KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2012 ( 1 )

Kawża C-258/11

Peter Sweetman

L-Irlanda

Attorney General

Minister for the Environment, Heritage and Local Government

vs

An Bord Pleanala

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

“Ambjent — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq sit protett — Effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Habitat ( 2 ). Il-kwistjoni partikolari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-interpretazzjoni korretta tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li jirrigwarda pjanijiet jew proġetti li ma humiex direttament konnessi ma’ jew neċessarji għall-imaniġġar ta’ sit innominat bħala ħabitat naturali. Din id-dispożizzjoni tapplika meta pjan jew proġett “x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti” fuq is-sit. Jekk dan ikun il-każ, għandha ssir evalwazzjoni xierqa tal-konsegwenzi fir-rigward tas-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jaqblu ma dan il-proġett jew pjan biss meta huma jkunu żguraw, permezz ta’ din l-evalwazzjoni, li dan “ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit”. Il-qorti nazzjonali qiegħda titlob li tiġi ggwidata dwar it-tifsira ta’ din il-frażi tal-aħħar.

Il-Kuntest Ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (“Unjoni Ewropea”)

2.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(a)

‘konservazzjoni’ tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat naturali u l-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa fi stat favorevoli kif imfisser f’(e) u (i);

[...]

(d)

‘tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità’ tfisser tipi ta’ habitat naturali li qegħdin fil-periklu li jgħibu għal kollox, li jinsabu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2 u li l-Komunità għandha responsabbiltà partikolari għall-konservazzjoni tagħhom minħabba l-proporzjon tal-firxa naturali tagħhom li tinsab fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2; dawn it-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità huma indikati b’asterisk (*) fl-Anness I;

(e)

‘l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali’ tfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq il-ħabitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet tiegħu kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-teritorju msemmi fl-Artikolu 2;

‘L-istat ta’ konservazzjoni’ ta’ ħabitat naturali jitqies ‘favorevoli’ meta:

il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu, u

l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli, u

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser f’(i);

[…]

(i)

‘stat ta’ konservazzjoni’ ta’ speċi tfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:

l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha,

u

il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli,

u

hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

(j)

‘sit’ tfisser żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar safejn twassal;

(k)

‘sit ta’ importanza għall-Komunità’ tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[...]

(1)   ‘żona speċjali ta’ konservazzjoni’ tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew att kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitat naturali u/jew tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat.”

3.

L-Artikolu 2 jipprovdi:

“(1)   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

(2)   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

(3)   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”.

4.

Skont l-Artikolu 3(1):

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[…]”

5.

L-Artikolu 4 jistabilixxi l-proċedura li permezz tagħha jiġu nnominati s-siti li jikkostitwixxu habitat naturali skont id-Direttiva. Dan essenzjalment jinvolvi t-tħejjija ta’ lista ta’ siti xierqa minn kull Stat Membru, li sussegwentement tintbagħat lill-Kummissjoni (Artikolu 4(1)). Il-Kummissjoni mbagħad, abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilha u bi qbil ma’ kull Stat Membru, tħejji lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità (“SIK”), li l-għan tagħha huwa li tidentifika dawk l-Istati Membri li jospitaw xi tip ta’ habitat jew habitats naturali ta’ priorità jew xi speċi ta’ priorità. Il-lista ta’ siti nnominati għandha mbagħad tiġi formalment adottata mill-Kummissjoni (Artikolu 4(2)). Ladarba sit ikun ġie adottat bħala SIK skont il-poroċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu, fi żmien perjodu li ma jeċċedix sitt snin, jinnominah bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni (“ŻSK”) (Artikolu 4(4)). Madankollu, hekk kif is-sit jiddaħħal fil-lista ta’ siti adotatti mill-Kummissjoni bħala ŻSK, dan isir suġġett għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) (Artikolu 4(5)).

6.

L-Artikolu 6 jipprovdi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet [għanijiet] ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji [imperattivi] oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji [imperattivi] oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

7.

Fl-Anness 1 tad-Direttiva hemm imniżżel dan:

“8240 * Pavimenti b’ħaġar tal-ġir”.

Id-dritt nazzjonali

8.

L-iżvilupp tat-toroq ġewwa l-Irlanda huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Roads Act 1993 (kif emendat). Is-sezzjonijiet 50 u 51 ta’ dan l-Att, flimkien mal-European Communities (Environmental Impact Assessment) (Amendment) Regulations 1999, jeżiġu proċedura għall-iżvilupp ta’ proġetti bħal dawn. Din il-proċedura teżiġi t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali għall-iskopijiet tad-Direttiva 85/337 ( 3 ).

9.

Barra minn hekk, jekk l-iżvilupp ta’ triq x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuq ċertu siti ta’ importanza ekoloġika, dan għandu jkun suġġett għall-European Communities (Natural Habitats) Regulations 1997 (kif emendati) (iktar ’il quddiem, ir-“regolamenti”), li jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali.

10.

Ir-Regolament 2 tar-Regolamenti jiddefinixxi “sit Ewropew” b’tali mod li jinkludi wkoll dawk is-siti li l-Irlanda qed tipproponi li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni biex jiġu adottati bħala ŻSK. Ir-Regolament 4 jistabbilixxi proċedura għan-notifikazzjoni ta’ dawn is-siti ġewwa l-Irlanda. Dawn is-siti jiġu sussegwentement inkorporati fil-lista mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

11.

Ir-Regolament 30 tar-Regolamenti (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament 30”) jipprovdi:

“1.

Meta żvilupp propost ta’ triq li fir-rigward tiegħu tkun saret applikazzjoni biex jiġi approvat mill-Ministru għall-Ambjent skont is-sezzjoni 51 tar-Roads Act, 1993, ma jkun la direttament konness ma’ u l-anqas neċessarju għall-imaniġġar ta’ sit Ewropew, iżda x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuqu kemm jekk waħdu jew jekk isir flimkien ma’ xi żviluppi oħra, il-Ministru għall-Ambjent għandu jiżgura li ssir evalwazzjoni xierqa tal-konsegwenzi fir-rigward ta’ dan is-sit fil-kuntest tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu.

[…]

3.

Il-Ministru għall-Ambjent jista’, billi jieħu kont tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni magħmulha skont il-paragrafu (1), jaqbel mal-iżvilupp propost tat-triq biss wara li jkun żgura ruħu li dan mhux ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit Ewropew ikkonċernat.

[…]

5.

Il-Ministru għall-Ambjent jista’ minkejja evalwazzjoni negattiva u meta jkun sodisfatt li ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi, jiddeċiedi li jaqbel mal-iżvilupp propost tat-triq meta dan l-iżvilupp ikollu jsir minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza.

6.

(a)

Suġġett għall-paragrafu (b) raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza għandhom jinkludu raġunijiet ta’ natura soċjali jew ekonomika;

(b)

Jekk is-sit inkwistjoni jkun jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità jew speċi ta’ priorità, l-uniċi fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ta’ interess pubbliku li jieħdu preċedenza huma:

(i)

dawk li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem jew is-sigurtà pubblika,

(ii)

konsegwenzi benefiċi essenzjali għall-ambjent, jew

(iii)

dawk li l-Kummissjoni tistabilixxi, permezz ta’ opinjoni, bħala raġunijiet oħra imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza.”

12.

Skont il-qorti nazzjonali, l-effett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali huwa li livell ta’ ħarsien ekwivalenti għal dak stabbilit fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva għandu jibda jgħodd, fir-rigward ta’ sit, mid-data li fiha l-proprjetarji u l-okkupanti affettwati jiġu avżati dwar il-proposta biex dak is-sit jiġi inkluż f’lista li tkun ser tintbagħat lill-Kummissjoni. Din il-protezzjoni għalhekk tibda tapplika qabel ma s-sit jiġi inkluż fil-lista adottata mill-Kummissjoni bħala ŻSK skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

13.

Permezz tad-Deċiżjoni 2004/813 ( 4 ), il-Kummissjoni adottat lista preliminari taż-ŻSK skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva. Din il-lista tinkludi sit li jinkludi l-Lough Corrib u ż-żoni ta’ madwarha, li jinsabu f’County Galway, l-Irlanda. L-erja totali ta’ dan is-sit hija ta’ bejn wieħed u ieħor 20582 ettaru.

14.

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/23 ( 5 ), il-Kummissjoni ħassret id-Deċiżjoni 2004/813 u adottat l-ewwel lista aġġornata ta’ ŻSK. Din il-lista kienet tinkludi s-sit ta’ Lough Corrib, li l-kejl tiegħu baqa’ l-istess.

15.

F’Diċembru 2006, il-ministru kompetenti ħareġ avviż, ġewwa l-Irlanda, li skontu s-sit ta’ Lough Corrib kien ġie estiż u li kien jikkonsisti f’25 253 ettaru. Il-parti estiża kienet tammonta għal bejn wieħed u ieħor 4760 ettaru. Fil-parti estiża ta’ dan is-sit jinsabu 270 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir, li huwa tip ta’ habitat naturali ta’ priorità elenkat fl-Anness I tad-Direttiva.

16.

F’Diċembru 2007, is-sit estiż ġie inkluż f’lista ta’ siti li ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Irlanda skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

17.

Permezz tad-Deċiżjoni 2009/96 ( 6 ), il-Kummissjoni ħassret id-Deċiżjoni 2008/23 u adottat it-tieni lista aġġornata ta’ ŻSK. Dik il-lista kienet tinkludi s-sit estiż ta’ Lough Corrib.

18.

Sadanittant, fl-20 ta’ Novembru 2008, l-An Bord Pleanala (il-Bord Irlandiż tal-Ippjanar) (iktar ’il quddiem, il-“Bord”), li huwa l-awtorità nazzjonali kompetenti fl-Irlanda għall-iskopijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, fl-20 ta’ Novembru 2008 adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni inkwisjtoni”) li permezz tagħha ngħata permess għall-bini ta’ triq li kellha tgħaddi minn parti mis-sit ta’ Lough Corrib. It-triq proposta hija magħrufa bħala l-“N6 Galway City Outer Bypass road scheme”. Il-parti tas-sit li minnha kien ippjanat li tgħaddi t-triq tinsab fl-estensjoni ta’ 4760 ettaru msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq.

19.

Jekk l-iżvilupp tat-triq iseħħ, jintilfu għal dejjem 1.47 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir ( 7 ). Dawn ikunu qed jintilfu minn dik il-parti estiża tas-sit, li fiha jinsabu 85 ettaru mit-total tas-270 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir li jinsab fis-sit intier ta’ Lough Corrib.

20.

Qabel ma ġiet adotatta d-deċiżjoni inkwistjoni, il-Bord ħatar spettur espert biex jagħmel evalwazzjoni tal-konsegwenzi ambjentali (inter alia) li l-iżvilupp tat-triq seta’ jkollu fuq dan is-sit. Bħala parti mid-doveri tiegħu, huwa spezzjona s-sit fuq perjodu ta’ disa’ xhur u laqqa’ seduta, li damet għaddejja 21 ġurnata u li fiha l-partijiet interessati ġew irrappreżentati oralment u/jew bil-miktub. L-ispettur, abbażi tal-ispezzjoni, tal-informazzjoni u tal-argumenti ppreżentati waqt is-seduta, ħejja rapport u rakkomandazzjonijiet li huwa ssottometta lill-Bord. F’dan ir-rapport, huwa esprima l-fehma tiegħu li t-telf “ta’ bejn wieħed u ieħor 1.5 ettaru” ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir kellu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-85 ettaru ta’ paviment li kienu jinsabu fil-parti estiża tas-sit oriġinali ta’ Lough Corrib – meta wieħed iqis l-estensjoni bħala ‘sottożona distinta’ tas-sit kollu – u mhux fil-kuntest ta’ 270 ettaru ta’ paviment li jinsabu fis-sit meta wieħed iqisu fl-intier tiegħu. Huwa nnota wkoll li bit-teħid ta’ miżuri biex inaqqsu mit-telf ta’ paviment, il-parti tal-paviment bil-ħaġar tal-ġir li kien ser ikollha titneħħa biex tinbena t-triq kienet ċkienet b’ammont li deherlu li kien “ammont sinjifikattiv” (minn 3.8 ettaru għal 1.5 ettaru). F’dak li jikkonċerna t-telf innifsu, l-ispettur ikkonkluda li “f’dak li jirrigwarda l-kwantità, dan it-telf relattivament żgħir ma jkunx jammonta għal effett ħażin fuq l-integrità taż-żona”. F’dak li jikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-frammentazzjoni u d-disturb, huwa sab li “l-iżvilupp propost ma kienx ser jafettwa b’mod serju l-ilħuq tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit u ma kienx ser jaffettwa b’mod serju l-integrità tas-sit”.

21.

L-ispettur ikkonkluda wkoll li “l-fatt li ġie stmat effetti ta’ livell negattiv ħafna, li jagħti lok għal miżuri xierqa biex itaffu dan l-effetti” kien raġonevoli. Mid-diġriet tar-rinviju jirriżulta ċar li meta uża l-frażi “effetti ta’ livell negattiv ħafna” fir-rapport tiegħu, l-ispettur kien qed jimxi skont il-linji gwida stabbiliti mill-Irish National Roads Authority (L-Awtorità Nazzjonali tat-Toroq). L-effett ta’ dawk il-linji gwida kien li jeżiġu li kwlunkwe effetti permanenti fuq sit bħalma huwa l-Lough Corrib jitqiesu bħala “negattivi ħafna”. Għalhekk l-użu ta’ din l-espressjoni għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-permanenza tal-effetti.

22.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Bord qabel mal-evalwazzjoni li l-ispettur għamel tal-effetti ambjentali tal-proġett. Il-Bord ikkonkluda li l-iżvilupp “filwaqt li għandu effetti lokalizzati qawwija fuq [is-sit] ta’ Lough Corrib, ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan [is-sit]. Għalhekk l-iżvilupp [...] ma għandux ikollu effetti mhux aċċettabbli fuq l-ambjent u għandu jkun konformi mal-ippjanar xieraq u l-iżvilupp sostenibbli ta’ din iż-żona”.

23.

P. Sweetman ikkontesta d-deċiżjoni inkwistjoni quddiem il-High Court (Irlanda), billi qal, b’mod partikolari, li l-Bord ma kellux raġun li jikkonkludi li l-proġett tal-bini tat-triq ma kienx ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ta’ Lough Corrib. Peress li tilef dan ir-rikors fl-ewwel istanza, P. Sweetman appella quddiem is-Supreme Court, li għamlet id-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Liema huma l-kriterji legali li għandhom jiġu applikati minn awtorità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà li pjan jew proġett, imsemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, ikollhom “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”?

(2)

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni twassal sabiex tali pjan jew proġett ma jkunux jistgħu jiġu awtorizzati jekk jirriżultaw fit-telf permanenti u mhux sostenibbli tal-habitat inkwistjoni kollu jew ta’ parti minnu?

(3)

X’inhi r-relazzjoni, jekk hemm, bejn l-Artikolu 6(4) u t-teħid tad-deċiżjoni taħt l-Artikolu 6(3) li l-pjan jew proġett ma humiex se jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit?”

24.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn P. Sweetman, mill-Bord, minn Galway County Council u Galway City Council (ikkunsidrati flimkien, iktar ’il quddiem, l-“Awtoritajiet Lokali”), mill-Irlanda, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012, P. Sweetman, il-Bord, l-Awtoritajiet Lokali, l-Irlanda, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Greċja, u l-Kummissjoni ġew irrappreżentati u għamlu sottomissjonijiet orali lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

Ammissibbiltà

25.

Fi żmien it-teħid tad-deċiżjoni inkwistjoni, fl-Irlanda kien ħareġ l-avviż, skont ir-Regolament 4 tar-Regolamenti, dwar l-estensjoni tas-sit ta’ Lough Corrib, iżda din l-estensjoni kienet għadha ma ġietx inkluża bħala ŻSK fil-lista ta’ siti adottata mill-Kummissjoni. Għalhekk kienet tikkwalifika għall-ħarsien stipulat fir-Regolament 30 iżda mhux għal dak stipulat fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva ( 8 ). Ninsab ċert li s-Supreme Court kienet konxja sew ta’ dan il-punt meta għamlet ir-rinviju. Madankollu, l-Awtoritajiet Lokali jikkontendu li għalhekk id-domandi magħmula jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u għaldaqstant ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta li tirrispondihom.

26.

Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni daqshekk ristretta tal-Artikolu 267 TFUE ma hijiex ġustifikata.

27.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher ċar li din il-Qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari f’każijiet li jirrigwardaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun saret bil-għan li timplementa d-dritt tal-Unjoni Ewropea, anki meta s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx, strettament, irregolata mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

28.

Dan ikun il-każ meta l-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jkun li jiġu adottati l-istess soluzzjonijiet adottati permezz tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli, skont id-dritt nazzjonali, b’mod dirett u assolut. Il-leġiżlazzjoni għandha tinkludi indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed biex minnhom ikun jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatura nazzjonali kellha l-għan li tirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE abbażi tal-fatt li, sabiex jiġu antiċipati u evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw ( 9 ).

29.

Dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taċċetta l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi f’kull każ li jinvolvi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk fis-sentenza Kleinwort Benson ( 10 ), hija ppreċiżat li r-rinviju ma kienx ammissibbli minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kellhiex “renvoi diretta u assoluta” fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew b’tali mod li tkun tista’ tinkorporahom fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, iżda minnflok użat dawk id-dispożizzjonijiet biss bħala mudell. Barra minn hekk, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ttieħdu mil-leġiżlazzjoni korrispondenti Ewropea kważi kelma b’kelma, xi oħrajn tbiegħedu minnha u saru provvedimenti espliċiti għall-awtoritajiet tal-Istat Membru inkwistjoni biex jadottaw modifiki “maħsuba biex joħolqu diverġenza” minn dik il-leġiżlazzjoni korrispondenti.

30.

Filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 30 huwa limitat għall-proposti għall-iżvilupp tat-toroq, u għalhekk huwa iżjed ristrett minn dak tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva, jidher xorta waħda ċar li l-għan tiegħu huwa li f’dan il-kuntest jiġu adottati l-istess soluzzjonijiet bħal dawk previsti mid-Direttiva. L-applikazzjoni tar-Regolament 30 huwa kemm dirett kif ukoll assolut. Barra dan, it-titlu tar-Regolamenti jagħmilha ċara li dawn ir-regolamenti saru bl-iskop li l-leġiżlazzjoni Ewropea tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali ( 11 ).

31.

F’dan l-isfond, jien tal-fehma li l-bżonn li jiġu antiċipati u evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni, bħal fil-każ tar-Regolament 30 tar-Regolamenti u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, huwa tal-ikbar importanza. Ladarba sit ikun ġie inkluż fil-lista ta’ ŻSK tal-Kummissjoni, ma hemmx dubju li r-Regolament 30, meta jkun qed jiġi applikat fir-rigward ta’ dan is-sit, għandu jiġi interpretat skont l-Artikolu 6(3). Bl-istess mod, ir-Regolament 30 għandu jiġi interpretat u applikat b’mod konsistenti taħt id-dritt nazzjonali, indipendentement minn jekk is-sit inkwistjoni jkun (għadu) ġie inkluż fil-lista. Għalhekk, il-qrati Irlandiżi għandhom jiżguraw li, meta jkunu qed jinterpretaw ir-Regolament 30 f’każ fejn l-Artikolu 6(3) ikun (għadu) ma japplikax, ma jkollhomx għalfejn ibiddlu dik l-interpretazzjoni f’każ fejn dan l-Artikolu jsir japplika ( 12 ).

32.

L-Awtoritajiet Lokali jikkontendu li l-element Ewropew neċessarju huwa nieqes: peress li fiż-żmien rilevanti s-sit ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3), il-Kummissjoni ma għandhiex ikollha ġurisdizzjoni tagħti opinjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 6(4). Jidhrili li dan il-punt huwa irrilevanti. Dan bl-ebda mod ma jnaqqas il-bżonn li jiġu antiċipati u evitati d-differenzi fl-interpretazzjoni kif imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Barra minn dan jidhirli li jekk (abbażi ta’ interpretazzjoni korretta tar-Regolament 30, moqri fid-dawl tad-Direttiva) l-unika mod li l-iżvilupp ikun jista’ jipproċedi jkun bis-saħħa tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, l-Irlanda tkun obbligata jew li tirtira s-sit mil-lista ta’ siti msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq (ma huwiex eżattament ċar kif tkun tista’ tagħmel dan) jew inkella li tistenna sakemm is-sit jiġi nnominat u mbagħad tmur għand il-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(4). Iżda dan huwa sempliċement il-konsegwenza loġika tal-allineazzjoni tad-dritt nazzjonali mar-rekwiżiti tad-Direttiva qabel il-punt li fih ġiet stabbilita n-Natura 2000.

33.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li s-Supreme Court kienet kompletament iġġustifikata li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk ikun xieraq li din il-Qorti tiddeċiedi.

L-ewwel domanda

34.

B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali qed titlob li tiġi ggwidata dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u, b’mod partikolari, dwar il-frażi “effetti negattivi fuq l-integritá tas-sit”.

35.

Kif ippreċiża l-Bord waqt is-seduta, dan il-każ huwa insolitu peress li l-parti l-kbira tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn ma kienet saret ebda evalwazzjoni xierqa skont dik id-dispożizzjoni u d-domanda hija jekk tali evalwazzjoni hijiex neċessarja ( 13 ). Hawnhekk, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni saret u ma hemm ebda implikazzjoni li din ma kinitx twettqet kif suppost – fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li din saret b’reqqa kbira ( 14 ). Il-kwistjoni pjuttost tirrigwarda l-konklużjoni li ntlaħqet b’dik l-evalwazzjoni, u li abbażi tagħha l-Bord adotta d-deċiżjoni inkwistjoni.

36.

Waqt li d-domanda tirrigwarda espressjoni waħda użata fl-Artikolu 6(3), din l-espressjoni għandha tiġi interpretata billi wieħed iżomm f’moħħu l-kuntest li fih qed tiġi użata. Għalhekk, qabel ma ndur għall-obbligi stipulati fl-Artikolu 6 fl-intier tiegħu, ser nikkunsidra l-għanijiet li d-Direttiva tipprova tikseb.

L-għanijiet tad-Direttiva

37.

L-Artikolu 2(1) jipprovdi li l-għan tad-Direttiva huwa li tikkontribwixxi biex tiġi ggarantita l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-flora u l-fawna selvaġġa fl-Istati Membri kollha. L-Artikolu 2(2) jkompli jistipula li l-miżuri meħuda abbażi tad-direttiva għandhom ikunu intiżi biex jżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma “ta’ interess għall-Komunità”.

38.

L-Artikolu 1(a) jiddefinixxi l-kelma “konservazzjoni” bħala “għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantenuti jew ripristinati l-habitat naturali [...] fi stat favorevoli”. Skont l-Artikolu 1(e), l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali għandu jitqies bħala “favorevoli” meta, inter alia, il-firxa naturali u ż-żoni li jkopri f’dik il-firxa jkunu stabbli jew qed jiżdiedu u l-istruttura u l-funzjonijiet speċifiċi li huma neċessarji għall-manteniment tiegħu fuq żmien twil jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli.

39.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1) jeżiġi li tiġi stabbilita, taħt in-“Natura 2000”, sistema ekoloġika Ewropea koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Din is-sistema hija maħsuba biex tippermetti, inter alia, li t-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I jiġu mantnuti, jew fejn xieraq irrippristinati, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni fil-firxa naturali tagħhom.

40.

Huwa għalhekk għan essenzjali tad-Direttiva li l-habitats naturali jiġu mantnuti, u fejn xieraq irrippristinati, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni. Tali għan huwa neċessarju fil-kuntest – espress fir-raba’ premessa tal-Preambolu tad-Direttiva – tad-deterjorament kontinwu ta’ dawn il-habitats u tal-bżonn li jittieħdu miżuri biex jiġu kkonservati. Dan huwa a fortiori l-każ f’dak li jirrigwarda tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità. L-Artikolu 1(d) jiddefinixxihom bħala “tipi ta’ habitat naturali li qegħdin fil-periklu li jgħibu għal kollox”, u jgħid li l-Komunità għandha “responsabbiltà partikolari” li tikkonservahom.

L-Artikolu 6

41.

L-Artikolu 6 għandu jiġi interpretat f’dan l-isfond. F’dak li jirrigwarda l-habitats naturali, dan jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni fir-rigward tas-SIK (Artikolu 6(1)) u li għandhom jittieħdu passi biex jiġi evitat id-deterjorament ta’ dawn il-habitats (Artikolu 6(2)), minn naħa, u jistabbilixxi għadd ta’ proċeduri li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ pjanijiet jew proġetti li ma humiex direttament konnessi ma’ jew neċessarji għall-imaniġġar tas-sit (Artikolu 6(3) u (4)), min-naħa l-oħra. Mingħajr dawn id-dispożizzjonijiet, ikun hemm ir-riskju li l-kunċetti ta’ manteniment u ripristinar li fuqhom hija bbażata d-Direttiva ma jkollhom ebda effett prattiku.

42.

Mill-miżuri previsti fl-Artikolu 6, dawk stipulati fl-ewwel paragrafu, li jirrigwardaw il-ħolqien ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, ma humiex direttament rilevanti għad-domanda. Dawn essenzjalment qegħdin hemm biex jiġi żgurat li jittieħdu passi pożittivi, fuq bażi bejn wieħed u ieħor regolari, sabiex jiġi żgurat li l-istatus ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jibqa’ mantnut u/jew jiġi rrippristinat.

43.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) għandhom skop differenti. L-Artikolu 6(2) jimponi obbligu komprensiv li jiġu evitati d-deterjorament jew id-disturb. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) imbagħad jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fir-rigward ta’ pjan jew proġett li ma huwiex direttament konness ma’ jew neċessarju għall-imaniġġar tas-sit (u għalhekk ma huwiex kopert mill-Artikolu 6(1)) iżda li x’akatrx ikollu effett sinjifikattiv fuqu. Għalhekk flimkien, l-iskop ta’ dawn it-tliet paragrafi huwa li jipprevjenu li ssir ħsara lis-sit jew (f’każijiet eċċezzjonali fejn il-ħsara, għal raġunijiet imperattivi, ikollha tiġi ttollerata) li din il-ħsara tkun minima. Għaldaqstant għandhom jiġu interpretati flimkien.

44.

L-Artikolu 6(2) jimponi fuq l-Istati Membri r-rekwiżit ġenerali li jżommu l-istatus quo ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet dan ir-rekwiżit bħala wieħed “li jippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali tal-preservazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa u jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti li jiġu evitati deterjorazzjonijiet u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva” ( 16 ). L-obbligu li jistabbilixxi l-Artikolu 6(2) ma huwiex wieħed assolut fis-sens li jimponi d-dover li jiġi żgurat li ma jsiru tibdiliet ta’ ebda tip, u f’ebda żmien, fis-sit inkwistjoni. Pjuttost wieħed għandu jqisu billi jieħu kont tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ( 17 ), minħabba li s-sit ikun ġie nnominat għal din ir-raġuni. Għalhekk ir-rekwiżit huwa li jittieħdu l-passi xierqa kollha biex jiġi evitat li dawk l-għanijiet jiġu ppreġudikati. B’hekk tkun qed tiġi ppreżervata l-awtentiċità tas-sit bħala habitat naturali, b’dak kollu li dan jimplika għall-bijodiversità tal-ambjent. It-traskuraġni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent ma hijiex possibbli.

45.

B’kuntrast ma dan, l-Artikolu 6(3) ma huwiex ikkonċernat bl-amministrazzjoni ta’ kuljum tas-sit. Dan l-artikolu japplika biss fejn ikun hemm pjan jew proġett li ma huwiex direttament konness ma’ jew meħtieġ għall-immaniġġar tas-sit. L-istess artikolu jistabbilixxi test b’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni “x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti [fuq is-sit]”.

46.

Hawnhekk nixtieq nieqaf ftit biex nosserva li, għalkemm il-kliem “likely to have [an] effect” użat fil-verżjoni Ingliża tat-test ( 18 ) jista’ mill-ewwel jagħti lil wieħed x’jifhem li hemm għalfejn jiġi stabbilit element ta’ probabbiltà – jiġifieri li jista’ jidher li qed jeżiġi determinazzjoni immedjata, u possibbilment iddettaljata, tal-effetti li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jista’ jkollu fuq is-sit – l-espressjoni użata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra hija iżjed dgħajfa. Għalhekk, pereżempju, fil-verżjoni Franċiża l-espressjoni hija “susceptible d’affecter”, il-verżjoni Ġermaniża tuża “beeinträchtigen könnte”, l-Olandiża tirreferi għal pjan jew proġett li “gevolgen kan heben”, filwaqt li dik Spanjola tuża “pueda afectar”. Kull waħda minn dawn il-verżjonijiet tissuġġerixxi li l-livell tat-test huwa iżjed baxx u li l-mistoqsija hija sempliċement jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni jistax ikollu xi effett. Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-frażi Ingliża “likely to” ( 19 ).

47.

Minn dan isegwi li l-possibbiltà li jkun hemm effett sinjifikattiv fuq is-sit toħloq il-bżonn ta’ evalwazzjoni xierqa għall-iskopijiet tal-Artikolu 6(3) ( 20 ). Ir-rekwiżit, f’dan l-istadju, li l-pjan jew il-proġett x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv, huwa għalhekk l-element li jiġġenera l-obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa. Ma hemm ebda bżonn li jiġi stabbilit dan l-effett; kif tosserva l-Irlanda, huwa sempliċement neċessarju li jiġi ddeterminat li jista’ jkun hemm dan l-effett.

48.

Ir-rekwiżit li l-effett inkwistjoni jkun “sinifikanti” qiegħed hemm biex jiġi stabbilit livell de minimis. Dawk il-pjanijiet jew dawk il-proġetti li ma għandhom ebda effett li jista’ jiġi evalwat fuq is-sit huma għalhekk esklużi. Li kieku l-pjanijiet jew il-proġetti kollha li jista’ jkollhom kwalunkwe effett fuq is-sit kellhom jaqgħu taħt l-Artikolu 6(3), ikun hemm ir-riskju li kull attività fuq jew viċin is-sit issir impossibbli minħabba dan l-eċċess leġiżlattiv.

49.

Il-livell tal-ewwel stadju tal-Artikolu 6(3) huwa għalhekk wieħed baxx ħafna. Dan iservi biss ta’ attivatur, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir evalwazzjoni xierqa tal-konsegwenzi li l-pjan jew il-proġett jista’ jkollu fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. L-iskop ta’ din l-evalwazzjoni huwa li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jiġi kkunsidrat bir-reqqa, abbażi ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja sejħet “l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam” ( 21 ). Il-membri tal-pubbliku jistgħu wkoll jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoniet tagħhom. Dawn l-opinjonijiet jistgħu ta’ spiss jipprovdu għerf prattiku ta’ valur ibbażat fuq il-konoxxenza tagħhom, bħala nies tal-lokal, tas-sit inkwistjoni u fuq informazzjoni rilevanti oħra li altrimenti tista’ ma tkunx disponibbli għal dawk li jkunu qed jagħmlu l-evalwazzjoni.

50.

Dak li l-evalwazzjoni esperta għandha tiddetermina huwa jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni għandux “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”, minħabba li huwa fuq dan li jridu jibbażaw ruħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jaslu għad-deċiżjoni tagħhom. Huwa ċar li l-livell ta’ dan (it-tieni) stadju huwa ogħla minn dak stabbilit fl-ewwel stadju. Dan huwa minħabba li l-mistoqsija ma hijiex (biex nuża terminolġijia iżjed sempliċi) “għandna nindenjaw ruħna nivverifikaw?” (li hija l-mistoqsija tal-ewwel stadju) iżda pjuttost “x’ser jiġri lis-sit jekk dan il-pjan jew proġett jipproċedi?; u dan ikun konsistenti ‘mal-manteniment jew ir-ripristinar tal-istat favorevoli ta’ konservazzjoni’ tal-habitat jew tal-ispeċi kkonċernat?”. Fil-kawża preżenti huwa paċifiku li jekk il-bini tat-triq iseħħ parti mill-habitat tintilef għal dejjem. Il-kwistjoni hawn hija sempliċement jekk il-bini tat-triq jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma jinqabeż dak il-livell u mingħajr ma jkollhom jiġu invokati l-bqija tal-elementi tal-Artikolu 6(3) [u jekk meħtieġ, tal-Artikolu 6(4)].

51.

Madankollu, huwa ċar, li l-livell stabbilit f’dan l-istadju tal-Artikolu 6(3) ma jistax jiġi ffissat wisq fl-għoli, minħabba li l-evalwazzjoni għandha ssir billi tingħata attenzjoni rigoruża għall-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan il-prinċipju japplika meta jkun hemm l-inċertezza fir-rigward tal-eżistenza jew tal-livell tar-riskji ( 22 ). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjan jew proġett biss jekk ikunu konvinti li dan ma huwiex ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat. Jekk ma jkunux ċerti li mhux ser ikun hemm effetti ħżiena, għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ( 23 ).

52.

Kif għandu jiġi interpretat ir-riferiment, f’din l-espressjoni, għall-“integrità” tas-sit?

53.

Għal darba oħra, hawnhekk, ta’ min wieħed jieqaf ftit biex josserva d-differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6(3). Il-verżjoni Ingliża tuża kelma astratta (integrity) – l-istess sistema adottata, pereżempju, fil-verżjoni Franċiża (intégrité) u dik Taljana (integrità). Xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra huma iżjed konkreti. Għaldaqstant, il-verżjoni Ġermaniża tirreferi għas-sit “als solches” (fis-sens strett tal-kelma). Il-verżjoni Olandiża titkellem dwar il-“natuurlijke kennmerken” (karatteristiċi naturali) tas-sit.

54.

Minkejja dawn id-differenzi lingwistiċi, jidhirli li kollha qed jittrattaw l-istess punt. Hija l-unità essenzjali tas-sit li hija rilevanti. Fi kliem ieħor, il-kunċett ta’ “integrità” għandu jinftiehem bħala li qed jirreferi għat-totalità u l-kundizzjoni tajba kontinwi tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat.

55.

L-integrità li għandha tiġi ppreservata għandha tkun dik “tas-sit”. Fil-kuntest ta’ sit li jikkonsisti f’habitat naturali, dan ifisser sit li ġie nnominat wara li jkun ġie kkunsidrat il-bżonn li l-habitat inkwistjoni jiġi mantenut (jew ripristinat) fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Dan ikun ta’ importanza partikolari meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti, is-sit inkwistjoni jkun habitat naturali ta’ prijorità ( 24 ).

56.

Minn dan isegwi li l-karatteristiċi kostituttivi tas-sit li għandhom ikunu rilevanti huma dawk li fir-rigward tagħhom ġie nnominat is-sit u l-għanijiet ta’ konservazzjoni assoċjati magħhom. Għalhekk, meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk l-integrità tas-sit hijiex ser tiġi affettwata, il-mistoqsija li għandu jistaqsi min ikun qed jieħu d-deċiżjoni hija “għaliex ġie nnominat dan is-sit partikolari u x’inhuma l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu?”. Fil-kawża preżenti, in-nominazzjoni saret, għall-inqas sa ċertu punt, minħabba l-preżenza ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir f’dan is-sit – riżorsa naturali fil-periklu li tgħib, li ladarba tinqered, ma tistax tiġi ssostitwita u li għalhekk huwa essenzjali li tiġi kkonservata.

57.

Fl-aħħar nett, l-effett fuq l-integrità tas-sit għandu jkun “ħażin”. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni xierqa tat-tieni stadju skont l-Artikolu 6(3) tista’ tiddetermina li l-effett tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit ser ikun newtrali, jew saħansitra ta’ benefiċċju. Iżda jekk l-effett ikun negattiv, dan il-pjan jew proġett ma jistax jipproċedi – għall-inqas skont din id-dispożizzjoni.

58.

Allura x’jikkostitwixxi effett negattiv jew “ħażin”? Hawnhekk jista’ jkun ta’ għajnuna li niddistingwu bejn tliet sitwazzjonijiet.

59.

Pjan jew proġett jista’ jinvolvi xi telf strettament temporanju ta’ karatteristika li kapaċi tiġi rkuprata – fi kliem ieħor, is-sit jista’ jiġi ripristinat fl-istat xieraq ta’ konservazzjoni tiegħu fi żmien qasir. Eżempju ta’ dan jista’ jkun it-tħaffir ta’ xi trinka sabiex tkun tista’ tingħadda kanna sotterranea minn naħa għal oħra ta’ xi parti ta’ sit. Sakemm ikun possibbli li kwalunkwe disturb fis-sit jiġi rripristinat, ma jkunx hemm (kif nifhimha jien) effett ħażin fuq l-integrità tas-sit.

60.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dan, miżuri li jinvolvu l-qerda permanenti ta’ parti mill-habitat li minħabba l-eżistenza tagħha jkun ġie nnominat is-sit, għandhom fil-fehma tiegħi, jiġu kkategorizzati bħala ħżiena. L-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit huma, minħabba din il-qirda, suġġetti li jiġu fundamentalment – u b’mod irreversibbli – imdgħajfa. Il-fatti li fuqhom huwa bbażat ir-rinviju preżenti jaqgħu f’din il-kategorija.

61.

It-tielet sitwazzjoni tikkonsisti fi pjanijiet jew proġetti li l-effett tagħhom fuq is-sit ikun jaqa’ bejn dawn iż-żewġ estremi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma semgħetx argumenti ddettaljati dwar jekk dawn il-proġetti jew pjanijiet għandhomx (jew ma għandhomx) jiġu meqjusa li joħolqu “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”. Jidhirli li jkun prudenti li nħallu dan il-punt miftuħ sabiex jiġi deċiż f’xi kawża sussegwenti.

62.

Ejja nassumu li pjan jew proġett jaqbeż il-limitu stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3). F’dan il-każ ikun meħtieġ li wieħed jikkunsidra jekk jistax jipproċedi skont l-Artikolu 6(4). Din id-dispożizzjoni tiġi attivata meta jkun hemm “evalwazzjoni negattiva tal-implikazzjonijiet għas-sit”. Sabiex l-Artikolu 6 jkun jagħmel sens bħala ħaġa sħiħa u koerenti, dan il-kliem għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikou 6(4) jkompli eżatt minn fejn ikun spiċċa l-Artikolu 6(3), jiġifieri hekk kif jinsab li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni ma jistax jipproċedi skont l-Artikolu 6(3).

63.

L-Artikolu 6(4), bħall-Artikolu 6(3), huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tapplika għal kull pjan jew proġett li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3). It-tieni parti tapplika biss meta s-sit inkwistjoni jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità.

64.

F’dak li jirrigwarda l-ewwel sett – ġenerali – ta’ rekwiżiti, il-pjan jew il-proġett jista’ jipproċedi biss jekk ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħdu l-preċedenza u jekk ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva ( 25 ). Barra minn dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha neċessarji biex jiżgura li l-koerenza ġenerali tan-Natura 2000 tiġi mħarsa. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha tiġi informata dwar il-miżuri kumpensatorji adottati, din, strettament, ma tipparteċipax fil-proċedura. Fi kliem ieħor il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi li jistgħu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li fejn il-ħsara lil jew il-qirda ta’ habitat naturali protett jistgħu jkunu neċessarji, iżda meta tippermetti li dan id-dannu jew il-qirda jitwettqu, tinsisti li jkun hemm kumpens sħiħ fir-rigward tal-konsegwenzi ambjentali ( 26 ). B’hekk l-istatus quo, jew l-iżjed li wieħed jista’ joqrob lejn l-istatus quo fiċ-ċirkustanzi kollha, jinżamm.

65.

It-tieni parti hija iżjed ristretta. Ir-raġunijiet li għalihom il-pjan jew il-proġett jista’ jipproċedi huma iżjed limitati u jista’ jkun neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru kkonċernat jiksbu opinjoni mill-Kummissjoni qabel ma jipproċedu ( 27 ).

66.

Filwaqt li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 6(4) huma intenzjonalment rigorużi, huwa importanti li wieħed josserva li dawn ma jikkostitwixxux ostakoli għall-awtorizzazzjoni li ma jistgħux jingħelbu. Waqt is-seduta l-Kummissjoni indikat li mill-15 sa 20 talba li saru taħt din id-dispożizzjoni sa issa għal opinjoni, waħda biss irċiviet riposta negattiva.

67.

Jidhirli li, f’dan il-kuntest ġenerali, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) li tipprovdi livell ta’ ħarsien iktar baxx minn dak ikkontemplat fl-Artikolu 6(4) ma tistax tkun korretta. Il-fatt li l-Istati Membri jkunu obbligati jieħdu “l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa” meta jkunu qed iwettqu pjan jew proġett skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, sabiex tiġi ppreżervata l-koerenza ġenerali tan-Natura 2000, filwaqt li fl-istess ħin jingħataw permess li jawtorizzaw proġetti żgħar oħra skont id-dispożizzjoni ta’ qabel anki jekk dan jinvolvi xi ħsara jew qirda permanenti jew dewwiema, ikun inkompatibbli mas-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 6. Interpretazzjoni bħal din tkun ukoll tonqos milli tipprevjeni dak li l-Kummissjoni ssejjaħ il-fenomenu ta’ “death by a thousand cuts”, jiġifieri, it-telf kumulattiv ta’ habitat minħabba bosta, jew għallinqas numru ta’, proġetti żgħar li jitħallew jitwettqu fl-istess sit ( 28 ).

68.

L-analiżi preċedenti hija essenzjalment insostenn tar-raġunament espost minn P. Sweetman, mill-Irlanda u mill-Kummissjoni. Il-Bord, l-Awtoritajiet Lokali u r-Renju Unit jadottaw loġika differenti, ibbażata mill-qrib fuq il-kliem letterali tal-Artikolu 6(3). B’mod partikolari dawn jenfasizzaw il-proċess ta’ żewġ stadji li timponi din id-dispożizzjoni. Huma jikkontendu li kull stadju huwa separat u għalhekk għandu jiġi mifhum li kull wieħed għandu tifsira u skop differenti.

69.

Dan ir-raġunar alternattiv nista’ niġbru fil-qosor skont kif ġej.

70.

Matul interpretazzjoni tal-Artikolu 6, għandha ssir distinzjoni bejn l-Artikolu 6(1) u (2), minn naħa, u l-Artikolu 6(3) u (4), min-naħa l-oħra. L-ewwel tnejn qegħdin hemm biex jirregolaw l-immaniġġar ta’ kuljum tas-sit. It-tnejn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, jittrattaw pjanijiet u proġetti li ma humiex relatati mal-immaniġġar. Dawn għalhekk jistgħu jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu eċċezzjonijiet għall-Artikolu 6(1) u (2). Matul kunsiderazzjoni ta’ pjan jew proġett bħal dan, għandu l-ewwel nett jiġi kkunsidrat jekk dan x’aktarx għandux ikollu effett sinjifikattiv fuq is-sit. F’dan il-kuntest il-kelma “x’aktarx” għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkonsisti f’test ta’ probabbiltà (minkejja l-fatt li huwa bbażat fuq prinċipju ta’ prekawzjoni – ma jidhirlix li dan qiegħed b’xi mod jiġi kkontestat). Pjan jew proġett li ma huwiex meqjus li x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv jista’ jipproċedi, mingħajr ebda bżonn ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu.

71.

Għall-kuntrarju ta’ dan, meta jkun ġie previst dan l-effett, ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni. Meta jkun qed isir dan l-eżerċizzju, jiġifieri meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk il-pjan jew il-proġett “jaffettwawx ħażin l-integrità tas-sit”, wieħed għandu jżomm f’moħħu li din l-espressjoni għandha tfisser iżjed minn “jaffettwa ħażin is-sit”. Bl-istess mod l-espressjoni “effett ħażin” għandha tfisser li għandha sinjifikat iktar qawwi mill-frażi “jaffettwa b’mod sinjifikattiv” użata fl-ewwel stadju tal-Artikolu 6(3). Li kieku dan ma kienx hekk, ma jkun hemm ebda distinzjoni bejn l-attivatur sabiex jiġi deċiż jekk hijiex meħtieġa stima (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3)) u l-kriterju għad-determinazzjoni ta’ jekk għandiex tinċaħad l-awtorizzazjoni għat-tkomplija tal-pjan jew tal-proġett (it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3)).

72.

Abbażi ta’ dan, Il-Bord jikkontendi li d-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-iskema tal-bini tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata b’mod korrett.

73.

Is-sottomissjonijiet tal-partijiet li qed jappoġġaw l-interpretazzjoni li għadni kif iddeskrivejt huma strutturati tajjeb. Ċertament ma għandhomx jiġu mwarrba mingħajr ma wieħed jaħseb ftit dwarhom.

74.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma hijiex korretta. Din tiffoka b’mod partikolari fuq il-kliem tal-Artikolu 6(3) moqri waħdu u tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest iżjed wiesa’ li fih għandha tiġi interpretata din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din tinvolvi tensjoni inerenti li ma tistax tiġi solvuta bejn l-għoti ta’ permess għal ċerti proġetti skont l-Artikolu 6(3), u sitwazzjoni fejn il-proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(4) jingħataw permess biss jekk jiġu adottati l-miżuri kumpensatorji kollha. Din ukoll tonqos milli ssolvi l-kwistjoni tad-“death by a thousand cuts”.

75.

Barra minn dan, dawn l-argumenti ma humiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita f’Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging ( 29 ) . Meta l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 35, li l-Artikolu 6(3) jagħmel l-applikazzjoni konkomitanti tar-regola dwar il-protezzjoni ġenerali stipulata fl-Artikolu 6(2) superfluwa, hija ma kinitx qed tipprova tenfasizza d-differenzri bejn dawn id-dispożizzjonijiet. Pjuttost, hija għażlet li tenfasizza s-similarità ta’ bejniethom. Kien b’dan l-argument f’moħħha li kompliet tosserva, fil-punt 36, li “l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett, mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) [tad-Direttiva] neċessarjament tippresupponi li ġie meqjus bħala li mhuwiex ta’ natura li jeffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, konsegwentement, li lanqas ma huwa ta’ natura li jwassal għad-deterjorament tal-habitats jew għat-tfixkil sinjifikattiv tal-ispeċi skont l-Artikolu 6(2)”. Kien għal din l-istess raġuni li fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva huwa “intiż sabiex jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni” ( 30 ).

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk pjan jew proġett li għalih japplika l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għandux effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-pjan jew proġett hux ser ikollu effett negattiv fuq l-elementi kostituttivi tas-sit inkwistjoni, billi wieħed iqis ir-raġunijiet li għalihom dan is-sit ġie nnominat u l-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati magħhom. Effett li huwa permanenti jew dewwiemi għandu jiġi kkunsidrat bħala effett ħażin. Biex jiġi ddeterminat dan, għandu japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

It-tieni domanda

77.

B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirrikjedix li l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew proġett għandhiex tiġi miċħuda jekk din tkun tirriżulta fit-telf permanenti mhux rinnovabbli tal-ħabitat naturali inkwistjoni kollu jew ta’ parti minnu. Fid-domanda qed jiġi implikat li l-prinċipju inkwistjoni jista’ jkollu rwol separat fl-evalwazzjoni li li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħmlu skont l-Artikolu 6(3). Jiġifieri qiegħda tippreżupponi li, jekk dan il-prinċipju ma jiġix invokat, jista’ jinkiseb riżultat differenti minn dak li kien jinkiseb kieku ġie invokat.

78.

Fil-punt 51 iktar ’il fuq jien spjegajt kif jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Kif josservaw l-Awtoritajiet Lokali, dan huwa prinċipju ta’ proċedura, minħabba li jirrigwarda l-loġika li għandha tiġi adottata minn min ikun qed jieħu d-deċiżjoni u ma jirrikjedix riżultat partikolari.

79.

Fis-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(3) jinkludi fih il-prinċipju ta’ prekawzjoni ( 31 ). Għalhekk, bħalma josserva r-Renju Unit, jirriżulta li dan l-artikolu ma huwiex maħsub li joħloq diverġenza ta’ interpretazzjoni li trid tiġi rrimedjata permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Jirriżulta wkoll li l-fatt li l-prinċipju huwa rilevanti biex jiġi stabbilit jekk awtorità kompetenti tistax teskludi xi effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, ma jirrigwardax id-domanda preċedenti dwar xi jfisser dan it-test.

80.

Għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

It-tielet domanda

81.

B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi x’inhi r-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4).

82.

Jien esponejt l-analiżi tiegħi ta’ din ir-relazzjoni iktar ’il fuq ( 32 ) u ma għandi xejn iżjed x’inżid ma’ dan.

Konklużjoni

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali tkun kif ġej:

Sabiex jiġi stabbilit jekk pjan jew proġett li għalih japplika l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandux effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-pjan jew dan il-proġett għandux ikollu effett negattiv fuq l-elementi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom dan is-sit ġie nnominat u l-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati magħhom. Effett li huwa permanenti jew dewwiemi għandu jiġi kkunsidrat bħala effett ħażin. Biex jiġi ddeterminat dan għandu japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”).

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

( 4 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU L 269M, p. 150)

( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE, tat-12 ta’ Novembru 2007, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU L 12, p. 1).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/96/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2008, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU L 43, p. 466).

( 7 ) Il-Kummissjoni ssostni li din il-figura ma hijiex eżatta u ma tistmax kemm suppost dik iż-żona ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir li għandha tiġi ssagrifikata. Madankollu, dan il-punt ma tqajjimx fid-digriet tar-rinviju - la espliċitament u lanqas impliċitament. Sa fejn dan il-punt jikkonċerna kwistjoni ta’ fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tittrattah. Sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni dwar dan il-punt iqajmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni – u għalhekk ta’ dritt – dawn il-kwistjonijiet ma jaqgħux fi ħdan il-qafas tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, u lanqas ma hemm bżonn li jingħataw tweġiba sabiex jiġu ttratati dawn id-domandi. Għalhekk ma iniex ser inkompli nikkunsidrahom.

( 8 ) Id-deċiżjoni inkwistjoni kienet tal-20 ta’ Novembru 2008. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-estensjoni tas-sit fil-lista aġġornata taż-ŻSK ġiet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2008, jiġifieri xi tliet ġimgħat wara d-data tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 9 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod ġenerali s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139, punti 17 sa 19).

( 10 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995 (C-346/93, Ġabra p. I-615, punt 16).

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C-48/07, Ġabra I-10627, punt 22).

( 12 ) Kif fil-fatt issa japplika għas-sit estiż ta’ Lough Corrib.

( 13 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana (C-179/06, Ġabra p. I-8131); is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Franċiża (C-241/08, Ġabra p. I-1697); is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C-226/08, Ġabra p. I-131); u s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012Solvay et (C-182/10).

( 14 ) Ara l-punti 20 sa 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) F’dan ir-rigward ara, inter alia, is-sentenzi, tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 32); tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-535/07, Ġabra p. I-9483, punt 58), u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-404/09, Ġabra p. I-11853, punt 127).

( 16 ) Ara s-sentenza Stadt Papenburg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 46.

( 18 ) Meta d-Direttiva ġiet adottata, f’Mejju tal-1992, il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienu d-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż, it-Taljan, l-Olandiż, u l-Portugiż. It-test tad-Direttiva huwa għalhekk awtentiku f’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi.

( 19 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Borgmann (C-1/02 Ġabra p. I-3219) f’dak li jirrigwarda l-bżonn, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ regola tal-Unjoni Ewropea, li dispożizzjoni tiġi interpretata billi wieħed iqis l-iskop u l-istruttura ġenerali tar-regoli li din tifforma parti minnhom (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda d-diffikultajiet li jistgħu joħolqu d-differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi, il-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C-173/07, Ġabra p. I-5237).

( 20 ) Eżempju tat-tip ta’ konfużjoni li tista’ twassal għaliha din il-leġiżlazzjoni abbozzata b’mod xejn metikoluż, wieħed jista’ jarah fis-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq. Fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li jekk teżisti “sempliċi probabbiltà” li jista’ jkun hemm effetti sinjifikattivi, ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa. Fil-punt 43 hija tagħmel riferiment għal fatt li jkun hemm “probabbiltà jew riskju”. Fil-punt 44, hija tuża l-frażi “f’każ ta’ dubju”. Jidhirli li hija din il-frażi tal-aħħar li tesprimi l-pożizzjoni bl-aħjar mod.

( 21 ) Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 54.

( 22 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et (C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 63).

( 23 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punti 56 sa 59.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 iktar ’il fuq.

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Solvay et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq, punti 71 et seq.

( 26 ) Għal eżempju ta’ passi li ma jikkostitwixxux miżuri kumpensatorji adegwati, ara l-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana (C-388/05, Ġabra p. I-7555), “Valloni e steppe pedegarganiche”. Jien ma iniex ser nittratta d-domanda ġenerali dwar kif wieħed għandu jidentifika x’jikkostitwixxi miżuri kumpensatorji adegwati fi kwalunkwe każ.

( 27 ) Il-leġiżlazzjoni tindika li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jiġu ppreżentati bħala opinjoni iktar milli bħala deċiżjoni. Għalhekk dawn ma jkunux direttament vinkolanti fuq il-partijiet ikkonċernati. Iżda l-Kummissjoni xorta waħda għandha l-possibbiltà li tieħu l-passi kontra Stat Membru li jikser, jew jippermetti lil min jikser, l-opinjoni tagħha. Alternattivament, terza persuna leża tista’ tiftaħ kawża quddiem qorti nazzjonali biex tikseb deċiżjoni b’effett xieraq.

( 28 ) Waqt is-seduta ġie diskuss ukoll jekk dan il-fenomenu kellux sehem fid-determinazzjoni ta’ jekk ġiex sodisfatt it-test tal-“effett ħażin fuq l-integrità tas-sit” skont l-Artikolu 6(3). Fil-fehma tiegħi, ma għandu ebda sehem f’dan il-kuntest. Il-kriterji rilevanti f’dan il-każ huma dawk imsemmija fil-punti 50 sa 60 iktar ’il fuq. Ma hemmx bżonn li wieħed imur oltre.

( 29 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq. Meta sussegwentement isir evidenti li pjan jew proġett x’aktarx ser iwassal għal deterjorament jew disturb, anki meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħu jinżammu responsabbli għal ebda żball, għandu japplika l-Artikolu 6(2) biex jiġi żgurat li l-integrità ta’ dak is-sit tiġi ripristinata (ara, f’dan is-sens, il-punt 37 tas-sentenza).

( 30 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 142.

( 31 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 58.

( 32 ) Ara l-punti 62 et seq.