KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-300/11

ZZ

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit)]

“Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Deċiżjoni li tipprojbixxi lil ċittadin tal-Unjoni milli jaċċedi għat-territorju ta’ Stat Membru minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika — Obbligu li ċ-ċittadin ikkonċernat jiġi informat bir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni — Żvelar li jmur kontra s-sigurtà tal-Istat — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 2 ).

2. 

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn ZZ u s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jipprojbixxi l-aċċess ta’ ZZ għat-territorju tar-Renju Unit minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u li jadotta miżura ta’ ripatrijazzjoni kontrih.

3. 

Billi f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mitluba tiddeċiedi sa fejn Stat Membru jista’, filwaqt li jinvoka r-rekwiżiti marbutin mas-sigurtà tal-Istat, jirrifjuta li jiżvela liċ-ċittadin tal-Unjoni l-motivi ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw miżura ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontrih minn dan l-Istat, din il-kawża qiegħda tqajjem il-problema delikata tal-bilanċ ġust li għandu jintlaħaq bejn, minn naħa, il-ħtieġa li Stat Membru jissalvagwardja l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-garanzija tad-drittijiet proċedurali li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

5.

Skont l-Artikolu 28(2) u (3) ta’ din id-direttiva:

“2.   L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija [ripatrijazzjoni] kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.   Deċiżjoni ta’ tkeċċija [ripatrijazzjoni] m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)

għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti […]”

6.

L-Artikolu 30(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.”

7.

Fir-rigward tal-garanziji proċedurali, l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens. fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3.   Il-proċeduri ta’ riżarċiment [proċedimenti ta’ appell] għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex sproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta’ riżarċiment [proċedimenti ta’ appell], imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l-apparenza tiegħu tista’ toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.”

B – Id-dritt nazzjonali

1. L-aċċess u l-projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju tar-Renju Unit

8.

Ir-regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-immigrazzjoni”] jittrasponi d-Direttiva 2004/38 fid-dritt nazzjonali. Skont l-Artikolu 11(1) u (5) tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni:

“(1)   Ċittadin taż-ŻEE għandu jkun awtorizzat jidħol fit-territorju tar-Renju Unit jekk mal-wasla tiegħu jipproduċi karta tal-identità jew passaport validu maħruġ minn Stat taż-ŻEE.

[…]

(5)   Madankollu, dan l-artikolu japplika bl ħsara għall-Artikolu 19(1) […]”.

9.

L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u ripatrijazzjoni”, jipprovdi:

“Persuna ma tkunx awtorizzata tidħol fit-territorju tar-Renju Unit skont l-Artikolu 11 jekk il-projbizzjoni ta’ aċċess tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika skont l-Artikolu 21.”

10.

L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“(1)   Għall-finijiet ta’ din il-parti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

‘Kummissjoni’ tfisser il-Kummissjoni msemmija fil-Liġi tal-1997 dwar [il-Kummissjoni Speċjali tal-Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni (Special Immigration Appeals Commission Act 1997, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-SIAC”)] [...]”

11.

L-Artikolu 28 tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni jipprovdi li:

“(1)   Appell kontra deċiżjoni taż-ŻEE jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Kummissjoni fil-każijiet li fihom japplikaw il-paragrafi (2) u (4).

[...]

(4)   Dan il-paragrafu japplika fil-każ li s-Secretary of State jiċċertifika li d-deċiżjoni taż-ŻEE ġiet adottata, totalment jew parzjalment, abbażi ta’ informazzjoni li, fil-fehma tiegħu, ma għandhiex tiġi reża pubblika.

(a)

minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali;

[...]

(8)   Il-Liġi [dwar is-SIAC] tapplika għal appelli ppreżentati quddiem il-Kummissjoni taħt dan ir-regolament bl-istess mod li tapplika għal appelli ppreżentati skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi meta japplika l-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu (appell kontra deċiżjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni), ħlief għall-punt (i) tal-imsemmi paragrafu.”

2. Ir-regoli li japplikaw għal appelli kontra deċiżjoni li twassal għal projbizzjoni ta’ aċċess

12.

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi dwar is-SIAC, il-Kummissjoni għandha tkun qorti ordinarja superjuri.

13.

L-Artikolu 5(1), (3) u (6) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)   Il-Lord Chancellor jista’ jistabbilixxi regoli

[...]

(3)   Ir-regoli msemmija f’dan l-artikolu jistgħu, b’mod partikolari:

(a)

jipprevedu li l-proċeduri quddiem il-Kummissjoni jistgħu jiżvolġu mingħajr ma jkunu ntbagħtu lir-rikorrent id-dettalji kollha tal-motivi tad-deċiżjoni appellata,

[...]

(6)   Waqt it-tfassil tar-regoli msemmija f’dan l-artikolu, il-Lord Chancellor għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

(a)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet appellati jkunu mistħarrġa b’mod korrett, u

(b)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali”.

14.

L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-SIAC jipprovdi għan-nomina ta’ avukati speċjali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-Attorney General jista’ jinnomina persuna awtorizzata li tidher quddiem il-High Court of Justice “sabiex tirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent fil-proċeduri kollha quddiem is-SIAC li minnha r-rikorrent u r-rappreżentanti legali kollha tiegħu huma esklużi”. L-Artikolu 6(4) tal-imsemmija liġi jipprovdi, barra minn hekk, li din il-persuna “ma hijiex responsabbli għall-persuna li fir-rigward tagħha hija tkun inkarigata tirrappreżenta l-interessi tagħha”.

15.

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-2003 tal-Kummissjoni Speċjali tal-Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni [Special Immigration Appeals Commission (Procedure) Rules 2003, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tas-SIAC”] jipprovdu fl-Artikolu 4(1) u (3):

“(1)   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali [...]

(3)   Bla ħsara għall-paragrafi (1) u (2), il-Kummissjoni għandha tkun konvinta li l-elementi li hija għandha quddiemha jippermettulha tiddeċiedi l-kawża b’mod sodisfaċenti”.

16.

L-Artikolu 10 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi:

“(1)   Meta s-Secretary of State jkun jixtieq jikkontesta appell, huwa għandu jippreżenta quddiem il-Kummissjoni:

(a)

dikjarazzjoni li tindika l-provi li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tal-appell tiegħu; u

(b)

l-elementi kollha favurih li għandu konoxxenza tagħhom.

(2)   Sakemm is-Secretary of State ma joġġezzjonax għall-iżvelar tad-dikjarazzjoni lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu, huwa għandu jibgħat kopja tagħha lir-rikorrent fl-istess waqt li huwa jippreżentaha quddiem il-Kummissjoni.

(3)   Jekk is-Secretary of State joġġezzjona għall-iżvelar lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu tad-dikjarazzjoni ppreżentata skont il-paragrafu (1), għandhom japplikaw l-Artikoli 37 u 38.

[...]”

17.

Fir-rigward tal-funzjonijiet tal-avukat speċjali, previst fl-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-SIAC, l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi dan li ġej:

“Il-funzjonijiet tal-avukat speċjali huma li jirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent:

(a)

billi jippreżenta osservazzjonijiet lill-Kummissjoni waqt is-seduti kollha li huma esklużi minnhom ir-rikorrent u r-rappreżentanti tiegħu;

(b)

billi jipproduċi provi u jagħmel il-kontroeżami tax-xhieda waqt dawn is-seduti; u

(ċ)

billi jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni.”

18.

Għal dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni bejn ir-rikorrent u l-avukat speċjali, l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi:

“(1)   L-avukat speċjali jista’ jikkomunika mar-rikorrent jew mar-rappreżentant tiegħu f’kull mument qabel ma s-Secretary of State jinnotifikah bl-elementi li fir-rigward tagħhom huwa joġġezzjona li jiġu żvelati lir-rikorrent.

(2)   Wara li s-Secretary of State jkun innotifika lill-avukat speċjali bl-elementi kif indikat fil-paragrafu (1), l-avukat speċjali ma jista’ jikkomunika ma’ ħadd fuq ebda kwistjoni marbuta mal-proċedura, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu (3) jew fil-paragrafu (6)(b), jew skont l-istruzzjoni tal-Kummissjoni mogħtija b’risposta għal talba magħmula skont il-paragrafu (4).

(3)   L-avukat speċjali jista’, mingħajr istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, jikkomunika dwar il-proċedura, ma’:

(a)

il-Kummissjoni;

(b)

is-Secretary of State, jew kull persuna li taġixxi f’ismu;

(ċ)

il-maġistrat kompetenti, jew kull persuna li taġixxi f’ismu;

(d)

kull persuna oħra, ħlief ir-rikorrent jew ir-rappreżentant tiegħu, li magħha għandha ssir komunikazzjoni għal skopijiet amministrattivi fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux marbuta mas-sustanza tal-proċedura.

(4)   L-avukat speċjali jista’ jitlob lill-Kummissjoni struzzjonijiet li jawtorizzawh jikkomunika mar-rikorrent jew mar-rappreżentant tiegħu jew ma’ kull persuna oħra.

(5)   Meta l-avukat jitlob struzzjonijiet skont il-paragrafu (4),

(a)

il-Kummissjoni għandha tinnotifika t-talba lis-Secretary of State; u

(b)

is-Secretary of State għandu, f’terminu li jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, jippreżenta quddiem il-Kummissjoni u jinnotifika lill-avukat speċjali b’kull oġġezzjoni għall-komunikazzjoni proposta jew għall-mod li bih ikun propost li din issir.

(6)   Il-paragrafu (2) ma jipprekludix lir-rikorrent milli jikkomunika mal-avukat speċjali wara li s-Secretary of State jkun innotifikah bl-elementi kif indikat fil-paragrafu (1), iżda

(a)

ir-rikorrent jista’ jikkomunika mal-avukat speċjali bil-miktub biss u permezz ta’ rappreżentant legali; u

(b)

l-avukat speċjali jista’ jirrispondi għall-komunikazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni biss; fin-nuqqas tal-imsemmija istruzzjonijiet, huwa jista’ madankollu jibgħat konferma ta’ rċevuta bil-miktub lir-rappreżentant legali tar-rikorrent.”

19.

L-Artikolu 37 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jiddefinixxi l-kliem “elementi kunfidenzjali” u jipprovdi, f’dan ir-rigward, kif ġej:

“(1)   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, il-kliem ‘elementi kunfidenzjali’ jfissru:

(a)

elementi li s-Secretary of State jixtieq jinvoka fi proċedura kwalunkwe quddiem il-Kummissjoni;

(b)

elementi li jikkontradixxu l-argumenti tiegħu jew li huma favur ir-rikorrent, jew

(ċ)

informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata skont l-istruzzjoni stabbilita fl-Artikolu 10A(7),

u li fir-rigward tagħhom huwa joġġezzjona li dawn jiġu żvelati lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu.

(2)   Is-Secretary of State ma jistax jinvoka elementi kunfidenzjali mingħajr ma jkun inħatar avukat speċjali sabiex jirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent.

(3)   Meta s-Secretary of State jkun obbligat, skont l-Artikolu 10(2), jew l-Artikolu 10A(8), jinnotifika lir-rikorrent bl-elementi kunfidenzjali li huwa jixtieq jinvoka minn dawn l-elementi, u meta jkun inħatar l-avukat speċjali, is-Secretary of State għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u jinnotifika lill-avukat speċjali:

(a)

kopja tal-elementi kunfidenzjali, jekk ikun għadu ma għamilx dan;

(b)

dikjarazzjoni li tindika r-raġunijiet li għalihom huwa oġġezzjona għall-iżvelar tagħhom; u

(ċ)

jekk u sa fejn huwa possibbli li ma jiżvelax l-informazzjoni b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, deskrizzjoni tal-elementi f’forma li tista’ tiġi nnotifikata lir-rikorrent.

(4)   Is-Secretary of State għandu, fl-istess ħin tal-preżentata ta’ dawn, jinnotifika lir-rikorrent b’kull deskrizzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 3(ċ).

(4A)   Meta s-Secretary of State jinnotifika lill-avukat speċjali bl-elementi kunfidenzjali li huwa jkun żamm inaċċessibbli għal raġunijiet li ma humiex marbutin mas-sigriet professjonali,

(a)

huwa għandu jippreżenta l-elementi quddiem il-Kummissjoni f’forma li ma hija aċċessibbli, filwaqt li jispjega r-raġunijiet għat-tibdil; u

(b)

il-Kummissjoni għandha tagħti lis-Secretary of State istruzzjonijiet dwar il-punti li jistgħu jkunu inaċċessibbli.

(5)   Is-Secretary of State jista’, bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jew bil-kunsens tal-avukat speċjali, ibiddel jew jikkompleta f’kull ħin id-dokumenti ppreżentati skont dan l-artikolu”.

20.

Fir-rigward tal-eżami tal-oġġezzjonijiet tas-Secretary of State, l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi li:

“(1)   Meta s-Secretary of State jippreżenta oġġezzjoni skont l-Artikolu 36(5)(b) jew l-Artikolu 37, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tilqa’ jew ma li ma tilqax l-oġġezzjoni skont dan l-artikolu.

(2)   Il-Kummissjoni għandha tiffissa seduta sabiex tippermetti lis-Secretary of State u lill-avukat speċjali jippreżentaw osservazzjonijiet orali [...]

[…]

(5)   Is-seduti miżmuma skont dan l-artikolu għandhom iseħħu fl-assenza tar-rikorrent u tar-rappreżentant tiegħu.

(6)   Il-Kummissjoni tista’ tilqa’ jew tiċħad l-oġġezzjoni tas-Secretary of State.

(7)   Il-Kummissjoni għandha tilqa’ l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37 meta hija jidhrilha li l-iżvelar tal-elementi inkwistjoni jmur kontra l-interess ġenerali.

(8)   Meta l-Kummissjoni tilqa’ l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37, hija għandha:

(a)

teżamina jekk is-Secretary of State għandux jiġi ordnat jinnotifika lir-rikorrent b’sunt tal-elementi kunfidenzjali; u

(b)

tapprova kull sunt ta’ dan it-tip, sabiex tiżgura li ma fih ebda informazzjoni jew ebda element ieħor li l-iżvelar tiegħu jmur kontra l-interess ġenerali.

(9)   Meta l-Kummissjoni tiċħad l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37 jew tordnalu jinnotifika lir-rikorrent b’sunt tal-elementi kunfidenzjali,

(a)

is-Secretary of State ma jkunx obbligat jinnotifika dawn l-elementi jew is-sunt, iżda

(b)

jekk ma jagħmilx dan, il-Kummissjoni tista’, waqt is-seduta li matulha s-Secretary of State u l-avukat speċjali jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet,

(i)

jekk hija jidhrilha li l-elementi jew informazzjoni l-oħra li għandu jsir sunt tagħhom jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-argumenti tas-Secretary of State jew ikunu favur ir-rikorrent, tordna lis-Secretary of State ma jinvokax dawn il-punti fl-argumenti tiegħu, jew li jagħmel konċessjonijiet jew jieħu xi miżuri oħra, skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni; jew

(ii)

fil-każijiet l-oħra kollha, tordna lis-Secretary of State ma jsemmix l-elementi inkwistjoni jew (jekk ikun il-każ) l-informazzjoni l-oħra li għandu jsir sunt tagħha fil-proċedura”.

21.

Fir-rigward tas-seduti bil-magħluq, l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi li:

“(1)   Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li r-rikorrent u r-rappreżentant tiegħu għandhom jiġu esklużi minn seduta jew minn parti minn seduta sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, hija għandha:

(a)

tordna li dan isir; u

(b)

iżżomm is-seduta jew parti minnha fil-magħluq li minnha jkunu esklużi r-rikorrent u r-rappreżentant tiegħu.

[…]”

22.

L-Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi dan li ġej fir-rigward tad-deċiżjoni li għandha tieħu l-Kummissjoni:

“(1)   Dan l-artikolu japplika meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni f’kull proċedura.

(2)   Il-Kummissjoni għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll il-motivi tal-istess bil-miktub.

(3)   Il-Kummissjoni għandha, f’terminu raġonevoli, tinnotifika lill-partijiet b’dokument li jkun fih id-deċiżjoni tagħha kif ukoll, jekk u sa fejn huwa possibbli li tagħmel dan mingħajr ma tiżvela l-informazzjoni b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, il-motivi tal-istess deċiżjoni.

(4)   Meta d-dokument imsemmi fil-paragrafu (3) ma jkunx fih il-motivi kollha tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-Secretary of State u lill-avukat speċjali dokument separat li jinkludi dawn il-motivi.

(5)   Meta l-Kummissjoni tinnotifika d-dokument separat skont il-paragrafu (4), l-avukat speċjali jista’ jitlob lill-Kummissjoni tbiddel dan id-dokument kif ukoll id-dokument imsemmi fil-paragrafu (3) jekk id-dokument separat ikun fih elementi li l-iżvelar tagħhom ma jkunx kontra l-interess ġenerali.

(6)   L-avukat speċjali għandu jinnotifika lis-Secretary of State kopja tat-talba msemmija fil-paragrafu (5).

(7)   Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-avukat speċjali u lis-Secretary of State l-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet u tista’ tiddeċiedi fuq it-talba kemm wara seduta jew mingħajrha.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23.

ZZ għandu kemm nazzjonalità Franċiża kif ukoll nazzjonalità Alġerina. Fl-1990 huwa żżewweġ lil ċittadina tar-Renju Unit, li magħha kellu tmint itfal, ta’ età bejn disa’ snin u għoxrin sena. Mis-sena 1990 sas-sena 2005, ZZ irrisjeda legalment fir-Renju Unit.

24.

Fid-19 ta’ Awwissu 2005, ZZ telaq mir-Renju Unit sabiex imur l-Alġerija. Fis-26 ta’ Awwissu 2005, ZZ ġie informat bil-fatt li s-Secretary of State kien iddeċieda li jannulla d-dritt ta’ residenza tiegħu u li jipprekludilu l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit minħabba li l-preżenza tiegħu kienet ta’ ħsara għall-interess ġenerali. F’din l-istess ittra, intqal ukoll li l-esklużjoni ta’ ZZ mir-Renju Unit hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali.

25.

Fit-18 ta’ Settembru 2006, ZZ daħal fir-Renju Unit. Fid-19 ta’ Settembru 2006, is-Secretary of State ddeċieda, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni, li jirrifjuta lil ZZ l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u li jordna r-ripatrijazzjoni tiegħu minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Fl-istess ġurnata, ZZ ntbagħat lura l-Alġerija. Preżentement huwa joqgħod fi Franza.

26.

Fid-9 ta’ Ottubru 2006, ZZ appella kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2006, liema appell ġie miċħud mis-SIAC fit-30 ta’ Lulju 2008, minħabba li d-deċiżjoni ta’ rifjut tad-dħul kienet iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Quddiem is-SIAC, ZZ kien irrappreżentat minn solicitor u barrister tal-għażla tiegħu.

27.

B’mod konformi mar-regoli li japplikaw għas-SIAC, inħatru żewġ avukati speċjali sabiex jirrappreżentaw l-interessi ta’ ZZ. Dawn iltaqgħu miegħu abbażi ta’ “provi pubbliċi”.

28.

Sussegwentement, l-informazzjoni l-oħra li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri dik li kienet ġiet ikklassifikata bħala “provi kunfidenzjali”, intbagħtet lil dawn l-avukati speċjali li, għaldaqstant, ma kinux awtorizzati jitolbu lil ZZ jew lill-avukati tiegħu, istruzzjonijiet ġodda jew li tingħatalhom informazzjoni mingħajr l-approvazzjoni tas-SIAC. B’riżerva għal dawn ir-restrizzjonijiet, l-avukati speċjali komplew jirrappreżentaw l-interessi ta’ ZZ quddiem is-SIAC fir-rigward tal-“provi kunfidenzjali”.

29.

Għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni tas-Secretary of State għall-iżvelar ta’ ċerti provi lir-rikorrent, is-SIAC żammet seduta bil-magħluq, fl-assenza ta’ ZZ u tal-avukati tiegħu, iżda fil-preżenza tal-avukati speċjali tiegħu. Is-SIAC stabbilixxiet, b’mod definittiv, sa fejn l-iżvelar lil ZZ tal-“provi kunfidenzjali” imsemmija mis-Secretary of State jmorru kontra l-interessi ġenerali.

30.

Sussegwentement, inżammet seduta dwar ir-rikors ta’ ZZ, parzjalment fil-pubbliku u parzjalment bil-magħluq. Il-partijiet tas-seduta li saru bil-magħluq seħħew fl-assenza ta’ ZZ u tal-avukati tiegħu, iżda fil-preżenza tal-avukati speċjali tiegħu li ppreżentaw osservazzjonijiet f’isem ZZ.

31.

Is-SIAC tat żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri deċiżjoni “pubblika” u deċiżjoni “kunfidenzjali” u din tal-aħħar ġiet ikkomunikata biss lis-Secretary of State u lill-avukati speċjali ta’ ZZ.

32.

Fid-deċiżjoni pubblika tagħha, is-SIAC kkonstatat, inter alia, li “ftit mill-ilmenti kkonstatati kontra [ZZ]” ġew żvelati lilu, li dawn ma kinux jikkonċernaw “verament il-kwistjonijiet essenzjali” u li “għal raġunijiet li hemm spjegazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kunfidenzjali biss, [hija] kienet tal-fehma li l-kondotta personali ta’ ZZ tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tippreġudika wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri s-sigurtà pubblika u li din tisboq id-dritt tar-rikorrent u tal-familja tiegħu li jgawdu mill-ħajja familjari tagħhom fir-Renju Unit”.

33.

ZZ appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) li tatu awtorizzazzjoni għal dan il-għan.

34.

Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 346(1)(a) [TFUE], jirrikjedi li qorti li quddiemha jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni li tipprojbixxi lil ċittadin tal-Unjoni [...] l-aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ ordni pubblika u ta’ sigurtà pubblika skont il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 għandha tiżgura li ċ-ċittadin tal-Unjoni [...] kkonċernat jiġi informat dwar is-sustanza tal-motivi mressqa kontrih, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru u l-qorti nazzjonali kompetenti, wara li jkunu eżaminaw il-provi kollha invokati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kontra ċ-ċittadin tal-Unjoni [...], ikkonkludew li raġunijiet li jaqaw taħt interessi ta’ sigurtà tal-Istat jipprekludu l-iżvelar tas-sustanza tal-motivi?”

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

35.

L-analiżi ta’ sitwazzjonijiet bħal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża ma tistax tinjora n-natura partikolari ta’ attività kriminali bħalma huwa t-terroriżmu kif ukoll ta’ dik implikata bil-ġlieda kontra dan il-perikolu.

36.

It-terroriżmu huwa attività kriminali ta’ ispirazzjoni totalitarja li jxejjen il-prinċipju tal-libertà individwali u li l-għan tiegħu huwa li jaħtaf is-setgħat politiċi, ekonomiċi u ġudizzjarji ta’ soċjetà partikolari sabiex ikattar f’tali soċjetà l-ideoloġija tiegħu.

37.

L-użu tat-terrur jikkostitwixxi, inkwantu teknika sovversiva, il-mezz ippreferut sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mid-destabbilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet politiċi reżi inkapaċi li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini, li hija element ċentrali tal-kuntratt soċjali. Fl-istess ħin, l-ambjent ta’ terrur li jinħoloq għandu, minn din il-perspettiva, iwassal liċ-ċittadin sabiex jirrassenja ruħu minħabba l-biża’ użata sabiex jaċċetta l-ħakma bil-għan li jerġa’ jsib is-sigurtà.

38.

Din il-filosofija tat-terrur, inkwantu t-terrur isir l-għan fih innifsu, titwettaq bl-użu ta’ metodi eċċezzjonalment vjolenti u krudili, l-iktar vjolenti u l-iktar krudili, peress li l-metodu l-iktar xokkanti, jitqies li huwa l-iktar wieħed adattat għall-għan imfittex. L-għażla tal-vittmi, pereżempju tat-tfal, il-post tat-twettiq tal-attentati, bħal skejjel, sptarijiet jew knejjes, jew il-mod tat-twettiq, atti iżolati jew qtil tal-massa, jikkontribwixxu għal din l-istrateġija.

39.

Peress li t-terrur effikaċi jippreżumi bħala rekwiżit ewlieni l-imprevedibbiltà, l-użu ta’ organizzazzjonijiet jew aġenti “reqdin” jikkostitwixxi riċetta klassika f’dan il-qasam. Il-forma tal-attakk li għandu jkun ta’ diversi forom sabiex jaħsad u jitterrorizza bl-aħjar mod tikkorrispondi għal din l-istess loġika.

40.

L-effett devastanti tal-azzjonijiet imwettqa jeżiġi li l-awtoritajiet pubbliċi jiżviluppaw il-modi kollha ta’ prevenzjoni possibbli. L-azzjoni ta’ prevenzjoni ssir partikolarment diffiċli minħabba l-karatteristiċi, mhux eżawrjenti, li għadni kif iddeskrivejt, li trendi indispensabbli l-użu tal-modi mill-iktar sofistikati offruti mit-tekniki ta’ investigazzjoni l-iktar moderni mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawk li huma iktar klassiċi. Il-protezzjoni tal-mezzi u tas-sorsi ta’ informazzjoni hija prijorità assoluta. Ir-riżultat għandu jippermetti li jiġi evalwat il-livell ta’ theddid potenzjali li għalih għandha tirrispondi l-miżura ta’ prevenzjoni adattata għar-riskju kkonstatat.

41.

Dan il-pass jeżiġi approċċ ħafna iktar flessibbli, li jirriżulta mid-diversi forom li tieħu r-realtà konkreta. Il-kundizzjonijiet tat-theddid u tal-ġlieda kontrih jistgħu, fil-fatt, ikunu differenti skont il-postijiet u ż-żminijiet, peress li kemm il-probabbiltà kif ukoll l-intensità tar-riskju jistgħu jinbidlu mar-ritmu tat-tibdil fil-kundizzjonijiet ġeopolitiċi tad-dinja.

42.

Mad-diversi forom tar-riskju għandhom għaldaqstant jikkorrispondu l-istess diversi reazzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jiġu żgurati l-garanziji tal-istat tad-dritt, minkejja t-theddid mill-att terroristiku.

43.

F’soċjetà demokratika, il-fatt li l-garanziji tal-istat tad-dritt jingħataw sabiex jibbenefikaw minnhom dawk li jiġġieldu għalihom huwa rigorożament indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-supremazija assoluta tal-valuri tad-demokrazija, iżda ma jistgħux madankollu jwasslu għal tip ta’ suwiċidju tad-demokrazija stess.

44.

Għaldaqstant, minħabba l-gravità tat-theddid ikkonstatat u minħabba l-grad ta’ koerżjoni tal-miżura kawtelatorja li tittieħed, jeħtieġ li kull darba jsir eżerċizzju ta’ “bbilanċjar” bejn il-grad ta’ restrizzjoni li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni u l-gravità tal-perikolu li t-terroriżmu jġegħelha tidħol għalih.

45.

Il-fatt li persuna tintbagħat il-ħabs ma huwiex paragunabbli mal-fatt li tkun prekluża milli tikkomunika ma’ qarib kwalunkwe tagħha jew mal-fatt li tiċċaħħad mill-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħha li ma humiex indispensabbli għal livell ta’ ħajja diċenti.

46.

Għaldaqstant, hija s-soċjetà demokratika li, kull darba, għandha timplementa l-elementi ta’ dan l-ibbilanċjar kemm fuq il-mertu kif ukoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali, ħaġa li teħtieġ l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju intern kredibbli, iżda adattat għar-realtà ta’ kull każ konkret.

B – Fuq id-domanda preliminari

47.

Fid-dawl tal-elementi fil-proċess u, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni tal-Court of Appeal England & Wales (Civil Division), tad-19 ta’ April 2011 ( 3 ), jien ser nitlaq mill-premessa, li ovvjament għad trid tiġi kkonfermata mill-qorti nazzjonali, li s-sitwazzjoni ta’ ZZ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri tal-iktar protezzjoni qawwija kontra r-ripatrijazzjoni. Infakkar li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti jista’ jiġi rrimpatrijat mit-territorju ta’ dan l-Istat għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss.

48.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis ( 4 ), u kif fakkret reċentement fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2012, I ( 5 ), mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, bil-fatt li kull miżura ta’ ripatrijazzjoni fil-każijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni tkun suġġetta għall-preżenza ta’ “raġunijiet imperattivi” ta’ sigurtà pubblika, kunċett li huwa ħafna iktar strett minn dak ta’ “raġunijiet serji” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita manifestament il-miżuri bbażati fuq l-imsemmi paragrafu 3 għal “ċirkostanzi eċċezzjonali”, u dan kif jingħad fil-premessa 24 tal-imsemmija direttiva ( 6 ).

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jippresupponi mhux biss l-eżistenza ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, iżda, barra minn hekk, li tali preġudizzju għandu grad ta’ gravità partikolarment għoli, rifless fl-użu tal-espressjoni “raġunijiet imperattivi” ( 7 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, irid ikun hemm preġudizzju partikolarment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, li jista’ jirrappreżenta theddida diretta għat-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni ( 8 ).

50.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li miżura ta’ ripatrijazzjoni għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni u tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 biss jekk, fid-dawl tal-gravità eċċezzjonali tat-theddida, tali miżura hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi li hija tfittex li tiggarantixxi, bil-kundizzjoni li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas stretti, fid-dawl tat-tul ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-konsegwenzi negattivi gravi li tali miżura tista’ toħloq liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu verament integraw fl-Istat Membru ospitanti ( 9 ). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li jiġu rrispettati, fosthom id-dritt għall-osservanza tal-ħajja privata u tal-familja ( 10 ).

51.

B’kuntrast mal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tsakouridis u I, il-qorti tar-rinviju, hawnhekk, ma hijiex qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sens li għandu jingħata lill-kunċett tas-sigurtà pubblika u lanqas li tkun iggwidata fl-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-miżura meħuda mis-Secretary of State. Skont l-eżami ta’ din il-miżura mwettqa mis-SIAC fl-ewwel istanza, ir-raġunijiet imperattivi marbutin mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jidhru li jisbqu d-dritt tal-familja ta’ ZZ fir-Renju Unit ( 11 ).

52.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda, din id-darba, id-drittijiet proċedurali li jistgħu jiġu invokati minn ċittadin tal-Unjoni li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ ZZ. B’mod partikolari, dan ir-rinviju jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni li ċittadin tal-Unjoni jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ ripatrijazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mingħajr ma jkun irċieva l-motivi li jiġġustifikaw din il-miżura, kemm jekk fid-dettall kif ukoll jekk fil-qosor, meta l-eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat jitolbu bil-kontra.

53.

Id-dispożizzjoni li tinsab fiċ-ċentru ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, toriġina mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 64/221/KEE ( 12 ), li kien jipprovdi li “[]l-persuna kkonċernata għandha tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, jew saħħa pubblika li fuqhom tkun qed tiġi bbażata d-deċiżjoni fil-każ tagħha, sakemm din ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà ta’ l-Istat involut”. Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà interpretat din id-dispożizzjoni bħala li teżiġi, min-naħa tal-Istat ikkonċernat, komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tar-“raġunijiet preċiżi u kompluti” tad-deċiżjoni, sabiex din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tiżgura utilment id-difiża tagħha ( 14 ).

54.

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi qabelxejn l-espressjoni tar-“rispett tal-prinċipju li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-awtoritajiet għandha tkun kompletament ġustifikata” biex nuża kliem il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 25 ta’ din id-direttiva.

55.

Minn kliem l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta b’mod ċar li l-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ miżura li tillimita l-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza tiegħu minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, tar-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ tali miżura hija r-regola. Bħala eċċezzjoni, huma l-motivi marbutin mas-sigurtà tal-Istat li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għal din il-komunikazzjoni.

56.

Il-kliem stess tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jesprimi, għaldaqstant, l-idea li, bħala eċċezzjoni, id-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tal-Unjoni jistgħu jkunu limitati meta dan huwa ġġustifikat mar-raġunijiet marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

57.

Id-diffikultà prinċipali li jqajjem dan ir-rinviju huwa li jiġi stabbilit sa fejn jista’ jkun hemm tali restrizzjoni mingħajr ma jkun hemm preġudizzju eċċessiv għad-drittijiet proċedurali li jistgħu jiġu invokati miċ-ċittadin tal-Unjoni.

58.

Fi kliem ieħor, sa fejn testendi l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jidderogaw mill-prinċipju tal-komunikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni? B’mod iktar preċiż, Stat Membru jista’ jinvoka raġunijiet marbutin mas-sigurtà tal-Istat sabiex jopponi l-fatt li r-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni jiġu kkomunikati lil dan tal-aħħar, anki jekk fil-forma ta’ sunt li jkun limitat għall-allegazzjonijiet essenzjali?

59.

Sabiex tingħata risposta għal din il-problema, għandu jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa marbut mill-qrib mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u mal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju għandu l-għan li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-fondatezza tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha ( 15 ).

60.

Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi l-osservanza tagħhom ( 16 ). Dawn jeżiġu, minn naħa waħda, li l-elementi użati kontra l-persuna kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi ( 17 ).

61.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ( 18 ), kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ dan l-aħħar artikolu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu .

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata”.

62.

Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta ( 19 ), l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB. Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan jikkorrispondi għal-livell ta’ garanziji offruti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li għandu kamp ta’ applikazzjoni li jestendi lil hinn mill-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ natura ċivili.

63.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkwantu huwa tabilħaqq fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija quddiem is-SIAC li din il-qorti kkonfermat ix-xewqa espressa mis-Secretary of State li ma tiġix żvelata lil ZZ l-informazzjoni kunfidenzjali li tiġġustifika d-deċiżjoni li ma jiġix ammess fit-territorju tar-Renju Unit u li tirrimpatrijah minnu. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex konformi mal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju intiż li tiġi eżaminata l-legalità ta’ miżura ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti kif ukoll il-qorti nazzjonali kompetenti jirrifjutaw, filwaqt li jinvokaw l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, li jikkomunikaw lil dan iċ-ċittadin is-sustanza tar-raġunijiet li jiġġustifikaw tali miżura.

64.

L-Artikolu 47 tal-Karta huwa effettivament intiż li japplika fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li jiggwida l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-deċiżjoni meħuda mis-Secretary of State li ZZ jiġi rrifjutat aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u li jirrimpatrijah tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, jekk jitqies li ZZ igawdi mill-ogħla livell ta’ protezzjoni kontra r-ripatrijazzjoni, tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

65.

Kif jipprovdi l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet irrikonoxxuti minnha sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

66.

L-għan ta’ interess ġenerali msemmi fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkonsisti fil-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat. Dan l-għan jista’ jintrabat mal-Artikolu 4(2) TFUE li jipprovdi dan li ġej:

“[...] [L-Unjoni] għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”.

67.

B’rabta ma’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE jipprovdi li l-“ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu”.

68.

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi espressjoni, fil-qasam dwar il-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, ta’ dak li jipprovdi, b’mod ġenerali, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE. Għaldaqstant, il-komprensjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tirriżulta li hija determinanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

69.

F’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka u Il-Kummissjoni vs L-Italja ( 20 ), jipprovdu numru ta’ indikazzjonijiet. Fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni Ewropea akkużat lil dawn l-Istati Membri bil-fatt li invokaw b’mod żbaljat l-Artikolu 346 TFUE sabiex jirrifjutaw il-ħlas tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ tagħmir militari jew ta’ oġġetti li għandhom użu doppju ċivili u militari. Fost il-motivi ta’ difiża invokati mill-imsemmija Stati Membri, ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet b’mod partikolari li hija ma setgħetx tosserva l-proċedura doganali Komunitarja għall-importazzjoni tal-materjal ta’ difiża inkwistjoni mingħajr ma jkun hemm riskju li informazzjoni essenzjali għas-sigurtà tagħha tasal għand terzi ( 21 ).

70.

Fl-imsemmija sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ). Sussegwentement, hija ppreċiżat li d-derogi previsti fl-Artikolu 346 TFUE għandhom ikunu interpretati b’mod strett. Hija kkunsidrat li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jqis li huwa kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi ( 23 ). Konsegwentement, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 346 TFUE għandu juri li hemm ħtieġa li jsir użu mid-deroga prevista f’dan l-artikolu bil-għan li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

71.

Fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Istati Membri huma obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti neċessarji għall-verifika tar-regolarità tat-trasferiment tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-obbligu ma jostakolax l-Istati Membri, każ b’każ u eċċezzjonalment, abbażi tal-Artikolu 346 TFUE, milli jkunu jistgħu jillimitaw l-informazzjoni mibgħuta lil ċerti elementi ta’ dokument jew jirrifjutawha kompletament ( 24 ).

72.

Mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi jiena nislet diversi punti li huma utli sabiex tiġi ttrattata din il-kawża.

73.

L-ewwel nett, huwa ċar li l-invokazzjoni min-naħa ta’ Stat Membru ta’ raġunijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Istat ma għandhiex l-effett li teskludi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Lanqas ma hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika, minnha nfisha, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni liċ-ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni jew ta’ rifjut ta’ dħul meħuda kontrih minn Stat Membru.

74.

Meta Stat Membru jkun jixtieq jinvoka raġunijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Istat sabiex ma jħallix li r-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw ir-ripatrijazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jiġu żvelati lil dan tal-aħħar, huwa jkollu juri, quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha rikors quddiemha kontra deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni, il-ħtieġa li juża d-deroga prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38. Dan l-Istat ikollu għalhekk jipproduċi l-prova, għaldaqstant, li l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex ġiet adottata d-deċiżjoni kkonċernata jimmilitaw favur restrizzjoni jew nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet. Fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-qorti nazzjonali għandha dejjem tapplika l-prinċipju li r-raġunijiet preċiżi u kompluti li jiġġustifikaw ir-ripatrijazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom jiġu kkomunikati.

75.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti li ma tiżvelax ir-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ miżura ta’ riptarijazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deroga prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata b’mod strett.

76.

Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-komunikazzjoni tal-allegazzjonijiet essenzjali li jikkorroboraw il-konstatazzjoni tar-riskju li jġib miegħu ċittadin tal-Unjoni għas-sigurtà pubblika għandha dejjem tkun ippreferuta min-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet, sakemm ma jkunx konformi mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà tal-Istat li jsir sunt tar-raġunijiet. Għaldaqstant, għandu jkun hemm nuqqas totali ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà biss f’każijiet eċċezzjonali.

77.

Fi ftit kliem, skont ir-regola li l-osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni lil att li jikkawża preġudizzju għandha tiġi evalwata skont il-kuntest tagħha ( 25 ), il-komunikazzjoni liċ-ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw ir-ripatrijazzjoni tiegħu tista’ tiġi modulata skont ir-raġunijiet imperattivi marbutin mas-sigurtà tal-Istat. Din il-modulazzjoni għandha ssir skont skala li testendi mill-komunikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti san-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet jekk is-sigurtà tal-Istat tkun titlob dan u tinkludi l-possibbiltà intermedjarja li tikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ sunt tar-raġunijiet.

78.

Fil-fehma tiegħi huwa indispensabbli li tinżamm il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-każijiet fejn l-istess żvelar biss tal-allegazzjonijiet essenzjali magħmula kontra tiegħu ikun tali li jikkawża preġudizzju lis-sigurtà tal-Istat, u b’mod partikolari lill-għanijiet leġittimi tas-sigurtà tal-Istati Membri fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

79.

Għalkemm din il-possibbiltà hija rriżervata għal każijiet eċċezzjonali, hija għandha tintuża fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, taħt piena li l-Artikolu 346(1)(a) TFUE jiġi mċaħħad minn parti kbira mill-effett utli tiegħu.

80.

Nippreċiża wkoll li, għalkemm l-Istati Membri ma għandhomx jirrestrinġu abbużivament l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, ma għandux ikun, min-naħa l-oħra, li l-limitazzjonijiet li japplikaw fuq dawn l-Istati f’termini ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkunu tali li jiskoraġġixxu lill-imsemmija Stati milli jieħdu miżuri sabiex jiggarantixxu s-sigurtà pubblika. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li filwaqt li, kif jindika l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat, hija għandha l-għan ukoll li tiggarantixxi spazju ta’ sigurtà fejn jiġu żgurati l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha. Għaldaqstant, ma huwiex aċċettabbli li wieħed isostni li, meta Stat Membru jidhirlu li l-iżvelar tas-sustanza tar-raġunijiet imur kontra s-sigurtà tal-Istat, huwa jkollu biss l-alternattiva li ġejja, jiġifieri li jew ikollu jipproċedi bir-ripatrijazzjoni filwaqt li jiżvela r-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw tali miżura, jew jirrinunzja purament u sempliċiment għar-ripatrijazzjoni tal-persuna kkonċernata. Fi kliem ieħor, ma jidhirlix li għandha tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali u sistematiku sabiex jiġu żvelati r-raġunijiet li jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu lill-Istati Membri sabiex jirrinunzjaw għal miżuri li huma jidhrilhom, skont l-istħarriġ tal-qorti, li huma meħtieġa għall-preservazzjoni tas-sigurtà pubblika.

81.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, f’dawn il-każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati min-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-Istat u skont l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li jopponi għall-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika marbutin ma’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tal-istess ċittadin, kemm jekk b’mod dettaljat kif ukoll jekk fil-forma ta’ sunt.

82.

Din ir-risposta ma hijiex madankollu suffiċjenti sabiex twassal għall-bilanċ ġust bejn l-interessi marbutin, minn naħa, mas-sigurtà tal-Istat u, min-naħa l-oħra, mad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini tal-Unjoni.

83.

Fil-fatt, il-ksur li tikkawża lid-drittijiet tad-difiża u lill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva l-implementazzjoni tad-deroga li tirriżulta mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu, sabiex ikun konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi kkumpensat b’mekkaniżmi proċedurali adegwati li jistgħu jiggarantixxu livell sodisfaċenti ta’ ekwità fil-proċedura. Huwa biss taħt din il-kundizzjoni li l-ksur tad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jitqies li huwa proporzjonat għall-għan tal-Istat Membru li jikkonsisti fil-fatt li Stat Membru jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

84.

Peress li d-Direttiva 2004/38 ma tipprovdix tali mekkaniżmi proċedurali, huma l-Istati Membri li għandhom, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, jimplementawhom.

85.

Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar huwa fid-dawl tal-kuntest proċedurali li fih issir l-invokazzjoni, min-naħa ta’ Stat Membru, tad-deroga prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 li għandu jiġi deċiż, f’kull każ, jekk kienx iggarantit bilanċ ġust bejn id-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u r-raġunijiet imperattivi marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

86.

Għaldaqstant, kif indikat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jiġi vverifikat jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni tinvolvix “tekniki li jippermettu li jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-individwu jingħata benefiċċju biżżejjed mir-regoli tal-proċedura” ( 26 ).

87.

Is-sistema implementata mir-Renju Unit hija bbażata fuq stħarriġ ġudizzjarju mis-SIAC, fuq il-forma u fuq il-mertu, tad-deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni jew ta’ rifjut ta’ dħul. Meta l-kunfidenzjalità ta’ ċerti elementi tiġi invokata mis-Secretary of State, is-SIAC tista’ tivverifika jekk in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni hijiex neċessarja. Għal dan il-għan, hija jkollha quddiemha l-elementi fattwali u probatorji li fuqhom ibbaża d-deċiżjoni tiegħu s-Secretary of State. Jekk, wara eżami ta’ dawn l-elementi, tiġi kkonfermata l-ħtieġa li ma tiġix żvelata l-informazzjoni, il-kawża tagħti lok mhux biss għal deċiżjoni pubblika, imma wkoll għal deċiżjoni kunfidenzjali li l-kontenut tagħha la jiġi żvelat lir-rikorrent u lanqas lir-rappreżentant tiegħu.

88.

Minbarra t-twettiq ta’ stħarriġ ġudizzjarju kemm fuq il-fondatezza tal-miżura ta’ ripatrijazzjoni kif ukoll fuq in-neċessità li ċerta informazzjoni tinżamm kunfidenzjali, l-iter proċedurali jitlesta bil-ħatra ta’ “avukat speċjali” f’ċerti kawżi li jinvolvu s-sigurtà nazzjonali. Għaldaqstant, meta jkun meħtieġ, għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża tisma’ l-kawża bil-magħluq fl-assenza tal-persuna kkonċernata u tar-rappreżentant tiegħu, l-avukat speċjali maħtur għandu l-funzjoni li, fil-proċedura, jassumi l-interessi tal-persuna kkonċernata. Minn din il-perspettiva, l-irwol tiegħu huwa li jfittex li jikseb l-iktar żvelar possibbli tal-provi kontra l-persuna kkonċernata u li jevalwa r-rilevanza tal-informazzjoni li tibqa’ kunfidenzjali.

89.

Is-sistema hekk adottata mir-Renju Unit fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħha ma jidhirlix li tissodisfa r-rekwiżiti identifikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kuntest tal-ġurisprudenza dwar il-garanziji proċedurali li għandhom jirregolaw ir-ripatrijazzjoni jew ir-rifjut ta’ dħul tal-barranin. Dawn il-garanziji proċedurali jirriżultaw, skont il-każ, mill-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB ( 27 ) kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittjiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata fi Strasburgu fit-22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”) ( 28 ).

90.

Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-każ fejn miżura ta’ ripatrijazzjoni tista’ tikkawża preġudizzju lid-dritt ta’ barrani fir-rigward tal-ħajja familjari tiegħu, l-Artikolu 13 tal-KEDB, flimkien mal-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni, jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv tali miżura u li jara li l-aspetti rilevanti tagħha jiġu eżaminati b’garanziji proċedurali suffiċjenti u b’mod approfondit minn qorti li toffri garanziji adegwati ta’ indipendenza u imparzjalità ( 29 ).

91.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li, meta r-ripatrijazzjoni tkun ġiet ordnata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ċerti restrizzjonijiet proċedurali jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat li ebda informazzjoni ma tkun żvelata għad-detriment tas-sigurtà nazzjonali u l-qorti indipendenti li jkollha quddiemha rikors kontra deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tista’ tkun obbligata tippermetti marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, skont din l-istess qorti, tali limitazzjonijiet ma jistgħu fl-ebda każ jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ kull mezz ta’ appell minħabba li l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun għażlet li tinvoka l-kunċett ta’ “sigurtà nazzjonali” ( 30 ).

92.

L-istandard li bih il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tkejjel b’mod konkret il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ ripatrijazzjoni mal-Artikolu 13 tal-KEDB jinkludi, l-ewwel nett, ir-rekwiżit li, anki meta jkun hemm allegazzjoni ta’ preġudizzju lis-sigurtà nazzjonali, il-garanzija ta’ appell effettiv jeżiġi bħala minimu li l-qorti ta’ appell indipendenti tkun informata bir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk dawn ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku. Dik il-qorti għandu jkollha l-kompetenza li tiċħad l-affermazzjoni tal-awtorità nazzjonali meta hija tqisha arbitrarja jew abbużiva. Iktar minn hekk, trid tkun teżisti ċerta forma ta’ proċedura kontradittorja, li tkun żgurata, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ rappreżentant speċjali li jiġi awtorizzat għall-fini ta’ sigurtà. Barra minn hekk, il-qorti indipendenti għandha teżamina jekk il-miżura kkontestata tikkawżax preġudizzju lid-dritt għall-osservanza tal-ħajja familjari tal-persuna kkonċernata u, fil-każ affermattiv, jekk instabx bilanċ ġust bejn l-interess ġenerali u d-drittijiet tal-individwu ( 31 ).

93.

Għandu jiġi nnutat li, mill-aspett tal-Artikolu 8 tal-KEDB meħud waħdu, il-garanziji proċedurali meħtieġa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma, essenzjalment, identiċi ( 32 ).

94.

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7, nirrileva li dan ma jagħtix garanziji essenzjalment differenti minn dawk li joħorġu mill-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB, b’mod li l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-Artikoli 8 u/jew 13 tidher li tinvolvi awtomatikament dik ta’ ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 ( 33 ).

95.

Fil-kawżi li għadni kif semmejt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet biex tikkonstata n-nuqqas jew in-natura purament formali tal-istħarriġ ġudizzjarju magħmul mill-korpi nazzjonali, kemm għax dawn il-korpi ma kellhomx elementi suffiċjenti sabiex jivverifikaw jekk l-allegazzjoni li r-rikorrent kien ta’ riskju għas-sigurtà nazzjonali kinitx vera jew le ( 34 ), u kemm għaliex huma qiesu li ma għandhomx kompetenza biex jagħmlu tali kontroll ( 35 ).

96.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżiġi għaldaqstant, qabel xejn, li l-miżuri ta’ ripatrijazzjoni jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u rigoruż. Barra minn hekk, dan il-kontroll għandu jsir fil-kuntest ta’ proċedura li tiggarantixxi, b’mod jew ieħor, l-osservanza tal-proċedura kontradittorja. Din l-istess qorti ssemmi, f’dan ir-rigward, is-soluzzjoni li ġġib magħha l-ħatra ta’ rappreżentant speċjali li jiġi awtorizzat għall-fini ta’ sigurtà.

97.

Il-fatt, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rrilevat ukoll f’ċerti kawżi, li r-rikorrenti ma ġewx ikkomunikati lilhom il-fatti li bihom kienu akkużati ( 36 ) ma jidhirlix li huwa determinanti fil-kuntest tal-verifika tal-punt dwar jekk dawn ibbenefikawx minn garanziji suffiċjenti kontra l-arbitrarjetà. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB jidhirli li tirriżulta mill-fatt li dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti, tal-elementi li bihom kienu akkużati la ġie kkumpensat bi stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u rigoruż tar-realtà tat-theddid lis-sigurtà nazzjonali u lanqas bl-introduzzjoni ta’ proċedura verament kontradittorja.

98.

Fid-dawl tal-istandard hekk definit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-garanziji proċedurali applikabbli għall-miżuri ta’ ripatrijazzjoni u ta’ rifjut ta’ dħul, jidhirli li s-sistema proċedurali implementata mir-Renju Unit tippermetti li jiġi żgurat, fil-qasam inkwistjoni, bilanċ ġust bejn l-interessi relatati, minn naħa waħda, mad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mas-sigurtà tal-Istat.

99.

Kif ippreċiżat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-kawżi kontra r-Renju Unit, is-SIAC hija korp ġudizzjarju kompletament indipendenti, informata b’mod sħiħ bil-fatti li bihom tkun akkużata l-persuna milquta b’miżura ta’ ripatrijazzjoni u awtorizzata kompletament sabiex tannulla tali miżura jekk it-theddid li dik il-persuna tirrappreżenta għas-sigurtà nazzjonali ma tkunx debitament approvata. Hija teżamina, għal dan il-għan, il-provi rilevanti kollha, kemm dawk sigrieti kif ukoll dawk li ma humiex kunfidenzjali, filwaqt li tiżgura li ebda informazzjoni ma tiġi inutilment miżmuma milli tingħata lir-rikorrent ( 37 ). Din l-istess qorti ddeċidiet ukoll li l-fakultà rikonoxxuta lill-avukati speċjali sabiex jinterrogaw lix-xhieda dwar il-ħtieġa tal-kunfidenzjalità u li jitolbu, quddiem il-maġistrati, l-iżvelar tal-informazzjoni komplementari tista’ żżid il-garanzija ( 38 ) u tikkontribwixxi biex jittaffa r-riskju eventwali ta’ żbalji li s-SIAC tista’ twettaq meta tibbaża ruħha fuq provi sigrieti ( 39 ).

100.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rikonoxxuta lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-garanziji proċedurali intiżi li jiżguraw il-bilanċ bejn id-diversi interessi inkwistjoni, jidhirli li r-regoli tal-proċedura implementati mir-Renju Unit joffru lill-qorti nazzjonali l-għodda neċessarja biex tiżgura livell adegwat ta’ ekwità fil-proċedura.

101.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, inkwantu l-prinċipju jibqa’ dak tal-komunikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali hija obbligata, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, li tuża l-għodda proċedurali kollha li hija għandha sabiex tadatta l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika għall-eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

102.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati min-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-Istat u salv l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li jopponi għall-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika marbutin ma’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tal-istess ċittadin, kemm jekk b’mod dettaljat jew fil-forma ta’ sunt, sakemm id-dritt proċedurali nazzjonali jinkludi tekniki li jippermettu li jiġu bbilanċjati l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-individwu jingħata benefiċċju biżżejjed mir-regoli tal-proċedura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tuża l-għodda proċedurali kollha li hija għandha sabiex tadatta l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika għall-eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

103.

B’kuntrast ma’ dak li jsostnu ZZ, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, jien ma naħsibx li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem A et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, għandha l-effett li tbiddel l-istandard hekk deskritt fil-qasam li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li jittieħdu għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. B’mod iktar preċiż, ma naħsibx li din is-sentenza teżiġi li jiġi applikat, f’dan il-qasam, prinċipju li bih dawn il-persuni jkollhom jirċievu komunikazzjoni tas-sustanza tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika adottati kontrihom, u dan bħala minimu u mingħajr ebda eċċezzjoni possibbli, anki meta jkun hemm eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat li jitolbu mod ieħor.

104.

Fil-fehma tiegħi, huwa determinanti li jiġi ppreċiżat, mill-ewwel, li s-sentenza msemmija għandha l-partikolarità li tistabbilixxi rekwiżiti neċessarji sabiex jiġi osservat l-Artikolu 5(4) tal-KEDB fil-qasam tad-detenzjoni ta’ barranin suspettati b’terroriżmu. Il-kawża kienet tirrigwarda l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li kienet tippermetti li tali persuni jinżammu f’detenzjoni, mingħajr smigħ u għal żmien indeterminat, filwaqt li jistennew ir-ripatrijazzjoni tagħhom.

105.

L-Artikolu 5(4) tal-KEDB jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mar-rekwiżiti iktar ġenerali tal-Artikolu 13 tagħha ( 40 ). Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali jista’ jirriżulta li huwa indispensabbli meta tkun involuta s-sigurtà nazzjonali, filwaqt li ppreċiżat li dan ma jfissirx li l-awtoritajiet nazzjonali jevitaw kull stħarriġ mill-qrati nazzjonali meta huma jaffermaw li l-kawża tmiss is-sigurtà nazzjonali u t-terroriżmu ( 41 ).

106.

Fis-sentenza tagħha A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem telqet mill-konstatazzjoni li “fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tal-konsegwenzi drammatiċi li ċ-ċaħda fit-tul tal-libertà tar-rikorrenti — li dak iż-żmien dehret li setgħat tkun ta’ tul indefinit — kellha fuq id-drittijiet fundamentali li huma jgawdu minnhom, l-Artikolu 5 [paragrafu] 4 [tal-KEDB] għandu jinkludi garanziji sostanzjalment identiċi għal dawk li tistabbilixxi l-parti kriminali tal-Artikolu 6 [paragrafu] 1, [tagħha]” ( 42 ).

107.

Fir-rigward, preċiżament, tar-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fil-qasam tal-proċeduri kriminali, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li d-“dritt għal smigħ kriminali xieraq garantit mill-Artikolu 6 [tal-KEDB] jinkludi d-dritt għall-komunikazzjoni tal-provi rilevanti kollha li jkollhom l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni, favur kif ukoll kontra” ( 43 ). Dik il-qorti tikkunsidra, madankollu, li “kultant jista’ jirriżulta li jkun neċessarju, f’ġieh l-interess pubbliku, li ċerti provi ma jiġux mgħarrfa lid-difiża” ( 44 ). Hija indikat, f’dan ir-rigward, li d-dritt għall-iżvelar tal-provi rilevanti ma huwiex assolut ( 45 ) u li d-“dritt għal smigħ kompletament kontradittorju jista’ jiġi limitat safejn ikun strettament neċessarju sabiex jiġi ssalvagwardjat interess pubbliku importanti bħalma huwa s-sigurtà nazzjonali, in-neċessità li jinżammu sigrieti ċerti metodi polizjeski ta’ investigazzjoni tal-ksur jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ terza persuna” ( 46 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat madankollu li, “jekk wieħed irid jiggarantixxi smigħ xieraq għall-akkużat, id-diffikultajiet kollha kkaġunati lid-difiża permezz ta’ limitazzjoni tad-drittijiet tagħha għandhom jiġu kkumpensati permezz tal-proċedura segwita quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji” ( 47 ). Hija teżamina għaldaqstant jekk il-proċedura kkunsidrata fl-intier tagħha kellhiex natura ġusta ( 48 ) jew ukoll “sa fejn il-miżuri kompensattivi eżistenti setgħu jirrimedjaw in-nuqqas parzjali ta’ proċedura kontradittorja li jivvizzja l-proċedura” ( 49 ). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li l-kundanna ma tistax tkun ibbażata biss jew b’mod determinanti fuq il-provi kunfidenzjali li l-kontenut tagħhom, fl-ebda stadju tal-proċedura ma kien mgħarraf lill-akkużat jew lir-rappreżentant tiegħu ( 50 ).

108.

Filwaqt li applikat, fil-kuntest tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB, garanziji sostanzjalment identiċi għal dawk li tistabbilixxi l-parti kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-istess konvenzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kkunsidrat, fis-sentenza tagħha A et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, li “kien essenzjali li kull rikorrent tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni kollha possibbli dwar l-ilmenti u l-provi kontrih mingħajr ma jiġu ppreġudikati b’dan il-mod is-sigurtà nazzjonali u dik ta’ terzi” ( 51 ). Skont dik il-qorti, “[j]ekk l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni inkwistjoni jkun eskluż, l-osservanza tal-Artikolu 5(4) [tal-KEDB] jeżiġi li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn restrizzjoni simili jiġu kkumpensati b’mod li kull parti kkonċernata tibqgħalha l-possibbiltà li tikkontesta utilment l-akkużi miġjuba kontriha” ( 52 ).

109.

Meta eżaminat il-proċedura prevista mil-liġi dwar is-SIAC fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat, filwaqt li enfasizzat li s-“SIAC kienet fl-aħjar pożizzjoni biex tara li ebda informazzjoni ma tiġi miżmuma milli tingħata lill-arrestati” ( 53 ) u r-“rwol importanti” ( 54 ) tal-avukati speċjali, fejn dawn tal-aħħar “ma setgħux jaqdu b’mod effikaċi l-funzjoni [tagħhom] jekk il-persuni arrestati ma jkunux irċevew biżżejjed informazzjoni fuq l-akkużi kontrihom biex ikunu jistgħu jagħtuhom struzzjonijiet utli” ( 55 ). Hija kkunsidrat ukoll li, “fil-każijiet fejn l-elementi mhux kunfidenzjali jkunu jikkonsistu esklużivament f’asserzjonijiet ġenerali u fejn is-SIAC tkun ibbażat ruħha biss jew b’mod determinanti fuq dokumenti sigrieti biex tapprova l-għoti ta’ ċertifikat jew biex tarresta lir-rikorrenti, hija ma tkunx issodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5[paragrafu] 4 [tal-KEDB]” ( 56 ).

110.

Huwa minnu li jekk wieħed kellu jħares lejn il-kawża prinċipali fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mill-KEDB fil-kuntest tal-Artikolu 5(4) tal-istess konvenzjoni, ikun diffiċli li jiġi konkluż li l-proċedura hija ġusta. Fil-fatt, huwa paċifiku li ZZ irċieva biss ftit informazzjoni fuq il-fatti li kien akkużat bihom u li r-raġunijiet essenzjali li jiġġustifikaw il-miżura ta’ ripatrijazzjoni baqgħu kunfidenzjali matul il-proċedura kollha li saret quddiem is-SIAC. Skont id-dikjarazzjoni stess ta’ dik il-qorti, huwa għar-raġunijiet li hemm spjegazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kunfidenzjali biss li hija kkunsidrat li l-imġiba personali ta’ ZZ kienet ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri s-sigurtà pubblika, u li din it-theddida kienet tisboq id-dritt tiegħu li jgawdi l-ħajja familjari fir-Renju Unit ( 57 ).

111.

Madankollu, jiena ma naħsibx li l-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li garanziji rigorużi daqs dawk li jirriżultaw mill-parti kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jiġu applikati b’analoġija għall-kontestazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ripatrijazzjoni. Fil-fehma tiegħi, huwa leġittimu li r-rekwiżiti li bis-saħħa tagħhom proċedura tista’ jew ma tistax titqies bħala ġusta jistgħu jvarjaw skont in-natura tad-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċirkustanzi tal-każ ( 58 ). Għaldaqstant, nifhem li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem adottat standard ta’ drittijiet proċedurali ogħla meta hija kellha quddiemha sitwazzjonijiet ta’ detenzjoni milli dak li hija applikat meta kellha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni mal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB. Ninnota wkoll li, fis-sentenza tagħha Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, hija indikat biċ-ċar li r-raġunament li hija użat fis-sentenza tagħha A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex ta’ applikazzjoni ġenerali, u uriet għaldaqstant li l-istess proċedura nazzjonali tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni differenti fir-rigward tan-natura ġusta skont il-kuntest li fiha tkun qiegħda ssir dik l-evalwazzjoni ( 59 ).

112.

Ninnota wkoll, fl-istess sens tal-enfasi fuq in-natura varjabbli tal-istandards li japplikaw skont il-kuntest, li l-partikolarità tas-sistema proċedurali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-fatt li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jipprekludu, fil-fehma tiegħi, li jiġi applikat b’analoġija r-raġunament użat mill-Qorti fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, rekwiżiti li jirrigwardaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, u dan fid-dawl tal-kuntest proċedurali speċifiku li fih kienu ġew adottati tali miżuri. Dan ma jeskludix li jiġi rrilevat li, fis-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tindika li “kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha jistgħu jopponu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill-partijiet ikkonċernati” ( 60 ).

113.

Ser nirrispondi, fl-aħħar nett, għall-argument imressaq mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, fejn tgħid li jkun inkoerenti li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-House of Lords ( 61 ), persuna li tkun is-suġġett ta’ “control order” skont il-Liġi tal-2005 dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu (Prevention of Terrorism Act 2005) tista’ tkun taf bl-allegazzjonijiet essenzjali magħmula kontriha filwaqt li ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni jista’ jkun imċaħħad minn tali żvelar.

114.

Kif indikajt qabel, nikkunsidra li l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika huwa suxxettibbli li jvarja skont il-kuntest proċedurali li fih tingħata d-deċiżjoni kkontestata u skont in-natura tal-miżuri inkwistjoni. Il-“control orders” jikkonsistu f’miżuri li jirrestrinġu, b’modi differenti, il-libertà tal-persuni ssuspettati b’terroriżmu, pereżempju f’dak li jikkonċerna l-post tar-residenza tagħhom, iċ-ċaqliq tagħhom, ir-relazzjonijiet tagħhom u l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu, fil-modi l-iktar ħarxa tagħhom, ikollhom effetti ta’ kważi ta’ miżura ta’ detenzjoni. Il-“control orders” jikkostitwixxu, għaldaqstant, kategorija partikolari ta’ miżuri li, fil-fehma tiegħi, ma hijiex paragunabbli ma’ dik tad-deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni meħuda skont id-Direttiva 2004/38. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li qorti nazzjonali jidhrilha xieraq li testendi għal miżuri li ma humiex id-detenzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali intiża li tipprevjeni l-atti terroristiċi, l-istandard definit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza A et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex, minnu nnifsu, tali li jkollu impatt fuq il-livell ta’ rekwiżiti proċedurali li jidhirli li għandhom jirriżultaw, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

IV – Konklużjoni

115.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-deċiżjoni magħmula mill-Court of Appeal kif ġej:

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, għandu jiġi interpretat li jippermetti lil Stat Membru, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati min-neċessità li jiggarantixxi s-sigurtà tal-Istat u salv l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li jopponi għall-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika marbutin ma’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tal-istess ċittadin, kemm jekk b’mod dettaljat jew fil-forma ta’ sunt, sakemm id-dritt proċedurali nazzjonali jinkludi tekniki li jippermettu li jiġu bbilanċjati, minn naħa waħda, l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi ta’ informazzjoni li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni biex ġiet adottata d-deċiżjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-individwu jingħata benefiċċju biżżejjed mir-regoli tal-proċedura.

Hija l-qorti nazzjonali li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tuża l-għodda proċedurali kollha li hija għandha sabiex tadatta l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika għar-rekwiżiti marbutin mas-sigurtà tal-Istat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 3 ) ZZ vs Secretary of State for the Home Department [2011] EWCA Civ 440 (punt 11), disponibbli fis-sit internet li ġej: http://www.bailii.org/ew/cases/EWCA/Civ/2011/440.html.

( 4 ) C-145/09, Ġabra p. I-11979.

( 5 ) C-348/09.

( 6 ) Ibidem (punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ibidem (punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ibidem (punt 28).

( 9 ) Sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).

( 10 ) Ibidem (punt 52).

( 11 ) Ara ZZ vs Secretary of State for the Home Department [2008] UKSIAC 63/2007, disponibbli fis-sit li ġej: http://www.bailii.org/uk/cases/SIAC/2008/63_2007.html. Fil-punt 21, is-SIAC tgħid:

“For reasons which are given in the open and closed Judgments, read together, we are satisfied that the imperative grounds of public security which we have identified in the closed Judgment outweigh the compelling family circumstances of ZZ’s family so as to justify the Secretary of State’s decision to exclude him from the United Kingdom”.

( 12 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 11).

( 13 ) 36/75, Ġabra p. 1219.

( 14 ) Punt 39.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 54).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-110/10 P, Ġabra p. I-10439,, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen vs Il-Kunsill (T-439/10 u T-440/10, punt 72).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 29).

( 19 ) Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

( 20 ) C-284/05, Ġabra p. I-11705; C-294/05, Ġabra p. I-11777; C-372/05, Ġabra p. I-11801; C-387/05, Ġabra p. I-11831; C-409/05, Ġabra p. I-11859; C-461/05, Ġabra. p. I-11887, u C-239/06, Ġabra p. I-11913, rispettivament.

( 21 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36). Ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punti 58 u 59); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punti 44 u 45) u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (punti 42 u 43).

( 22 ) Ara, fost dawn is-sentenzi, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 45).

( 23 ) Ibidem (punt 47).

( 24 ) Ibidem (punt 53).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker (C-309/10, Ġabra p. I-7333, punt 35).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewr. D. B., Chahal vs Ir-Renju Unit, tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1996-V (punt 131). Ara wkoll, fir-rigward tal-miżuri Komunitarji tal-iffriżar tal-fondi, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 344).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi Al-Nashif vs Il-Bulgarija, tal-20 ta’ Ġunju 2002 ; Raza vs Il-Bulgarija, tal-11 ta’ Frar 2010 ; Kaushal et vs Il-Bulgarija, tat-2 ta’ Settembru 2010, kif ukoll Liu vs Ir-Russja, tas-26 ta’ Lulju 2011.

( 28 ) Ara b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi Kaya vs Ir-Rumanija, tat-12 ta’ Ottubru 2006; C.G. et vs Il-Bulgarija, tal-24 ta’ April 2008, kif ukoll Geleri vs Ir-Rumanija, tal-15 ta’ Frar 2011. Għalkemm il-Protokoll Nru 7 ma japplikax għar-Renju Unit, jidhirli li huwa utli, għall-finijiet ta’ kompletezza, li tissemma l-ġurisprudenza relattiva għaliha.

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punt 133); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 56); Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 35), kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punt 99).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punt 136 u 137); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 57), kif ukoll Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 36).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punt 137); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 57); Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 36), kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punt 99).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punti 123 u 124); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 40); Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 29), kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punti 87 u 88).

( 33 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenza C.G. et vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Raza vs Il-Bulgarija (punt 54) kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punti 89 u 91).

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq C.G. et vs Il-Bulgarija (punti 46 u 60) kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punt 90).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, tad-19 ta’ Frar 2009 (punt 219) kif ukoll Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit tas-17 ta’ Jannar 2012 (punt 220).

( 38 ) Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 219).

( 39 ) Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 223).

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Chahal vs Ir-Renju Unit (punt 126) kif ukoll A. et vs Ir-Renju Unit (punt 202).

( 41 ) Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza Chahal vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 131).

( 42 ) Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 217).

( 43 ) Ibidem (punt 206).

( 44 ) Idem.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., is-sentenzi Jasper vs Ir-Renju Unit, tas-16 ta’ Frar 2000 (punt 52) kif ukoll Kennedy vs Ir-Renju Unit, tat-18 ta’ Mejju 2010 (punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Idem.

( 48 ) Ibidem (punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Ibidem (punt 207).

( 50 ) Ibidem (punt 206 sa 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ibidem (punt 218).

( 52 ) Idem.

( 53 ) Ibidem (punt 219).

( 54 ) Ibidem (punt 220).

( 55 ) Idem.

( 56 ) Idem.

( 57 ) ZZ v Secretary of State for the Home Department, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punt 20). Ninnota, madankollu, li d-deċiżjoni pubblika fiha diġà numru ta’ ilmenti serji li fir-rigward tagħhom ZZ seta’ jispjega ruħu matul il-proċedura. Minn dan jirriżulta li, fil-konklużjonijiet li ġew mgħarrfa lir-rikorrent, ġie allegat li dan kien involut f’attivitajiet tal-Groupe Islamique Armé (GIA) u f’attivitajiet terroristiċi. B’mod iktar speċifiku, ġie rilevat li huwa jew kien proprjetarju ta’ oġġetti li nstabu fil-Belġju fil-postijiet mikrija minn estremista magħruf fejn instabu, inter alia, kwantita ta’ armi u munizzjoni. Iktar minn hekk, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrent ħa pożizzjoni fir-rigward ta’ fatti allegati oħra, bħalma huma, kuntatti ma u s-sapport ta’ ċerti persuni, imsemmija b’mod konkret, kif ukoll il-pussess ta’ somom kbar ta’ flus.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti Ewr. D. B., sentenza Kennedy vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 189).

( 59 ) Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 223).

( 60 ) Punt 342.

( 61 ) Secretary of State for the Home Departments v AF et [2009] UKHL 28, disponibbli fis-sit li ġej: http://www.bailii.org/uk/cases/UKHL/2009/28.html.


Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (2) .

2. Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn ZZ u s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jipprojbixxi l-aċċess ta’ ZZ għat-territorju tar-Renju Unit minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u li jadotta miżura ta’ ripatrijazzjoni kontrih.

3. Billi f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mitluba tiddeċiedi sa fejn Stat Membru jista’, filwaqt li jinvoka r-rekwiżiti marbutin mas-sigurtà tal-Istat, jirrifjuta li jiżvela liċ-ċittadin tal-Unjoni l-motivi ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw miżura ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontrih minn dan l-Istat, din il-kawża qiegħda tqajjem il-problema delikata tal-bilanċ ġust li għandu jintlaħaq bejn, minn naħa, il-ħtieġa li Stat Membru jissalvagwardja l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-garanzija tad-drittijiet proċedurali li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4. L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

5. Skont l-Artikolu 28(2) u (3) ta’ din id-direttiva:

“2. L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija [ripatrijazzjoni] kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3. Deċiżjoni ta’ tkeċċija [ripatrijazzjoni] m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a) għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti […]”

6. L-Artikolu 30(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.”

7. Fir-rigward tal-garanziji proċedurali, l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“1. Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens. fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3. Il-proċeduri ta’ riżarċiment [proċedimenti ta’ appell] għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex sproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

4. L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta’ riżarċiment [proċedimenti ta’ appell], imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l-apparenza tiegħu tista’ toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.”

B – Id-dritt nazzjonali

1. L-aċċess u l-projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju tar-Renju Unit

8. Ir-regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-immigrazzjoni”] jittrasponi d-Direttiva 2004/38 fid-dritt nazzjonali. Skont l-Artikolu 11(1) u (5) tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni:

“(1) Ċittadin taż-ŻEE għandu jkun awtorizzat jidħol fit-territorju tar-Renju Unit jekk mal-wasla tiegħu jipproduċi karta tal-identità jew passaport validu maħruġ minn Stat taż-ŻEE.

[…]

(5) Madankollu, dan l-artikolu japplika bl ħsara għall-Artikolu 19(1) […]”.

9. L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u ripatrijazzjoni”, jipprovdi:

“Persuna ma tkunx awtorizzata tidħol fit-territorju tar-Renju Unit skont l-Artikolu 11 jekk il-projbizzjoni ta’ aċċess tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika skont l-Artikolu 21.”

10. L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“(1) Għall-finijiet ta’ din il-parti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

‘Kummissjoni’ tfisser il-Kummissjoni msemmija fil-Liġi tal-1997 dwar [il-Kummissjoni Speċjali tal-Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni (Special Immigration Appeals Commission Act 1997, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-SIAC”)] [...]”

11. L-Artikolu 28 tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni jipprovdi li:

“(1) Appell kontra deċiżjoni taż-ŻEE jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Kummissjoni fil-każijiet li fihom japplikaw il-paragrafi (2) u (4).

[...]

(4) Dan il-paragrafu japplika fil-każ li s-Secretary of State jiċċertifika li d-deċiżjoni taż-ŻEE ġiet adottata, totalment jew parzjalment, abbażi ta’ informazzjoni li, fil-fehma tiegħu, ma għandhiex tiġi reża pubblika.

(a) minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali;

[...]

(8) Il-Liġi [dwar is-SIAC] tapplika għal appelli ppreżentati quddiem il-Kummissjoni taħt dan ir-regolament bl-istess mod li tapplika għal appelli ppreżentati skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi meta japplika l-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu (appell kontra deċiżjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni), ħlief għall-punt (i) tal-imsemmi paragrafu.”

2. Ir-regoli li japplikaw għal appelli kontra deċiżjoni li twassal għal projbizzjoni ta’ aċċess

12. Skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi dwar is-SIAC, il-Kummissjoni għandha tkun qorti ordinarja superjuri.

13. L-Artikolu 5(1), (3) u (6) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1) Il-Lord Chancellor jista’ jistabbilixxi regoli

[...]

(3) Ir-regoli msemmija f’dan l-artikolu jistgħu, b’mod partikolari:

(a) jipprevedu li l-proċeduri quddiem il-Kummissjoni jistgħu jiżvolġu mingħajr ma jkunu ntbagħtu lir-rikorrent id-dettalji kollha tal-motivi tad-deċiżjoni appellata,

[...]

(6) Waqt it-tfassil tar-regoli msemmija f’dan l-artikolu, il-Lord Chancellor għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

(a) il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet appellati jkunu mistħarrġa b’mod korrett, u

(b) il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali”.

14. L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-SIAC jipprovdi għan-nomina ta’ avukati speċjali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-Attorney General jista’ jinnomina persuna awtorizzata li tidher quddiem il-High Court of Justice “sabiex tirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent fil-proċeduri kollha quddiem is-SIAC li minnha r-rikorrent u r-rappreżentanti legali kollha tiegħu huma esklużi”. L-Artikolu 6(4) tal-imsemmija liġi jipprovdi, barra minn hekk, li din il-persuna “ma hijiex responsabbli għall-persuna li fir-rigward tagħha hija tkun inkarigata tirrappreżenta l-interessi tagħha”.

15. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-2003 tal-Kummissjoni Speċjali tal-Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni [Special Immigration Appeals Commission (Procedure) Rules 2003, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tas-SIAC”] jipprovdu fl-Artikolu 4(1) u (3):

“(1) Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali [...]

(3) Bla ħsara għall-paragrafi (1) u (2), il-Kummissjoni għandha tkun konvinta li l-elementi li hija għandha quddiemha jippermettulha tiddeċiedi l-kawża b’mod sodisfaċenti”.

16. L-Artikolu 10 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi:

“(1) Meta s-Secretary of State jkun jixtieq jikkontesta appell, huwa għandu jippreżenta quddiem il-Kummissjoni:

(a) dikjarazzjoni li tindika l-provi li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tal-appell tiegħu; u

(b) l-elementi kollha favurih li għandu konoxxenza tagħhom.

(2) Sakemm is-Secretary of State ma joġġezzjonax għall-iżvelar tad-dikjarazzjoni lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu, huwa għandu jibgħat kopja tagħha lir-rikorrent fl-istess waqt li huwa jippreżentaha quddiem il-Kummissjoni.

(3) Jekk is-Secretary of State joġġezzjona għall-iżvelar lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu tad-dikjarazzjoni ppreżentata skont il-paragrafu (1), għandhom japplikaw l-Artikoli 37 u 38.

[...]”

17. Fir-rigward tal-funzjonijiet tal-avukat speċjali, previst fl-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-SIAC, l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi dan li ġej:

“Il-funzjonijiet tal-avukat speċjali huma li jirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent:

(a) billi jippreżenta osservazzjonijiet lill-Kummissjoni waqt is-seduti kollha li huma esklużi minnhom ir-rikorrent u r-rappreżentanti tiegħu;

(b) billi jipproduċi provi u jagħmel il-kontroeżami tax-xhieda waqt dawn is-seduti; u

(ċ) billi jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni.”

18. Għal dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni bejn ir-rikorrent u l-avukat speċjali, l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi:

“(1) L-avukat speċjali jista’ jikkomunika mar-rikorrent jew mar-rappreżentant tiegħu f’kull mument qabel ma s-Secretary of State jinnotifikah bl-elementi li fir-rigward tagħhom huwa joġġezzjona li jiġu żvelati lir-rikorrent.

(2) Wara li s-Secretary of State jkun innotifika lill-avukat speċjali bl-elementi kif indikat fil-paragrafu (1), l-avukat speċjali ma jista’ jikkomunika ma’ ħadd fuq ebda kwistjoni marbuta mal-proċedura, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu (3) jew fil-paragrafu (6)(b), jew skont l-istruzzjoni tal-Kummissjoni mogħtija b’risposta għal talba magħmula skont il-paragrafu (4).

(3) L-avukat speċjali jista’, mingħajr istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, jikkomunika dwar il-proċedura, ma’:

(a) il-Kummissjoni;

(b) is-Secretary of State, jew kull persuna li taġixxi f’ismu;

(ċ) il-maġistrat kompetenti, jew kull persuna li taġixxi f’ismu;

(d) kull persuna oħra, ħlief ir-rikorrent jew ir-rappreżentant tiegħu, li magħha għandha ssir komunikazzjoni għal skopijiet amministrattivi fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux marbuta mas-sustanza tal-proċedura.

(4) L-avukat speċjali jista’ jitlob lill-Kummissjoni struzzjonijiet li jawtorizzawh jikkomunika mar-rikorrent jew mar-rappreżentant tiegħu jew ma’ kull persuna oħra.

(5) Meta l-avukat jitlob struzzjonijiet skont il-paragrafu (4),

(a) il-Kummissjoni għandha tinnotifika t-talba lis-Secretary of State; u

(b) is-Secretary of State għandu, f’terminu li jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, jippreżenta quddiem il-Kummissjoni u jinnotifika lill-avukat speċjali b’kull oġġezzjoni għall-komunikazzjoni proposta jew għall-mod li bih ikun propost li din issir.

(6) Il-paragrafu (2) ma jipprekludix lir-rikorrent milli jikkomunika mal-avukat speċjali wara li s-Secretary of State jkun innotifikah bl-elementi kif indikat fil-paragrafu (1), iżda

(a) ir-rikorrent jista’ jikkomunika mal-avukat speċjali bil-miktub biss u permezz ta’ rappreżentant legali; u

(b) l-avukat speċjali jista’ jirrispondi għall-komunikazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni biss; fin-nuqqas tal-imsemmija istruzzjonijiet, huwa jista’ madankollu jibgħat konferma ta’ rċevuta bil-miktub lir-rappreżentant legali tar-rikorrent.”

19. L-Artikolu 37 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jiddefinixxi l-kliem “elementi kunfidenzjali” u jipprovdi, f’dan ir-rigward, kif ġej:

“(1) Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, il-kliem ‘elementi kunfidenzjali’ jfissru:

(a) elementi li s-Secretary of State jixtieq jinvoka fi proċedura kwalunkwe quddiem il-Kummissjoni;

(b) elementi li jikkontradixxu l-argumenti tiegħu jew li huma favur ir-rikorrent, jew

(ċ) informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata skont l-istruzzjoni stabbilita fl-Artikolu 10A(7),

u li fir-rigward tagħhom huwa joġġezzjona li dawn jiġu żvelati lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu.

(2) Is-Secretary of State ma jistax jinvoka elementi kunfidenzjali mingħajr ma jkun inħatar avukat speċjali sabiex jirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent.

(3) Meta s-Secretary of State jkun obbligat, skont l-Artikolu 10(2), jew l-Artikolu 10A(8), jinnotifika lir-rikorrent bl-elementi kunfidenzjali li huwa jixtieq jinvoka minn dawn l-elementi, u meta jkun inħatar l-avukat speċjali, is-Secretary of State għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u jinnotifika lill-avukat speċjali:

(a) kopja tal-elementi kunfidenzjali, jekk ikun għadu ma għamilx dan;

(b) dikjarazzjoni li tindika r-raġunijiet li għalihom huwa oġġezzjona għall-iżvelar tagħhom; u

(ċ) jekk u sa fejn huwa possibbli li ma jiżvelax l-informazzjoni b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, deskrizzjoni tal-elementi f’forma li tista’ tiġi nnotifikata lir-rikorrent.

(4) Is-Secretary of State għandu, fl-istess ħin tal-preżentata ta’ dawn, jinnotifika lir-rikorrent b’kull deskrizzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 3(ċ).

(4A) Meta s-Secretary of State jinnotifika lill-avukat speċjali bl-elementi kunfidenzjali li huwa jkun żamm inaċċessibbli għal raġunijiet li ma humiex marbutin mas-sigriet professjonali,

(a) huwa għandu jippreżenta l-elementi quddiem il-Kummissjoni f’forma li ma hija aċċessibbli, filwaqt li jispjega r-raġunijiet għat-tibdil; u

(b) il-Kummissjoni għandha tagħti lis-Secretary of State istruzzjonijiet dwar il-punti li jistgħu jkunu inaċċessibbli.

(5) Is-Secretary of State jista’, bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jew bil-kunsens tal-avukat speċjali, ibiddel jew jikkompleta f’kull ħin id-dokumenti ppreżentati skont dan l-artikolu”.

20. Fir-rigward tal-eżami tal-oġġezzjonijiet tas-Secretary of State, l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi li:

“(1) Meta s-Secretary of State jippreżenta oġġezzjoni skont l-Artikolu 36(5)(b) jew l-Artikolu 37, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tilqa’ jew ma li ma tilqax l-oġġezzjoni skont dan l-artikolu.

(2) Il-Kummissjoni għandha tiffissa seduta sabiex tippermetti lis-Secretary of State u lill-avukat speċjali jippreżentaw osservazzjonijiet orali [...]

[…]

(5) Is-seduti miżmuma skont dan l-artikolu għandhom iseħħu fl-assenza tar-rikorrent u tar-rappreżentant tiegħu.

(6) Il-Kummissjoni tista’ tilqa’ jew tiċħad l-oġġezzjoni tas-Secretary of State.

(7) Il-Kummissjoni għandha tilqa’ l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37 meta hija jidhrilha li l-iżvelar tal-elementi inkwistjoni jmur kontra l-interess ġenerali.

(8) Meta l-Kummissjoni tilqa’ l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37, hija għandha:

(a) teżamina jekk is-Secretary of State għandux jiġi ordnat jinnotifika lir-rikorrent b’sunt tal-elementi kunfidenzjali; u

(b) tapprova kull sunt ta’ dan it-tip, sabiex tiżgura li ma fih ebda informazzjoni jew ebda element ieħor li l-iżvelar tiegħu jmur kontra l-interess ġenerali.

(9) Meta l-Kummissjoni tiċħad l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37 jew tordnalu jinnotifika lir-rikorrent b’sunt tal-elementi kunfidenzjali,

(a) is-Secretary of State ma jkunx obbligat jinnotifika dawn l-elementi jew is-sunt, iżda

(b) jekk ma jagħmilx dan, il-Kummissjoni tista’, waqt is-seduta li matulha s-Secretary of State u l-avukat speċjali jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet,

(i) jekk hija jidhrilha li l-elementi jew informazzjoni l-oħra li għandu jsir sunt tagħhom jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-argumenti tas-Secretary of State jew ikunu favur ir-rikorrent, tordna lis-Secretary of State ma jinvokax dawn il-punti fl-argumenti tiegħu, jew li jagħmel konċessjonijiet jew jieħu xi miżuri oħra, skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni; jew

(ii) fil-każijiet l-oħra kollha, tordna lis-Secretary of State ma jsemmix l-elementi inkwistjoni jew (jekk ikun il-każ) l-informazzjoni l-oħra li għandu jsir sunt tagħha fil-proċedura”.

21. Fir-rigward tas-seduti bil-magħluq, l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi li:

(1) Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li r-rikorrent u r-rappreżentant tiegħu għandhom jiġu esklużi minn seduta jew minn parti minn seduta sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, hija għandha:

(a) tordna li dan isir; u

(b) iżżomm is-seduta jew parti minnha fil-magħluq li minnha jkunu esklużi r-rikorrent u r-rappreżentant tiegħu.

[…]”

22. L-Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi dan li ġej fir-rigward tad-deċiżjoni li għandha tieħu l-Kummissjoni:

“(1) Dan l-artikolu japplika meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni f’kull proċedura.

(2) Il-Kummissjoni għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll il-motivi tal-istess bil-miktub.

(3) Il-Kummissjoni għandha, f’terminu raġonevoli, tinnotifika lill-partijiet b’dokument li jkun fih id-deċiżjoni tagħha kif ukoll, jekk u sa fejn huwa possibbli li tagħmel dan mingħajr ma tiżvela l-informazzjoni b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, il-motivi tal-istess deċiżjoni.

(4) Meta d-dokument imsemmi fil-paragrafu (3) ma jkunx fih il-motivi kollha tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-Secretary of State u lill-avukat speċjali dokument separat li jinkludi dawn il-motivi.

(5) Meta l-Kummissjoni tinnotifika d-dokument separat skont il-paragrafu (4), l-avukat speċjali jista’ jitlob lill-Kummissjoni tbiddel dan id-dokument kif ukoll id-dokument imsemmi fil-paragrafu (3) jekk id-dokument separat ikun fih elementi li l-iżvelar tagħhom ma jkunx kontra l-interess ġenerali.

(6) L-avukat speċjali għandu jinnotifika lis-Secretary of State kopja tat-talba msemmija fil-paragrafu (5).

(7) Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-avukat speċjali u lis-Secretary of State l-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet u tista’ tiddeċiedi fuq it-talba kemm wara seduta jew mingħajrha.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23. ZZ għandu kemm nazzjonalità Franċiża kif ukoll nazzjonalità Alġerina. Fl-1990 huwa żżewweġ lil ċittadina tar-Renju Unit, li magħha kellu tmint itfal, ta’ età bejn disa’ snin u għoxrin sena. Mis-sena 1990 sas-sena 2005, ZZ irrisjeda legalment fir-Renju Unit.

24. Fid-19 ta’ Awwissu 2005, ZZ telaq mir-Renju Unit sabiex imur l-Alġerija. Fis-26 ta’ Awwissu 2005, ZZ ġie informat bil-fatt li s-Secretary of State kien iddeċieda li jannulla d-dritt ta’ residenza tiegħu u li jipprekludilu l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit minħabba li l-preżenza tiegħu kienet ta’ ħsara għall-interess ġenerali. F’din l-istess ittra, intqal ukoll li l-esklużjoni ta’ ZZ mir-Renju Unit hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali.

25. Fit-18 ta’ Settembru 2006, ZZ daħal fir-Renju Unit. Fid-19 ta’ Settembru 2006, is-Secretary of State ddeċieda, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni, li jirrifjuta lil ZZ l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u li jordna r-ripatrijazzjoni tiegħu minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Fl-istess ġurnata, ZZ ntbagħat lura l-Alġerija. Preżentement huwa joqgħod fi Franza.

26. Fid-9 ta’ Ottubru 2006, ZZ appella kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2006, liema appell ġie miċħud mis-SIAC fit-30 ta’ Lulju 2008, minħabba li d-deċiżjoni ta’ rifjut tad-dħul kienet iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Quddiem is-SIAC, ZZ kien irrappreżentat minn solicitor u barrister tal-għażla tiegħu.

27. B’mod konformi mar-regoli li japplikaw għas-SIAC, inħatru żewġ avukati speċjali sabiex jirrappreżentaw l-interessi ta’ ZZ. Dawn iltaqgħu miegħu abbażi ta’ “provi pubbliċi”.

28. Sussegwentement, l-informazzjoni l-oħra li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri dik li kienet ġiet ikklassifikata bħala “provi kunfidenzjali”, intbagħtet lil dawn l-avukati speċjali li, għaldaqstant, ma kinux awtorizzati jitolbu lil ZZ jew lill-avukati tiegħu, istruzzjonijiet ġodda jew li tingħatalhom informazzjoni mingħajr l-approvazzjoni tas-SIAC. B’riżerva għal dawn ir-restrizzjonijiet, l-avukati speċjali komplew jirrappreżentaw l-interessi ta’ ZZ quddiem is-SIAC fir-rigward tal-“provi kunfidenzjali”.

29. Għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni tas-Secretary of State għall-iżvelar ta’ ċerti provi lir-rikorrent, is-SIAC żammet seduta bil-magħluq, fl-assenza ta’ ZZ u tal-avukati tiegħu, iżda fil-preżenza tal-avukati speċjali tiegħu. Is-SIAC stabbilixxiet, b’mod definittiv, sa fejn l-iżvelar lil ZZ tal-“provi kunfidenzjali” imsemmija mis-Secretary of State jmorru kontra l-interessi ġenerali.

30. Sussegwentement, inżammet seduta dwar ir-rikors ta’ ZZ, parzjalment fil-pubbliku u parzjalment bil-magħluq. Il-partijiet tas-seduta li saru bil-magħluq seħħew fl-assenza ta’ ZZ u tal-avukati tiegħu, iżda fil-preżenza tal-avukati speċjali tiegħu li ppreżentaw osservazzjonijiet f’isem ZZ.

31. Is-SIAC tat żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri deċiżjoni “pubblika” u deċiżjoni “kunfidenzjali” u din tal-aħħar ġiet ikkomunikata biss lis-Secretary of State u lill-avukati speċjali ta’ ZZ.

32. Fid-deċiżjoni pubblika tagħha, is-SIAC kkonstatat, inter alia , li “ftit mill-ilmenti kkonstatati kontra [ZZ]” ġew żvelati lilu, li dawn ma kinux jikkonċernaw “verament il-kwistjonijiet essenzjali” u li “għal raġunijiet li hemm spjegazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kunfidenzjali biss, [hija] kienet tal-fehma li l-kondotta personali ta’ ZZ tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tippreġudika wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri s-sigurtà pubblika u li din tisboq id-dritt tar-rikorrent u tal-familja tiegħu li jgawdu mill-ħajja familjari tagħhom fir-Renju Unit”.

33. ZZ appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) li tatu awtorizzazzjoni għal dan il-għan.

34. Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 346(1)(a) [TFUE], jirrikjedi li qorti li quddiemha jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni li tipprojbixxi lil ċittadin tal-Unjoni [...] l-aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ ordni pubblika u ta’ sigurtà pubblika skont il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 għandha tiżgura li ċ-ċittadin tal-Unjoni [...] kkonċernat jiġi informat dwar is-sustanza tal-motivi mressqa kontrih, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru u l-qorti nazzjonali kompetenti, wara li jkunu eżaminaw il-provi kollha invokati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kontra ċ-ċittadin tal-Unjoni [...], ikkonkludew li raġunijiet li jaqaw taħt interessi ta’ sigurtà tal-Istat jipprekludu l-iżvelar tas-sustanza tal-motivi?”

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

35. L-analiżi ta’ sitwazzjonijiet bħal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża ma tistax tinjora n-natura partikolari ta’ attività kriminali bħalma huwa t-terroriżmu kif ukoll ta’ dik implikata bil-ġlieda kontra dan il-perikolu.

36. It-terroriżmu huwa attività kriminali ta’ ispirazzjoni totalitarja li jxejjen il-prinċipju tal-libertà individwali u li l-għan tiegħu huwa li jaħtaf is-setgħat politiċi, ekonomiċi u ġudizzjarji ta’ soċjetà partikolari sabiex ikattar f’tali soċjetà l-ideoloġija tiegħu.

37. L-użu tat-terrur jikkostitwixxi, inkwantu teknika sovversiva, il-mezz ippreferut sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mid-destabbilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet politiċi reżi inkapaċi li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini, li hija element ċentrali tal-kuntratt soċjali. Fl-istess ħin, l-ambjent ta’ terrur li jinħoloq għandu, minn din il-perspettiva, iwassal liċ-ċittadin sabiex jirrassenja ruħu minħabba l-biża’ użata sabiex jaċċetta l-ħakma bil-għan li jerġa’ jsib is-sigurtà.

38. Din il-filosofija tat-terrur, inkwantu t-terrur isir l-għan fih innifsu, titwettaq bl-użu ta’ metodi eċċezzjonalment vjolenti u krudili, l-iktar vjolenti u l-iktar krudili, peress li l-metodu l-iktar xokkanti, jitqies li huwa l-iktar wieħed adattat għall-għan imfittex. L-għażla tal-vittmi, pereżempju tat-tfal, il-post tat-twettiq tal-attentati, bħal skejjel, sptarijiet jew knejjes, jew il-mod tat-twettiq, atti iżolati jew qtil tal-massa, jikkontribwixxu għal din l-istrateġija.

39. Peress li t-terrur effikaċi jippreżumi bħala rekwiżit ewlieni l-imprevedibbiltà, l-użu ta’ organizzazzjonijiet jew aġenti “reqdin” jikkostitwixxi riċetta klassika f’dan il-qasam. Il-forma tal-attakk li għandu jkun ta’ diversi forom sabiex jaħsad u jitterrorizza bl-aħjar mod tikkorrispondi għal din l-istess loġika.

40. L-effett devastanti tal-azzjonijiet imwettqa jeżiġi li l-awtoritajiet pubbliċi jiżviluppaw il-modi kollha ta’ prevenzjoni possibbli. L-azzjoni ta’ prevenzjoni ssir partikolarment diffiċli minħabba l-karatteristiċi, mhux eżawrjenti, li għadni kif iddeskrivejt, li trendi indispensabbli l-użu tal-modi mill-iktar sofistikati offruti mit-tekniki ta’ investigazzjoni l-iktar moderni mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawk li huma iktar klassiċi. Il-protezzjoni tal-mezzi u tas-sorsi ta’ informazzjoni hija prijorità assoluta. Ir-riżultat għandu jippermetti li jiġi evalwat il-livell ta’ theddid potenzjali li għalih għandha tirrispondi l-miżura ta’ prevenzjoni adattata għar-riskju kkonstatat.

41. Dan il-pass jeżiġi approċċ ħafna iktar flessibbli, li jirriżulta mid-diversi forom li tieħu r-realtà konkreta. Il-kundizzjonijiet tat-theddid u tal-ġlieda kontrih jistgħu, fil-fatt, ikunu differenti skont il-postijiet u ż-żminijiet, peress li kemm il-probabbiltà kif ukoll l-intensità tar-riskju jistgħu jinbidlu mar-ritmu tat-tibdil fil-kundizzjonijiet ġeopolitiċi tad-dinja.

42. Mad-diversi forom tar-riskju għandhom għaldaqstant jikkorrispondu l-istess diversi reazzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jiġu żgurati l-garanziji tal-istat tad-dritt, minkejja t-theddid mill-att terroristiku.

43. F’soċjetà demokratika, il-fatt li l-garanziji tal-istat tad-dritt jingħataw sabiex jibbenefikaw minnhom dawk li jiġġieldu għalihom huwa rigorożament indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-supremazija assoluta tal-valuri tad-demokrazija, iżda ma jistgħux madankollu jwasslu għal tip ta’ suwiċidju tad-demokrazija stess.

44. Għaldaqstant, minħabba l-gravità tat-theddid ik konstatat u minħabba l-grad ta’ koerżjoni tal-miżura kawtelatorja li tittieħed, jeħtieġ li kull darba jsir eżerċizzju ta’ “bbilanċjar” bejn il-grad ta’ restrizzjoni li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni u l-gravità tal-perikolu li t-terroriżmu jġegħelha tidħol għalih.

45. Il-fatt li persuna tintbagħat il-ħabs ma huwiex paragunabbli mal-fatt li tkun prekluża milli tikkomunika ma’ qarib kwalunkwe tagħha jew mal-fatt li tiċċaħħad mill-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħha li ma humiex indispensabbli għal livell ta’ ħajja diċenti.

46. Għaldaqstant, hija s-soċjetà demokratika li, kull darba, għandha timplementa l-elementi ta’ dan l-ibbilanċjar kemm fuq il-mertu kif ukoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali, ħaġa li teħtieġ l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju intern kredibbli, iżda adattat għar-realtà ta’ kull każ konkret.

B – Fuq id-domanda preliminari

47. Fid-dawl tal-elementi fil-proċess u, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni tal-Court of Appeal England & Wales (Civil Division), tad-19 ta’ April 2011 (3), jien ser nitlaq mill-premessa, li ovvjament għad trid tiġi kkonfermata mill-qorti nazzjonali, li s-sitwazzjoni ta’ ZZ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri tal-iktar protezzjoni qawwija kontra r-ripatrijazzjoni. Infakkar li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti jista’ jiġi rrimpatrijat mit-territorju ta’ dan l-Istat għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss.

48. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (4), u kif fakkret reċentement fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2012, I (5), mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, bil-fatt li kull miżura ta’ ripatrijazzjoni fil-każijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni tkun suġġetta għall-preżenza ta’ “raġunijiet imperattivi” ta’ sigurtà pubblika, kunċett li huwa ħafna iktar strett minn dak ta’ “raġunijiet serji” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita manifestament il-miżuri bbażati fuq l-imsemmi paragrafu 3 għal “ċirkostanzi eċċezzjonali”, u dan kif jingħad fil-premessa 24 tal-imsemmija direttiva (6) .

49. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jippresupponi mhux biss l-eżistenza ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, iżda, barra minn hekk, li tali preġudizzju għandu grad ta’ gravità partikolarment għoli, rifless fl-użu tal-espressjoni “raġunijiet imperattivi” (7) . Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, irid ikun hemm preġudizzju partikolarment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, li jista’ jirrappreżenta theddida diretta għat-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni (8) .

50. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li miżura ta’ ripatrijazzjoni għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni u tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 biss jekk, fid-dawl tal-gravità eċċezzjonali tat-theddida, tali miżura hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi li hija tfittex li tiggarantixxi, bil-kundizzjoni li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas stretti, fid-dawl tat-tul ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-konsegwenzi negattivi gravi li tali miżura tista’ toħloq liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu verament integraw fl-Istat Membru ospitanti (9) . Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li jiġu rrispettati, fosthom id-dritt għall-osservanza tal-ħajja privata u tal-familja (10) .

51. B’kuntrast mal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tsakouridis u I, il-qorti tar-rinviju, hawnhekk, ma hijiex qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sens li għandu jingħata lill-kunċett tas-sigurtà pubblika u lanqas li tkun iggwidata fl-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-miżura meħuda mis-Secretary of State. Skont l-eżami ta’ din il-miżura mwettqa mis-SIAC fl-ewwel istanza, ir-raġunijiet imperattivi marbutin mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jidhru li jisbqu d-dritt tal-familja ta’ ZZ fir-Renju Unit (11) .

52. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda, din id-darba, id-drittijiet proċedurali li jistgħu jiġu invokati minn ċittadin tal-Unjoni li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ ZZ. B’mod partikolari, dan ir-rinviju jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni li ċittadin tal-Unjoni jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ ripatrijazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mingħajr ma jkun irċieva l-motivi li jiġġustifikaw din il-miżura, kemm jekk fid-dettall kif ukoll jekk fil-qosor, meta l-eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat jitolbu bil-kontra.

53. Id-dispożizzjoni li tinsab fiċ-ċentru ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, toriġina mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 64/221/KEE (12), li kien jipprovdi li “[]l-persuna kkonċernata għandha tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, jew saħħa pubblika li fuqhom tkun qed tiġi bbażata d-deċiżjoni fil-każ tagħha, sakemm din ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà ta’ l-Istat involut”. Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (13), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà interpretat din id-dispożizzjoni bħala li teżiġi, min-naħa tal-Istat ikkonċernat, komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tar-“raġunijiet preċiżi u kompluti” tad-deċiżjoni, sabiex din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tiżgura utilment id-difiża tagħha (14) .

54. L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi qabelxejn l-espressjoni tar-“rispett tal-prinċipju li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-awtoritajiet għandha tkun kompletament ġustifikata” biex nuża kliem il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 25 ta’ din id-direttiva.

55. Minn kliem l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta b’mod ċar li l-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ miżura li tillimita l-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza tiegħu minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, tar-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ tali miżura hija r-regola. Bħala eċċezzjoni, huma l-motivi marbutin mas-sigurtà tal-Istat li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għal din il-komunikazzjoni.

56. Il-kliem stess tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jesprimi, għaldaqstant, l-idea li, bħala eċċezzjoni, id-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tal-Unjoni jistgħu jkunu limitati meta dan huwa ġġustifikat mar-raġunijiet marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

57. Id-diffikultà prinċipali li jqajjem dan ir-rinviju huwa li jiġi stabbilit sa fejn jista’ jkun hemm tali restrizzjoni mingħajr ma jkun hemm preġudizzju eċċessiv għad-drittijiet proċedurali li jistgħu jiġu invokati miċ-ċittadin tal-Unjoni.

58. Fi kliem ieħor, sa fejn testendi l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jidderogaw mill-prinċipju tal-komunikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni? B’mod iktar preċiż, Stat Membru jista’ jinvoka raġunijiet marbutin mas-sigurtà tal-Istat sabiex jopponi l-fatt li r-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni jiġu kkomunikati lil dan tal-aħħar, anki jekk fil-forma ta’ sunt li jkun limitat għall-allegazzjonijiet essenzjali?

59. Sabiex tingħata risposta għal din il-problema, għandu jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa marbut mill-qrib mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u mal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju għandu l-għan li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-fondatezza tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha (15) .

60. Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi l-osservanza tagħhom (16) . Dawn jeżiġu, minn naħa waħda, li l-elementi użati kontra l-persuna kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi (17) .

61. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (18), kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ dan l-aħħar artikolu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu .

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata”.

62. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta (19), l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB. Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan jikkorrispondi għal-livell ta’ garanziji offruti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li għandu kamp ta’ applikazzjoni li jestendi lil hinn mill-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ natura ċivili.

63. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkwantu huwa tabilħaqq fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija quddiem is-SIAC li din il-qorti kkonfermat ix-xewqa espressa mis-Secretary of State li ma tiġix żvelata lil ZZ l-informazzjoni kunfidenzjali li tiġġustifika d-deċiżjoni li ma jiġix ammess fit-territorju tar-Renju Unit u li tirrimpatrijah minnu. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex konformi mal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju intiż li tiġi eżaminata l-legalità ta’ miżura ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti kif ukoll il-qorti nazzjonali kompetenti jirrifjutaw, filwaqt li jinvokaw l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, li jikkomunikaw lil dan iċ-ċittadin is-sustanza tar-raġunijiet li jiġġustifikaw tali miżura.

64. L-Artikolu 47 tal-Karta huwa effettivament intiż li japplika fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li jiggwida l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-deċiżjoni meħuda mis-Secretary of State li ZZ jiġi rrifjutat aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u li jirrimpatrijah tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, jekk jitqies li ZZ igawdi mill-ogħla livell ta’ protezzjoni kontra r-ripatrijazzjoni, tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

65. Kif jipprovdi l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet irrikonoxxuti minnha sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

66. L-għan ta’ interess ġenerali msemmi fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkonsisti fil-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat. Dan l-għan jista’ jintrabat mal-Artikolu 4(2) TFUE li jipprovdi dan li ġej:

“[...] [L-Unjoni] għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”.

67. B’rabta ma’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE jipprovdi li l-“ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu”.

68. L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi espressjoni, fil-qasam dwar il-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, ta’ dak li jipprovdi, b’mod ġenerali, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE. Għaldaqstant, il-komprensjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tirriżulta li hija determinanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

69. F’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka u Il-Kummissjoni vs L-Italja (20), jipprovdu numru ta’ indikazzjonijiet. Fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni Ewropea akkużat lil dawn l-Istati Membri bil-fatt li invokaw b’mod żbaljat l-Artikolu 346 TFUE sabiex jirrifjutaw il-ħlas tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ tagħmir militari jew ta’ oġġetti li għandhom użu doppju ċivili u militari. Fost il-motivi ta’ difiża invokati mill-imsemmija Stati Membri, ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet b’mod partikolari li hija ma setgħetx tosserva l-proċedura doganali Komunitarja għall-importazzjoni tal-materjal ta’ difiża inkwistjoni mingħajr ma jkun hemm riskju li informazzjoni essenzjali għas-sigurtà tagħha tasal għand terzi (21) .

70. Fl-imsemmija sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (22) . Sussegwentement, hija ppreċiżat li d-derogi previsti fl-Artikolu 346 TFUE għandhom ikunu interpretati b’mod strett. Hija kkunsidrat li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jqis li huwa kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi (23) . Konsegwentement, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 346 TFUE għandu juri li hemm ħtieġa li jsir użu mid-deroga prevista f’dan l-artikolu bil-għan li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

71. Fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Istati Membri hum a obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti neċessarji għall-verifika tar-regolarità tat-trasferiment tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-obbligu ma jostakolax l-Istati Membri, każ b’każ u eċċezzjonalment, abbażi tal-Artikolu 346 TFUE, milli jkunu jistgħu jillimitaw l-informazzjoni mibgħuta lil ċerti elementi ta’ dokument jew jirrifjutawha kompletament (24) .

72. Mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi jiena nislet diversi punti li huma utli sabiex tiġi ttrattata din il-kawża.

73. L-ewwel nett, huwa ċar li l-invokazzjoni min-naħa ta’ Stat Membru ta’ raġunijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Istat ma għandhiex l-effett li teskludi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Lanqas ma hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika, minnha nfisha, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni liċ-ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni jew ta’ rifjut ta’ dħul meħuda kontrih minn Stat Membru.

74. Meta Stat Membru jkun jixtieq jinvoka raġunijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Istat sabiex ma jħallix li r-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw ir-ripatrijazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jiġu żvelati lil dan tal-aħħar, huwa jkollu juri, quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha rikors quddiemha kontra deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni, il-ħtieġa li juża d-deroga prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38. Dan l-Istat ikollu għalhekk jipproduċi l-prova, għaldaqstant, li l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex ġiet adottata d-deċiżjoni kkonċernata jimmilitaw favur restrizzjoni jew nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet. Fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-qorti nazzjonali għandha dejjem tapplika l-prinċipju li r-raġunijiet preċiżi u kompluti li jiġġustifikaw ir-ripatrijazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom jiġu kkomunikati.

75. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti li ma tiżvelax ir-raġunijiet preċiżi u kompluti ta’ miżura ta’ riptarijazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deroga prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata b’mod strett.

76. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-komunikazzjoni tal-allegazzjonijiet essenzjali li jikkorroboraw il-konstatazzjoni tar-riskju li jġib miegħu ċittadin tal-Unjoni għas-sigurtà pubblika għandha dejjem tkun ippreferuta min-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet, sakemm ma jkunx konformi mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà tal-Istat li jsir sunt tar-raġunijiet. Għaldaqstant, għandu jkun hemm nuqqas totali ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà biss f’każijiet eċċezzjonali.

77. Fi ftit kliem, skont ir-regola li l-osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni lil att li jikkawża preġudizzju għandha tiġi evalwata skont il-kuntest tagħha (25), il-komunikazzjoni liċ-ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw ir-ripatrijazzjoni tiegħu tista’ tiġi modulata skont ir-raġunijiet imperattivi marbutin mas-sigurtà tal-Istat. Din il-modulazzjoni għandha ssir skont skala li testendi mill-komunikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti san-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet jekk is-sigurtà tal-Istat tkun titlob dan u tinkludi l-possibbiltà intermedjarja li tikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ sunt tar-raġunijiet.

78. Fil-fehma tiegħi huwa indispensabbli li tinżamm il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-każijiet fejn l-istess żvelar biss tal-allegazzjonijiet essenzjali magħmula kontra tiegħu ikun tali li jikkawża preġudizzju lis-sigurtà tal-Istat, u b’mod partikolari lill-għanijiet leġittimi tas-sigurtà tal-Istati Membri fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

79. Għalkemm din il-possibbiltà hija rriżervata għal każijiet eċċezzjonali, hija għandha tintuża fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, taħt piena li l-Artikolu 346(1)(a) TFUE jiġi mċaħħad minn parti kbira mill-effett utli tiegħu.

80. Nippreċiża wkoll li, għalkemm l-Istati Membri ma għandhomx jirrestrinġu abbużivament l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, ma għandux ikun, min-naħa l-oħra, li l-limitazzjonijiet li japplikaw fuq dawn l-Istati f’termini ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkunu tali li jiskoraġġixxu lill-imsemmija Stati milli jieħdu miżuri sabiex jiggarantixxu s-sigurtà pubblika. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li filwaqt li, kif jindika l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat, hija għandha l-għan ukoll li tiggarantixxi spazju ta’ sigurtà fejn jiġu żgurati l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha. Għaldaqstant, ma huwiex aċċettabbli li wieħed isostni li, meta Stat Membru jidhirlu li l-iżvelar tas-sustanza tar-raġunijiet imur kontra s-sigurtà tal-Istat, huwa jkollu biss l-alternattiva li ġejja, jiġifieri li jew ikollu jipproċedi bir-ripatrijazzjoni filwaqt li jiżvela r-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw tali miżura, jew jirrinunzja purament u sempliċiment għar-ripatrijazzjoni tal-persuna kkonċernata. Fi kliem ieħor, ma jidhirlix li għandha tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali u sistematiku sabiex jiġu żvelati r-raġunijiet li jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu lill-Istati Membri sabiex jirrinunzjaw għal miżuri li huma jidhrilhom, skont l-istħarriġ tal-qorti, li huma meħtieġa għall-preservazzjoni tas-sigurtà pubblika.

81. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, f’dawn il-każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati min-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-Istat u skont l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li jopponi għall-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika marbutin ma’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tal-istess ċittadin, kemm jekk b’mod dettaljat kif ukoll jekk fil-forma ta’ sunt.

82. Din ir-risposta ma hijiex madankollu suffiċjenti sabiex twassal għall-bilanċ ġust bejn l-interessi marbutin, minn naħa, mas-sigurtà tal-Istat u, min-naħa l-oħra, mad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini tal-Unjoni.

83. Fil-fatt, il-ksur li tikkawża lid-drittijiet tad-difiża u lill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva l-implementazzjoni tad-deroga li tirriżulta mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu, sabiex ikun konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi kkumpensat b’mekkaniżmi proċedurali adegwati li jistgħu jiggarantixxu livell sodisfaċenti ta’ ekwità fil-proċedura. Huwa biss taħt din il-kundizzjoni li l-ksur tad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jitqies li huwa proporzjonat għall-għan tal-Istat Membru li jikkonsisti fil-fatt li Stat Membru jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

84. Peress li d-Direttiva 2004/38 ma tipprovdix tali mekkaniżmi proċedurali, huma l-Istati Membri li għandhom, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, jimplementawhom.

85. Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar huwa fid-dawl tal-kuntest proċedurali li fih issir l-invokazzjoni, min-naħa ta’ Stat Membru, tad-deroga prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 li għandu jiġi deċiż, f’kull każ, jekk kienx iggarantit bilanċ ġust bejn id-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u r-raġunijiet imperattivi marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

86. Għaldaqstant, kif indikat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jiġi vverifikat jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni tinvolvix “tekniki li jippermettu li jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-individwu jingħata benefiċċju biżżejjed mir-regoli tal-proċedura” (26) .

87. Is-sistema implementata mir-Renju Unit hija bbażata fuq stħarriġ ġudizzjarju mis-SIAC, fuq il-forma u fuq il-mertu, tad-deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni jew ta’ rifjut ta’ dħul. Meta l-kunfidenzjalità ta’ ċerti elementi tiġi invokata mis-Secretary of State, is-SIAC tista’ tivverifika jekk in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni hijiex neċessarja. Għal dan il-għan, hija jkollha quddiemha l-elementi fattwali u probatorji li fuqhom ibbaża d-deċiżjoni tiegħu s-Secretary of State. Jekk, wara eżami ta’ dawn l-elementi, tiġi kkonfermata l-ħtieġa li ma tiġix żvelata l-informazzjoni, il-kawża tagħti lok mhux biss għal deċiżjoni pubblika, imma wkoll għal deċiżjoni kunfidenzjali li l-kontenut tagħha la jiġi żvelat lir-rikorrent u lanqas lir-rappreżentant tiegħu.

88. Minbarra t-twettiq ta’ stħarriġ ġudizzjarju kemm fuq il-fondatezza tal-miżura ta’ ripatrijazzjoni kif ukoll fuq in-neċessità li ċerta informazzjoni tinżamm kunfidenzjali, l- iter proċedurali jitlesta bil-ħatra ta’ “avukat speċjali” f’ċerti kawżi li jinvolvu s-sigurtà nazzjonali. Għaldaqstant, meta jkun meħtieġ, għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża tisma’ l-kawża bil-magħluq fl-assenza tal-persuna kkonċernata u tar-rappreżentant tiegħu, l-avukat speċjali maħtur għandu l-funzjoni li, fil-proċedura, jassumi l-interessi tal-persuna kkonċernata. Minn din il-perspettiva, l-irwol tiegħu huwa li jfittex li jikseb l-iktar żvelar possibbli tal-provi kontra l-persuna kkonċernata u li jevalwa r-rilevanza tal-informazzjoni li tibqa’ kunfidenzjali.

89. Is-sistema hekk adottata mir-Renju Unit fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħha ma jidhirlix li tissodisfa r-rekwiżiti identifikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kuntest tal-ġurisprudenza dwar il-garanziji proċedurali li għandhom jirregolaw ir-ripatrijazzjoni jew ir-rifjut ta’ dħul tal-barranin. Dawn il-garanziji proċedurali jirriżultaw, skont il-każ, mill-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB (27) kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittjiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata fi Strasburgu fit-22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”) (28) .

90. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-każ fejn miżura ta’ ripatrijazzjoni tista’ tikkawża preġudizzju lid-dritt ta’ barrani fir-rigward tal-ħajja familjari tiegħu, l-Artikolu 13 tal-KEDB, flimkien mal-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni, jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv tali miżura u li jara li l-aspetti rilevanti tagħha jiġu eżaminati b’garanziji proċedurali suffiċjenti u b’mod approfondit minn qorti li toffri garanziji adegwati ta’ indipendenza u imparzjalità (29) .

91. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li, meta r-ripatrijazzjoni tkun ġiet ordnata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ċerti restrizzjonijiet proċedurali jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat li ebda informazzjoni ma tkun żvelata għad-detriment tas-sigurtà nazzjonali u l-qorti indipendenti li jkollha quddiemha rikors kontra deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tista’ tkun obbligata tippermetti marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, skont din l-istess qorti, tali limitazzjonijiet ma jistgħu fl-ebda każ jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ kull mezz ta’ appell minħabba li l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun għażlet li tinvoka l-kunċett ta’ “sigurtà nazzjonali” (30) .

92. L-istandard li bih il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tkejjel b’mod konkret il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ ripatrijazzjoni mal-Artikolu 13 tal-KEDB jinkludi, l-ewwel nett, ir-rekwiżit li, anki meta jkun hemm allegazzjoni ta’ preġudizzju lis-sigurtà nazzjonali, il-garanzija ta’ appell effettiv jeżiġi bħala minimu li l-qorti ta’ appell indipendenti tkun informata bir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk dawn ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku. Dik il-qorti għandu jkollha l-kompetenza li tiċħad l-affermazzjoni tal-awtorità nazzjonali meta hija tqisha arbitrarja jew abbużiva. Iktar minn hekk, trid tkun teżisti ċerta forma ta’ proċedura kontradittorja, li tkun żgurata, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ rappreżentant speċjali li jiġi awtorizzat għall-fini ta’ sigurtà. Barra minn hekk, il-qorti indipendenti għandha teżamina jekk il-miżura kkontestata tikkawżax preġudizzju lid-dritt għall-osservanza tal-ħajja familjari tal-persuna kkonċernata u, fil-każ affermattiv, jekk instabx bilanċ ġust bejn l-interess ġenerali u d-drittijiet tal-individwu (31) .

93. Għandu jiġi nnutat li, mill-aspett tal-Artikolu 8 tal-KEDB meħud waħdu, il-garanziji proċedurali meħtieġa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma, essenzjalment, identiċi (32) .

94. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7, nirrileva li dan ma jagħtix garanziji essenzjalment differenti minn dawk li joħorġu mill-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB, b’mod li l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-Artikoli 8 u/jew 13 tidher li tinvolvi awtomatikament dik ta’ ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 (33) .

95. Fil-kawżi li għadni kif semmejt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet biex tikkonstata n-nuqqas jew in-natura purament formali tal-istħarriġ ġudizzjarju magħmul mill-korpi nazzjonali, kemm għax dawn il-korpi ma kellhomx elementi suffiċjenti sabiex jivverifikaw jekk l-allegazzjoni li r-rikorrent kien ta’ riskju għas-sigurtà nazzjonali kinitx vera jew le (34), u kemm għaliex huma qiesu li ma għandhomx kompetenza biex jagħmlu tali kontroll (35) .

96. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżiġi għaldaqstant, qabel xejn, li l-miżuri ta’ ripatrijazzjoni jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u rigoruż. Barra minn hekk, dan il-kontroll għandu jsir fil-kuntest ta’ proċedura li tiggarantixxi, b’mod jew ieħor, l-osservanza tal-proċedura kontradittorja. Din l-istess qorti ssemmi, f’dan ir-rigward, is-soluzzjoni li ġġib magħha l-ħatra ta’ rappreżentant speċjali li jiġi awtorizzat għall-fini ta’ sigurtà.

97. Il-fatt, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rrilevat ukoll f’ċerti kawżi, li r-rikorrenti ma ġewx ikkomunikati lilhom il-fatti li bihom kienu akkużati (36) ma jidhirlix li huwa determinanti fil-kuntest tal-verifika tal-punt dwar jekk dawn ibbenefikawx minn garanziji suffiċjenti kontra l-arbitrarjetà. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB jidhirli li tirriżulta mill-fatt li dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti, tal-elementi li bihom kienu akkużati la ġie kkumpensat bi stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u rigoruż tar-realtà tat-theddid lis-sigurtà nazzjonali u lanqas bl-introduzzjoni ta’ proċedura verament kontradittorja.

98. Fid-dawl tal-istandard hekk definit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-garanziji proċedurali applikabbli għall-miżuri ta’ ripatrijazzjoni u ta’ rifjut ta’ dħul, jidhirli li s-sistema proċedurali implementata mir-Renju Unit tippermetti li jiġi żgurat, fil-qasam inkwistjoni, bilanċ ġust bejn l-interessi relatati, minn naħa waħda, mad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mas-sigurtà tal-Istat.

99. Kif ippreċiżat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-kawżi kontra r-Renju Unit, is-SIAC hija korp ġudizzjarju kompletament indipendenti, informata b’mod sħiħ bil-fatti li bihom tkun akkużata l-persuna milquta b’miżura ta’ ripatrijazzjoni u awtorizzata kompletament sabiex tannulla tali miżura jekk it-theddid li dik il-persuna tirrappreżenta għas-sigurtà nazzjonali ma tkunx debitament approvata. Hija teżamina, għal dan il-għan, il-provi rilevanti kollha, kemm dawk sigrieti kif ukoll dawk li ma humiex kunfidenzjali, filwaqt li tiżgura li ebda informazzjoni ma tiġi inutilment miżmuma milli tingħata lir-rikorrent (37) . Din l-istess qorti ddeċidiet ukoll li l-fakultà rikonoxxuta lill-avukati speċjali sabiex jinterrogaw lix-xhieda dwar il-ħtieġa tal-kunfidenzjalità u li jitolbu, quddiem il-maġistrati, l-iżvelar tal-informazzjoni komplementari tista’ żżid il-garanzija (38) u tikkontribwixxi biex jittaffa r-riskju eventwali ta’ żbalji li s-SIAC tista’ twettaq meta tibbaża ruħha fuq provi sigrieti (39) .

100. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rikonoxxuta lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-garanziji proċedurali intiżi li jiżguraw il-bilanċ bejn id-diversi interessi inkwistjoni, jidhirli li r-regoli tal-proċedura implementati mir-Renju Unit joffru lill-qorti nazzjonali l-għodda neċessarja biex tiżgura livell adegwat ta’ ekwità fil-proċedura.

101. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, inkwantu l-prinċipju jibqa’ dak tal-komunikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi u kompluti tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali hija obbligata, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, li tuża l-għodda proċedurali kollha li hija għandha sabiex tadatta l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika għall-eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

102. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati min-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-Istat u salv l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li jopponi għall-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika marbutin ma’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tal-istess ċittadin, kemm jekk b’mod dettaljat jew fil-forma ta’ sunt, sakemm id-dritt proċedurali nazzjonali jinkludi tekniki li jippermettu li jiġu bbilanċjati l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi tal-informazzjoni li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-individwu jingħata benefiċċju biżżejjed mir-regoli tal-proċedura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tuża l-għodda proċedurali kollha li hija għandha sabiex tadatta l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika għall-eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

103. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu ZZ, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, jien ma naħsibx li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem A et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, għandha l-effett li tbiddel l-istandard hekk deskritt fil-qasam li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li jittieħdu għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. B’mod iktar preċiż, ma naħsibx li din is-sentenza teżiġi li jiġi applikat, f’dan il-qasam, prinċipju li bih dawn il-persuni jkollhom jirċievu komunikazzjoni tas-sustanza tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika adottati kontrihom, u dan bħala minimu u mingħajr ebda eċċezzjoni possibbli, anki meta jkun hemm eżiġenzi marbutin mas-sigurtà tal-Istat li jitolbu mod ieħor.

104. Fil-fehma tiegħi, huwa determinanti li jiġi ppreċiżat, mill-ewwel, li s-sentenza msemmija għandha l-partikolarità li tistabbilixxi rekwiżiti neċessarji sabiex jiġi osservat l-Artikolu 5(4) tal-KEDB fil-qasam tad-detenzjoni ta’ barranin suspettati b’terroriżmu. Il-kawża kienet tirrigwarda l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li kienet tippermetti li tali persuni jinżammu f’detenzjoni, mingħajr smigħ u għal żmien indeterminat, filwaqt li jistennew ir-ripatrijazzjoni tagħhom.

105. L-Artikolu 5(4) tal-KEDB jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mar-rekwiżiti iktar ġenerali tal-Artikolu 13 tagħha (40) . Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali jista’ jirriżulta li huwa indispensabbli meta tkun involuta s-sigurtà nazzjonali, filwaqt li ppreċiżat li dan ma jfissirx li l-awtoritajiet nazzjonali jevitaw kull stħarriġ mill-qrati nazzjonali meta huma jaffermaw li l-kawża tmiss is-sigurtà nazzjonali u t-terroriżmu (41) .

106. Fis-sentenza tagħha A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem telqet mill-konstatazzjoni li “fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tal-konsegwenzi drammatiċi li ċ-ċaħda fit-tul tal-libertà tar-rikorrenti — li dak iż-żmien dehret li setgħat tkun ta’ tul indefinit — kellha fuq id-drittijiet fundamentali li huma jgawdu minnhom, l-Artikolu 5 [paragrafu] 4 [tal-KEDB] għandu jinkludi garanziji sostanzjalment identiċi għal dawk li tistabbilixxi l-parti kriminali tal-Artikolu 6 [paragrafu] 1, [tagħha]” (42) .

107. Fir-rigward, preċiżament, tar-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fil-qasam tal-proċeduri kriminali, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li d-“dritt għal smigħ kriminali xieraq garantit mill-Artikolu 6 [tal-KEDB] jinkludi d-dritt għall-komunikazzjoni tal-provi rilevanti kollha li jkollhom l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni, favur kif ukoll kontra” (43) . Dik il-qorti tikkunsidra, madankollu, li “kultant jista’ jirriżulta li jkun neċessarju, f’ġieh l-interess pubbliku, li ċerti provi ma jiġux mgħarrfa lid-difiża” (44) . Hija indikat, f’dan ir-rigward, li d-dritt għall-iżvelar tal-provi rilevanti ma huwiex assolut (45) u li d-“dritt għal smigħ kompletament kontradittorju jista’ jiġi limitat safejn ikun strettament neċessarju sabiex jiġi ssalvagwardjat interess pubbliku importanti bħalma huwa s-sigurtà nazzjonali, in-neċessità li jinżammu sigrieti ċerti metodi polizjeski ta’ investigazzjoni tal-ksur jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ terza persuna” (46) . Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat madankollu li, “jekk wieħed irid jiggarantixxi smigħ xieraq għall-akkużat, id-diffikultajiet kollha kkaġunati lid-difiża permezz ta’ limitazzjoni tad-drittijiet tagħha għandhom jiġu kkumpensati permezz tal-proċedura segwita quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji” (47) . Hija teżamina għaldaqstant jekk il-proċedura kkunsidrata fl-intier tagħha kellhiex natura ġusta (48) jew ukoll “sa fejn il-miżuri kompensattivi eżistenti setgħu jirrimedjaw in-nuqqas parzjali ta’ proċedura kontradittorja li jivvizzja l-proċedura” (49) . Fl-aħħar nett, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li l-kundanna ma tistax tkun ibbażata biss jew b’mod determinanti fuq il-provi kunfidenzjali li l-kontenut tagħhom, fl-ebda stadju tal-proċedura ma kien mgħarraf lill-akkużat jew lir-rappreżentant tiegħu (50) .

108. Filwaqt li applikat, fil-kuntest tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB, garanziji sostanzjalment identiċi għal dawk li tistabbilixxi l-parti kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-istess konvenzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kkunsidrat, fis-sentenza tagħha A et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, li “kien essenzjali li kull rikorrent tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni kollha possibbli dwar l-ilmenti u l-provi kontrih mingħajr ma jiġu ppreġudikati b’dan il-mod is-sigurtà nazzjonali u dik ta’ terzi” (51) . Skont dik il-qorti, “[j]ekk l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni inkwistjoni jkun eskluż, l-osservanza tal-Artikolu 5(4) [tal-KEDB] jeżiġi li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn restrizzjoni simili jiġu kkumpensati b’mod li kull parti kkonċernata tibqgħalha l-possibbiltà li tikkontesta utilment l-akkużi miġjuba kontriha” (52) .

109. Meta eżaminat il-proċedura prevista mil-liġi dwar is-SIAC fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat, filwaqt li enfasizzat li s-“SIAC kienet fl-aħjar pożizzjoni biex tara li ebda informazzjoni ma tiġi miżmuma milli tingħata lill-arrestati” (53) u r-“rwol importanti” (54) tal-avukati speċjali, fejn dawn tal-aħħar “ma setgħux jaqdu b’mod effikaċi l-funzjoni [tagħhom] jekk il-persuni arrestati ma jkunux irċevew biżżejjed informazzjoni fuq l-akkużi kontrihom biex ikunu jistgħu jagħtuhom struzzjonijiet utli” (55) . Hija kkunsidrat ukoll li, “fil-każijiet fejn l-elementi mhux kunfidenzjali jkunu jikkonsistu esklużivament f’asserzjonijiet ġenerali u fejn is-SIAC tkun ibbażat ruħha biss jew b’mod determinanti fuq dokumenti sigrieti biex tapprova l-għoti ta’ ċertifikat jew biex tarresta lir-rikorrenti, hija ma tkunx issodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5[paragrafu] 4 [tal-KEDB]” (56) .

110. Huwa minnu li jekk wieħed kellu jħares lejn il-kawża prinċipali fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mill-KEDB fil-kuntest tal-Artikolu 5(4) tal-istess konvenzjoni, ikun diffiċli li jiġi konkluż li l-proċedura hija ġusta. Fil-fatt, huwa paċifiku li ZZ irċieva biss ftit informazzjoni fuq il-fatti li kien akkużat bihom u li r-raġunijiet essenzjali li jiġġustifikaw il-miżura ta’ ripatrijazzjoni baqgħu kunfidenzjali matul il-proċedura kollha li saret quddiem is-SIAC. Skont id-dikjarazzjoni stess ta’ dik il-qorti, huwa għar-raġunijiet li hemm spjegazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kunfidenzjali biss li hija kkunsidrat li l-imġiba personali ta’ ZZ kienet ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri s-sigurtà pubblika, u li din it-theddida kienet tisboq id-dritt tiegħu li jgawdi l-ħajja familjari fir-Renju Unit (57) .

111. Madankollu, jiena ma naħsibx li l-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li garanziji rigorużi daqs dawk li jirriżultaw mill-parti kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jiġu applikati b’analoġija għall-kontestazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ripatrijazzjoni. Fil-fehma tiegħi, huwa leġittimu li r-rekwiżiti li bis-saħħa tagħhom proċedura tista’ jew ma tistax titqies bħala ġusta jistgħu jvarjaw skont in-natura tad-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċirkustanzi tal-każ (58) . Għaldaqstant, nifhem li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem adottat standard ta’ drittijiet proċedurali ogħla meta hija kellha quddiemha sitwazzjonijiet ta’ detenzjoni milli dak li hija applikat meta kellha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni mal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB. Ninnota wkoll li, fis-sentenza tagħha Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, hija indikat biċ-ċar li r-raġunament li hija użat fis-sentenza tagħha A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex ta’ applikazzjoni ġenerali, u uriet għaldaqstant li l-istess proċedura nazzjonali tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni differenti fir-rigward tan-natura ġusta skont il-kuntest li fiha tkun qiegħda ssir dik l-evalwazzjoni (59) .

112. Ninnota wkoll, fl-istess sens tal-enfasi fuq in-natura varjabbli tal-istandards li japplikaw skont il-kuntest, li l-partikolarità tas-sistema proċedurali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-fatt li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jipprekludu, fil-fehma tiegħi, li jiġi applikat b’analoġija r-raġunament użat mill-Qorti fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, rekwiżiti li jirrigwardaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, u dan fid-dawl tal-kuntest proċedurali speċifiku li fih kienu ġew adottati tali miżuri. Dan ma jeskludix li jiġi rrilevat li, fis-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tindika li “kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha jistgħu jopponu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill-partijiet ikkonċernati” (60) .

113. Ser nirrispondi, fl-aħħar nett, għall-argument imressaq mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, fejn tgħid li jkun inkoerenti li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-House of Lords (61), persuna li tkun is-suġġett ta’ “control order” skont il-Liġi tal-2005 dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu (Prevention of Terrorism Act 2005) tista’ tkun taf bl-allegazzjonijiet essenzjali magħmula kontriha filwaqt li ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni jista’ jkun imċaħħad minn tali żvelar.

114. Kif indikajt qabel, nikkunsidra li l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika huwa suxxettibbli li jvarja skont il-kuntest proċedurali li fih tingħata d-deċiżjoni kkontestata u skont in-natura tal-miżuri inkwistjoni. Il-“control orders” jikkonsistu f’miżuri li jirrestrinġu, b’modi differenti, il-libertà tal-persuni ssuspettati b’terroriżmu, pereżempju f’dak li jikkonċerna l-post tar-residenza tagħhom, iċ-ċaqliq tagħhom, ir-relazzjonijiet tagħhom u l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu, fil-modi l-iktar ħarxa tagħhom, ikollhom effetti ta’ kważi ta’ miżura ta’ detenzjoni. Il-“control orders” jikkostitwixxu, għaldaqstant, kategorija partikolari ta’ miżuri li, fil-fehma tiegħi, ma hijiex paragunabbli ma’ dik tad-deċiżjonijiet ta’ ripatrijazzjoni meħuda skont id-Direttiva 2004/38. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li qorti nazzjonali jidhrilha xieraq li testendi għal miżuri li ma humiex id-detenzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali intiża li tipprevjeni l-atti terroristiċi, l-istandard definit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza A et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex, minnu nnifsu, tali li jkollu impatt fuq il-livell ta’ rekwiżiti proċedurali li jidhirli li għandhom jirriżultaw, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

IV – Konklużjoni

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-deċiżjoni magħmula mill-Court of Appeal kif ġej:

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, għandu jiġi interpretat li jippermetti lil Stat Membru, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati min-neċessità li jiggarantixxi s-sigurtà tal-Istat u salv l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li jopponi għall-komunikazzjoni lil ċittadin tal-Unjoni tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika marbutin ma’ deċiżjoni ta’ ripatrijazzjoni tal-istess ċittadin, kemm jekk b’mod dettaljat jew fil-forma ta’ sunt, sakemm id-dritt proċedurali nazzjonali jinkludi tekniki li jippermettu li jiġu bbilanċjati, minn naħa waħda, l-għanijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi ta’ informazzjoni li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni biex ġiet adottata d-deċiżjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-individwu jingħata benefiċċju biżżejjed mir-regoli tal-proċedura.

Hija l-qorti nazzjonali li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tuża l-għodda proċedurali kollha li hija għandha sabiex tadatta l-livell ta’ żvelar tar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika għar-rekwiżiti marbutin mas-sigurtà tal-Istat.

(1) .

(2)  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

(3)  – ZZ vs Secretary of State for the Home Department [2011] EWCA Civ 440 (punt 11), disponibbli fis-sit internet li ġej: http://www.bailii.org/ew/cases/EWCA/Civ/2011/440.html.

(4) – C-145/09, Ġabra p. I-11979.

(5) – C-348/09.

(6) – Ibidem (punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(7) – Ibidem (punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(8) – Ibidem (punt 28).

(9) – Sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).

(10) – Ibidem (punt 52).

(11)  – Ara ZZ vs Secretary of State for the Home Department [2008] UKSIAC 63/2007, disponibbli fis-sit li ġej: http://www.bailii.org/uk/cases/SIAC/2008/63_2007.html. Fil-punt 21, is-SIAC tgħid:

“For reasons which are given in the open and closed Judgments, read together, we are satisfied that the imperative grounds of public security which we have identified in the closed Judgment outweigh the compelling family circumstances of ZZ’s family so as to justify the Secretary of State’s decision to exclude him from the United Kingdom”.

(12) – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 11).

(13) – 36/75, Ġabra p. 1219.

(14) – Punt 39.

(15) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 54).

(16) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-110/10 P, Ġabra p. I-10439,, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(17)  – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen vs Il-Kunsill (T-439/10 u T-440/10, punt 72).

(18) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 29).

(19) – Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

(20)  – C-284/05, Ġabra p. I-11705; C-294/05, Ġabra p. I-11777; C-372/05, Ġabra p. I-11801; C-387/05, Ġabra p. I-11831; C-409/05, Ġabra p. I-11859; C-461/05, Ġabra. p. I-11887, u C-239/06, Ġabra p. I-11913, rispettivament.

(21) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36). Ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punti 58 u 59); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punti 44 u 45) u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (punti 42 u 43).

(22)  – Ara, fost dawn is-sentenzi, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 45).

(23) – Ibidem (punt 47).

(24) – Ibidem (punt 53).

(25) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker (C-309/10, Ġabra p. I-7333, punt 35).

(26)  – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewr. D. B., Chahal vs Ir-Renju Unit, tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1996-V (punt 131). Ara wkoll, fir-rigward tal-miżuri Komunitarji tal-iffriżar tal-fondi, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 344).

(27)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi Al-Nashif vs Il-Bulgarija, tal-20 ta’ Ġunju 2002 ; Raza vs Il-Bulgarija, tal-11 ta’ Frar 2010 ; Kaushal et vs Il-Bulgarija, tat-2 ta’ Settembru 2010, kif ukoll Liu vs Ir-Russja, tas-26 ta’ Lulju 2011.

(28)  – Ara b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi Kaya vs Ir-Rumanija, tat-12 ta’ Ottubru 2006; C.G. et vs Il-Bulgarija, tal-24 ta’ April 2008, kif ukoll Geleri vs Ir-Rumanija, tal-15 ta’ Frar 2011. Għalkemm il-Protokoll Nru 7 ma japplikax għar-Renju Unit, jidhirli li huwa utli, għall-finijiet ta’ kompletezza, li tissemma l-ġurisprudenza relattiva għaliha.

(29)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punt 133); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 56); Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 35), kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punt 99).

(30)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punt 136 u 137); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 57), kif ukoll Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 36).

(31)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punt 137); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 57); Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 36), kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punt 99).

(32)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Nashif vs Il-Bulgarija (punti 123 u 124); C.G. et vs Il-Bulgarija (punt 40); Kaushal et vs Il-Bulgarija (punt 29), kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punti 87 u 88).

(33) – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

(34)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenza C.G. et vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

(35)  – Ara, f’dan ir-rigward, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Raza vs Il-Bulgarija (punt 54) kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punti 89 u 91).

(36)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq C.G. et vs Il-Bulgarija (punti 46 u 60) kif ukoll Liu vs Ir-Russja (punt 90).

(37)  – Ara, f’dan is-sens, Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, tad-19 ta’ Frar 2009 (punt 219) kif ukoll Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit tas-17 ta’ Jannar 2012 (punt 220).

(38)  – Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 219).

(39)  – Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 223).

(40)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Chahal vs Ir-Renju Unit (punt 126) kif ukoll A. et vs Ir-Renju Unit (punt 202).

(41)  – Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza Chahal vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 131).

(42)  – Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 217).

(43)  – Ibidem (punt 206).

(44) – Idem .

(45)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., is-sentenzi Jasper vs Ir-Renju Unit, tas-16 ta’ Frar 2000 (punt 52) kif ukoll Kennedy vs Ir-Renju Unit, tat-18 ta’ Mejju 2010 (punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(46)  – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(47) – Idem .

(48) – Ibidem (punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(49)  – Ibidem (punt 207).

(50) – Ibidem (punt 206 sa 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(51)  – Ibidem (punt 218).

(52) – Idem .

(53)  – Ibidem (punt 219).

(54)  – Ibidem (punt 220).

(55) – Idem .

(56) – Idem .

(57)  – ZZ v Secretary of State for the Home Department, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punt 20). Ninnota, madankollu, li d-deċiżjoni pubblika fiha diġà numru ta’ ilmenti serji li fir-rigward tagħhom ZZ seta’ jispjega ruħu matul il-proċedura. Minn dan jirriżulta li, fil-konklużjonijiet li ġew mgħarrfa lir-rikorrent, ġie allegat li dan kien involut f’attivitajiet tal-Groupe Islamique Armé (GIA) u f’attivitajiet terroristiċi. B’mod iktar speċifiku, ġie rilevat li huwa jew kien proprjetarju ta’ oġġetti li nstabu fil-Belġju fil-postijiet mikrija minn estremista magħruf fejn instabu, inter alia , kwantita ta’ armi u munizzjoni. Iktar minn hekk, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrent ħa pożizzjoni fir-rigward ta’ fatti allegati oħra, bħalma huma, kuntatti ma u s-sapport ta’ ċerti persuni, imsemmija b’mod konkret, kif ukoll il-pussess ta’ somom kbar ta’ flus.

(58)  – Ara, f’dan is-sens, Qorti Ewr. D. B., sentenza Kennedy vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 189).

(59)  – Ara Qorti Ewr. D. B., sentenza Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 223).

(60) – Punt 342.

(61)  – Secretary of State for the Home Departments v AF et [2009] UKHL 28, disponibbli fis-sit li ġej: http://www.bailii.org/uk/cases/UKHL/2009/28.html.