KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-394/11

Valeri Hariev Belov

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Komisia za zashtita ot diskriminatsia (Il-Bulgarija)]

“Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari — ‘Xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Direttiva 2000/43/KE — Prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika — Diskriminazzjoni indiretta — Distretti urbani prinċipalment abitati minn membri tal-komunità Rom — Tqegħid ta’ arloġġi tad-dawl f’għoli inaċċessibbli għall-konsumatur — Ġustifikazzjoni — Ġlieda kontra frodi u abbużi — Direttiva 2006/32/KE u Direttiva 2009/72/KE — Possibbiltà li l-konsumatur jikkontrolla l-konsum tad-dawl individwali tiegħu”

I – Introduzzjoni

1.

Huwa diskriminatorju li, f’distretti prinċipalment abitati minn grupp etniku partikolari, l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu iktar fl-għoli milli f’distretti oħrajn? Din hija, essenzjalment, id-domanda li għandha tirrispondi l-qorti tar-rinviju, domanda li saritilha mill-Kummissjoni Bulgara għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjonijiet (KZD) ( 2 ), u li qed toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tirfina l-ġurisprudenza tagħha dwar l-hekk imsejħa “direttivi antidiskriminatorji”, jiġifieri, f’din il-kawża ( 3 ), id-Direttiva 2000/43/KE ( 4 ). Din hija l-ewwel darba li hija qed tintalab tagħti deċiżjoni dwar diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika u dwar il-possibbiltajiet li tali diskriminazzjoni tiġi ġġustifikata. Qabel xejn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tiċċara jekk il-KZD għandhiex il-kompetenza sabiex tressaq quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

2.

Il-fatti li wasslu għall-kawża seħħew fil-belt Bulgara ta’ Montana, f’ċerti distretti tal-belt fejn l-arloġġi tad-dawl jitwaħħlu ma’ arbli f’għoli ta’ 7 metri meta, f’distretti oħrajn, dawn jitqiegħdu f’għoli li ma jaqbiżx il-1.7 metri sabiex il-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess għalihom. Il-problema hija li d-distretti tal-ewwel huma essenzjalment abitati membri tal-komunità Rom ( 5 ), b’tali mod li nqalgħet il-kwistjoni jekk din il-proċedura tindikax diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika.

3.

Dan il-każ huwa partikolarment sensittiv minħabba li l-popolazzjoni kkonċernata mill-eventwali diskriminazzjoni hija popolazzjoni Rom. Is-sitwazzjoni tar-Rom bħala komunità minoritarja prinċipali fl-Ewropa, peress li hija tgħodd bejn l-10 u t-12-il miljun persuna, f’dawn l-aħħar snin tat lok għal dibattiti kontinwi dejjem iktar jaħarqu. Numru ta’ Rom kuljum jiġu ffaċċjati bi preġudizzji, b’diskriminazzjonijiet, b’intolleranza u b’esklużjoni soċjali. Ta’ spiss, huma jgħixu f’kundizzjonijiet soċjoekonomiċi sfavorevoli ħafna ( 6 ). L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom għaldaqstant hija wieħed mill-għanijiet iddikjarati tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Bulgarija ( 7 ). Quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll tressqu kemm-il darba każijiet ta’ diskriminazzjoni fejn il-vittmi kienu Rom ( 8 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

Din il-kawża għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 2000/43/KE. Barra minn hekk, għandhom jissemmew ukoll id-Direttiva 2006/32/KE ( 9 ) u d-Direttiva 2009/72/KE ( 10 ), li jinkludu rispettivament regoli dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku.

1. Id-Direttiva antidiskriminatorja 2000/43

5.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43 jinkludi, b’mod partikolari, id-definizzjoni li ġejja:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a)

diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità [fejn persuna tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kienet tiġi ttrattata minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ razza jew ta’ oriġini etnika];

(b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari [meta] pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa [xierqa] u meħtieġa.

[…]”

6.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.   Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

[…]

(h)

l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment [provvista] tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.

[…]”

7.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/43, li jistabbilixxi r-regoli dwar id-difiża tad-drittijiet, jipprovdi dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, li jinkludu fejn jidhrilhom approprjat, illi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni, għall-infurzar ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, saħansitra wara li tkun waqfet ir-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni.”

8.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar l-oneru tal-prova:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent [il-konvenut] li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.”

9.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43 jirrigwarda l-korpi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp jew korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. Dawn il-korpi jistgħu jagħmlu parti minn aġenziji mogħtija r-responsabbiltà fuq livell nazzjonali mid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew is-salvagwardjar tad-drittijiet ta’ l-individwi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kompetenzi ta’ dawn il-korpi jinkludu:

mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi u ta’ l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra referiti fl-Artikolu 7(2), li jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fis-segwiment ta’ l-ilmenti tagħhom rigward id-diskriminazzjoni.

li jagħmlu taħriġ [studji] indipendenti li jirrigwarda d-diskriminazzjoni,

li jippublikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkommandazzjonijiet dwar kull kwistjoni li jkollha x’taqsam ma’ din it-tip ta’ diskriminazzjoni.”

2. Id-Direttiva dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku u dik dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija

10.

Id-Direttiva 2006/32 għandha l-għan li żżid il-kapaċitajiet tal-użi finali tal-enerġija fl-Istati Membri permezz ta’ diversi miżuri, intiżi, b’mod partikolari, biex itejbu l-effiċjenza tal-enerġija għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali. Il-premessa 29 tagħha tipprovdi dan li ġej:

“Sabiex il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni aħjar rigward il-konsum individwali tagħhom ta’ l-enerġija, iridu jkunu provduti b’ammont raġonevoli ta’ informazzjoni dwaru u ta’ informazzjoni relevanti oħra […]. Apparti minn hekk, il-konsumaturi għandhom jiġu mħeġġa b’mod attiv biex jiċċekkjaw regolarment il-qari tal-miter [tal-arloġġ] tagħhom.”

11.

Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/32 jipprovdi dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward ta’ l-iffrankar potenzjali ta’ l-enerġija, il-konsumatur finali ta’ l-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u ta’ l-ilma sħun fid-djar jingħataw meters individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum reali ta’ enerġija mill-konsumatur u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali ta’ l-użu.”

12.

Id-Direttiva 2009/72 tinkludi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni u għall-provvista tal-elettriku u tiddefinixxi l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku ( 11 ). Skont l-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu “l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali”. Fil-każ tal-klijenti individwali, huma għandhom mill-inqas jieħdu l-miżuri elenkati fl-Anness I għad-Direttiva.

13.

Skont il-paragrafu 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/72, intitolat “Miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur”, “il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

[…]

(h)

ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data dwar il-konsum tagħhom, […]; [u]

(i)

huma infurmati korrettament dwar l-konsum u l-ispejjeż attwali tal-elettriku ta’ spiss biżżejjed biex ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tal-elettriku tagħhom. […] Għandha titqies kif jixraq l-effiċjenza ta’ miżuri ta’ dan it-tip meta mqabbla mal-ispejjeż tagħhom. Il-konsumatur ma jista’ jiġi mġiegħel iħallas l-ebda spiża addizzjonali għal dan is-servizz;

[…]”

B – Id-dritt Bulgaru

14.

Sabiex jiġu trasposti numru ta’ direttivi u atti oħrajn tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/43, il-Bulgarija adottat il-Liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjonijiet ( 12 ) (ZZD), li minbarra regoli dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjonijiet, il-KZD. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi wkoll għal għadd ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn bħal-Liġi dwar l-enerġija, ir-Regolament dwar il-konnessjoni tal-produtturi u tal-konsumaturi tal-elettriku man-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tal-impriżi ta’ distribuzzjoni u ta’ provvista tal-elettriku.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

15.

Il-proċedura fil-kawża prinċipali nbdiet b’ilment imressaq minn V.H. Belov quddiem il-KZD. V.H. Belov jgħix fil-belt Bulgara ta’ Montana, u eżattament f’wieħed minn żewġ distretti ta’ din il-belt li, kif jidher mill-indikazzjonjiet mogħtija fit-talba għal rinviju, huma magħrufa bħala li huma “distretti tar-Rom” minħabba li l-popolazzjoni tagħhom hija fil-parti l-kbira magħmula minn membri ta’ din il-komunità.

16.

Il-provvista tal-enerġija elettrika tal-Komun ta’ Montana ġiet fdata f’idejn ChEZ Elektro Balgaria AD (CEB) u d-distribuzzjoni tal-kurrent f’idejn ChEZ Raspredelenie Balgaria AD (CRB) li kemm waħda kif ukoll l-oħra jaħdmu taħt il-kontroll tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija u tal-Ilma ( 13 ) (DKEVR), li hija korp statali. It-territorju kollu tal-belt ta’ Montana huwa mgħammar b’arloġġi tad-dawl li jappartjenu lil CRB.

17.

Matul is-snin 1998 u 1999, l-arloġġi tad-dawl taż-żewġ distretti tar-Rom “Ogosta” u “Kosharnik” tal-Komun ta’ Montana tqiegħdu fuq arbli tad-dawl f’għoli ta’ 7 metri l-istess kif sar f’xi bliet oħrajn tal-pajjiż. Barra minn dawn id-distretti, l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu f’għoli ta’ mhux iktar minn 1.7 metri, ġeneralment fir-residenzi tal-konsumaturi jew mal-ħitan esterni tal-bini, jew anki mal-ħitan ta’ madwar il-proprjetajiet.

18.

Sabiex il-konsumaturi li jgħixu f’dawn iż-żewġ distretti jkunu jistgħu jikkontrollaw il-konsum tagħhom fuq l-arloġġi tad-dawl imqiegħda f’għoli ta’ 7 metri, CRB impenjat ruħha, fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tagħha, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti li jressqu talba bil-miktub, mingħajr ħlas, vettura mgħammra bi pjattaforma li permezz tagħha l-impjegati ta’ CRB ikunu jistgħu jilħqu l-arloġġi sabiex jaqrawhom. Sa issa, madankollu, l-ebda klijent ma għamel użu minn din il-possibbiltà. Il-konsumaturi għandhom ukoll il-possibbiltà li jqiegħdu arloġġ fir-residenza tagħhom, bl-ispejjeż iħallsuhom huma. Minbarra dawn iż-żewġ soluzzjonijiet, ma teżistix possibbiltà oħra għal dawk li joqogħdu f’dawn id-distretti kif jistgħu jikkontrollaw l-arloġġ tagħhom.

19.

Matul il-proċedura ta’ lment li ressaq quddiem il-KZD, H.V. Belov sostna li t-tqegħid tal-arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 7 metri hija miżura diskriminatorja li tikkawżalu preġudizzju minħabba l-oriġini etnika tiegħu. Huwa sostna wkoll li l-persuni kollha li għandhom oriġini Rom u li huma residenti fiż-żewġ distretti kkonċernati huma vittmi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-appartenenza etnika tagħhom.

20.

L-ilment ta’ H.V. Belov tressaq kontra CEB. CRB, ir-rappreżentanti legali u d-diriġenti taż-żewġ impriżi kif ukoll id-DKEVR ġew kjamati inkawża mill-KZD.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Il-KZD ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

 

“Domanda 1: Il-kawża preżenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità [Artikolu 3(1)(h)]?

 

Domanda 2: Xi jfissru l-frażijiet ‘[i]ttrattata inqas favorevolment’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/43, u ‘jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku [speċifiku] fi żvantaġġ partikolari’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)[(b)] tad-Direttiva 2000/43?

2.1.

sabiex trattament inqas favorevoli jiġi kkwalifikat bħala diskriminazzjoni diretta, huwa assolutament meħtieġ li jkun iktar sfavorevoli u li jaffettwa direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi espressament stabbiliti mil-liġi, jew dan għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda kull forma ta’ aġir (attitudni), fis-sens l-iktar wiesa’ tal-kelma, li jkun inqas vantaġġuż meta mqabbel ma’ aġir f’sitwazzjoni paragunabbli?

2.2.

sabiex il-fatt li wieħed jitqiegħed f’sitwazzjoni partikolari li tkun żvantaġġuża jiġi kkwalifikat bħala diskriminazzjoni indiretta, huwa wkoll meħtieġ li dan jaffettwa direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi espressament stabbiliti mil-liġi, jew dan għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda, f’sens iktar wiesa’, kull forma ta’ tqegħid f’sitwazzjoni partikolari li tkun sfavorevoli jew żvantaġġuża?

 

Domanda 3: fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, jekk, sabiex jitqies li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43, hemm bżonn li jkun hemm trattament inqas favorevoli jew saħansitra li wieħed jitqiegħed f’sitwazzjoni partikolari li tkun żvantaġġuża li taffettwa direttament jew indirettament dritt jew interess stabbilit mil-liġi, allura

3.1.

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva 2006/32/KE (premessa 29, Artikolu 1, Artikolu 13(1)), id-Direttiva 2003/54/KE (Artikolu 3(5)), id-Direttiva 2009/72/KE (Artikolu 3(7)) jagħtu lill-utent finali tal-elettriku dritt jew interess li jivverifika regolarment it-tagħrif indikat fl-arloġġ tad-dawl li jista’ jiġi invokat quddiem qorti fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali,

u

3.2.

jawtorizzaw leġiżlazzjoni nazzjonali jew prassi amministrattiva, approvata mill-kummissjoni nazzjonali tar-regolament [regolatorja nazzjonali] tas-swieq tal-enerġija u tal-ilma, li tħalli lill-impriżi li jiddistribwixxu l-elettriku l-libertà li jwaħħlu l-arloġġi tad-dawl f’postijiet diffiċilment aċċessibbli jew inaċċessibbli, u b’hekk iwaqqfu lill-konsumaturi milli jikkontrollaw u milli jsegwu personalment u regolarment it-tagħrif indikat fl-arloġġ tad-dawl?

 

Domanda 4: fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, jekk, sabiex jitqies li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ma hemmx bżonn li jkun hemm ksur dirett jew indirett ta’ dritt jew ta’ interess stabbilit mil-liġi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43

jawtorizzaw leġiżlazzjoni nazzjonali u ġurisprudenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdu li, sabiex trattament jiġi kkwalifikat bħala diskriminatorju, hemm bżonn li dan ikun iktar sfavorevoli u li t-tqegħid f’sitwazzjoni iktar żvantaġġuża jaffettwa direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi stabbiliti mil-liġi,

u, fil-każ li dawn ma jawtorizzawx dan, il-qorti nazzjonali għandha tara li tħallihom inapplikabbli fil-kawża mressqa quddiemha u tapplika d-definizzjonijiet stabbiliti fid-direttiva?

 

Domanda 5: Kif għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43?

5.1.

Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-vittma tipproduċi l-prova fattwali li kategor[ik]ament, indubbjament u ċertament tippermetti li jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, jew huwa biżżejjed li l-fatti jagħtu lok għal diskriminazzjoni suspetta jew preżunta?

5.2.

Il-fatt li a) l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu fuq arbli tal-elettriku fit-triq u jinsabu f’għoli li huwa inaċċessibbli għall-konsumaturi li jikkontrollow b’għajnejhom l-ammonti tagħhom, u dan biss f’żewġ distretti tal-belt magħrufa bħala d-distretti Romm, bl-eċċezzjonijiet magħrufa f’ċerti partijiet ta’ dawn id-distretti, u li b) fid-distretti kollha l-oħra tal-belt, l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu f’għoli differenti, aċċessibbli għall-finijiet ta’ kontroll okulari (bejn wieħed u ieħor 1.7m), u spiss jinsabu fil-proprjetà tal-utent jew fuq barra tal-bini jew ukoll fil-konfini viċin, huwa ta’ natura li jbiddel [jinverti] l-oneru tal-prova, u li dan jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-konvenuta?

5.3.

Bdil [Inversjoni] fl-oneru tal-prova, sabiex dan jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-konvenuta huwa eskluż a) minħabba li, fiż-żewġ distretti tal-belt magħrufa bħala distretti Romm, ma jgħixux fihom biss Romm, iżda wkoll persuni ta’ oriġini etnika oħra, b) skont il-proporzjoni ta’ persuni, mhux l-abitanti kollha ta’ dawn iż-żewġ distretti jqisu lilhom nfushom bħala Romm, u ċ) minħabba li l-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku qieset, għal raġunijiet magħrufa sew, li f’dawn iż-żewġ distretti l-arloġġi tad-dawl kellhom jitwaħħlu fl-għoli ta’ 7 m?

 

Domanda 6: Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda 5

6.1.

ir-regoli li jirriżultaw mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu s-suppożizzjoni/il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, u l-fatti inkwistjoni jbiddlu l-oneru tal-prova, sabiex dan jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-konvenuta, u liema forma ta’ diskriminazzjoni tista’ tiġi preżunta minn dawn il-fatti (diretta, indiretta u/jew fastidju)?

6.2.

id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43 jippermettu li tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni diretta u/jew fastidju meta jiġi segwit interess leġittimu li juża mezzi meħtieġa u xierqa għal dan il-għan?

6.3.

f’din il-kawża, fid-dawl tal-interessi leġittimi sostnuti mill-kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, il-miżura applikata fiż-żewġ distretti inkwistjoni tista’ tkun ġustifikata, meta:

(a)

l-imsemmija miżura hija applikata minħabba n-numru kbir ta’ fatturi [kontijiet] mhux imħallsa fiż-żewġ distretti msemmija, il-ksur imwettaq mill-utenti li joħloq preġudizzju u jqiegħed f’periklu s-sigurtà, il-kwalità, il-kontinwità, u ċ-ċertezza li l-installazzjonijiet tal-elettriku jaħdmu,

u li

l-miżura inkwistjoni tapplika b’mod kollettiv, irrispettivament mill-fatt li l-utent ikkonċernat ħallas jew ma ħallasx il-fatturi ta’ distribuzzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku tiegħu u irrispettivament mill-fatt li l-utent ikkonċernat ikun wettaq xi ksur ikun liema jkun (tbagħbis fl-arloġġ tad-dawl, konnessjoni irregolari u/jew użu ħażin/konsum tal-elettriku mingħajr ma dan jiġi kkalkolat u mħallas, jew kwalunkwe ksur ieħor għan-netwerk li jikser jew iqiegħed f’periklu s-sigurtà, il-kwalità, il-kontinwità, u ċ-ċertezza tat-tħaddim tiegħu)

u

(b)

li għal kull ksur simili, il-leġiżlazzjoni u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni jipprovdu sanzjonijiet [reponsabbiltà], inklużi sanzjonijiet ċivili, amministrattiva u kriminali,

u

(c)

li l-klawżola stabbilita fl-Artikolu 27(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, li tipprovdi li, fuq talba bil-miktub tal-utent, l-impriża ta’ distribuzzjoni għandha tiżgura l-possibbiltà li wettaq kontroll okulari tat-tagħrif indikat fl-arloġġ tad-dawl, ma tippermettix realment lill-utent jikkontrolla personalment u regolament l-imsemmi tagħrif,

u

(d)

li huwa possibbli li l-arloġġ tad-dawl jitwaħħal fid-dar tal-utent fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub, u permezz tal-ħlas ta’ tariffa,

u

(e)

li l-miżura inkwistjoni tirreferi, b’mod distint u manifest, għal aġir skorrett tal-utent, tkun xi tkun il-forma, minħabba n-natura magħrufa sew, skont il-kumpannija ta’ distribuzzjoni, tar-raġunijiet għall-implementazzjoni tagħha,

u

(f)

li jeżistu metodi oħra u mezzi tekniċi oħra sabiex jiġi prekluż it-tbagħbis fl-arloġġi tad-dawl,

(ġ)

li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant legali tal-kumpannija ta’ distribuzzjoni, miżura simili, implementata fid-distretti Rom f’belt oħra, ma kinitx realment effikaċi sabiex il-ksur jiġi evitat,

(g)

u li installazzjoni tal-elettriku (trasformatur) mibni f’wieħed minn dawn id-distretti jidher li ma għandhux attrezzaturi [mezzi] ta’ sigurtà u arloġġi tad-dawl?

22.

CEB u CRB ( 14 ) flimkien mal-Gvern Bulgaru u mal-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. H.V. Belov kien irrappreżentat waqt is-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2012.

V – Evalwazzjoni ġuridika

A – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23.

Uħud mill-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rinviju prinċipalment minħabba li l-KZD ma hijiex qorti jew tribunal. Huma jsostnu wkoll li wħud mid-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja huma ipotetiċi.

1. Fuq il-kapaċità tal-KZD

24.

Fid-dawl tal-għadd ta’ awtoritajiet indipendenti li nħolqu fl-Istati Membri f’dawn l-aħħar snin, ta’ spiss sabiex jitwettqu obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi regolarment iffaċċjata bil-kwistjoni jekk dawn l-awtoritajiet jistgħux iressqu proċeduri għal deċiżjoni preliminari ( 15 ).

25.

Sabiex jiġi deċiż jekk awtorità indipendenti bħall-KZD tistax tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi stabbilit jekk din l-istituzzjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala “xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Bulgaru jsostnu li dan huwa l-każ filwaqt li CEB u CRB isostnu l-kontra.

26.

Sabiex jiġi evalwat jekk il-korp li qed jagħmel ir-rinviju għandux karatteristiċi ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija regolata biss mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni ta’ jekk il-korp huwiex stabbilit bil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura vinkolanti tal-kompetenza tiegħu, in-natura kontenzjuża tal-proċedura, l-applikazzjoni, minn dan il-korp, ta’ dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 16 ). Barra dan, il-qrati jew it-tribunali nazzjonali jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikun hemm kawża pendenti quddiemhom u jekk huma jintalbu jagħtu deċiżjoni fi proċeduri maħsuba sabiex iwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 17 ). Din hija r-raġuni għaliex issa ser nipprova niddetermina jekk il-KZD tissodisfax dawn il-kriterji abbażi tar-regoli konkreti li jirregolaw l-istruttura tagħha u l-proċedura li tressqet quddiemha.

27.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ma jistax jiġi ddikjarat awtomatikament li l-KZD hija qorti jew tribunal billi jsir riferiment għall-missjoni ta’ dritt tal-Unjoni li ġiet fdata lilha fil-kwalità tagħha ta’ korp maħluq sabiex jippromwovi ugwaljanza fit-trattament u sabiex jiggarantixxi protezzjoni ġuridika lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni (Artikoli 7 u 13 tad-Direttiva 2000/43). Fil-fatt, il-protezzjoni ġuridika mitluba mid-Direttiva 2000/43 hija protezzjoni skont proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi [Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/43] u b’hekk ma hijiex bilfors protezzjoni li tinkiseb quddiem il-qrati jew it-tribunali biss. Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat b’mod dettaljat jekk il-KZD tissodisfax il-kriterji mitluba mill-qrati jew mit-tribunali tal-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

28.

Li l-KZD ġiet stabbilita bil-liġi, il-permanenza tagħha u l-applikazzjoni min-naħa tagħha tad-dispożizzjonijiet legali ma joħolqu l-ebda problema ( 18 ). Il-KZD tissodisfa wkoll il-kriterju tan-natura kontenzjuża tal-proċedura ( 19 ). Min-naħa l-oħra, l-indipendenza tal-KZD, in-natura vinkolanti tal-kompetenza tagħha u n-natura ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet tagħha qed jiġu kkontestati b’mod qawwi.

a) Indipendenza

29.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja jinvolvi żewġ aspetti: aspett estern u aspett intern.

30.

L-aspett estern tal-indipendenza jimplika li l-korp li jintalab jagħti deċiżjoni jkun protett minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jqiegħdu fil-perikolu l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemhom ( 20 ). Ma hemm l-ebda dubju f’din il-kawża dwar l-indipendenza esterna tal-membri tal-korp deċiżjonali tal-KZD. Ir-regoli dwar l-indipendenza tal-qrati li huma stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Bulgaru huma applikabbli b’analoġija fir-rigward tagħhom ( 21 ). B’hekk, huma jibbenefikaw minn garanziji paragunabbli għal dawk li jipproteġu lill-imħallfin tal-qrati u tribunali ordinarji fil-Bulgarija.

31.

Fir-rigward tal-aspett intern tal-indipendenza, huwa jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet għall-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha ( 22 ).

32.

CEB u CRB jikkunsidraw li l-KZD ma hijiex oġġettivament imparzjali ( 23 ) minħabba l-istruttura tagħha. Huma jiġbdu l-attenzjoni għar-rabta li teżisti bejn il-korp deċiżjonali tagħha u l-istruttura amministrattiva suġġetta għalih kif ukoll għall-missjonijiet li twettaq.

33.

Madankollu, dawn l-oġġezzjonijiet ma tantx huma konvinċenti.

34.

Fil-fatt, mil-lat funzjonali, hemm separazzjoni ċara bejn il-korp deċiżjonali tal-KZD u l-istruttura amministrattiva suġġetta għalih. Jekk huwa minnu li din l-istruttura tista’ wkoll tirrediġi, dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni, rapporti legali maħsuba għall-membri tal-Kummissjoni, madankollu mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi konkluż li hija tkun assoċjata mal-proċess deċiżjonali ta’ dawn il-membri ( 24 ). Barra minn hekk, l-għajnuna legali lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, li tagħmel parti mill-missjonijiet tal-KZD bħala istituzzjoni ( 25 ), ma tiġix ipprovduta mill-membri tal-Kummissjoni stess iżda mill-amministrazzjoni u minnha biss. Il-Gvern Bulgaru spjega waqt is-seduta li l-pariri u l-appoġġ jiġu pprovduti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni biss barra mill-proċeduri pendenti. Għaldaqstant la l-membri tal-Kummissjoni u lanqas l-amministrazzjoni ma jkunu qed iżommu ma’ waħda mill-partijiet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ lment mressqa quddiem il-KZD. Il-membri tal-Kummissjoni anzi jieħdu deċiżjoni b’mod oġġettiv u indipendenti dwar il-ksur taż-ZZD ( 26 ).

35.

Is-sempliċi fatt li l-KZD inħolqot bħala korp għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 27 ) mhux bilfors jimplika li hija awtomatikament se żżomm mal-vittmi u se taħdem id f’id magħhom. Jekk huwa minnu li hija għandha l-missjoni li tissorvelja sabiex ikun hemm l-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali taż-ZZD, madankollu hija twettaq din il-missjoni bħala korp statali oġġettiv u indipendenti li, meta jitressaq ilment quddiemu, għandu jagħti deċiżjoni bħala qorti jew tribunal u jiddikjara jekk hemmx jew le diskriminazzjoni.

36.

Mill-argument preċedenti jirriżulta li l-KZD hija suffiċjentement indipendenti sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

b) Attività ġudizzjarja

37.

CEB u CRB isostnu wkoll li l-KZD ma teżerċita l-ebda attività ġudizzjarja. Hija ma hijiex korp ġudizzjarju imma awtorità amministrattiva kif juru l-missjonijiet li ġiet fdata bihom kif ukoll il-fatt li hija tista’ tidher bħala parti fi proċedura ta’ appell sussegwenti li ssir kontra d-deċiżjonijiet tagħha stess ( 28 ), tintervjeni ex officio kontra d-diskriminazzjonijiet ( 29 ), u tirrevoka d-deċiżjonijiet tagħha bil-qbil tal-partijiet kif ukoll il-fatt li l-proċeduri ċivili għandhom supremazija fuq il-proċeduri mressqa quddiemha ( 30 ).

38.

Qabelxejn għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-attivitajiet amministrattivi tal-KZD mhux bilfors jeskludu li hija jkollha l-kwalità ta’ qorti jew ta’ tribunal. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li s-setgħa ta’ korp li jressaq talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandha tiġi analizzata skont kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali. B’hekk, korp nazzjonali wieħed jista’ jkun ikkwalifikat kemm bħala qorti jew tribunal kif ukoll bħala awtorità amministrattiva skont jekk f’każ partikolari jkunx qed jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji jew ikunx qed iwettaq ħidmiet amministrattivi ( 31 ). Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat x’inhija n-natura speċifika tal-funzjonijiet li teżerċita l-KZD fil-kuntest leġiżlattiv speċifiku fejn hija ntalbet tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ( 32 ).

39.

Huwa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ lment li l-korp deċiżjonali indipendenti tal-KZD f’din il-kawża għamel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-ilment tressaq quddiem il-KZD minn individwu li allega li kien vittma ta’ diskriminazzjoni u li talabha tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-miżuri kontenzjużi maż-ZZD. Għaldaqstant, dan l-istħarriġ jista’ jiġi kkwalifikat bħala attività ġudizzjarja. Il-ħidmiet amministrattivi li l-amministrazzjoni suġġetta għall-membri tal-Kummissjoni tassumi f’kuntest ieħor, bħall-pariri mogħtija lill-vittmi u r-rappreżentanza tal-KZD f’sede ta’ appell, ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ġudizzjarja ta’ proċedura ta’ lment bħal dik li H.V Belov beda f’din il-kawża.

40.

It-tieni nett, li l-korp deċiżjonali tal-KZD jista’ wkoll, teoretikament, jagħti bidu għal proċedura ex officio ma hijiex rilevanti ( 33 ), għaliex, f’din il-kawża, il-KZD ma aġixxietx fuq l-inizjattiva tagħha iżda għaliex quddiemha tressaq ilment minn individwu li allega li kien vittma ta’ diskriminazzjoni. Il-kwistjoni jekk, peress li jwettaq ħidmiet oħrajn apparti dik li wasslet għar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-korp tar-rinviju jistax jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ma hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk għandux is-setgħa li jagħmel domandi preliminari ( 34 ).

41.

It-tielet nett, il-fatt li l-KZD tista’ tikkjama lil partijiet oħrajn fil-proċedura ta’ lment li tressqet quddiem il-membri tal-Kummissjoni lanqas ma jfisser li hija ma hijiex qorti jew tribunal. Fil-fatt, il-kjamata hija strument għalkollox abitwali fil-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi konvenzjonali wkoll ( 35 ).

42.

Ir-raba’ nett, ir-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-proċedura quddiem il-KZD u l-proċeduri quddiem il-qrati jew it-tribunali ċivili Bulgari lanqas ma huma tali li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-KZD la hija qorti u lanqas tribunal. Bil-kontra ta’ CEB u ta’ CRB, nikkunsidra li dawn ir-regoli, li saru bosta osservazzjonijiet dwarhom matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iktar isostnu t-teżi tal-idoneità tal-KZD li tressaq rinviji għal deċiżjonijiet preliminari milli jikkonfutawha.

43.

Għalkemm huwa minnu li l-KZD ma tistax tagħti deċiżjoni dwar ilment meta l-kwistjoni tressqet quddiem qorti jew tribunal ċivili tal-Bulgarija ( 36 ), madankollu din l-impossibbiltà għandha tiġi kkunsidrata biss bħala l-espressjoni tal-prinċipju ta’ lis pendens, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt proċedurali. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li rikors ikun inammissibbli meta rikors identiku jkun diġà ġie ppreżentat quddiem qorti jew tribunal ieħor ( 37 ). Il-fatt li dan il-prinċipju japplika wkoll għall-KZD isostni l-kwalità tagħha ta’ qorti jew ta’ tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, jekk proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali ma kinitx ġudizzjarja, qabelxejn ma jkunx neċessarju li tinħoloq regola dwar nuqqas ta’ kompetenza f’każ ta’ lis pendens quddiem il-qrati jew it-tribunali ċivili peress li ma tkun tista’ tinqala’ l-ebda problema ta’ lis pendens.

44.

Ma hemm xejn, għall-inqas fl-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li jista’ jagħti lok sabiex jiġi sostnut li l-KZD titlef ukoll il-kompetenza tagħha fil-każ ta’ proċedura mressqa sussegwentement quddiem qorti jew tribunal ċivili, jiġifieri li talba mressqa quddiemha tkun “inqas importanti” minn talba mressqa quddiem qrati jew tribunali ċivili. Meta saru xi mistoqsijiet lil CEB u CRB dwar dan il-punt waqt is-seduta, CEB u CRB li kienu ressqu argumenti f’dan is-sens madankollu taw biss spjegazzjonijiet ferm vagi u baqgħu ma semmew l-ebda dispożizzjoni legali konkreta li tikkorrobora t-teżi tagħhom. Fin-nuqqas ta’ elementi li jipprovaw il-kontra, għaldaqstant għandu jiġi aċċettat li r-regola tal-lis pendens tiġi applikata dejjem bl-istess mod irrispettivament minn jekk, f’każ konkret, it-talba tkunx tressqet l-ewwel quddiem qorti jew tribunal ċivili tal-Bulgarija jew quddiem il-KZD. Din il-permanenza tar-regola tal-lis pendens donnha tissuġġerixxi li l-KZD hija qorti jew tribunal.

45.

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-KZD tista’ tannulla jew temenda s-sentenzi tagħha bil-qbil tal-partijiet ( 38 ) bl-ebda mod ma jipprova li hija ma hijiex qorti jew tribunal. Ġeneralment, l-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom mingħajr il-qbil tal-partijiet. Il-partijiet kollha għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermaw li dan huwa wkoll il-każ fid-dritt Bulgaru. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġeneralment jistgħu jiġu annullati permezz ta’ appell qabel ma jsiru definittivi, u meta jsiru definittivi huma jistgħu jiġu annullati biss b’mod għalkollox eċċezzjonali wara li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid. Ċertament, il-fatt li l-KZD mid-dehra tista’ temenda d-deċiżjonijiet tagħha f’kundizzjonijiet iktar flessibbli jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-espressjoni ta’ xorta ta’ “statut ibridu” tal-korp deċiżjonali tal-KZD li jqiegħdu bejn awtorità amministrattiva konvenzjonali u qorti jew tribunal konvenzjonali. Madankollu jibqa’ l-fatt li l-element determinanti huwa li d-deċiżjonijiet li l-KZD tkun tat wara li quddiemha tressaq ilment jistgħu jiġu emendati biss bil-qbil taż-żewġ partijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-possibbiltà ta’ emenda b’hekk tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ prinċipju dispożittiv fil-proċedura ġudizzjarja fis-sens wiesa’ tat-terminu ( 39 ).

c) In-natura vinkolanti tal-kompetenza

46.

CEB u CRB isostnu, għal darba oħra, li l-proċeduri ta’ lment imressqa quddiem il-KZD ma jaqgħux taħt kompetenza vinkolanti għaliex l-Artikolu 71 ZZD jippermetti li f’każ ta’ diskriminazzjoni l-persuna li tilmenta, jekk tippreferi hekk, tista’ tressaq l-ilment tiegħu quddiem qorti jew tribunal ċivili. Il-kriterju tan-natura vinkolanti tal-kompetenza għaldaqstant ma ġiex sodisfatt peress li proċedura quddiem il-KZD ma hijiex l-uniku rimedju possibbli kontra d-diskriminazzjonijiet.

47.

Fil-kawża Dorsch Consult, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha b’mod partikolari tippreċiża l-kunċett ta’ kompetenza vinkolanti. Fis-sentenza tagħha, hija stabbiliet distinzjoni bejn kompetenza “vinkolanti” fis-sens li l-korp li quddiemu tressqet il-proċedura joffri l-uniku rimedju possibbli, u kompetenza “vinkolanti” fis-sens li l-korp li quddiemu tressqet il-proċedura jagħti deċiżjonijiet li jkollhom saħħa vinkolanti ( 40 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tagħti definizzjoni ċara u distinta li permezz tagħha tista’ tingħata preferenza lil interpretazzjoni minflok l-oħra, għaliex il-kompetenza tal-korp ikkonċernat kienet “vinkolanti” fiż-żewġ sensi msemmija iktar ’il fuq. Din il-kawża għalhekk qed toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt.

48.

L-istess bħall-pożizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea kienet adottat fil-kawża Dorsch Consult ( 41 ) kif ukoll waqt is-seduta li saret f’din l-kawża, jiena wkoll naħseb li t-terminu “vinkolanti” jindika biss in-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-korp tar-rinviju. Fil-fatt, jekk il-kompetenza ma tibqax tkun vinkolanti minħabba s-sempliċi fatt li jkun hemm rimedji oħrajn, qorti ċivili konvenzjonali ma tkunx tista’, strettament, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari f’każ bħal dan għaliex ikun hemm rimedju ieħor barra azzjoni quddiemha, jiġifieri l-proċedura ta’ lment quddiem il-KZD ( 42 ). Din l-impossibbiltà jkollha bħala konsegwenza paradossali li l-ebda wieħed miż-żewġ korpi Bulgari kompetenti sabiex ikollhom konjizzjoni tar-rikorsi bbażati fuq iż-ZZD ma jkollu s-setgħa li jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/43.

49.

Konsegwentement, l-uniku kriterju loġiku jista’ jkun biss dak jekk deċiżjoni mogħtija mill-KZD fi proċedura ta’ lment ikollhiex saħħa vinkolanti għall-partijiet. Dan huwa l-każ hawnhekk. Kif spjega l-Gvern Bulgaru u kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 69 ZZD u mill-Artikolu 82 ZZD, id-deċiżjonijiet tal-KZD għandhom saħħa ta’ res judicata, huma jorbtu lill-partijiet u min ma josservahomx jista’ jeħel multa.

50.

Fi ftit kliem, nikkunsidra li f’din il-kawża il-KZD għandha tiġi kkunsidrata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

2. Fuq in-natura allegatament ipotetika tad-domandi preliminari

51.

CEB u CRB għal darba oħra jsostnu li t-tieni u s-sitt domandi preliminari huma ipotetiċi sa fejn huma jirrigwardaw diskriminazzjoni diretta jew fastidju. Peress li din il-kawża tirrigwarda diskriminazzjoni indiretta, id-domandi dwar din il-forma ta’ diskriminazzjoni biss huma ammissibbli.

52.

Huwa minnu li l-miżura kontenzjuża ma tistax tkun kemm diskriminazzjoni diretta kif ukoll diskriminazzjoni indiretta. Hija l-KZD, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tar-rinviju, li għandha tistabbilixxi liema forma ta’ diskriminazzjoni tkun, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ konkret u wara li tevalwa l-fatti kollha. Issa, il-KZD qed titlob eżattament interpretazzjoni ta’ kull tip sabiex tkun tista’ tiddetermina dwar liema forma ta’ diskriminazzjoni għandha tagħti deċiżjoni. Li domanda preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli biss fir-rigward ta’ forma waħda biss ta’ diskriminazzjoni jkun qed iwassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tantiċipa l-evalwazzjoni tal-fatti li għandha tagħmel il-KZD u, jekk ikun il-każ, tagħtiha risposta li ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti kif tkun tafhom hi.

53.

Madankollu, sa fejn matul din l-analiżi ġuridika jirriżulta li ċerti domandi jew partijiet minnhom ikunu tassew ipotetiċi jew żejda, dawn ma humiex se jiġu indirizzati fir-risposti li ser nipproponi.

3. Riżultat intermedju

54.

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

B – Evalwazzjoni tal-kontenut tad-domandi preliminari

55.

Il-KZD għamlet lista ta’ domandi ferm dettaljati sabiex tikseb xi preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl tal-oriġini etnika tal-persuni u dwar ir-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw il-provi li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita diskriminazzjoni. Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għad-domandi magħmula, xi sottodomandi magħmula mill-KZD ser jiġu ggruppjati flimkien.

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 (l-ewwel domanda)

56.

Il-KZD għamlet l-ewwel domanda tagħha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tippreċiżalha jekk fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43. Konkretament, hija qed titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(h) tad-direttiva, li jirrigwarda l-aċċess għall-oġġetti u għas-servizzi u għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Il-partijiet ma humiex jaqblu fuq jekk, minbarra l-provvista tal-elettriku fih innifsu, il-provvista tal-arloġġi tad-dawl taqax hija wkoll f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

57.

Il-Gvern Bulgaru, CEB u CRB jirrakkomandaw interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. L-Unjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tistabbilixxi regoli dwar l-arloġġi tad-dawl. Fil-fehma tagħhom, il-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku u t-titjib tal-funzjonament tiegħu biss jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni. Il-provvista tal-arloġġi tad-dawl għalhekk ma hijiex miżura neċessarja għal dawn il-finijiet, hekk li minħabba r-restrizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/43, li tippreċiża li d-Direttiva tapplika “[f]il-limiti tal-poteri mogħtija lill-[Unjoni]”, il-każ inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-provvista bla ħlas tal-arloġġi tad-dawl ma hijiex provvista ta’ servizzi fis-sens tad-direttiva peress li din il-provvista ma għandhiex korrispettiv fi flus. CEB u CRB jallegaw ukoll li l-aċċess għall-arloġġi tad-dawl ma jistax jiġi kkunsidrat bl-istess mod bħall-provvista tal-kurrent. L-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43 jirrigwarda biss il-provvista tad-dawl fiha nfisha, u mhux it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-arloġġi tad-dawl.

58.

Dan l-argument ma huwiex korrett.

59.

Bla ebda dubju, il-provvista tad-dawl fiha nfisha tagħmel parti mill-oqsma fejn l-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika. Huwa wkoll paċifiku li CRB qiegħdet l-arloġġi tad-dawl għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha u li, b’hekk, f’dan il-każ, dawn l-arloġġi konkretament jagħmlu parti mill-kundizzjonijiet ġenerali li bihom huma jixtru l-kurrent.

60.

Issa, huma eżattament dawn il-kundizzjonijiet ġenerali li jiddeterminaw il-provvista tas-servizzi “provvista tal-elettriku” f’din il-kawża. Dawn l-elementi differenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod separat wieħed mill-ieħor. Li jiġi allegat li l-provvista tad-dawl fis-sens strett tat-terminu biss għandha tiġi żgurata mingħajr diskriminazzjoni u li dak kollu li jmur lil hinn minn hekk, b’mod partikolari l-istipulazzjonijiet preċiżi inklużi fil-kundizzjonijiet tal-provvista, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva xejn ma jikkonvinċuni.

61.

Huwa konċepibbli li impriża tat-trasport pubbliku tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri fuq xarabank postijiet bilqiegħda differenti skont is-sess, il-kulur tal-ġilda jew l-oriġini etnika tagħhom? Anki meta l-passiġġieri kollha jiġu ttrasportati b’dan il-mod u b’hekk ikunu bla dubju qed jibbenefikaw minn provvista ta’ servizz ta’ trasport bħala tali, jibqa’ evidenti li l-kundizzjonijiet reali tat-trasport tagħhom ma jkunux l-istess.

62.

Id-Direttiva 2000/43 għandha eżattament l-għanijiet li tiggarantixxi li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunu suġġetti għall-ebda diskriminazzjoni u li tiżgura li huma jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni kemm jista’ jkun għoli ( 43 ). Limitazzjoni tal-protezzjoni għal oqsma bażiċi tikkomprometti l-effikaċja prattika tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni. Interpretazzjoni restrittiva tal-materji elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tnaqqas għall-minimu l-protezzjoni mid-diskriminazzjonijiet, xi ħaġa li tkun inkompatibbli mal-għan tad-direttiva msemmi iktar ’il fuq.

63.

Fl-aħħar mill-aħħar, id-Direttiva 2000/43 hija espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament, li huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tad-dritt tal-Unjoni u li l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxu l-osservanza tiegħu. Għal din ir-raġuni wkoll, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma jistax jiġi ddefinit b’mod restrittiv ( 44 ).

64.

Din hija r-raġuni għaliex, f’każ bħal dak f’din il-kawża, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 jinkludi mhux biss il-provvista tal-elettriku, iżda anki l-kundizzjonijiet li fihom din tiġi żgurata, fosthom it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ arloġġi tad-dawl ( 45 ).

65.

Ma jagħmilx sens li jingħad li l-konsumaturi jużaw l-arloġġi tad-dawl mingħajr ħlas filwaqt li d-direttiva tikkonċerna biss il-provvista ta’ servizzi mogħtija bi ħlas. Fil-fatt, il-provvista tal-kurrent, li hija s-suġġett prinċipali tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, tiġi żgurata għal remunerazzjoni u għandu jitqies ukoll li l-ispejjeż relatati mal-arloġġi huma inklużi fil-prezz tal-elettriku u b’hekk jgħaddu b’mod indirett fuq il-konsumaturi. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, il-provvista tal-elettriku u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ arloġġ ma jistgħux jiġu sseparati. Għalxiex iservi arloġġ meta ma jkunx hemm provvista ta’ kurrent? Għaldaqstant, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-arloġġ ma huwiex servizz ipprovdut b’mod awtonomu, iżda parti mis-servizz sħiħ ta’ provvista tal-elettriku.

66.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kompetenzi tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/43, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu kompetenza fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-suq intern tal-elettriku ( 46 ). Barra minn hekk, anki jekk dan ma huwiex determinanti, huwa diġà għamel użu minn din il-kompetenza kemm-il darba, b’mod partikolari meta stabbilixxa regoli dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi finali dwar il-konsum tagħhom tal-elettriku u f’dik l-okkażjoni semma espressament l-arloġġi tad-dawl ( 47 ).

67.

Fid-dawl ta’ dan kollu, għaldaqstant biħsiebni nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li fatti bħal dawk li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43.

2. L-ebda rekwiżit ta’ ksur ta’ drittijiet jew ta’ interessi espressament stabbiliti bil-liġi (it-tieni sar-raba’ domandi)

68.

Il-KZD għamlet it-tieni u r-raba’ domandi tagħha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha jekk għandux ikun hemm trattament li jikser drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi sabiex ikun hemm diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/43 jew jekk trattament jistax ikun diskriminatorju indipendentement minn tali ksur. F’każ li din id-direttiva ma tinvolvix ksur ta’ drittijiet jew ta’ interessi espressament stabbiliti bil-liġi, tqum il-kwistjoni jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi tali rekwiżit tkunx kompatibbli mad-direttiva.

69.

Il-KZD qed tagħmel dawn id-domandi għaliex, skont id-definizzjonijiet legali tad-dritt Bulgaru, eżattament skont l-Artikolu 1(7) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taż-ZZD ( 48 ), “trattament inqas favorevoli” jimplika li dan it-trattament jaffettwa direttament jew indirettament drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi. CEB qed tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni sabiex tafferma li l-konsumaturi ma għandhomx dritt li jingħatalhom arloġġ tad-dawl bla ħlas. B’hekk, ma tista’ tiġi rrapportata l-ebda diskriminazzjoni peress li ma nkiser l-ebda dritt.

70.

Huwa l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex isseħħ diskriminazzjoni. Skont l-Artikolu 2(2)(a), diskriminazzjoni diretta sseħħ “fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità [fejn persuna tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kienet tiġi ttrattata minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ razza jew ta’ oriġini entika]”. L-inugwaljanza fit-trattament li tagħti lok għal din id-diskriminazzjoni b’hekk hija direttament ibbażata fuq ir-razza jew fuq l-oriġini etnika. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(2)(b), diskriminazzjoni indiretta sseħħ “fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari [meta] pparagunati ma’ persuni oħra”.

71.

B’hekk, mit-termini użati fid-Direttiva 2000/43 jirriżulta li diskriminazzjoni, ta’ kwalunkwe tip, tista’ sseħħ mingħajr ma jinkisru drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi. L-uniku element determinanti huwa li persuna jew grupp partikolari tkun suġġetta għal trattament inqas favorevoli jew tiġi żvantaġġjata, indipendentement fuq liema bażi qed isir dan, jekk dan jaffettwax drittijiet jew interessi u, jekk iva, liema. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li diskriminazzjoni lanqas ma timplika li jkun hemm vittma konkreta ( 49 ).

72.

Għaldaqstant, sabiex jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni, huwa suffiċjenti li persuna jew grupp ta’ persuni tkun suġġetta għal trattament, ikun xi jkun, inqas favorevoli minn dak li tibbenefika, ibbenefikat jew ser tibbenefika minnu persuna oħra jew grupp ieħor ta’ persuni. Iż-żieda ta’ kundizzjonijiet mhux previsti fid-Direttiva 2000/43 ma tkunx kompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

73.

Barra minn hekk, għandu jiġi preżunt li, kieku kienet tinvolvi l-ksur ta’ drittijiet, id-Direttiva 2000/43 kienet tippreċiża dan espressament, kif għamlet pereżempju għall-kwistjoni tad-difiża tad-drittijiet fl-Artikolu 7(1) tagħha. Minn dan jirriżulta, a contrario, li trattament mhux bilfors għandu jaffettwa b’xi mod drittijiet jew interessi biex ikun diskriminatorju.

74.

Għaldaqstant, peress li d-Direttiva 2000/43 ma teżiġix li jkun hemm ksur ta’ drittijiet jew ta’ interessi espressament stabbiliti bil-liġi, ma huwiex rilevanti jekk il-konsumaturi jkollhomx dritt jew le għal arloġġi tad-dawl bla ħlas, irrispettivament minn jekk dan ikunx skont id-dritt nazzjonali jew skont id-dritt tal-Unjoni.

75.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum ukoll il-kwistjoni jekk dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jissuġġettaw ir-rikonoxximent ta’ diskriminazzjoni għal tali ksur ta’ drittijiet jew ta’ interessi espressament stabbiliti bil-liġi jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.

76.

Din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Fil-fatt, id-Direttiva 2000/43 għandha l-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament sabiex jiġu impediti d-diskriminazzjonijiet. Jekk hija tħalli espressament f’idejn l-Istati Membri l-għażla li jdaħħlu jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-partijiet ikkonċernati mir-regoli tal-Unjoni ( 50 ), jibqa’ l-fatt li dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu inqas favorevoli għalihom u li b’hekk jibqgħu inferjuri għar-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni ma jkunux kompatibbli mad-direttiva. Dan huwa eżattament l-effett li jkollha regola li teżiġi li drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi għandhom jinkisru sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li kien hemm diskriminazzjoni, jiġifieri kundizzjoni nazzjonali supplimentari.

77.

Fir-rigward tal-aħħar parti tar-raba’ domanda, li permezz tagħha l-KZD tixtieq tkun taf kif il-qorti nazzjonali għandha tipproċedi f’każ ta’ inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet Bulgari mad-Direttiva 2000/43, għandha ssir riferenza għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati u applikati b’mod li jkun konformi mad-direttiva fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Meta huma japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom, il-qrati nazzjonali li jintalbu jinterpretawha huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha ( 51 ). Huma għandhom jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha ( 52 ).

78.

Ma hemm xejn fl-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-korp tar-rinviju ma jistax jinterpreta u japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Bulgaru, jiġifieri dawk taż-ZZD, b’mod konformi mad-Direttiva 2000/43.

79.

Madankollu, jekk il-KZD tikkonstata li interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt Bulgaru konformi mad-direttiva ma humiex possibbli, hija għandha tosserva dan li ġej: H.V. Belov ma jista’ jislet direttament mid-Direttiva 2000/43 l-ebda dritt li huwa jista’ juża kontra l-impriżi CEB u CRB għaliex direttiva ma tistax, fiha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu ( 53 ).

80.

Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-oriġini etnika madankollu hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa stabbilit, fid-dritt primarju, fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li d-Direttiva 2000/43 ma tagħmel xejn ħlief li tikkonkretizzah ( 54 ), eżattament kif kienet għamlet, pereżempju, id-Direttiva 2000/78 għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ( 55 ), li ma huwiex il-każ, b’mod partikolari, tad-dritt għal leave annwali bi ħlas ( 56 ).

81.

Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għandu sinjifikat partikolari fir-relazzjonijiet ġuridiċi bħal dawk f’din il-kawża, bejn konsumaturi u fornituri ta’ servizzi neċessarji għall-ħajja ta’ kuljum. L-istess bħar-relazzjonijiet tax-xogħol, dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi fil-fatt huma kkaratterizzati minn żbilanċ strutturali tal-partijiet.

82.

F’sitwazzjoni bħal din, jidher li huwa ġġustifikat li ma jiġux applikati, anki bejn individwi, id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiksru l-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, prinċipju li huwa stabbilit fid-drittijiet fundamentali. Dan huwa iktar u iktar minnu meta, f’każ bħal dan inkwistjoni, id-dritt fundamentali ma huwiex intiż direttament għall-individwu iżda jintuża biss bħala kriterju ta’ stħarriġ tal-legalità tad-dritt nazzjonali.

83.

Fil-qosor, ma huwiex neċessarju li trattament jaffettwa drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43. Kwalunkwe aġir li jwassal għal trattament inqas favorevoli ta’ persuna, meta pparagunata ma’ persuna oħra, minħabba r-razza jew l-oriġini etnika tagħha jew li jista’ jwassal sabiex persuni li jappartjenu lil razza jew lil grupp etniku partikolari jiġu żvantaġġjati b’mod speċifiku huwa suffiċjenti. Ir-regoli nazzjonali li jissuġġettaw ir-rikonoxximent ta’ diskriminazzjoni għall-kundizzjoni li t-trattament ikkontestat jikser drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi ma humiex kompatibbli mad-Direttiva 2000/43. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u, jekk jiġi preżunt li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, ma għandhiex tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, prinċipju li huwa stabbilit mid-drittijiet fundamentali.

84.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat il-kontenut tat-tielet domanda preliminari.

3. Ir-rekwiżiti dwar il-prova u l-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni (il-ħames u s-sitt domandi)

85.

Il-ħames u s-sitt domandi jirrigwardaw, min-naħa l-waħda, ir-regoli dwar l-oneru tal-prova li skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 għandhom jirregolaw il-prova tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, essenzjalment il-KZD tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk il-metodi ta’ twaħħil tal-arloġġi tad-dawl fiż-żewġ distretti tar-Rom li ġew deskritti iktar ’il fuq jinkludux, fiċ-ċirkustanzi reali tal-kawża prinċipali, diskriminazzjoni fis-sens tad-direttiva u, jekk ikun il-każ, liema tip ta’ diskriminazzjoni hija din. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk l-eventwali diskriminazzjoni tkunx tista’ tiġi ġġustifikata.

a) Inverżjoni tal-oneru tal-prova [Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43]

86.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi li: “[F]ejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu […] fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent [il-konvenut] li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.”

87.

F’dan ir-rigward, il-KZD tixtieq tkun taf sa fejn il-fatti stabbiliti għandhom iwasslu għall-“konklużjoni” li teżisti diskriminazzjoni jew jekk is-sempliċi preżunzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni hijiex suffiċjenti. Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-KZD jidher li jeżistu xi differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 2000/43. Il-verżjoni bil-Bulgaru teżiġi l-preżentazzjoni ta’ fatti “li jippermettu li tinġibed il-konklużjoni” li jkun hemm diskriminazzjoni filwaqt li l-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bl-Ingliż jeżiġu biss li dawn il-fatti jippermettu li jkun hemm “suppożizzjoni” jew “preżunzjoni” tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Madankollu “konklużjoni” dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni tista’ tinġibed biss bi grad ogħla ta’ ċertezza minn dik li tirriżulta minn sempliċi “suppożizzjoni” jew “preżunzjoni”. Fil-prattika Bulgara nazzjonali, id-dispożizzjoni applikabbli taż-ZZD sa issa ġiet invokata bħala kriterju ta’ prova b’tali mod li teżiġi grad ta’ ċertezza partikolarment għoli. Kien qed jintalab grad ta’ ċertezza li jmur lil hinn mis-sempliċi preżunzjoni u mid-dubju u li jixbah ferm lil prova sħiħa ta’ diskriminazzjoni. Id-domanda tal-KZD b’hekk tirrigwarda b’liema grad ta’ preċiżjoni l-lanjant għandu jistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu diskriminazzjoni.

88.

Il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 li pparagunajt ( 57 ) jeżiġu kollha sempliċi “preżunzjoni” ta’ diskriminazzjoni ( 58 ) u mhux “konklużjoni” ċerta tal-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni. Il-premessa 21 tad-direttiva tipprovdi li l-inverżjoni tal-oneru tal-prova tibda mill-waqt li jkun hemm “każ prima facie ta’ diskriminazzjoni” ( 59 ). Fl-osservazzjonijiet li ppreżentat il-Kummissjoni Ewropea, hija tispjega wkoll li l-verżjoni bil-Bulgaru stess tad-Direttiva 2000/43 mhux bilfors teżiġi livell ogħla ta’ ċertezza għaliex dik il-verżjoni lingwistika teżiġi hija wkoll biss fatti li “jistgħu jwasslu għall-konklużjoni” li hemm diskriminazzjoni.

89.

Is-sitwazzjoni ġuridika ma hijiex differenti fil-każ ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dwar l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80/KE ( 60 ), li t-termini tiegħu huma kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 u anki għal dawk tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 61 ), li l-oneru tal-prova dejjem jiġi invertit meta l-lanjant jistabbilixxi b’mod plawżibbli li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni ( 62 ).

90.

Dik il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta mingħajr problemi għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ( 63 ). Kwalunkwe interpretazzjoni oħra iktar restrittiva tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 tippreġudika l-effikaċja prattika tagħha u jkollha bħala effett li tiżvojta prattikament mill-kontenut tagħha r-regola dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova. Mingħajr tali inverżjoni tal-oneru tal-prova, ikunu d-dispożizzjonijiet legali ordinarji li jkunu applikabbli u min iqis li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni jkollu jesponi u jipprova l-fatti kollha li jistgħu jsostnu l-allegazzjoni tiegħu u li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza.

91.

Huwa eżattament sabiex jevita tali diffikultajiet u jtejjeb is-sitwazzjoni tal-vittma potenzjali li l-leġiżlatur inverta l-oneru tal-prova ħalli jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-lanjant. Prattika nazzjonali bħal dik li ddeskriviet il-KZD hija f’konflitt dirett ma’ dan l-għan, għaliex li l-lanjant jintalab jesponi u jipprova fatti li jistgħu jwasslu sabiex jiġi konkluż b’ċertezza li kien hemm diskriminazzjoni fl-aħħar mill-aħħar jikkorrispondi għat-tqassim normali tal-oneru tal-prova. Għaldaqstant, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 bl-ebda mod ma jtejjeb is-sitwazzjoni tal-lanjant fil-proċedura.

92.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 li se nirrakkomanda ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ smigħ xieraq għad-detriment ta’ CEB u ta’ CRB. Bl-introduzzjoni tar-regola tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova fid-direttivi antidiskriminatorji kollha, il-leġiżlatur għażel soluzzjoni li tikseb bilanċ ġust bejn l-interessi ta’ dak li qed jallega li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni u dawk tal-parti l-oħra ( 64 ). Din ir-regola lanqas ma tinjora l-oneru tal-prova li għandu l-lanjant: kulma tagħmel huwa li temendah.

93.

Ċertament, l-inverżjoni tal-oneru tal-prova f’din il-kawża jista’ jkollha l-effett li ġġiegħel lil CEB u lil CRB jipprovdu lill-qorti tar-rinviju spjegazzjonijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kummerċjali li jwaħħlu l-arloġġi tad-dawl fid-distretti tar-Rom b’mod differenti mill-metodu li jintuża ġeneralment fil-Bulgarija, deċiżjoni li forsi diġà ilha żmien li ttieħdet. Madankollu, l-impożizzjoni ta’ dan l-eżerċizzju fuq CEB u CRB hija pass loġiku għaliex l-informazzjoni li jkollhom jipprovdu f’dan ir-rigward taqa’ fl-isfera ta’ kompetenza u fil-qasam ta’ responsabbiltà ta’ dawn l-impriżi jew tal-predeċessuri legali tagħhom. Barra minn hekk, l-impriża ta’ distribuzzjoni ddikjarat lill-qorti tar-rinviju li l-motivi li taw lok għal dan il-mod partikolari kif jitwaħħlu l-arloġġi tad-dawl fiż-żewġ distretti kkonċernati ma huwa sigriet għal ħadd ( 65 ), u b’hekk ma għandux ikollha problemi sabiex tagħti spjegazzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

94.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sabiex titwettaq inverżjoni tal-oneru tal-prova skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, huwa suffiċjenti li l-individwu li qed jallega li kien suġġett għal diskriminazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jesponi b’mod plawżibbli l-fatti li ħolqu każ prima facie ta’ diskriminazzjoni.

b) In-natura tad-diskriminazzjoni [Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43]

95.

Hija l-KZD stess li għandha tevalwa jekk ċirkustanzi bħal dawk deskritti fit-tieni parti tal-ħames domanda humiex tali li joħolqu każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, għaliex hija biss għandha tistabbilixxi u tikklassifika l-fatti kif ukoll tapplika d-dritt għall-każ li tressaq quddiemha ( 66 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-indikazzjonijiet utli kollha li se jagħmluha iktar faċli għal soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 67 ). Hija għandha iktar u iktar raġun li tagħmel dan peress li l-KZD esprimiet xi dubji dwar dan fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, fejn hija fakkret il-ġurisprudenza restrittiva tal-ogħla qorti amministrattiva Bulgara f’każijiet paragunabbli. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jixirqilhom kull attenzjoni f’dan ir-rigward.

96.

Fiż-żewġ distretti tal-belt ta’ Montana li ġew deskritti bħala distretti tar-Rom, l-arloġġi tad-dawl, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, twaħħlu fuq arbli tad-dawl f’għoli inaċċessibbli ta’ 7 metri filwaqt li f’imkejjen oħrajn twaħħlu f’għoli minn fejn jistgħu jinqraw faċilment.

97.

La t-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża ma jipprovdu xi element konkret li jindika li dan il-mod partikolari kif twaħħlu l-arloġġi tad-dawl fiż-żewġ distretti tar-Rom intgħażel minħabba l-oriġini etnika tal-abitanti ta’ dawn id-distretti jew huwa marbut ma’ karatteristika li ma tistax tiġi sseparata mill-oriġini etnika tagħhom. Sa fejn wieħed jista’ jiġġudika, din il-miżura tikkonċerna lil dawn il-konsumaturi biss minħabba l-kwalità tagħhom ta’ residenti. Konsegwentement, ma hemm xejn fl-informazzjoni disponibbli li jipprovdi element li juri li kien hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-oriġini etnika [Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43].

98.

Fin-nuqqas ta’ element konkret, il-prattika li tikkonsisti fit-twaħħil tal-arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 7 metri ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aġir li għandu “rabta mal-oriġini etnika” tal-abitanti taż-żewġ distretti tar-Rom u li għandu bħala għan jew bħala effett li jippreġudika d-dinjità u li joħolqilhom ambjent degradanti. B’hekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli ma jistax jiġi konkluż li dan huwa “fastidju” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2000/43.

99.

Madankollu, huwa paċifiku li fiż-żewġ distretti kkonċernati joqogħdu prinċipalment persuni li jappartjenu lill-komunità Rom ( 68 ). It-tqegħid tal-arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 7 metri b’hekk huwa a priori tali li se jaffettwa lill-membri ta’ dan il-grupp etniku u se jqegħidhom fi żvantaġġ peress li din il-prattika għandha l-effett li huwa prattikament impossibbli, jew għall-inqas, ferm diffiċli li huma jkollhom aċċess għall-arloġġi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqrawhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ammess li f’din il-kawża hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika [Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43].

c) Ġustifikazzjoni [Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43]

100.

Bil-kontra tad-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika li, fil-prinċipju, ma tistax tiġi ġġustifikata għaliex id-Direttiva 2000/43 ma tinkludi l-ebda regola dwar dan ( 69 ), l-Artikolu 2(2)(b) tad-direttiva jipprovdi, dwar id-diskriminazzjoni indiretta, li d-dispożizzjonijiet, il-kriterji jew il-prattiki inkwistjoni jkunu ġġustifikati oġġettivament meta jkollhom leġittima u li l-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu xierqa u meħtieġa, jiġifieri, proporzjonati ( 70 ). Din il-formulazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti ġeneralment aċċettati fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament indiretta.

i) Mira leġittima

101.

It-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ta’ CEB u ta’ CRB jagħtu l-impressjoni li huwa għaliex għadd ta’ utenti fid-distretti kkonċernati ma jħallsux il-kontijiet tad-dawl tagħhom, jagħmlu konnessjonijiet illegali man-netwerk, ibagħbsu l-arloġġi u jieħdu illegalment il-kurrent, li l-impriża ddeċidiet li tqiegħed l-arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 7 metri. Din il-miżura għandha l-għan li timpedixxi frodi u abbużi fil-ġejjieni u li tagħti kontribut sabiex tiġi ggarantita l-kwalità ta’ provvista tad-dawl li tkun finanzjarjament aċċessibbli fl-interess tal-konsumaturi kollha.

102.

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra frodi u abbużi, u l-garanzija tas-sigurtà u tal-kwalità tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri huma miri leġittimi rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni ( 71 ).

ii) Stħarriġ tal-proporzjonalità

103.

Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwiex proporzjonat li l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu f’għoli ta’ 7 metri fiż-żewġ distretti kkonċernati. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, dan jippresupponi li din il-miżura tkun “sewwa [xierqa] u meħtieġa” sabiex jintlaħqu l-miri leġittimi mixtieqa.

104.

Li jiġi allegat, kif qed jagħmlu CEB u CRB, li r-raġunijiet li wassluhom sabiex jieħdu l-miżura kontenzjuża ma huma sigriet għal ħadd ( 72 ), ma jeżentax liż-żewġ impriżi milli jipprovaw li meta aġixxew b’dan il-mod, huma ma kisrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament [Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43], għaliex il-fatt li r-raġunijiet għal aġir partikolari ta’ impriżi jkunu magħrufin ma jippreġudikax il-ġustifikazzjoni tiegħu, u lanqas, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu.

– “Kemm tkun sewwa” (xierqa) il-miżura

105.

Miżura tkun “sewwa [xierqa]” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 meta hija tkun tali li tippermetti l-kisba tal-mira leġittima mixtieqa ( 73 ), li jfisser, f’din il-kawża, li l-miżura tkun adattata sabiex timpedixxi effettivament frodi u abbużi, u sabiex tagħti kontribut ħalli tiġi ggarantita l-kwalità tal-provvista tal-elettriku.

106.

Ma hemm l-ebda dubju li t-tqegħid tal-arloġġi tad-dawl u tal-kaxxi tad-distribuzzjoni f’għoli ta’ 7 metri, normalment inaċċessibbli għall-konsumaturi, jagħmel iktar diffiċli t-tbagħbis u t-teħid illegali tal-kurrent. Barra minn hekk, kull ostakolu għall-interventi illegali tal-individwi fuq in-netwerk tal-elettriku għandu t-tendenza li jkollu effetti pożittivi għall-konsumaturi kollha għaliex jimpedixxi ħsarat fl-infrastruttura u jippermetti li tiġi pprevenuta l-possibbiltà ta’ żieda ġenerali fil-prezzijiet tad-dawl maħsuba sabiex tikkumpensa l-ispiża tat-tiswijiet.

107.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, madankollu, tinkludi riferiment għall-fatt li, f’distrett tar-Rom ta’ belt Bulgara oħra, l-applikazzjoni ta’ miżuri paragunabbli għal dik li hija inkwistjoni hawnhekk ma wasslitx biex timpedixxi tassew lill-utenti milli jagħmlu konnessjonijiet illegali man-netwerk tad-dawl ( 74 ). Fl-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja, CEB u CRB madankollu spjegaw f’dan ir-rigward li huma jikkunsidraw li, kollox ma’ kollox, il-miżuri li ħadu kienu pożittivi għaliex wasslu biex jitnaqqsu ħafna mill-konnessjonijiet illegali.

108.

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-adegwatezza ta’ miżura għandha dejjem tiġi evalwata fid-dawl tal-mira tagħha. Jekk miżura, bħal f’din il-kawża, hija intiża bħala reazzjoni għal għadd ta’ konnessjonijiet illegali man-netwerk tal-elettriku f’distrett partikolari, ma tistax tissuġġetta l-adegwatezza tagħha għall-kundizzjoni li fil-ġejjieni jkunu ġew fi tmiemhom il-każijiet kollha ta’ abbużi u ta’ frodi kif ukoll ta’ kull tbagħbis illegali li jippreġudika l-kwalità tal-provvista tal-elettriku. Anzi, il-qorti tkun diġà obbligata li tikkunsidraha bħala adattata sabiex twettaq il-miri leġittimi tagħha jekk hija tagħti kontribut sabiex l-għadd ta’ konnessjonijiet illegali jitnaqqas b’mod sinjifikattiv. Hija l-KZD li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

– Neċessità

109.

Jekk jiġi aċċettat li l-miżura kontenzjuża hja adattata sabiex timpedixxi frodi u abbużi u sabiex tiggarantixxi l-kwalità tal-provvista tal-elettriku, allura tqum il-mistoqsija jekk hijiex ukoll neċessarja sabiex tintlaħaq din il-mira. Miżura tkun neċessarja meta l-mira leġittima mixtieqa ma tkunx tista’ tinlaħaq permezz ta’ miżura oħra daqstant xierqa imma inqas restrittiva. Dan ifisser li għandha ssir tfittxija sabiex jiġi aċċertat jekk jeżistux soluzzjonijiet inqas radikali ħalli jiġu impediti t-tbagħbis frawdolenti tal-arloġġi tad-dawl u l-konnessjonijiet illegali.

110.

L-ewwel nett, il-KZD tistaqsi dwar il-possibbiltà li l-arloġġi tad-dawl jitwaħħlu f’għoli normali, iżda li jiġu protetti minn tbagħbis illegali permezz ta’ mezzi tekniċi partikolari ( 75 ).

111.

Jekk l-arloġġi jiġu mgħammra b’mezzi kontra t-tbagħbis din tkun bla ebda dubju miżura inqas iebsa fil-konfront tal-konsumaturi li jgħixu fid-distretti kkonċernati. Dan il-metodu jippermetti, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jkomplu jikkontrollaw b’mod regolari l-arloġġi tagħhom, kif fuq kollox jidher li huwa ġeneralment il-każ f’imkejjen oħrajn fil-Bulgarija.

112.

Madankollu, għandu jitfakkar li protezzjoni tal-arloġġi b’mezzi tekniċi partikolari bil-wisq probabbli se tissarraf fi spejjeż addizzjonali kunsiderevoli għall-impriżi kkonċernati li dawn jistgħu jgħadduhom fuq il-konsumaturi kollha tagħhom, kif ma naqsux milli jindikaw CEB u CRB waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bla ħsara għal analiżi iktar dettaljata ta’ din il-problematika mill-KZD, għaldaqstant, il-protezzjoni tal-arloġġi tad-dawl sempliċement permezz ta’ mezzi tekniċi partikolari ma jidhirx li hija mezz daqstant adattat sabiex jintlaħqu l-miri leġittimi mixtieqa. Konsegwentement din il-miżura ma tistax tiġi invokata bħala argument li juri li l-miżura kontenzjuża attwalment applikata ma hijiex neċessarja, jiġifieri li ma hemmx għalfejn li l-arloġġi jitqiegħdu f’għoli ta’ 7 metri.

113.

It-tieni nett, il-KZD tispjega li huwa permissibbli li CEB u CRB jibdew proċeduri kontra l-abbużi li jista’ jkun hemm ħalli jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lill-arloġġi u lill-infrastrutturi. Huma jistgħu jagħżlu bejn proċeduri ċivili u proċeduri kriminali.

114.

CEB u CRB ġustament wieġbu li l-bidu ta’ proċeduri a posteriori kontra dawk li jwettqu l-ksur ta’ spiss jinvolvi ċertu ammont ta’ inċertezzi u jwassal għal spejjeż kunsiderevoli minħabba, min-naħa l-waħda, id-diffikultà li jiġi pprovati l-fatti u, mill-oħra, it-tul tal-proċeduri, l-ineffikaċja tagħhom u n-nuqqas ta’ diliġenza tal-korpi kompetenti. CEB u CRB ġibdu wkoll l-attenzjoni li dawk li jbagħbsu l-arloġġi tad-dawl huma f’riskju li jweġġgħu jew li jmutu, riskji li lanqas ma jistgħu jiġu miġġielda b’mod effikaċi b’intervent a posteriori. Bla ħsara għal eżami iktar fil-fond ta’ din il-problematika mill-KZD, ma’ hemm xejn li jista’ jagħti lok li jiġi kkunsidrat li awtomatikament is-sempliċi bidu ta’ proċeduri a posteriori quddiem il-qorti ċivili jew il-qorti kriminali ser ikun mezz daqstant adattat sabiex jintlaħqu l-miri leġittimi ta’ din il-kawża ( 76 ).

115.

It-tielet nett, jista’ anki jiġi previst li jitqiegħdu f’għoli diffiċilment aċċessibbli biss l-arloġġi li ġew effettivament imbagħbsa. Dan l-aġir, madankollu, jinvolvi l-istess inċertezzi ta’ proċedura ċivili jew kriminali fil-każ ta’ tbagħbis jew ta’ konnessjonijiet illegali. Bla ħsara għal eżami iktar fil-fond tal-KZD, lanqas din il-possibbiltà ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala mezz daqstant adattat sabiex jintlaħqu l-miri leġittimi mixtieqa.

116.

Fis-sitwazzjoni attwali, għaldaqstant jidher mill-inqas dubjuż kif CEB u CRB jistgħu, mingħajr ma jidħlu għal spejjeż kunsiderevoli, jużaw mezzi oħrajn daqstant adattati li jġibu magħhom inqas effetti negattivi għall-popolazzjoni li tgħix fid-distretti kkonċernati.

– In-nuqqas ta’ effetti negattivi sproporzjonati għall-abitanti tad-distretti kkonċernati

117.

Jekk jirriżulta li l-miżuri meħuda kienu xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri leġittimi mixtieqa, għad irid jiġi eżaminat jekk l-effetti negattivi għall-abitanti tad-distretti kkonċernati li jġibu magħhom dawn il-miżuri humiex sproporzjonati ( 77 ). Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta li l-miżuri li jippreġudikaw dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, f’din il-kawża, ma jistgħux jirriżultaw f’effetti negattivi sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxa għad-destintarji tagħhom ( 78 ). Fi kliem ieħor, il-mira leġittima mixtieqa, sa fejn huwa possibbli, għandha tiġi kkonċiljata mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għandu jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi differenti inkwistjoni ( 79 ).

118.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li t-tqegħid tal-arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 7 metri hija miżura komparattivament iebsa li tolqot mingħajr distinzjoni (“b’mod kollettiv” ( 80 )) lill-abitanti kollha taż-żewġ distretti inkwistjoni, inklużi dawk li qatt ma bagħbsu l-arloġġi jew li qatt ma akkumulaw kontijiet tad-dawl mhux imħallsa. In-natura għamja tal-miżura tista’ tagħti l-impressjoni li l-abitanti kollha tad-distretti kkonċernati jew parti kbira minnhom huma involuti fi frodi, fi tbagħbis jew f’irregolaritajiet oħrajn fil-konsum tad-dawl tagħhom u li, fl-aħħar mill-aħħar, qed twitti t-triq għal stigmatizzazzjoni tal-popolazzjonijiet ta’ dawn id-distretti ( 81 ).

119.

Għandu jitfakkar ukoll, indipendentement minn kull possibbiltà ta’ stigmatizzazzjoni tal-popolazzjoni lokali, li, fid-Direttiva 2006/32 u fid-Direttiva 2009/72, il-leġiżlatur tal-Unjoni jenfasizza espressament l-interess li għandhom il-konsumaturi li jiġu regolarment informati rigward il-konsum individwali tagħhom tal-elettriku. Apparti minn hekk, il-konsumaturi għandhom jiġu mħeġġa b’mod attiv biex jiċċekkjaw regolarment l-arloġġi tad-dawl tagħhom ( 82 ). Li residenzi jiġu mgħammra b’arloġġi tad-dawl imqiegħda f’għoli ta’ 7 metri, fejn dawn ma humiex aċċessibbli sabiex jiġu kkontrollati, imur kontra l-mira stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

120.

Ċertament, CEB u CRB qed joffru li bla ħlas iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, li individwalment jagħmlu talba bil-miktub, vettura mgħammra bi pjattaforma sabiex huma jkunu jistgħu jikkontrollaw l-arloġġi tagħhom, iżda tista’ ssir b’mod serju d-domanda jekk proċedura daqstant problematika u kumplessa tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-mira tad-dritt tal-Unjoni li semmejt, jiġifieri li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jikkontrollaw regolarment ( 83 ) l-arloġġi tad-dawl tagħhom ( 84 ). Fil-fatt, għandha ttieħed pożizzjoni realista u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura speċjali mgħammra bi pjattaforma li kull darba trid tiġi trasportata qabel ma tkun tista’ tintuża, l-iktar l-iktar jista’ jiġi previst darba jew darbtejn fis-sena.

121.

Fi kwalunkwe każ, il-KZD għandha tivverifika jekk l-offerta li CEB u CRB għamlu lill-konsumaturi li jqiegħdu arloġġi tad-dawl fid-djar tagħhom jekk huma jixtiequ jagħmlu dan u bi ħlas ta’ tariffa ( 85 ) tistax tikkumpensa b’mod xieraq għan-nuqqas ta’ aċċess għall-arloġġi ordinarji tagħhom imqiegħda f’għoli ta’ 7 metri. B’mod partikolari, hija għandha żżomm quddiem għajnejha li l-fatt li l-operazzjoni ssir bi ħlas jista’ jiskoraġġixxi lil bosta utenti milli jagħmlu dan il-pass.

122.

Ċertament, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix obbligu fuq l-Istati Membri li jqiegħdu arloġġ tad-dawl bla ħlas għad-dispożizzjoni ta’ kull konsumatur [ara, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/32], iżda, preċiżament, f’settur ta’ provvista fejn il-konnessjonijiet illegali u t-tbagħbis tal-arloġġi fl-imgħoddi ġew ikkonstatati ta’ spiss, il-konsumaturi għandhom interess partikolari li jkunu jistgħu jikkontrollaw u jissorveljaw regolarment il-konsum individwali tal-elettriku tagħhom.

123.

Fl-aħħar nett, għandha tkun il-KZD li tistudja b’attenzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża jekk, min-naħa l-waħda, ikunx hemm riskju ta’ stigmatizzazzjoni ta’ grupp etniku fid-distretti kkonċernati u jekk, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-konsumaturi kkonċernati ttiħdux debitament inkunsiderazzjoni.

iii) Riżultat intermedju

124.

Fi ftit kliem, għandu jiġi kkunsidrat li miżura bħall-miżura kontenzjuża tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn hija sservi sabiex timpedixxi frodi u abbużi u tagħti kontribut ħalli tiġi ggarantita l-kwalità tal-provvista tal-elettriku fl-interess tal-konsumaturi kollha,

sakemm ma tkun tista’ tiġi adottata, bi spiża raġonevoli, l-ebda miżura oħra daqstant xierqa li tiggarantixxi li jintlaħqu dawn il-miri u li tipproduċi effetti inqas sfavorevoli għall-popolazzjoni tad-distretti kkonċernati, u

sakemm il-miżura meħuda ma twassalx għal effetti negattivi sproporzjonati għall-abitanti tad-distretti kkonċernati, fejn ir-riskju ta’ stigmatizzazzjoni ta’ grupp etniku kif ukoll l-interess tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jikkontrollaw b’mod regolari l-konsum individwali tal-elettriku tagħhom billi jaqraw l-arloġġi tagħhom għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni.

VI – Konklużjoni

125.

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi tal-Komisia za zashtita ot diskriminatsia (KZD):

1)

Fatti bħal dawk li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE.

2)

Ma huwiex neċessarju li trattament jaffettwa drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43. Kwalunkwe aġir li jwassal għal trattament inqas favorevoli ta’ persuna meta pparagunata ma’ persuna oħra minħabba r-razza jew l-oriġini etnika tagħha jew li jista’ jwassal sabiex persuni li jappartjenu lil razza jew lil grupp etniku partikolari jiġu żvantaġġjati b’mod speċifiku huwa suffiċjenti.

3)

Ir-regoli nazzjonali li jissuġġettaw ir-rikonoxximent ta’ diskriminazzjoni għall-kundizzjoni li t-trattament ikkontestat jikser drittijiet jew interessi espressament stabbiliti bil-liġi ma humiex kompatibbli mad-Direttiva 2000/43. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u, jekk jiġi preżunt li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, ma għandhiex tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, liema prinċipju huwa stabbilit mid-drittijiet fundamentali.

4)

Sabiex titwettaq inverżjoni tal-oneru tal-prova skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, huwa suffiċjenti li l-individwu li qed jallega li kien suġġett għal diskriminazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jesponi b’mod plawżibbli l-fatti li joħolqu prima facie każ ta’ diskriminazzjoni.

5)

Peress li l-arloġġi tad-dawl normalment imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, bla ħlas, jitwaħħlu fi jew fuq il-bini b’mod li jkunu aċċessibbli u jistgħu jiġu faċilment ikkontrollati filwaqt li, fid-distretti fejn joqogħdu prinċipalment membri tal-komunità Rom, dawn l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu fuq arbli tad-dawl f’għoli inaċċessibli ta’ 7 metri, din id-differenza hija prima facie każ ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43.

6)

Miżura bħall-miżura kontenzjuża tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn hija sservi sabiex timpedixxi frodi u abbużi u tagħti kontribut ħalli tiġi ggarantita l-kwalità tal-provvista tad-dawl fl-interess tal-konsumaturi kollha:

sakemm ma tkun tista’ tiġi adottata, bi spiża raġonevoli, l-ebda miżura oħra daqstant xierqa li tiggarantixxi li jintlaħqu dawn il-miri u li tipproduċi effetti inqas sfavorevoli għall-popolazzjoni tad-distretti kkonċernati, u

sakemm il-miżura meħuda ma twassalx għal effetti negattivi sproporzjonati għall-abitanti tad-distretti kkonċernati, fejn ir-riskju ta’ stigmatizzazzjoni ta’ grupp etniku kif ukoll l-interess tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jikkontrollaw b’mod regolari l-konsum individwali tad-dawl tagħhom billi jaqraw l-arloġġi tagħhom għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Komisia za zashtita ot diskriminatsi.

( 3 ) Jagħmlu wkoll parti mid-direttivi antidiskriminatorji d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 153M, p. 294) u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).

( 5 ) Il-kunċett ta’ “Rom” ġeneralment jintuża sabiex jiġu indikati komunitajiet li għandhom karatteristiċi kulturali simili (bħal, pereżempju, ir-Rom, is-Sinti, iż-Żingari, il-Kalé u l-‘Gens du voyage’), kemm jekk ikunu sedentarji u kemm jekk le; dwar dan is-suġġett ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-5 ta’ April 2011, “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020 [COM(2011)173 finali] u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-21 ta’ Mejju 2012, “Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE” [COM(2012) 226 finali].

( 6 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ April 2011 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, p. 2).

( 7 ) Ara, f’dan ir-rigward, għal darba oħra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ April 2011 u tal-21 ta’ Mejju 2012 (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5) kif ukoll il-miżuri adottati mill-Bulgarija li ssemmew fit-talba għal deċiżjoni preliminari, bħall-Programm Qafas għall-inklużjoni tar-Rom fis-soċjetà Bulgara, il-Programm nazzjonali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-Rom fil-Bulgarija u l-Pjan ta’ azzjoni nazzjonali implementat fil-kuntest tal-inizjattiva “Deċennju tal-Inklużjoni tar-Rom 2005-2015”.

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (L-Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2007, D.H. vs Ir-Repubblika Ċeka (57325/00, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2007-IV) u tas-16 ta’ Marzu 2012, Oršuš et vs Il-Kroazja (15766/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet).

( 9 ) Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id- Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU L 114, p. 64).

( 10 ) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55).

( 11 ) Direttiva 2009/72, li l-Istati Membri għandhom jittrasponuha mhux iktar tard mit-3 ta’ Marzu 2011, ħassret u ssostitwiet id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211). Din hija r-raġuni għaliex, fil-konklużjonijiet li ġejjin, ser nirreferi esklużivament għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 u mhux għal dawk tad-Direttiva 2003/54, iċċitata mill-KZD.

( 12 ) Zakon za zashtita ot diskriminatstia.

( 13 ) Darzhavna Komisia po energiyno i vodno regulirane.

( 14 ) CEB u CRB kienu rrappreżentati b’mod konġunt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali konġunti.

( 15 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson (C-407/98, Ġabra p. I-5539); tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (“Syfait”, C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29); tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C-195/06, Ġabra p. I-8817), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C-517/09, Ġabra p. I-14093); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2012 fil-kawża Westbahn Management (C-136/11, pendenti).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels (61/65, Ġabra p. 584); tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23); tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 33); Syfait (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 29); Österreichischer Rundfunk (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 19); RTL Belgium (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 36), u tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et (C-196/09, Ġabra p. I-5105, punt 37).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C-111/94, Ġabra p. I-3361, punt 9); tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-195/98, Ġabra p. I-10497, punt 25); Syfait (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 29); tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst (C-165/03, Ġabra p. I-5637, punt 25), u tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (C-96/04, Ġabra p. I-3561, punti 13 u 14); kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Ġunju 1980, Borker (138/80, Ġabra p. 1975, punt 4); tal-5 ta’ Marzu 1986, Greis Unterweger (318/85, Ġabra p. 955, punt 4); tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS (C-192/98, Ġabra p. I-8583, punt 21), u tal-24 ta’ Marzu 2011, Bengtsson (C-344/09, Ġabra p. I-1999, punti 18 u 19).

( 18 ) Ara, dwar il-fatt li l-KZD ġiet stabbilita bil-liġi, l-Artikolu 40(1) ZZD kif ukoll l-Artikoli 2 u 3 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali ta’ din iż-ZZD; dwar il-permanenza, ara l-Artikolu 48 ZZD u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-KZD, u dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali, ara l-Artikolu 47(1), (2) u (3) ZZD.

( 19 ) Minkejja li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma huwiex kriterju assolut (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries, C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 12; Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 31, u Standesamt Stadt Niebüll, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 13).

( 20 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 50 u 51), u RTL Belgium (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 39) kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C-109/07, Ġabra p. I-3503, punt 23); fl-istess sens, ara s-sentenza Abrahamsson u Anderson (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 34).

( 21 ) Ara l-Artikolu 61(3) ZZD li jirreferi għall-Artikoli 22 sa 24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Bulgaru.

( 22 ) Sentenzi Wilson (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 52) u RTL Belgium (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 40); fl-istess sens, is-sentenza Abrahamsson u Anderson (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 34 sa 37) u d-digriet Pilato (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 24).

( 23 ) Dwar id-distinzjoni bejn imparzjalità oġġettiva u imparzjalità suġġettiva, ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Koldo Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament Ewropew (C-308/07, Ġabra p. I-1059, punt 46).

( 24 ) Bil-kontra tas-sitwazzjoni fil-kawżi Syfait u RTL Belgium (it-tnejn li huma ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15), fil-KZD ma teżisti preċiżament “l-ebda rabta funzjonali” bejn il-korp deċiżjonali, min-naħa l-waħda, u l-istruttura amministrattiva suġġetta għalih, min-naħa l-oħra. Bil-kontra ta’ dak li ġara fil-kawżi Syfait u RTL Belgium, il-membri tal-Kummissjoni tal-KZD ma jiddeċidux dwar proposta li ssirilhom mill-amministrazzjoni, iżda b’mod indipendenti minnha.

( 25 ) Ara l-Artikolu 47(9) ZZD.

( 26 ) Ara l-Artikolu 40(1) ZZD kif ukoll l-Istatut u r-Regolament tal-KZD.

( 27 ) Ara l-Artikoli 7 u 13 tad-Direttiva 2000/43.

( 28 ) Ara l-Artikolu 153(1) tal-Kodiċi tad-dritt amministrattiv Bulgaru.

( 29 ) Ara l-punt 2 tal-Artikolu 50 ZZD.

( 30 ) Mill-Artikolu 52(2) ZZD jirriżulta li l-KZD ma tagħtix bidu għal proċedura meta hija tikkonstata li fl-istess kwistjoni jkun diġà ġie ppreżentat rikors quddiem qorti.

( 31 ) Digrieti tas-26 ta’ Novembru 1999, Anas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 22) u Rai (C-440/98, Ġabra p. I-8597, punt 13) dwar il-Qorti tal-Awdituri Taljana (Corte dei Conti). Is-sitwazzjoni ġuridika hija paragunabbli fil-każ, pereżempju, tal-Amtsgerichte (qrati tal-ewwel istanza Ġermaniżi): ara, min-naħa l-waħda, is-sentenza Längst (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), u mill-oħra, is-sentenza Standesamt Stadt Niebüll (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17); kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin (C-497/08, Ġabra p. I-101).

( 32 ) Digriet Anas (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 23).

( 33 ) Ara t-tieni punt tal-Artikolu 50 ZZD; mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta jidher li 1 % biss tal-proċeduri tal-KZD huma l-eżitu ta’ investigazzjoni mwettqa ex officio.

( 34 ) Digriet Anas (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 23).

( 35 ) F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, l-Artikolu 65 tal-Liġi Ġermaniża dwar il-qrati amministrattivi (Verwaltungsgerichtsordnung).

( 36 ) Ara l-Artikolu 52(2) ZZD.

( 37 ) Sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament (358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12); tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-138/03, C-324/03 u C-431/03, Ġabra p. I-10043, punt 64), u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C-465/09 P sa C-470/09 P, punt 58).

( 38 ) Ara l-Artikolu 62(2) ZZD.

( 39 ) Il-prinċipju dispożittiv, li jipprovdi li l-partijiet jiddeċiedu meta jressqu, jinterrompu u jwettqu l-proċedura, huwa rikonoxxut f’għadd ta’ kodiċijiet ta’ proċedura (ċivili) tal-Istati Membri u jippermetti li l-partijiet, pereżempju, jirrinunzjaw għal sentenza billi jaslu għal tranżazzjoni dwar il-kawża. Il-possibbiltà li għandhom il-partijiet li jirrinunzjaw b’mod konġunt għal sentenza anki wara li din tkun ingħatat, fl-aħħar mill-aħħar hija bbażata fuq l-istess idea.

( 40 ) Sentenza Dorsch Consult (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 28 u 29).

( 41 ) Sentenza Dorsch Consult (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 27).

( 42 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, CEB u CRB jirreferu għal deċiżjoni tal-Varhoven administrativen sad, tas-27 ta’ Ottubru 2010, fejn dik il-qorti enfasizzat l-ekwivalenza taż-żewġ rimedji. B’differenza għall-KZD, però, qorti ċivili tista’ tagħti d-danni.

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 28 tad-Direttiva 2000/43 fejn jiġi pprovdut li din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura “livell għoli ta’ protezzjoni komuni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha”.

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C-391/09, Ġabra p. I-3787, punt 43).

( 45 ) Ara, wkoll il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ta’ CEB, li l-Artikolu 3(2) tagħhom jipprovdi li l-provvista tal-elettriku għandha tiġi ggarantita filwaqt li jiġi osservat, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 10(1) li jipprovdi li l-provvista tad-dawl tiġi ggarantita lil kull konsumatur tat-territorju kopert bl-istess kundizzjonijiet u mingħajr diskriminazzjoni. Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ta’ CRB jinkludu huma wkoll Artikolu 3 li jipprovdi li l-provvista tad-dawl għandha tiġi ggarantita “filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

( 46 ) Artikolu 53(2) TFUE, Artikolu 62 TFUE u Artikolu 114 TFUE (dawk li qabel kienu l-Artikolu 47(2) KE, l-Artikolu 55 KE u l-Artikolu 95 KE).

( 47 ) Ara l-Artikolu 3(7) moqri flimkien mal-paragrafu 1(h) u (i) tal-Anness I għad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-ewwel punt tal-Artikolu 13(1) u l-aħħar sentenza tal-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32.

( 48 ) Dopalnitelni razporedbi.

( 49 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C-54/07, Ġabra p. I-5187, punt 25).

( 50 ) Ara l-Artikolu 6(1) u l-premessa 25 tad-Direttiva 2000/43.

( 51 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 98); tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 48), u tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, punt 24).

( 52 ) Ara, dwar dan il-punt, is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 Pfeiffer et (punti 115 sa 119); Impact (punt 101) u Dominguez (punt 27). Fl-istess sens diġà, is-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 28: “sa fejn permess mill-marġni ta’ diskrezzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha”.

( 53 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20); ara wkoll is-sentenzi, iċċitatati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 Pfeiffer (punt 108); Kücükdeveci (punt 46) u Dominguez (punt 37).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Runevič-Vardyn und Wardyn (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 43).

( 55 ) Għaldaqstant, il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2000/78 tista’ tiġi sempliċement trasposta għad-Direttiva 2000/43; ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punti 74 u 75); Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 51 u 53) u tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C-147/08, Ġabra p. I-3791, punt 59).

( 56 ) Fil-kawża Dominguez (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51), li kienet tirrigwarda leave annwali bi ħlas, il-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda riżultat tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda dritt stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali taħt it-titolu “Solidarjetà”.

( 57 ) Għaldaqstant, ara l-verżjoni Ġermaniża (“Tatsachen glaubhaft machen, die … vermuten lassen”); il-verżjoni Griega (“προσάγει … πραγματικά περιστατικά, από τα οποία τεκμαίρεται”); il-verżjoni Ingliża (“establish … facts from which it may be presumed”); il-verżjoni Spanjola (“alegue … hechos que permitan presumir”); il-verżjoni Franċiża (“établit … des faits qui permettent de présumer”); il-verżjoni Taljana (“espongono … fatti dai quali si può presumere”); il-verżjoni Olandiża (“feiten aanvoeren die … kunnen doen vermoeden”); il-verżjoni Pollakka (“przedstawia … fakty, z których można domniemywać”); il-verżjoni Portugiża (“apresentar … elementos de facto constitutivos da presunção”) u l-verżjoni Svediża (“lägger fram fakta som ger anledning att anta”) tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43.

( 58 ) Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza Feryn (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 30).

( 59 ) Għadd ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn tal-premessa 21 tad-Direttiva 2000/43 ġew ifformulati bl-istess sens: “a prima facie case of discrimination” (Ingliż); “Όταν πιθανολογείται διακριτική μεταχείριση” (Grieg); “una presunta discriminacion” (Spanjol); “Anschein einer Diskriminierung” (Ġermaniż); “une présomption de discrimination” (Franċiż); “una presunzione di discriminazione” (Taljan); “domniemani[e] dyskryminacji” (Pollakk); “presumível discriminação” (Portugiż) u “ett prima facie-fall av diskriminering” (Svediż).

( 60 ) Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż [l-oneru] tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264 ).

( 61 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Meister (C-415/10, punt 35); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fit-12 ta’ Marzu 2008 fil-kawża Feryn (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 22).

( 62 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi (C-196/02, Ġabra p. I-1789, punt 74 moqri flimkien mal-punt 68); ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C-104/10, Ġabra p. I-6813, punt 30). Dwar is-sitwazzjoni ġuridika preċedenti għad-Direttiva 97/80, ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO (C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 53): “F’sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni prima facie”.

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punti 34 sa 40).

( 64 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012 fil-kawża Meister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 22).

( 65 ) Ara l-punt 5.3(ċ) tal-ħames domanda preliminari.

( 66 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2000/43: “L-apprezzament tal-fatti li minnhom jista’ jiġi inferit illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi kompetenti nazzjonali, ġudizzjarja jew oħra, skond ir-regoli tal-liġijiet jew il-prattika nazzjonali.” Dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġusizzja qatt ma waqfet tirrepeti f’ġurisprudenza stabbilita dwar il-proċedura għal deċiżjoni preliminari; ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 30); tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 49), u Kelly (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 31).

( 67 ) Ara s-sentenzi Feryn (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 19) u MOTOE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 30); ara wkoll is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Aventis Pasteur (C-358/08, Ġabra p. I-11305, punt 50), u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C-163/10, Ġabra p. I-7565, punt 21).

( 68 ) Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, ma hemmx għalfejn li jiġu diskussi ulterjorment iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda 5.3(a) u (b).

( 69 ) Trattament differenti minħabba r-razza jew l-oriġini etnika huwa possibbli biss sakemm il-partijiet ikkonċernati ma jkunux f’sitwazzjoni paragunabbli [ara l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43].

( 70 ) Dwar il-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fis-sens tad-Direttiva 2000/78, ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fis-6 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Andersen (C-499/08, Ġabra p. I-9343, punti 46 u 47).

( 71 ) Dwar il-ġlieda tal-korpi nazzjonali kontra frodi u abbużi, ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 68 u 69); tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 35), u tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C-321/05, Ġabra p. I-5795, punt 38); dwar il-garanzija tas-sigurtà u tal-kwalità tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri, ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil (72/83, Ġabra p. 2727, punti 34 u 35); tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-503/99, Ġabra p. I-4809, b’mod partikolari l-punt 55), u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-543/08, Ġabra p. I-11241, punt 84).

( 72 ) Ara l-punt 5.3(ċ) tal-ħames domanda.

( 73 ) F’dan ir-rigward, dwar il-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fis-sens tad-Direttiva 2000/78, ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Andersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 53). L-aħħar parti tal-punt 1 tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandha diċitura identika għal dik tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, b’tali mod li l-ispjegazzjonijiet esposti fil-kawża Andersen jistgħu jiġu trasposti għal dan il-każ.

( 74 ) Ara l-punt 6.3(ġ) tas-sitt domanda.

( 75 ) Ara l-punt 6.3(f) tas-sitt domanda.

( 76 ) Ara, fl-istess sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 67); tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C-137/09, Ġabra p. I-13019, punt 82), u tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-400/08, Ġabra p. I-1915, punt 124) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, dwar kuntesti ferm differenti, li l-korpi nazzjonali kompetenti ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jieħdu miżuri li jistgħu jiġu applikati u kkontrollati b’mod sempliċi.

( 77 ) Ara, f’dan l-istess sens, dwar id-Direttiva 2000/78, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Andersen (C-499/08, Ġabra p. I-9343, punti 41 sa 48, b’mod partikolari l-punt 47), kif ukoll il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt f’dik l-istess kawża (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 67).

( 78 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21); tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelmann u van Schaijk (C-96/03 u C-97/03, Ġabra p. I-1895, punt 47), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C-379/08 u C-380/08, Ġabra p. I-2007, punt 86).

( 79 ) Ara, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Andersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 68).

( 80 ) Ara l-punt 6.3(a) tas-sitt domanda.

( 81 ) Il-KZD ukoll esprimiet ruħha f’dan is-sens fil-punt 6.4(e) tas-sitt domanda.

( 82 ) L-aħħar sentenza tal-premessa 29 tal-espożizzjoni tal-motivi tad-Direttiva 2006/32.

( 83 ) Artikolu 3(7) moqri flimkien mal-paragrafu 1(i) tal-Anness I għad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-aħħar sentenza tal-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32.

( 84 ) Il-KZD esprimiet dubju identiku fil-punt 6.3(ċ) tas-sitt domanda.

( 85 ) Punt 6.3(d) tas-sitt domanda.