KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-364/11

Mostafa Abed El Karem El Kott

Chadi Amin A Radi

Hazem Kamel Ismail

vs

Bevándorlási és Állampolgársági HivatalENSZ Menekültügyi Főbiztosság (intervenjent)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija)]

“Direttiva 2004/83/KE — Kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew minn persuni mingħajr Stat li jkunu qed japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat — Persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jkunu bbenefikaw mill-għajnuna mill-UNRWA — Tifsira ta’ ‘[m]eta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni’ u ‘[i]ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva’”

1. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda għal darba oħra tintalab tinterpreta l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83/KE ( 2 ) (li effettivament tittrasponi fid-dritt Komunitarju l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951 ( 3 )) f’dak li jirrigwarda t-tifsira tal-frażi “benefiċċji ta’ din id-Direttiva” li huma intitolati għalihom ir-refuġjati Palestinjani li jkunu qed jirċievu l-protezzjoni jew l-assistenza mill-UNRWA ( 4 ) meta “din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni”.

2. 

Domandi dwar l-interpretazzjoni taż-żewġ frażijiet tqajmu għall-ewwel darba — f’termini kważi identiċi — fis-sentenza Bolbol ( 5 ). Madankollu, f’dik is-sentenza r-rikorrenti ma kinitx irċieviet protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA qabel ma telqet mill-istrixxa ta’ Gaża biex tfittex l-ażil fl-Ungerija (it-talba tagħha kienet ibbażata fuq l-intitolament għall-protezzjoni jew l-assistenza). Għalhekk, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li ma kienx hemm bżonn li tittratta l-kundizzjonjijiet li taħthom seta’ jingħad li l-protezzjoni jew l-għajnuna jkunu waqfu għal xi raġuni, jew inkella n-natura tal-benefiċċji tad-Direttiva li għalihom dan il-waqfien jagħti l-jedd.

3. 

Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol, xorta waħda ttrattajt dawn il-kwistjonijiet. Il-kuntest storiku u leġiżlattiv jinsab spjegat sew f’dawk il-konklużjonijiet kif ukoll fis-sentenza ta’ dik il-kważa; hawnhekk ser nirrepeti biss id-dispożizzjonijiet ewlenin. Nixtieq nirreferi wkoll għall-analiżi tiegħi f’Bolbol taż-żewġ domandi li qed jintgħamlu għal darb’oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal darb’oħra, f’dan ir-rigward, ser intenni biss dak li jidher li huwa neċessarju.

Dispożizzjonijiet ewlenin

4.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jiddefinixxi l-kelma “refuġjat” bħala kwalunkwe persuna li “minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà li tista’ tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, tkun tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma tkunx trid, tinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollha nazzjonalità u filwaqt li tkun barra mill-pajjiż fejn soltu kienet toqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma tkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma tkunx trid terġa’ lura fih”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

Skont l-Artikolu 1D ta’ din il-Konvenzjoni:

“Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal persuni li attwalment qegħdin jirċievu protezzjoni jew għajnuna minn korpi jew istituzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Għajnuna tar-Refuġjati [ ( 6 ) ].

Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tieqaf għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu ntitolati għall-benefiċċji ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

Wieħed jista’ jinnota li, bil-Franċiż, il-lingwa l-oħra awtentika tal-Konvenzjoni, l-aħħar klawżola tat-tieni sentenza tgħid “ces personnes bénéficieront de plein droit du régime de cette convention” (“dawn il-persuni għandhom bi dritt jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni”).

7.

B’tennija ta’ dak li tgħid il-Konvenzjoni, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jiddefinixxi “refuġjat” bħala “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih”.

8.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva, fil-Kapitolu III (kwalifika biex wieħed ikun refuġjat), jirrifletti l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni. Dan jippreċiża:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat, jekk:

 

huwa jew hija jaqgħu fl-iskop ta’ l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni, li għandha x’taqsam mal-protezzjoni jew l-għajnuna minn korpi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma’ l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-risoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva [ ( 7 ) ];

[...].”

9.

Jista’ jkun ukoll ta’ għajuna li wieħed iżomm f’moħħu d-dispożizzjonijiet segwenti, li jipprovdu l-kuntest li fih jopera l-Artikolu 12(1)(a).

10.

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83, fil-Kapitolu IV (stat ta’ refuġjat), l-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, li jikkwalifikaw bħala refuġjati bi qbil mal-Kapitoli II (stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali) u III (kwalifika biex wieħed ikun refuġjat). Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni, l-Artikolu 4 jirrikjedi li l-applikazzjonijiet jiġu evalwati fuq bażi individwali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatti rilevanti, li prova tagħhom għandha tiġi prodotta mill-applikant.

11.

Il-Kapitolu V jittratta l-kwalifika għall-protezzjoni sussidjarja, filwaqt li l-Kapitolu VI jittratta l-istatus tal-protezzjoni sussidjarja. L-Artikolu 18 jipprovdi għall-għoti ta’ dan l-istatus lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr Stat li tkun eliġibbli għal dik il-protezzjoni skont il-Kapitoli II u V. Id-definizzjoni ta’ persuna eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja fl-Artikolu 2(e) hija simili għad-definizzjoni ta’ refuġjat iżda essenzjalment differenti minħabba li l-kriterju ta’ biża’ ġustifikabbli ta’ persekuzzjoni (bħala membru ta’ grupp) huwa ssostitwit bil-kriterju ta’ riskju veru li wieħed iġarrab ħsara serja (bħala individwu).

12.

Il-Kapitolu VII tad-Direttiva (l-Artikoli 20 sa 34) jistabbilixxi l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali (kemm fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll fir-rigward tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja) mingħajr preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni [l-Artikolu 20(1) u (2)]. L-Artikolu 21(1) jobbliga lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom. Ġeneralment, it-tip ta’ protezzjoni li teżisti hija l-istess kemm fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll fir-rigward tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Id-differenzi ewlenin jikkonċernaw l-għoti ta’ permessi ta’ residenza u ta’ dokumenti tal-ivjaġġar, li fir-rigward tagħhom l-istatus ta’ refuġjat jikkonferixxi drittijiet ikbar ( 8 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

13.

Il-kawża prinċipali tirrigwarda tliet persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li waslu fl-Ungerija u li xtaqu jakkwistaw l-istatus ta’ refuġjati wara li ħarbu mil-Libanu fejn huma kienu qed jgħixu f’kampijiet tar-refuġjati li fihom l-UNWRA kienet qed tipprovdi għajnuna bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-għajnuna soċjali u s-servizzi soċjali.

14.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Mostafa Abed El Karem El Kott kien jgħix fil-kamp Ein el-Hilweh. Huwa kien jaħdem barra dan il-kamp, iżda minħabba li ma kienx jaqla’ biżżejjed biex imantni l-familja tiegħu, beda jbigħ l-alkoħol ġewwa l-kamp. Minħabba dan, il-militanti tal-grupp Jund el-Sham ħarqulu d-dar u heddewh. Huwa telaq mill-kamp u ħarab mil-Libanu, minħabba li kien iħossu żgur li jekk jibqa’ fil-Libanu kien ser jinstab. Fl-Ungerija, il-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u taċ-Ċittadinanza, iktar ’il quddiem il-“BAH”) ma rrikonoxxiehx bħala refuġjat, iżda ħareġ ordni ta’ non-refoulement li tipprekludi r-ritorn tiegħu fil-Libanu.

15.

Chadi Amin A Radi tilef id-dar tiegħu fil-kamp Nahr el Bared meta din ġiet distrutta fi ġlied bejn l-armata Lebaniża u l-Fataħ Iżlamiku. Intilfu kemm id-dar tal-familja tiegħu kif ukoll l-impriża tiegħu. Minħabba li ma kienx hemm spazju ġewwa l-kamp viċin ta’ Baddawi, hu, flimkien ma’ ommu, missieru u ħutu marru joqogħdu għand ħbieb tagħhom ġewwa Tripli. Madankollu, is-suldati Lebaniżi insulentawhom u mmaltrattawhom, arrestawhom b’mod arbitrajru, ittorturawhom u umiljawhom. Minħabba li bħala Palestinjani ma kellhom ebda drittijiet, A Radi telaq mil-Libanu ma’ missieru. F’dan il-każ ukoll, il-BAH ma rrikonoxxiehx bħala refuġjat, iżda ħareġ ordni ta’ non-refoulement.

16.

Hazem Kamel Ismail kien jgħix mal-familja tiegħu ġewwa l-kamp Ein el-Hilweh. Waqt ġlied bl-armi tan-nar bejn il-Fataħ u l-Jund el-Sham, l-estremisti riedu jużaw il-bejt tiegħu. Meta huwa rrifjuta, ġie mhedded u ssuspettat li huwa aġent tal-għadu. Minħabba li ma seta jieħu protezzjoni mingħand ebda organizzazzjoni, huwa telaq lejn Bejrut mal-familja tiegħu. Peress illi hemmhekk ma ħassewhomx protetti, huma ħarbu lejn l-Ungerija. Hazem Kamel Ismail ippreżenta ċertifikat mill-Kumitat tal-Poplu tal-Palestina, li kien jiddikjara li huma kellhom jitilqu minn Ein el-Hilweh għal raġunijiet ta’ sigurtà u minħabba t-theddid tal-Iżlamisti radikali, flimkien ma’ ritratti ta’ darhom ivvandalizzata. Il-BAH ma rrikonoxxiex lill-Kamel Ismail bħala refuġjat, iżda ta protezzjoni sussidjarja lill-familja tiegħu.

17.

Waqt is-seduta ġie kkonfermat li, meta kien qed jara l-applikazzjonijiet tagħhom, il-BAH ittratta lil Abed El Karem El Kott, lil A Radi u lil Kamel Ismail bħala applikanti regolari għall-istatus ta’ refuġjat, eżamina l-applikazzjonijiet tagħhom skont id-Direttiva 2005/85 ( 9 ) u wasal għall-opinjoni li huma ma ssodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Il-BAH għalhekk iqis li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva, iżda li ma humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjati minħabba l-fatt waħdu li huma kienu jirċievu l-għajnuna tal-UNRWA, minkejja li ma għadhomx jirċievu tali għajnuna.

18.

It-tlieta li huma ppreżentaw rikors quddiem il-Fővárosi Bíróság (il-Qorti Metropolitana ta’ Budapest) biex jikkontestaw ir-rifjut tal-BAH milli jirrikonoxxihom bħala refuġjati. L-ENSZ Menekültügyi Főbiztosság (l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem l-“UNHCR”) intervjena fil-kawża prinċipali.

19.

Il-Fővárosi Bíróság qiegħda titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi segwenti:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE:

 

Il-fatt li persuna tista’ tibbenefika mid-Direttiva jimplika r-rikonoxximent ta’ status ta’ refuġjat, jew ta’ waħda jew l-oħra miż-żewġ forom ta’ protezzjoni inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (l-istatus ta’ refuġjat u l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja) skont l-għażla tal-Istat Membru, jew, jekk ikun il-każ, ma jimplikax ir-rikonoxximent ta’ ebda waħda minn dawn b’mod awtomatiku, iżda biss l-appartenenza għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva?

 

It-tmiem tal-protezzjoni jew tal-assistenza ta’ istituzzjoni jimplika residenza barra miż-żona operazzjonali tagħha, it-tmiem tal-attivitajiet tal-istituzzjoni, it-tmiem tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, jew, eventwalment, impediment indipendenti mill-volontà tagħha, leġittimu jew oġġettivament iġġustifikat, li minħabba tali impediment il-persuna li jkollha dritt għall-protezzjoni jew għall-assistenza ma tkunx tista’ tirrikorri għaliha?”

20.

L-ewwel waħda minn dawn id-domandi hija litteralment identika għat-tielet domanda magħmula mill-istess qorti f’Bolbol; it-tieni waħda hija sostanzjalment identika għat-tieni domanda magħmula f’dik il-kawża.

21.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-mitkub minn Kamel Ismail, mill-UNHCR, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Ungerija, tar-Rumanija u tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni, li kollha kemm huma ġew irrappreżentati waqt is-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012. L-osservazzjonijiet bil-miktub f’isem Abed el Karem el Kott u A Radi waslu 18-il ġurnata wara li skada l-perijodu ta’ xahrejn stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, dawn intbagħtu lura. L-avukat tagħhom ma weġibx għall-istedina biex jattendi s-seduta.

Evalwazzjoni

Introduzzjoni

22.

Fil-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol, ittrattajt id-domandi magħmula billi l-ewwel ħarist lejn l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni, u mbagħad applikajt ir-riżultati ta’ dik l-interpretazzjoni lid-Direttiva biex inkun nista’ nirrispondi għad-domandi magħmula ( 10 ).

23.

L-ewwel nett wasalt għal numru ta’ prinċipji gwida mill-Konvenzjoni. Fil-qosor:

ir-refuġjati ġenwini kollha jistħoqqilhom protezzjoni u għajnuna;

dawk il-Palestinjani li jkunu ġew spostati għandhom jingħataw trattatment u kunsiderazzjoni speċjali;

dawk li jkunu qed jirċievu l-għajnuna mill-UNRWA ma jistgħux japplikaw għall-istatus ta’ refuġjati kif amministrat mill-UNHCR;

madankollu, dawk li jaqgħu fl-ambitu tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1D huma intitolati għall-benefiċċji tal-Konvenzjoni u mhux jieqfu sempliċement milli jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha;

il-kundizzjoni li l-għajunua trid tkun waqfet ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li żżomm lil dawn il-persuni ġewwa ż-żona tal-UNRWA, mingħajr ma jkunu jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjati xi mkien ieħor sakemm il-problema tal-Palestina tiġi riżolta u l-UNRWA xolta;

lanqas ma tista’ tagħti lil kull Palestinjan spostat il-jedd li jitlaq miż-żona UNRWA volontarjament u li jitlob l-istatus awtomatiku ta’ refuġjat xi mkien ieħor;

iż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 1D għandhom jinqraw flimkien biex ikun hemm bilanċ ġust bejn it-trattament ta’ Palestinjani spostati u dak ta’ refuġjati potenzjali oħra ( 11 ).

24.

Minn dawn il-prinċipji wasalt imbagħad għal ċerti konklużjonijiet:

waqt li jkun qed jirċievi l-għajnuna mill-UNWRA, Palestinjan spostat huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni (ebda koinċidenza bejn l-UNRWA u l-UNHCR);

Palestinjan spostat li ma jkunx qed jirċievi l-għajnuna mill-UNRWA ma huwiex eskluż minn dak il-kamp ta’ applikazzjoni iżda għandu jiġi ttrattat bħal kwalunkwe applikant ieħor għall-istatus ta’ refuġjat (protezzjoni universali; ebda koinċidenza bejn l-UNRWA u l-UNHCR);

Palestinjan spostat li jkun irċieva l-għajnuna mill-UNRWA iżda li ma jkunx jista’ jkompli jirċiviha ma jkomplix jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni (protezzjoni universali).

Il-fatt jekk huwa jkunx intitolat għall-benefiċċji tal-Konvenzjoni jiddependi fuq ir-raġuni li għaliha ma jistax ikompli jikseb din l-għajnuna:

– jekk dan huwa riżultat ta’ ċirkustanzi li ma kellu ebda kontroll fuqhom, huwa għandu dritt awtomatiku għall-istatus ta’ refuġjat (trattament u kunsiderazzjoni speċjali);

jekk ikun minħabba l-volontà tiegħu, ma jistax jitlob l-istatus awtomatiku ta’ refuġjat, iżda jista’ japplika għall-istatus ta’ refuġjat bħal ħaddieħor (protezzjoni universali; trattament ġust u interpretazzjoni proporzjonali) ( 12 ).

25.

Meta applikajt dawn il-konklużjonijiet għall-interpretazzjoni tad-Direttiva, wasalt għall-fehma, fir-rigward tat-tieni u t-tielet domanda, li:

“il-protezzjoni jew l-għajnuna tkun waqfet” meta, mhux għax tkun riedet hi, il-persuna kkonċernata ma tibqax tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-għajnuna li tkun gawdiet qabel; u

“il-benefiċċji ta’ din id-Direttiva” tfisser ir-rikonoxximent bħala refuġjat u l-għoti awtomatiku ta’ status ta’ refuġjat ( 13 ).

26.

Fir-rigward tal-proċeduri fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha sett iżjed komplet ta’ osservazzjonijiet, li jkomplu jelaboraw fuq dawk ippreżentati f’Bolbol u li jieħdu inkunsiderazzjoni tas-sentenza mogħtija f’dik il-kawża. Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-osservazzjonijiet il-ġodda, il-konklużjonijiet tiegħi ma humiex fundamentalment differenti minn dawk li wasalt għalihom f’Bolbol. Għalhekk nixtieq nitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-analiżi ddettaljata tiegħi f’dik il-kawża. Madankollu, sa ċertu punt bdilt il-fehma tiegħi dwar aspett partikolari ( 14 ), għalkemm dan ma huwiex aspett li jaffettwa b’mod dirett ir-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi magħmula.

27.

Jidhirli li jkun utli, qabel ma wieħed jerġa’ jħares lejn dawk ir-risposti u f’din il-parti introduttiva, li jiġi eżaminat dan l-aspett u li jiġu elaborati numru ta’ kunsiderazzjonijiet oħra li huma iżjed rilevanti fil-kawża preżenti u li jistgħu jiċċaraw il-kuntest li fih wieħed għandu jara l-fehmiet tiegħi. Għaldaqstant, ser nikkunsidra (i) it-testi li il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tkun qed tinterpreta l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, (ii) l-implikazzjoni li dik id-dispożizzjoni tista’ tidentifika kategorija separata ta’ refuġjat paragunabbli mal-kategorija identifikata fl-Artikolu 2(ċ), (iii) it-tipi ta’ sitwazzjonijiet li tista’ ssib ruħha fihom persuna fir-rigward tal-Artikolu 12(1)(a), (iv) l-applikazzjoni ratione personae u ratione temporis tal-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat kif stabbilita f’dik id-dispożizzjoni (huwa fuq dan l-aspett li bdilt l-fehma tiegħi) u (v) in-natura korrelatata tad-domandi. Imbagħad ser nindika fil-qosor is-sensiela ta’ risposti proposti għal dawk id-domandi qabel ma nkompli biex, waħda waħda, nindirizza d-domandi nfushom.

It-test rilevanti

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, b’mod partikolari l-frażijiet “ipso facto … ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva” u “[m]eta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni”. Din id-dispożizzjoni teżisti fi 22 verżjoni lingwistika li huma kollha ugwalment awtentiċi, iżda li sfortunatament ebda waħda minnhom ma hija ekwivalenti kelma b’kelma għall-oħra, partikolarment fir-rigward tal-ewwel frażi.

29.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’verżjoni lingwistika waħda ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-UE ma jistax iservi bħala l-unika bażi ta’ interpretazzjoni, jew tipprevali fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Għall-kuntrarju, id-diversi verżjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni unika; f’każ ta’ diverġenza, id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata skont l-għan u l-intenzjoni ġenerali tar-regoli li din tifforma parti minnhom ( 15 ).

30.

Fil-kawża preżenti, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tirreferi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni, filwaqt li t-tieni sentenza essenzjalment tirriproduċi t-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu. Il-Konvenzjoni tipprovdi l-kuntest — u b’hekk tgħin biex jiġu indikati l-għan u l-intenzjoni ġenerali — tad-Direttiva, liema Direttiva spiss tirreferi għal din il-Konvenzjoni. Din il-Konvenzjoni teżisti f’żewġ verżjonijiet lingwistiċi biss, li huma l-Ingliż u l-Franċiż. Madankollu, għal darba oħra ż-żewġ verżjonijiet tal-Artikolu 1D ma humiex identiċi kelma b’kelma ( 16 ).

31.

Il-Kummissjoni indikat li, meta d-Direttiva tkun qed tirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, it-test kien intiż li jirrifletti l-verżjoni Ingliża tal-Konvenzjoni ( 17 ).

32.

Għalhekk jidhirli li, filwaqt li hija l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tipprovdi, hija għandha tirreferi għall-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni biex tagħti din l-interpretazzjoni. Biex tagħmel dan, għandha, qabel kollox, tqis il-verżjoni Ingliża ta’ dik id-dispożizzjoni, liema verżjoni ttieħdet bħala l-bażi għad-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva. Madankollu, minħabba li l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-Konvenzjoni huma ugwalment awtentiċi, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-interpretazzjoni hija konsistenti anki mal-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 1D.

Kategoriji ta’ refuġjati

33.

Waqt is-seduta, l-UNHCR issottometta li l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jipprovdi għal tliet kategoriji ta’ persuni li għandhom jingħataw l-istatus ta’ refuġjati. Skont l-Artikolu 1A, ir-refuġjati li preċedentement kienu rikonoxxuti skont diversi strumenti li kienu jeżistu minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija (refuġjati “storiċi”), u dawk li jissodisfaw il-kriterju tal-“biża’ msejsa fuq ir-realtà li tista’ tiġi ppersegwitata”, kienu intitolati li jiġu immedjatament rikonoxxuti bħala refuġjati. It-tielet kategorija, jiġifieri r-refuġjati Palestinjani li jirċievu l-għajnuna mill-UNRWA, kienet tinsab fl-Artikolu 1D. L-intitolament tagħhom għal dan l-istatus, għalkemm reali, kellu jiġi ddifferit sal-mument li fih iseħħ ċertu avveniment. Konsegwentement, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva għandu, fil-fehma tagħha, jiġi interpretat ukoll fis-sens li jiddefinixxi kategorija ta’ persuni intitolati għal status ta’ refuġjati ddifferit.

34.

Sabiex tiġi evalwata din is-sottomissjoni, wieħed għandu jqis l-istruttura tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni fl-intier tagħha, billi jżomm f’moħħu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1D kien jikkostitwixxi emenda li saret fl-aħħar biex jiġi kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu ( 18 ). Il-kontenut tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni huwa rifless, sa fejn dan għadu rilevanti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri tal-UE, fl-Artikoli 2(ċ), 11 u 12 tad-Direttiva. Ma hemm ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jissupponi li din l-organizzazzjoni mill-ġdid kienet b’xi mod intiża biex tbiddel ir-relazzjoni strutturali evidenti fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni.

35.

Fil-fatt, l-Artikolu 1A jipprovdi għal żewġ kategoriji ta’ refuġjati: ir-refuġjati storiċi u dawk li jissodisfaw il-kriterju ta’ “biża’ msejsa fuq ir-realtà li tista’ tiġi ppersegwitata” ( 19 ). (L-Artikolu 1B, li ma għadux rilevanti wisq, u li fl-UE ma għadu rilevanti xejn, jipprovdi għal ċerti distinzjonijiet fini fid-definizzjoni tat-tieni kategorija). L-Artikolu 1C mbagħad jelenka numru ta’ ċirkustanzi fejn il-Konvenzjoni ma tibqax tapplika għal dawk il-persuni li jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1A ( 20 ). It-tliet paragrafi tal-aħħar — l-Artikoli 1D, 1E u 1F ( 21 ) — jiddefinixxu kategoriji ta’ persuni li għalihom il-Konvenzjoni “ma għandiex tapplika”. L-Artikoli 2 sa 34 tal-Konvenzjoni ( 22 ) jkomplu biex jiddefinixxu l-istatus, id-drittijiet u d-doveri tar-refuġjati.

36.

L-istruttura hija loġika u ċara. Hemm refuġjati li, skont kif iddefinit fl-Artikolu 1A, ma tapplikax għalihom il-Konvenzjoni (b’mod partikolari l-Artikoli 2 sa 34); hemm dawk li, minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi tagħhom, il-Konvenzjoni ma tibqax tapplika għalihom (l-Artikolu 1C); u hemm dawk li minħabba ċirkustanzi li kienu jeżistu minn qabel, il-Konvenzjoni ma tapplikax għalihom. Minn dawn tal-aħħar, hemm tliet kategoriji: tnejn minnhom (l-Artikoli 1D u 1E) huma esklużi minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti tagħhom (għoti ta’ protezzjoni jew għajnuna, jew rikonoxximent bħala persuni li għandhom status ekwivalenti għal dak ta’ ċittadin tal-Istat ta’ residenza), u t-tielet kategorija (l-Artikolu 1F) hija eskluża minħabba ċirkustanzi fil-passat (twettiq ta’ ċerti atti kriminali).

37.

Ma hemm ebda bażi li fuqha wieħed għandu jissupponi li dispożizzjoni li, bħal fil-każ tal-Artikolu 1D, tibda bil-kliem “Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għal ...” qiegħda fil-fatt tiddefinixxi kategorija ta’ persuna li għaliha tapplika l-Konvenzjoni. Huwa ċar li t-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni huwa intiż biex jispjega ċ-ċirkustanzi li fihom l-esklużjoni minħabba l-għoti ta’ protezzjoni jew ta’ għajnuna tispiċċa, u l-istatus ta’ dawk li għalihom din tkun spiċċat.

38.

Għalhekk, ma nistax naqbel li l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni — jew, konsegwentement, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, li tibda bil-kliem “Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat, jekk ...” — jiddefinixxi kategorija ta’ refuġjati. Madankollu, dan ma jfissirx li t-tieni subparagrafu ma jistax ikollu l-effett li jikkonferixxi intitolament sussegwenti għall-istatus ta’ refuġjati lill-dawk li għalihom dan is-subparagrafu japplika.

L-implikazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva

39.

Meta wieħed jeżamina d-domandi magħmula, ikun ta’ għajnuna għalih li jkollu idea ċara tas-sitwazzjonijiet differenti li tista’ ssib ruħha fihom persuna fil-kuntest tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, u x’jistgħu jimplikaw dawk is-sitwazzjonijiet għall-persuna kkonċernata. Jidhirli li jeżistu tliet sitwazzjonijiet bħal dawn possibbli.

40.

L-ewwel, peress li l-Artikolu 12(1) jibda’ bil-kliem “Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat, jekk ...”, jista’ jkun il-każ li s-sitwazzjoni ta’ persuna fil-kuntest tal-Artikolu 12(1)(a), meta sseħħ il-kundizzjoni riżultanti, tkun waħda fejn hija tiġi “eskluża milli tkun refuġjat”.

41.

Jekk persuna tiġi “eskluża milli tkun refuġjat” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva, ma tistax tinvoka din id-Direttiva biex tasserixxi dritt li tiġi rikonoxxuta bħala refuġjat u biex tasserixxi dritt għall-istatus li jirriżulta minn dan ir-rikonoxximent. Kwalunkwe applikazzjoni li hija tagħmel għandha titqies inammissibbli, irrispettivament minn jekk din il-persuna tista’ jew ma tistax taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva.

42.

Madankollu, nixtieq nenfasizza li din l-esklużjoni tista’ testendi biss għad-dritt tal-individwu li jitlob li jingħata l-istatus ta’ refuġjat skont id-dritt tal-UE, u ma jaffettwax id-dritt tal-Istat li jagħti dan l-istatus. L-Artikolu 3 tad-Direttiva b’mod speċifiku jippermetti lill-Istati Membri li “[i]daħħlu jew jżommu livelli stabbiliti iktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat”. Id-dritt tal-UE bl-ebda mod ma jipprekludi Stat Membru milli jagħti l-istatus ta’ refuġjat lil kwalunkwe individwu, ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi.

43.

F’dan il-kuntest, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-Direttiva ma tirregolax biss l-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri, iżda tirregola wkoll il-protezzjoni sussidjarja għal dawk il-persuni li jkunu f’riskju reali li jġarrbu ħsara serja. Skont l-Artikolu 15(ċ), din il-ħsara tinkludi “theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern” — definizzjoni li tista’ tkun partikolarment rilevanti għar-refuġjati Palestinjani fis-Sirja. L-Artikolu 12(1)(a) jirreferi biss għall-istatus ta’ refuġjat. Ma jeskludi lil ħadd mill-protezzjoni sussidjarja; u d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-esklużjonijiet mill-protezzjoni sussidjarja (fl-Artikolu 17 tad-Direttiva), lanqas ma jirreferu b’xi mod għall-għoti ta’ protezzjoni jew għajnuna mingħand xi korp jew aġenzija tan-NU. Konsegwentement, kull intitolament għal jew għoti ta’ protezzjoni sussidjarja bl-ebda mod ma hija affettwata mill-Artikolu 12(1)(a).

44.

Fl-aħħarnett, irrispettivament mill-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-obbligi internazzjonali tagħhom (l-Artikolu 21 tad-Direttiva).

45.

It-tieni sitwazzjoni possibbli hija naturalment dik fejn persuna ma tkunx “eskluża milli tkun refuġjat” mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, minħabba li ma tkunx “attwalment qiegħda tirċievi protezzjoni jew għajnuna minn korp[i] jew istituzzjoni[jiet] oħra tan-Nazzjonijiet Uniti [...] għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Għajnuna tar-Refuġjati” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni.

46.

Fejn dan ikun il-każ — u xejn iżjed — ikun ċar li l-persuna kkonċernata ma jkollha ebda intitolament immedjat u awtomatiku għall-istatus ta’ refuġjat, iżda jkollha biss id-dritt li l-applikazzjoni tagħha għal dan l-istatus tiġi kkunsidrata skont il-proċeduri xierqa ( 23 ): ma tkunx għadha ammissibbli. Din il-persuna tkun intitolata għall-istatus ta’ refuġjat biss jekk, waqt dawn il-proċeduri, ikun jista’ jiġi stabbilit li hija taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ refuġjat skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva. Din kienet is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’Bolbol, li qatt ma kienet ibbenefikat mill-għajnuna tal-UNRWA.

47.

Fin-nuqqas tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva (u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni), ikun jidher li huwa loġiku li wieħed jinferixxi li persuna li ma tkunx baqgħet tingħata din il-protezzjoni jew għajnuna tkun ukoll fl-istess sitwazzjoni.

48.

Madankollu, din id-dispożizzjoni tagħmel dikjarazzjoni ċara f’dak li jirrigwarda l-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna: “Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma’ l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-risoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu [i]ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva”.

49.

Il-kliem “għandhom ipso facto jiġu [i]ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva [Convention]” (jew, skont il-Franċiż, “bénéficieront de plein droit du regime de cette Convention”) jistgħu għalhekk jissuġġerixxu t-tielet possibbiltà, jiġifieri li persuna li fir-rigward tagħha l-għajnuna mingħand l-UNRWA “tkun waqfet għal xi raġuni” għandha tiġi rrikonoxxuta bħala refuġjat, irrispettivament minn jekk hija taqax jew le taħt id-definizzjoni fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva. L-ewwel domanda tal-qorti nazzjonali tirrigwarda partikolarment din il-possibbiltà.

L-applikazzjoni ratione personae u ratione temporis tal-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat

50.

Jidher ċar mis-sentenza f’Bolbol li persuna ma tiġix “eskluż[a] milli [t]kun refuġjat” bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva jekk ma tkunx ibbenefikat mill-għajnuna tal-UNRWA. Jidher ukoll ċar mit-tieni sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni li — irrispettivament minn x’intitolamenti oħra setgħu jew ma setgħux ingħataw — persuna ma tiġix eskluża milli tkun refuġjat meta “din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti”. B’kuntrast ma’ dan, dawk li “attwalment jirċievu” l-għajnuna mill-UNRWA huma esklużi.

51.

Minn tal-inqas żewġ Stati Membri — Franza u r-Renju Unit — sostnew (u dan kien impliċitu fil-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol) li l-esklużjoni għalhekk għandha tapplika biss sakemm il-persuna kkonċernata tkun fiżikament preżenti fiż-żona fejn topera l-UNRWA (jiġifieri l-Libanu, is-Sirja, il-Ġordan, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża). Hekk kif il-persuna titlaq minn dik iż-żona, ma tistax tibqa’ “attwalment tirċievi” l-għajnuna mill-UNRWA u għalhekk ma tistax tibqa’ eskluża milli tkun refuġjat. Il-konklużjoni li wasalt għaliha f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni preċiża ta’ persuna bħal din - għall-kuntrarju tal-konklużjoni tar-Renju Unit — iddistingwixxiet bejn l-effetti tat-tluq volontarju u t-tluq mhux volontarju, għalkemm qbilt mar-Renju Unit f’dak li jirrigwarda t-tmiem tal-esklużjoni.

52.

Ma għadnix inqis li din il-fehma hija plawżibbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva. Sabiex wieħed ikun jista’ japplika għall-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru tal-UE, huwa neċessarju illi jkun fiżikament preżenti f’dak l-Istat, u għalhekk fiżikament assenti miż-żona tal-UNRWA. Konsegwentement, jekk is-sempliċi assenza miż-żona tal-UNRWA hija suffiċjenti biex tintemm l-esklużjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, ebda persuna li tapplika għall-istatus ta’ refuġjat skont din id-Direttiva ma tista’ qatt tkun eskluża, u għalhekk l-esklużjoni tkun bla sens ( 24 ).

53.

Konsegwentement, minħabba l-fatt li għandu jiġi preżunt li għandha xi effett attwali, l-esklużjoni ma tistax tieqaf sempliċement hekk kif wieħed jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA, irrispettivament mir-raġuni għalfejn dan ikun telaq. Għandu jkun hemm xi element ieħor li jwassal għal dan il-waqfien. Jidher ċar li dan l-element ikun preżenti meta l-għajnuna tkun waqfet fi ħdan it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a). Madankollu, għad irid jiġi deċiż jekk il-“benefiċċji” tad-Direttiva msemmija f’dik is-sentenza humiex limitati għall-waqfien tal-esklużjoni jew jinvolvux l-għoti nnifsu tal-istatus ta’ refuġjat, u wieħed jista’ wkoll jikkunsidra jekk jeżistux xi avvenimenti oħra li jwasslu għat-tmiem tal-esklużjoni ( 25 ).

54.

Wara li kkunsidrajt dawk il-kwistjonijiet preliminari, issa ser nibda neżamina b’iżjed reqqa d-domandi magħmula.

Id-domandi magħmula

In-natura korrelatata tad-domandi

55.

Iż-żewġ domandi magħmula huma korrelatati u, barra dan, jirrigwardaw iż-żewġ klawżoli interdipendenti ta’ sentenza waħda. L-ewwel waħda tistaqsi dwar it-tifsira tal-benefiċċji tad-Direttiva, filwaqt li t-tieni tistaqsi liema avveniment jagħti lok għall-intitolament għal dawk il-benefiċċji. Ir-risposti proposti għall-ewwel domanda jvarjaw minn sempliċi intitolament sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, għall-intitolament ta’ rikonoxximent immedjat u awtomatiku tal-istatus ta’ refuġjat, bil-benefiċċji kollha marbuta miegħu. Ir-risposti proposti għat-tieni domanda jvarjaw minn kwalunkwe avveniment, ikun xi jkun il-kaġun tiegħu, li jwassal biex il-persuna kkonċernata toħroġ barra ż-żona tal-UNRWA, sa, esklużivament, il-waqfien tal-eżistenza tal-UNRWA jew għall-inqas ta’ xi avveniment li minħabba fih ma jibqax kapaċi jipprovdi l-għajnuna. Ta’ min wieħed jinnota li bosta Stati Membri li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom juru t-tendenza li jikkumpensaw risposta “iżjed ġeneruża” għal xi domanda b’risposta “inqas ġeneruża” għal domanda oħra. Dan jissuġġerixxi li huma għall-inqas iqisu li dawn ir-risposti jinfluwenzaw lil xulxin b’mod reċiproku.

Ġabra konċiża tar-risposti proposti

56.

F’termini ġenerali ħafna, dawk li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom issuġġerew ħames riżultati possibbli:

(1)

Intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jeżisti biss fil-każ tax-xoljiment tal-UNRWA jew fil-każ li ma jkunx kapaċi jipprovdi l-għajnuna. Sa dak il-mument, il-benefiċjarji tal-għajnuna tal-UNRWA jkunu kompletament esklużi mill-istatus ta’ refuġjat; sussegwentement, huma jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat bħal kwalunkwe applikant ieħor.

(2)

Intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jeżisti biss fil-każ tax-xoljiment tal-UNRWA jew fil-każ li ma jkunx kapaċi jipprovdi l-għajnuna. Sa dak il-mument, il-benefiċjarji jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat bħal kwalunkwe applikant ieħor sakemm ikollhom raġuni valida għaliex huma jinsabu barra miż-żona tal-UNRWA; sussegwentement, huma jiġu awtomatikament irrikonoxxuti bħala persuni bl-istatus ta’ refuġjati.

(3)

Intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jeżisti kull meta benefiċjarju ma jkunx jista’ jieħu l-għajnuna mill-UNRWA minħabba raġunijiet li ma għandux kontroll fuqhom. Sa dak il-mument, il-benefiċjarji jkunu esklużi mill-istatus ta’ refuġjati; sussegwentement, jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjati bħal kwalunkwe applikant ieħor.

(4)

Intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jeżisti kull meta benefiċjarju ma jkunx jista’ jieħu l-għajnuna mill-UNRWA minħabba raġunijiet li ma għandux kontroll fuqhom. Sa dak il-mument, il-benefiċjarji jkunu esklużi mill-istatus ta’ refuġjati; sussegwentement, huma jiġu awtomatikament irrikonoxxuti bħala persuni bl-istatus ta’ refuġjati.

(5)

Intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jeżisti kull meta benefiċjarju ma jkunx jista’ jieħu l-għajnuna mill-UNRWA, tkun xi tkun ir-raġuni. Sa dak il-mument, il-benefiċjarji jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjati bħal kwalunkwe applikant ieħor sakemm dawn ikunu jinsabu barra miż-żona tal-UNRWA; sussegwentement, huma jiġu awtomatikament irrikonoxxuti bħala persuni bl-istatus ta’ refuġjat.

57.

Varjant ieħor issuġġerit mill-qorti nazzjonali nnifisha: intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jista’ jfisser rikonoxximent awtomatiku tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja skont għażla li ssir mill-Istat Membru kkonċernat.

L-ewwel domanda — il-benefiċċji tad-Direttiva

58.

Mill-kunsiderazzjonijiet preliminari tiegħi jirriżulta li l-Artikolu 12(1)(a) bl-ebda mod ma jirrigwarda l-protezzjoni sussidjarja ( 26 ). Ir-risposti proposti fir-rigward tal-“benefiċċji tad-Direttiva” li għalihom il-persuni kkonċernati huma “ipso facto ... intitolati” jistgħu jitqassru kif ġej:

id-dritt li japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat bħal kwalunkwe applikant ieħor; jew

l-għoti nnifsu tal-istatus ta’ refuġjat.

59.

Jien għadni tal-istess opinjoni li esprimejt fil-punti 85 sa 89 u 103 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol, jiġifieri li l-intitolament inkwistjoni huwa dak għall-benefiċċji sostantivi tal-istatus ta’ refuġjat, fejn it-tgawdija ta’ tali benefiċċji tiddependi fuq jekk ikunx ingħata dak l-istatus. Konsegwentement, dawk li għalihom tapplika t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva huma intitolati għall-għoti nnifsu tal-istatus ta’ refuġjati, irrispettivament minn jekk jaqgħux taħt id-definizzjoni fl-Artikolu 2(ċ) kif meħtieġ fil-każ ta’ applikanti oħra. Mal-kunsiderazzjonijiet li diġà esprimejt nixtieq inżid dawn li ġejjin.

60.

L-ewwel nett, l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni juża l-kliem “ipso facto” bl-Ingliż u “de plein droit” bil-Franċiż ( 27 ). L-użu ċarament deliberat ta’ dan il-kliem ma jistax jitqies li huwa mingħajr sinjifikat. Huma x’inhuma d-distinzjonijiet żgħar fit-tifsira tagħhom, dawk l-espressjonijiet jagħmluha ċara li l-waqfien, waħdu u mingħajr l-obbligu li jiġu sodisfatti iktar kundizzjonijiet, tal-protezzjoni jew tal-għajnuna, iwassal għall-intitolament inkwistjoni. Peress li ma jridu jiġu sodisfatti ebda kundizzjonijiet biex wieħed japplika għall-istatus ta’ refuġjat (anki l-iżjed persuna li ma jistħoqqilhiex tista’ tapplika, f’liema każ l-applikazzjoni tagħha tinċaħad jekk din ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ refuġjat u ma tkunx eskluża abbażi ta’ xi dispożizzjoni oħra), l-intitolament li jirriżulta hekk kif tieqaf l-għajnuna tal-UNRWA għandu jammonta għal iktar mis-sempliċi dritt li wieħed japplika għal dan l-istatus. Għandu jkun xi ħaġa li għaliha jridu jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

61.

It-tieni nett, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-kliem kollu tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva: “Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma’ l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-risoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva”. Il-kundizzjoni li għaliha użajt il-korsiv ma għandiex tiġi injorata. Jidhirli li jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna jieqfu meta s-sitwazzjoni ta’ dawk li kienu jirċevuhom preċedentement tkun ġiet stabbilita definittivament b’dak il-mod, huma sempliċement ma jkunux jistgħu jkomplu jiġu esklużi milli jkunu refuġjati. F’dan il-każ, huma għandhom ikunu jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjati jekk għal xi raġuni jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 2(ċ). Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dan, meta s-sitwazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet hekk stabbilita (iżda l-għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni) l-istatus tagħhom fil-konfront tad-Direttiva għandu jkun differenti — u, għal dara oħra, l-frażi “il-benefiċċji tad-Direttiva” għandha tfisser iżjed mis-sempliċi fatt li ma jkunux esklużi mill-possibbiltà li jiġu rrikonoxxuti bħala refuġjati jekk jissodisfaw l-Artikolu 2(ċ).

62.

Madankollu, kif josservaw sew il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Ungerija, huwa inkonċepibbli li s-sempliċi fatt li jieqfu l-protezzjoni jew l-għajnuna għandu awtomatikament iwassal għal rikonoxximent mingħajr ebda kundizzjoni tal-istatus ta’ refuġjat. Ma huwiex biss l-Artikolu 12(1)(a) li jipprovdi għall-esklużjoni minn dak l-istatus. B’mod iktar importanti, l-Artikolu 12(2) u (3) jeskludi (bħal ma jagħmel l-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni) dawk li jkunu wettqu jew instigaw jew inkella kellhom sehem f’xi sensiela ta’ atti kriminali partikolarment serji. Barra dan, skont l-Artikolu 11 jew l-Artikolu 12(1)(b), skont il-każ, bidla fiċ-ċirkustanzi li, b’mod ġenerali tinvolvi r-rabta jew ir-rabta mill-ġdid li persuna jkollha ma’ pajjiż fejn hija tkun tgawdi minn drittijiet sodisfaċenti u stabbiliti, tfisser li ma tistax, jew ma’ tistax tkompli, tibbenefika minn protezzjoni bħala refuġjat ( 28 ).

63.

Huwa ċar ukoll li — għall-kuntrarju ta’ dak li jinsab imħasseb dwaru l-Gvern Rumen — ma jista’ qatt ikun hemm rikonoxximent awtomatiku tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri rikonoxximent mingħajr xi tip ta’ proċedura biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet rilevanti jkunu ġew sodisfatti ( 29 ).

64.

Konsegwentement, il-kundizzjonijiet li ma jibqgħux applikabbli minħabba l-fatt fih innifsu li l-għajnuna mill-UNRWA tkun waqfet, għandhom ikunu biss dawk meħtieġa għar-rikonoxximent bħala refuġjat skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, u l-intitolament għandu jkun biss għar-rikonoxximent bħala refuġjat mingħajr il-bżonn speċifiku li jiġi pprovat li dawk il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti. Il-benefiċċji tad-Direttiva li jirreferi għalihom l-Artikolu 12(1)(a) huma għalhekk dawk li jirriżultaw mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

65.

Madankollu, l-għoti ta’ dak l-istatus għandu jibqa’ suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata ma tkunx eskluża minn dan l-istatus skont xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva. Barra minn hekk, xorta waħda jibqa’ neċessarju li benefiċjarju jistabbilixxi, skont is-sentenza f’Bolbol, li huwa fil-fatt ibbenefika mill-għajnuna tal-UNRWA u li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, dik l-għajnuna waqfet.

66.

Nixtieq inżid li, fir-rigward ta’ dawk ikkonċernati bl-Artikolu 12(1)(a), ir-rinunzja tar-rekwiżit li jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva jkunu ġew sodisfatti, ma hijiex liberali daqs kemm tidher għall-ewwel. L-Artikolu 2(ċ) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) jikkoinċidu sa ċertu punt, minħabba li t-tnejn li huma jimponu l-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ għajnuna fir-rigward tal-individwu kkonċernat. Issa, kif diġà indikajt ( 30 ), l-UNRWA ma twaqqafx biex jipprovdi, u lanqas ma qatt ipprovda, il-“protezzjoni” lir-refuġjati Palestinjani. Fil-fatt, huwa jista’ jipprovdi biss “għajnuna”. Barra minn hekk, il-fatti ppreżentati mill-qorti nazzjonali fir-rigward tat-tliet applikanti fil-kawża quddiemha jissuġġerixxu li ftit għajnuna hija disponibbli mill-awtoritajiet Lebaniżi, u jidher improbabbli ħafna li l-awtoritajiet Sirjani bħalissa huma f’pożizzjoni li jipproteġu xi refuġjati ġewwa t-territorju tagħhom. Fil-qosor, jista’ jkun li ħafna minn dawk koperti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) diġà jissodisfaw parti sinjifikattiva tad-defenizzjoni ta’ “refuġjat” fl-Artikolu 2(ċ), minħabba l-fatt li ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom (jew tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom).

67.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonfermaw il-fehma li diġa esprimejt f’dak li jirrigwarda r-risposta għall-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża. Madankollu, nixtieq ukoll nittratta l-oġġezzjoni sinjifikattiva ta’ diversi Stati Membri fir-rigward ta’ din il-fehma. Huma jissottomettu li l-fatt li ċerta kategorija ta’ applikanti jitħallew jakkwistaw l-istatus ta’ refuġjati mingħajr ma jkollhom għalfejn jipprovaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fid-definizzjoni fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, filwaqt li l-oħrajn ikunu obbligati jagħmlu dan, jikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata, li hija prekluża mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

68.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, imħaddan fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

69.

Fil-kawża preżenti, l-interpretazzjoni proposta tiegħi tfisser li jeżistu żewġ kategoriji ta’ applikanti għall-istatus ta’ refuġjati — dawk li bbenefikaw mill-assistenza tal-UNRWA u dawk li, kienet x’kienet ir-raġuni, ma bbenefikawx — li huma intitolati għar-rikonoxximent ta’ dak l-istatus (li jwassal għall-istess benefiċċji tad-Direttiva) taħt kundizzjonijiet differenti. Kull ma għandhom jagħmlu dawk tal-ewwel grupp, li jifforma parti mill-grupp ta’ dawk li huma intitolati għall-għajnuna tal-UNRWA, huwa li jagħtu prova li huma bbenefikaw minn dik il-protezzjoni jew għajnuna u li din imbagħad waqfet. Dawk tat-tieni grupp, li jinkludi l-kumplament ta’ dawk intitolati għall-għajnuna tal-UNRWA, flimkien mal-applikanti l-oħra kollha, iridu jistabbilixxu li huma jissodisfaw id-definizzjoni ta’ refuġjat skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva.

70.

Madankollu, is-sitwazzjonijiet fattwali taż-żewġ kategoriji ma humiex paragunabbli.

71.

Dawk li huma meħtieġa jistabbilixxu li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ refuġjat skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, kienu jgħixu qabel dan ħajja relattivament normali u indipendenti minn xi għajnuna esterna. Madankollu, iċ-ċirkustanzi mbagħad evolvew b’tali mod li ħarbu mill-pajjiż tan-nazzjonalità jew tar-residenza abitwali tagħhom. Jista’ jkun li dawn l-avvenimenti li jkunu seħħew ikunu tant koroh li jqiegħdu lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni fejn ikollha “biża’ msejsa fuq ir-realtà li tista’ tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari”. Jekk dan ikun il-każ u jekk wieħed “ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju .... ma jixtieqx” jirritorna, huwa jkun intitolat għall-istatus ta’ refuġjat.

72.

Dawk li kienu qed jirċievu preċedentement l-għajnuna esterna mill-UNRWA ma humiex f’pożizzjoni simili. Tant ma kinux qed jgħixu ħajja normali, li kienu qed jirċievu l-għajnuna speċifika meqjusa bħala neċessarja (fuq bażi kontinwa) mill-komunità internazzjonali. F’dan il-kuntest, dawn kienu qed jiġu protetti. Kienu diġà jinsabu f’sitwazzjoni protetta. Imbagħad seħħ avveniment estern, li ma kinux responsabbli għalih, li wassal biex l-għajnuna tagħhom mill-UNRWA “tieqaf”. Madankollu, ma hemm ebda raġuni partikolari għaliex wieħed għandu jissupponi li dak l-avveniment bilfors u simultanjament iwassal lill-persuna kkonċernata għal “biża’ msejsa fuq ir-realtà li tista’ tiġi ppersegwitata” b’mod illi l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva jibda japplika fil-konfront tagħha. Minkejja dan, dawn il-persuni ma jistgħux jibqgħu jiddependu mill-għajnuna li kienu jirċievu preċedentement mill-UNRWA (u għalhekk ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw mill-għajnuna materjali li preċedentement kienet tiġġustifika l-esklużjoni totali tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni).

73.

Konsegwentement, sa fejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni ma humiex paragunabbli, ma jistax jiġi invokat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jiġi sostnut li ma jistgħux jiġu ttratati b’mod differenti.

74.

Sa fejn iż-żewġ kategoriji jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali differenti, wieħed jista’ joġġezzjona li l-applikant “ordinarju” għall-istatus ta’ refuġjat spiss ikun jinsab f’sitwazzjoni agħar minn dak tal-Palestinjan li l-għajnuna li jkun qed jirċievi mill-UNRWA tkun waqfitlu f’daqqa. Għaliex, allura, għandu dan tal-aħħar ikollu aċċess preferenzjali għall-benefiċċji tal-istatus ta’ refuġjat?

75.

Il-kwistjoni dwar jekk Palestinjan li f’daqqa waħda ma jistax ikompli jirċievi l-għajnuna jkunx jistħoqqlu iżjed jew inqas minn xi kategorija oħra ta’ refuġjat potenzjali hija waħda sensittiva. Min-naħa tiegħi jidhirli li, b’mod ġenerali, ir-refuġjati potenzjali kollha jistħoqqilhom, b’mod indaqs, il-kompassjoni u l-għajnuna. Li kieku l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni kien jikkonsisti biss fl-ewwel sentenza tiegħu, ma kienx ikolli diffikultà biex nasal għall-fehma li, ladarba l-għajnuna tal-UNRWA tkun waqfet, Palestinjan li kien qabel jirċiviha għandu jerġa’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni u jiġi ttrattat bħal kwlaunkwe applikant ieħor għall-istatus ta’ refuġjat. Iżda l-fatt jibqa’ li l-Artikolu 1D jikkonsisti f’żewġ sentenzi u mhux f’sentenza waħda. Skont kif jien fhimt it-test sħiħ, il-komunità internazzjonali għażlet b’mod deliberat li tagħti trattament speċjali lill-Palestinjani spostati — trattament li minn ċerti aspetti huwa negattiv (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1D) u minn aspetti oħra preferenzjali (it-tieni sentenza tal-Artikolu 1D). Meta wieħed iqis id-differenzi fattwali li jien identifikajt iktar ’il fuq, jara li dik l-għażla (li tinsab riflessa b’mod fidil fid-Direttiva) ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

It-tieni domanda — il-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna

76.

Mill-kunsiderazzjonijiet preliminari tiegħi jirriżulta li persuna li tkun ibbenefikat mill-għajnuna tal-UNRWA ma tistax tkun “intitolata għall-benefiċċji” tad-Direttiva — fil-fatt hija tibqa’, bħala prinċipju, “eskluża milli tkun refuġjat” — sakemm dik l-għajnuna tkun, fir-rigward tagħha, “waqfet għal xi raġuni” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 12(1)(a) ( 31 ). Ir-risposti proposti f’dak li jirrigwarda l-avveniment li ta lok għall-intitolament jistgħu għalhekk jitqassru kif ġej:

esklużivament, ix-xoljiment tal-UNRWA jew xi avveniment ieħor li minħabba fih ma jibqax kapaċi jipprovdi l-għajnuna; jew

kwalunkwe avveniment li ma jkollux kontroll fuqu l-benefiċjarju jew li jseħħ indipendentement mill-volontà tiegħu, li jfisser li ma jkunx jista’ jirċievi l-għajnuna.

77.

Fil-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol (fil-punti 77 sa 84 u 100 sa 102), wasalt għall-fehma li l-interpretazzjoni tal-aħħar kienet korretta, u għadni tal-istess fehma — għalkemm, naturalment, l-interpretazzjoni tal-ewwel hija inkorporata f’dik tal-aħħar, liema waħda tinkludi kull avveniment li minħabba fih l-UNRWA ma jibqax kapaċi jipprovdi l-għajnuna.

78.

Ma jidhirlix li huwa neċessarju li nkompli nġib wisq iktar argumenti biex insostni din il-fehma. Nixtieq sempliċement ngħid illi jidher li din il-fehma hija l-iktar waħda konsistenti mal-lingwa użata — li f’dan il-każ ma tvarjax b’mod sinjifikattiv bejn il-verżjoni Ingliża u dik Franċiża. Il-frażi “meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet” timplika li hija l-protezzjoni jew l-għajnuna li għandhom jieqfu; l-irtirar tal-individwu nnifsu minnhom ma huwiex ikkontemplat. Din il-parti tas-sentenza meħuda waħedha tista’ tiffavorixxi l-fehma li l-avveniment għandu jirrigwarda l-UNRWA nnifsu. Madankollu, jidher li l-kliem “għal xi raġuni” iwessa’ t-tifsira tal-ewwel parti tas-sentenza sal-massimu li jista’ jiflaħ dan il-kliem. Iżda ma jistax iwassal sabiex jinkludi deċiżjonijiet individwali meħuda għal raġunijiet ta’ konvenjenza personali, liema fatt kieku jrendi l-esklużjoni nieqsa minn kull sinjifikat ( 32 ). Għalhekk jidhirli li l-frażi tista’ twessa’ l-kunċett ta’ waqfien biss sal-punt li ma hemmx bżonn li r-raġuni tkun tikkonċerna l-UNRWA nnifsu.

79.

Madankollu, hemm bżonn illi nagħmel żewġ rimarki fir-rigward ta’ dawk li, b’għażla tagħhom, ikunu telqu miż-żona li ’l barra minnha jkun materjalment impossibbli li jirċievu l-għajnuna tal-UNRWA.

80.

L-ewwel nett, kif diġà indikajt iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li wieħed jitlaq miż-żona tal-UNRWA ma jistax fih innifsu jwassal għat-tmiem tal-esklużjoni mill-“istat ta’ refuġjat”  ( 33 ). Flimkien mal-konklużjoni tiegħi li l-intitolament għall-benefiċċji tad-Direttiva jista’ jirriżulta biss minn xi avveniment li ma huwiex fil-kontroll ta’ benefiċjarju tal-għajnuna tal-UNRWA jew li jseħħ indipendentement mill-volontà tiegħu, u li minħabba f’hekk ma jkunx jista’ jkompli jirċievi l-għajnuna, dan jista’ jidher li jfisser illi kwalunkwe persuna li xi darba kienet ibbenefikat mill-għajnuna tal-UNRWA, qatt ma tista’ tapplika għall-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva jew tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a).

81.

Din l-inferenza għandha tkun ristretta. Fil-fehma tiegħi, l-esklużjoni minn status ta’ refuġjat minħabba l-fatt li persuna tkun ibbenefikat mill-għajnuna tal-UNRWA, tista’ loġikament testendi biss għall-esklużjoni mill-possibbiltà li persuna tapplika għall-istatus ta’ refuġjat bħala Palestinjan intitolat għal din l-għajnuna. Ma hemm ebda raġuni għalfejn din l-esklużjoni għandha tibqa’ tgħodd għal dejjem, jekk ’il quddiem ikun hemm raġunijiet oħra għalfejn wieħed jista’ japplika għall-istatus ta’ refuġjat — pereżempju, jekk refuġjat Palestinjan imur b’għażla tiegħu jgħix f’pajjiż barra ż-żona tal-UNRWA, u fejn jista’ jkun ukoll li jikseb in-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż, u mbagħad isib ruħu f’ċirkustanzi li jqegħduh fid-definizzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi li l-biża’ msejsa fuq ir-realtà li persuna tista’ tiġi ppersegwitata tista’ tkun ibbażata fuq avvenimenti li seħħew jew, skont il-każ, fuq attivitajiet li jkun daħal għalihom l-applikant, minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini — għall-inqas sakemm l-attivitajiet invokati jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwazzjoni ta’ twemmin jew orjentamenti prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini u r-riskju ta’ persekuzzjoni ma jkunx ibbażat fuq ċirkustanzi li jkun ħoloq l-applikant permezz ta’ deċiżjoni tiegħu wara li jkun telaq minn dak il-pajjiż.

82.

It-tieni nett, hija ħaġa sew konċepibbli, kif ġie indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li persuna li tirċievi l-għajnuna mill-UNRWA tista’ b’għażla tagħha titlaq miż-żona tal-UNRWA fuq bażi temporanja — pereżempju, biex iżżur lil qrabatha xi mkien ieħor — filwaqt li tibqa’ bil-ħsieb li tirritorna u ġenwinament temmen li hija tkun tista’ tagħmel dan, iżda ssib li fil-fatt ma tkunx tista’ terġa’ tidħol fit-territorju li fih hija kienet tirċievi l-għajnuna. Fil-fehma tiegħi, din il-persuna għandha titqies li ma tħallietx tibqa’ tirċievi l-għajnuna tal-UNRWA għal raġuni li ma hijiex fil-kontroll tagħha jew indipendentement mill-volontà tagħha.

83.

Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ ċirkustanzi, u ċertament taċ-ċirkustanzi kollha fejn għandu jiġi stabbilit li “il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni”, dejjem ser ikun hemm il-problemi fir-rigward ta’ kif dan għandu jiġi pprovat, kif indikajt fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol. Problemi bħal dawn għandhom jiġu riżolti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi”, li jipprovdi qafas għat-tipi ta’ provi jew evidenza li l-Istati Membri jistgħu jew ma jistgħux jeħtieġu. Filwaqt li hija ġeneralment ħaġa leġittima li wieħed jeżiġi li applikant jivverifika t-talba tiegħu, pjuttost milli sempliċement joqgħod fuq id-dikjarazzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(5) jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu ma jinsistux li jkollhom dokumenti ta’ sostenn għall-aspetti kollha tal-applikazzjoni.

Konklużjoni

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha mressqa iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill- Fővárosi Bíróság f’dan is-sens:

Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija:

(1)

il-kliem “dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva” ifisser li l-persuni inkwistjoni huma intitolati għall-istatus ta’ refuġjati fi Stat Membru ladarba jistgħu jipprovaw li l-kundizzjoni relatata mal-waqfien tal-protezzjoni jew l-għajnuna ġiet sodisfatta;

(2)

il-kliem “il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni” ifisser li, għall-persuni inkwistjoni, il-protezzjoni jew l-għajnuna li huma jkunu fil-fatt ibbenefikaw minnhom ma jkunux għadhom qed jiġu pprovduti lilhom għal xi raġuni li ma hijiex fil-kontroll tagħhom jew indipendentement mill-volontà tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96); iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/83” jew id-“Direttiva”. Din issa ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9), li ma tagħmel ebda tibdil għad-dispożizzjonijiet ewlenin rilevanti għall-kawża preżenti.

( 3 ) Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954); iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”.

( 4 ) L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Assistenza u x-Xogħol għar-Refuġjati Palestinjani tal-Lvant Qarib. Il-mandat tal-UNRWA ġie reċentement estiż sat-30 ta’ Ġunju 2014 permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 65/98 tal-10 ta’ Diċembru 2010.

( 5 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010 (C-31/09, Ġabra p. I-5539).

( 6 ) Huwa paċifiku li mill-1958, il-frażi “korpi jew istituzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Għajnuna tar-Refuġjati” fil-fatt dejjem irreferiet biss għall-UNRWA. L-uniku korp jew aġenzija oħra simili li qatt ipprovdiet il-protezzjoni jew l-għajnuna lir-refuġjati (l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Korea – UNKRA) waqfet topera f’dik is-sena. Għalhekk, ħlief fejn speċifikat mod ieħor, jien ser nittratta l-frażi “korpi jew istituzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Għajnuna tar-Refuġjati” u l-“UNRWA” bħala ekwivalenti. Huwa paċifiku wkoll li l-UNWRA ma twaqqfitx biex tipprovdi, u lanqas qatt ma pprovdiet, “il-protezzjoni” lir-refuġjati Palestinjani. Din tista’ tipprovdi biss “għajnuna”. Għalhekk ser nirreferi għall-“għajnuna tal-UNRWA” minflok għall-“protezzjoni jew għajnuna tal-UNRWA”.

( 7 ) Għalkemm fil-verżjoni Ingliża l-aħħar klawżola tat-tieni sentenza tirriproduċi kelma b’kelma l-kliem użat fil-Konvenzjoni (u tissostitwixxi biss il-kelma “Konvenzjoni” bil-kelma “Direttiva”), it-test Franċiż jesprimi dan b’mod differenti: “ces personnes pourront ipso facto se prévaloir de la présente directive” (“dawn il-persuni jistgħu ipso facto jinvokaw id-Direttiva preżenti”). Waqt is-seduta, l-aġent tal-Kummissjoni spjega li l-intenzjoni kienet li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva jiġu abbozzati fuq il-verżjoni Ingliża tal-Konvenzjoni — u fil-fatt, il-verżjoni Franċiża hija iktar qrib dik Ingliża fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva milli hija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni.

( 8 ) Differenzi oħra fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, il-kura tas-saħħa u l-aċċess għall-faċilitajiet tal-integrazzjoni issa ġew eliminati permezz tad-Direttiva 2011/95 iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 9 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU L 326, p.13).

( 10 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ttratat l-interpretazzjoni tad-Direttiva waħedha, iżda interpretatha b’tali mod li tiżgura li l-prinċipji tal-Konvenzjoni, tat-trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġu osservati (ara l-punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 78(1) TFUE jeżiġi li l-politika komuni dwar l-ażil tkun konformi mal-Konvenzjoni, mal-protokoll tagħha tal-1967, u mat-“trattati rilevanti l-oħra” (li ma ġewx speċifikati).

( 11 ) Ara l-punti 48 sa 56 tal-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara l-punt 90 tal-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara l-punt 111 tal-konklużjonijiet. Il-“benefiċċji” inkwistjoni, espressi b’mod aħjar fir-rigward ta’ persuni koperti mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, ifissru r-rikonoxximent bħala refuġjati, bir-riżultat li dawn il-persuni jsiru intitolati jieħdu l-istatus ta’ refuġjati.

( 14 ) Ara l-punti 52 et seq iktar ’l isfel.

( 15 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Geltl (C-19/11, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 18 ) Ara l-Commentary on the 1951 Convention relating to the status of refugees and its 1967 protocol, ed. Zimmerman, Oxford 2011, p. 543-4.

( 19 ) Ara l-punt 4 iktar ’il fuq, li jidher rifless fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva. Madankollu, id-Direttiva ma tinkludix l-ewwel kategorija — preżumibbilment peress li, sal-2004, ma kienx għad baqa skop li r-refuġjati “storiċi” japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru.

( 20 ) L-istess ċirkustanzi jinsabu stipulati fl-Artikolu 11 tad-Direttiva.

( 21 ) Dawn il-kategoriji huma stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 12(1)(a), (1)(b) u (2) tad-Direttiva.

( 22 ) Li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikoli 20 sa 34 tad-Direttiva.

( 23 ) Fi kliem ieħor, skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/83 (li issa saret id-Direttiva 2011/95) u d-Direttiva 2005/85, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġan 9 iktar ’il fuq.

( 24 ) Bosta qrati u awtoritajiet fl-UE ssieltu mal-interpretazzjoni tal-klawżola tal-esklużjoni fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni. Jekk l-interpretazzjoni hawn imressqa minn Franza u r-Renju Unit hija korretta, dawk il-qrati u awtoritajiet kienu qed jaħlu żmienhom fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li ma kinitx tapplika għall-kawża quddiemhom.

( 25 ) Ara l-punti 80 u 81 iktar ’l isfel.

( 26 ) Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.

( 27 ) Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.

( 28 ) Dawk id-dispożizzjonijiet jirriflettu, rispettivament, l-Artikoli 1C u 1E tal-Konvenzjoni.

( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Bolbol, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punt 94 et seq, u l-punt 52 tas-sentenza.

( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq, u s-sit tal-internet http://www.unrwa.org/etemplate.php?id=87: “L-UNRWA … ma hijiex responsabbli għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fil-kampijiet u ma għandiex korp tal-pulizija jew servizz sigriet. Din ir-responsabbiltà dejjem baqgħet tal-pajjiż ospitanti rilevanti u tal-awtoritajiet l-oħra”.

( 31 ) Ara l-punt 52 et seq iktar ’il fuq.

( 32 ) Ara l-punti 50 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punti 50 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.