn serje ta’ arranġamenti li tkun daħlet fihom entità kummerċjali għall-finijiet tan-negozju tagħha, u persuna fiżika li tagħti aval fuqha hija konnessa mill-qrib ma’ din l-entità, l-aval għandu jitqies għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, bħala li ngħata għall-finijiet ta’ kummerċ jew attività professjonali. Minn dan isegwi li l-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn min-negozju jew professjoni tiegħu” fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament ma tapplikax.

(2)

L-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament għandha tinkludi wkoll id-drittijiet li jirriżultaw minn promissory note oriġinarjament stabbilita b’mod mhux komplut (iżda li sussegwentement tkun tkompliet) li l-benefiċjarju jinvoka kontra l-persuna li tat l-aval għan-nom ta’ min ħareġ il-promissory note.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

( 3 ) Ara l-punt 14 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 hawn taħt.

( 4 ) Ara l-Artikolu 76.

( 5 ) Minbarra d-Danimarka.

( 6 ) ĠU 1972 L 299, p. 32.

( 7 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et (C-167/08, Ġabra p. I-3477, punt 20).

( 8 ) Kien hemm xi diskussjoni fis-seduta dwar it-tifsira preċiża tal-espressjoni “sigurtà astratta” f’dan il-kuntest. Din id-diskussjoni kkonfermat l-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali qabel ma daret għal xi punti ddettaljati, biex ma ngħidx kumplessi, dwar, inter alia, it-trasferibbiltà ta’ promissory note u l-effetti ta’ dan it-trasferiment. Ma kien hemm xejn fit-tieni parti ta’ dik id-diskussjoni, madankollu, li jolqot il-kwistjonijiet indirizzati f’dawn il-konklużjonijiet u għaldaqstant mhux ser inkompli nikkunsidra dawn il-punti.

( 9 ) ‘Aval’ ġie ddefinit bħala impenn bil-miktub minn persuna li ma hijiex il-persuna li ħarġet, aċċettat jew endorsjat promissory note jew kambjala li l-ħlas ser isir mal-iskadenza – ara http://www.merriam-webster.com/dictionary/aval.

( 10 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kkonfermati fis-seduta. Ara http://www.justice.cz/or.

( 11 ) L-Artikolu 2 tal-protokoll Nru 2 tal-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011, jipprovdi li kwalunkwe Stat marbut b’dik il-konvenzjoni u li ma huwiex Stat Membru (dan jinkludi l-Konfederazzjoni Svizzera) huwa intitolat li jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 23 tal-protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn, inter alia, qorti jew tribunal ta’ Stat Membru jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament.

( 12 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C-27/02, Ġabra p. I-481, punt 32).

( 13 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C-96/00, Ġabra p. I-6367, punt 39). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C-89/91, Ġabra p. I-139, punt 18).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et (C-440/97, Ġabra p. I-6307, punt 29). Ara wkoll il-premessa 12 tar-Regolament.

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 43.

( 16 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C-269/95, Ġabra p. I-3767.

( 17 ) Punt 17.

( 18 ) Sentenza Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 38. Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, (C-464/01, Ġabra p. I-439), fejn il-Qorti ddeċidiet li, meta persuna tikkonkludi kuntratt għal oġġetti intiżi għal skopijiet li huma parzjalment fi ħdan u parzjalment lil hinn min-negozju jew professjoni tiegħu, ma tistax tinvoka r-regoli speċjali tal-ġurisdizzjoni stabbiliti fir-rigward ta’ kuntratti li jkunu daħlu fihom il-konsumaturi, sakemm il-kummerċ jew l-iskop professjonali ma jkunx tant limitat li jkun negliġibbli fil-kuntest globali tal-provvista, filwaqt li l-fatt li l-element privat huwa predominanti jkun irrilevanti f’dan ir-rigward (punt 54).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, Thomas et (C-328/91, Ġabra p. I-1247, punt 13).

( 20 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications (C-392/93, Ġabra p. I-1631, punt 41.

( 21 ) Ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et (C-283/94, C-291/94 u C-292/94, Ġabra p. I-5063, punt 49); tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C-429/09, Ġabra p. I-12167, punt 53) u K. Lenaerts, D. Arts u I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it-Tieni Edizzjoni, Sweet and Maxwell, Londra, 2006, Nru 6-026.

( 22 ) Ara l-punt 14 hawn fuq.

( 23 ) Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.

( 24 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C-334/00, Ġabra p. I-7357, punt 22) u s-sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 50. Anki jekk dawn is-sentenzi kienu jirrigwardaw il-formulazzjoni ekwivalenti li tidher fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-fehma tiegħi, dawn jibqgħu perfettament validi fid-dawl tar-Regolament. Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.

( 25 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C-26/91, Ġabra p. I-3967, punt 15). Ara wkoll is-sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 51.

( 27 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

( 28 ) Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.

( 29 ) Li jikkorrispondu b’mod wiesa’ għall-Artikoli 5(1), 5(3) u 15 tar-Regolament.

( 30 ) Sentenza Engler iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 31 ) Ara l-punt 8 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 32 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, Ġabra. p. 1473, punt 13).

( 33 ) Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.

( 34 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, Ġabra p. 825, punti 7 u 8) u s-sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 punt 46. Anki jekk dawn is-sentenzi kienu jirrigwardaw il-formulazzjoni ekwivalenti li tidher fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-fehma tiegħi, dawn jibqgħu perfettament validi fid-dawl tar-Regolament . Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 18.