KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )
Kawża C-136/11
Westbahn Management GmbH
vs
ÖBB Infrastruktur AG
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Schienen-Control Kommission (l-Awstrija)]
“Trasport ferrovjarju — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ — Obbligu tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja li jipprovdi lill-impriżi ferrovjarji informazzjoni f’ħin reali dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji, u b’mod partikolari dwar id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet fuq servizzi ta’ kollegament — Obbligi tal-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji taħt id-Direttiva 2001/14/KE — Obbligi tal-impriżi ferrovjarji taħt ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 — Direttiva 91/440/KEE — Direttiva 2001/16/KE — Direttiva 95/46/KE”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Id-digriet tar-rinviju mis-Schienen-Control Kommission, li huwa t-tribunal amministrattiv Awstrijak li għandu ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tilwim fis-settur liberalizzat tat-trasport ferrovjarju, qed jitlob kjarifika dwar it-tip ta’ informazzjoni li l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lill-passiġġieri taħt l-Artikolu 8(2) u taħt il-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007. ( 2 ) B’mod iktar speċifiku, dan jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri għandhomx dritt għal “informazzjoni f’ħin reali” dwar il-ħinijiet tal-ferroviji, li tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet li jikkonċernaw is-servizzi ta’ kollegament tul in-netwerk ferrovjarju Awstrijak matul vjaġġ partikolari, u għat-trasportaturi kollha, jew jekk l-Artikolu 8(2) huwiex limitat għal informazzjoni li tikkonċerna l-ħinijiet ippubblikati, u d-dewmien u l-kanċellazzjonijiet biss tat-trasportatur li miegħu passiġġier qiegħed jivvjaġġa. |
|
2. |
Jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1371/2007 jinkludi l-“informazzjoni f’ħin reali” deskritta hawn fuq, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf ukoll jekk hemmx rabta bejn dan id-dmir, u dawk imposti fuq l-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji taħt l-Artikolu 5 u l-Anness II tad-Direttiva 2001/14/KE. ( 3 ) Din id-domanda tqum fil-każ fejn l-“informazzjoni f’ħin reali” li impriża ferrovjarja tixtieq tipprovdi lill-passiġġieri hija miżmuma minn amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja li rrifjuta li jikkomunikaha lill-impriża kkonċernata. |
|
3. |
In-novità tat-tilwima tikkonsisti fil-fatt li din hija l-ewwel opportunità li ngħatat lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1371/2007. ( 4 ) Hija wkoll l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet taċċetta rinviju għal deċiżjoni preliminari mis-Schienen-Control Kommission. Dan għalhekk iqajjem il-kwistjoni preliminari, għalkemm ma kienx hemm kontestazzjoni f’dan ir-rigward fil-proċeduri, dwar jekk is-Schienen-Control Kommission huwiex “qorti jew tribunal” għall-iskopijiet tal-Artikolu 267 TFUE, u għallhekk jekk id-digriet tar-rinviju huwiex ammissibbli. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE, ( 5 ) jipprovdi kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.” |
|
5. |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 6 ) taħt it-titolu “Għan tad-Direttiva”, jipprovdi: “Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.” |
|
6. |
Il-premessa 1 tad-Direttiva 2001/14 tipprovdi kif ġej: “Integrazzjoni akbar tas-settur tal-ferroviji Komunitarju huwa element essenzjali għall-kompletazzjoni tas-suq intern u jimxi lejn li tintlaħaq mobilità sostenibbli”. |
|
7. |
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Is-Servizzi”, jipprovdi: “Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett miinimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi pprovduta f’ mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq. Jekk is-servizzi mhumiex offruti minn amministratur ta’ l-infrastruttura wieħed, il-fornitur ta’ l-infrastruttura ewlenija għandu juża l-isforzi kollha raġonevoli biex jiffaċilita l-fornitura ta’ dawn is-servizzi.” |
|
8. |
L-Anness II tad-Direttiva 2001/14, bit-titolu “Servizzi li għandhom jingħataw lill-impriżi tal-ferroviji”, jipprovdi:
|
|
9. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità ( 7 ), taħt it-titolu “Skop u kamp ta’ applikazzjoni” jistipula li: “1. Din id-Direttiva tibda biex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li għandhom jitħarsu biex tinkiseb l-interoperabilità fis-sistema ferrovjarja tal-Komunità, b’tali mod li tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/49/KE. Dawn il-kondizzjonijiet jikkonċernaw id-disinn, kostruzzjoni, tqegħid fis-servizz, titjib ta’ kwalità, tiġdid, tħaddim u manutenzjoni ta’ partijiet ta’ din is-sistema kif ukoll il-kwalifiki professjonali u l-kondizzjonijiet tas-saħħa u sigurtà tal-persunal li jikkontribwixxu għat-tħaddim u l-manutenzjoni tagħha. 2. It-tfittxija ta’ dan l-għan għandha twassal għal definizzjoni ta’ l-ogħla livell ta’armonizzazzjoni teknika u tagħmel possibbli:
[…]
|
|
10. |
Il-premessi 1 sa 5, 7 sa 9, u 21 tar-Regolament Nru 1371/2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, jistipulaw kif ġej:
[…]
[…]
|
|
11. |
L-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta’ dan li ġej:
|
|
12. |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti li joffru kuntratti ta’ trasport f’isem impriża ferrovjarja waħda jew aktar għandhom jipprovdu lill-passiġġier, fuq talba tiegħu, minn ta’ l-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II, Parti I fir-rigward tal-vjaġġi li għalihom jiġi offert kuntratt ta’ trasport mill-impriża ferrovjarja konċernata. Il-bejjiegħa ta’ biljetti li joffru kuntratti ta’ trasport għalihom infushom, u operaturi tal-vjaġġi, għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fejn din tkun disponibbli. 2. Matul il-vjaġġ l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lill-passiġġier minn ta’ l-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II, Parti II. 3. L-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 u 2 għandha tiġi provduta fl-aktar format xieraq. Għandha tingħata attenzjoni partikolari f’dan ir-rigward għall-ħtiġijiet ta’ nies b’nuqqas ta’ smigħ jew ta’ dawl.” |
|
13. |
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u sistemi ta’ riservazzjoni”, jipprovdi: “Sabiex jipprovdu l-informazzjoni u joħorġu l-biljetti msemmija f’dan ir-Regolament, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jagħmlu użu mis-CIRSRT li trid tiġi stabbilita bil-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu.” ( 8 ) |
|
14. |
L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Assistenza” jipprovdi li: “F’każ ta’ dewmien fil-wasla jew fit-tluq, il-passiġġieri għandhom jinżammu infurmati dwar is-sitwazzjoni u l-ħin stmat tat-tluq u l-ħin stmat tal-wasla mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur tal-istazzjon hekk kif tali informazzjoni tkun disponibbli.” |
|
15. |
L-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 jinkludi lista tal-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta mill-impriżi ferrovjarji u/jew mill-bejjiegħa tal-biljetti. Skont din il-lista, l-informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ għandha tinkludi “Skedi ta’ ‘żmien u kondizzjonijiet għall-vjaġġi l-aktar mgħaġġla” u “Skedi ta’ żmien u kondizzjonijiet għall-irħas nollijiet”. L-informazzjoni pprovvduta matul il-vjaġġ għandha tinkludi “Servizzi abbord”, “L-istazzjon li jmiss”, “Dewmien”, “Servizzi prinċipali ta’ kollegament” u “Kwistjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza”. |
B – Id-dritt nazzjonali
|
16. |
L-Artikolu 54 tal-Eisenbahngesetz (iktar ’il quddiem l-“EisbG”) jipprovdi: “2. Id-dispożizzjonijiet tas-sitt parti ta’ din il-liġi huma intiżi li jiżguraw l-użu ekonomiku u effiċjenti tal-linji tal-ferrovija fl-Awstrija
|
|
17. |
L-Artikolu 58 tal-EisbG jipprovdi li: “(1) Għall-finijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, l-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja għandha tipprovdi, fuq bażi mhux diskriminatorja, lill-persuni li għandhom dritt għal aċċess, pakkett minimu ta’ aċċess li minbarra l-aċċess jinkludi s-servizzi li ġejjin: […]
[…] 4. Għall-finijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, l-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja tista’ tipprovdi, mingħajr ma hija obbligata tagħmel dan, is-servizzi anċillari li ġejjin lil dawk li għandhom dritt għal aċċess:
|
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18. |
Westbahn Management GmbH (iktar ’il-quddiem “Westbahn Management”) tixtieq tipprovdi servizzi għall-passiġġieri fuq il-linja ferrovjarja Wien Westbahnhof (l-Istazzjon ta’ Wien tal-Punent) — Salzburg Hauptbahnhof (l-Istazzjon Ċentrali ta’ Salzburg). Permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministeru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija, tad-29 ta’ Mejju 2009, Westbahn Management ingħatat awtorizzazzjoni operattiva biex tipprovdi dan is-servizz |
|
19. |
ÖBB Holding AG hija l-unika azzjonista ta’ ÖBB-Infrastruktur AG, u ta’ ÖBB-Personenverkehr AG. Tal-ewwel hija l-ikbar amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Awstrija u hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-parti l-kbira tan-netwerk ferrovjarju Awstrijak, inkluża l-linja Wien-Salzburg. Hija wkoll il-konvenuta fil-kawża priniċipali. ÖBB-Personenverkehr AG hija l-impriża ewlenija fis-suq tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fl-Awstrija, u fil-passat kienet tgawdi monopolju statali. |
|
20. |
ÖBB-Infrastruktur AG għandha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni f’ħin reali dwar il-ferroviji kollha li joperaw fuq in-netwerk ferrovjarju Awstrijak li għalih hija responsabbli. L-informazzjoni f’ħin reali tinkludi l-pożizzjoni attwali tal-ferrovija, u l-ħinijiet tal-wasla, tat-tranżitu, u tat-tluq għall-bqija tal-vjaġġ. Din tinkludi wkoll informazzjoni bħal dewmien u kanċellazzjonijiet mhux mistennija. |
|
21. |
ÖBB-Infrastruktur AG tipprovdi lid-diversi impriżi ferrovjarji individwali l-informazzjoni f’ħin reali dwar il-ferroviji tagħhom, imma mhux l-informazzjoni f’ħin reali ta’ impriżi ferrovjarji oħra li joperaw fuq in-netwerk ferrovjarju Awstrijak. Madankollu, informazzjoni f’ħin reali dwar l-impriżi ferrovjarji kollha li joperaw fuq in-netwerk tintwera minn ÖBB-Infrastruktur AG fuq skrinijiet fi stazzjonijiet ewlenin. |
|
22. |
Westbahn Management talbet lil ÖBB-Infrastruktur AG tipprovdilha l-informazzjoni f’ħin reali ta’ impriżi ferrovjarji oħra, biex b’hekk Westbahn Management tkun tista’ tinforma fil-futur lill-passiġġieri tagħha dwar il-ħinijiet tat-tluq attwali tas-servizzi ta’ kollegament fid-dawl ta’ dewmien mhux mistenni u ta’ kanċellazzjonijiet. ÖBB-Infrastruktur AG ċaħdet dik it-talba permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2010. Hija qalet li, fil-prinċipju, hija tiżvela biss informazzjoni li tappartjeni lill-impriża ferrovjarja li tkun għamlet it-talba, u tat parir lil Westbahn Management biex tilħaq ftehim mad-diversi impriżi ferrovjarji kkonċernati, li permezz tiegħu dawn l-impriżi jagħtu l-kunsens li jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom. |
|
23. |
Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn Westbahn Management u ÖBB-Personenverkehr AG, b’din tal-aħħar li rrifjutat li tikkonkludi ftehim ta’ din ix-xorta. Fid-dawl ta’ dan, Westbahn Management ressqet ilment kontra ÖBB-Infrastruktur AG quddiem is-Schienen-Control Kommission fi proċeduri ta’ moniteraġġ tal-kompetizzjoni. |
|
24. |
Is-Schienen-Control Kommission ħass li kien neċessarju li jirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:
|
|
25. |
Westbahn Management, ÖBB-Infrastruktur AG, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ilkoll kemm huma, ħlief il-Gvern Pollakk, ħadu sehem fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2012. |
IV – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Ammissibbiltà tad-digriet tar-rinviju
|
26. |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp li qiegħed jagħmel ir-rinviju għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 267 TFUE tat-Trattat, liema kwistjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra numru ta’ elementi, bħal jekk il-korp huwiex stabbilit b’liġi, jekk huwiex permanenti, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tad-dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 9 ). |
|
27. |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, is-Schienen-Control Kommission ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni ddettaljata dwar ir-regoli li bihom kien ġie stabbilit, dwar il-kompożizzjoni tiegħu, dwar il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, u dwar ir-regoli tal-proċedura tiegħu. |
|
28. |
Is-Schienen-Control Kommission kien ġie stabbilit, b’mod permanenti, taħt il-liġi federali u l-ġurisdizzjoni tiegħu, li hija ta’ natura obbligatorja, tkopri s-soluzzjoni ta’ tilwim dwar swieq ferrovjarji nnumerati fl-att federali rilevanti. Huwa kompost minn tliet membri, li kollha għandhom deputat membru. Il-President u d-Deputat President iridu jkunu membri tal-ġudikatura maħtura fuq is-Schienen-Control Kommission mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja. Il-membri l-oħra u d-deputati tagħhom jinħatru mill-Gvern Federali. Il-membri ma jistgħux ikunu ministri jew segretarji tal-istat tal-Gvern Federali jew tal-Gvern tal-Land u huma għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe partit li għandu konnessjoni mal-attivitajiet tas-Schienen-Control Kommission. |
|
29. |
Is-Schienen-Control Kommission huwa marbut bil-liġi ġenerali tal-proċedura amministrattiva. Il-proċeduri quddiem is-Schienen-Control Kommission huma inter partes u jistgħu jieħdu l-forma ta’ seduta li fiha jistgħu jissejħu jidhru xhieda u periti. Id-deċiżjonijiet tas-Schienen-Control Kommission ma jistgħux jiġu annullati b’deċiżjonijiet amministrattivi imma huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva). |
|
30. |
Il-kwistjoni dwar jekk it-tribunali amministrattivi indipendenti Awstrijaċi humiex ta’ natura ġudizzjarja tqajmet preċedentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. ( 10 ) Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, u tal-mod li bih is-Schienen-Control Kommission ġie stabbilit u tal-mod li bih jiffunzjona li ddeskrivejt iktar ’il fuq, dan bla dubju jammonta għal “qorti jew tribunal” għall-iskopijiet tal-Artikolu 267 TFUE. Is-Schienen-Control Kommission huwa stabbilit bil-liġi, il-membri tiegħu huma indipendenti, huwa japplika dispożizzjonijiet legali, u jopera bħala tribunal inter partes, b’ġurisdizzjoni obbligatorja. ( 11 ) Dawn il-fatturi huma suffiċjenti biex jissodisfaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 267 TFUE. |
2. Sigrieti kummerċjali u protezzjoni tad-data
|
31. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Westbahn Management u ÖBB-Infrastruktur AG ma jaqblux dwar jekk, bħala kwistjoni ta’ liġi Awstrijaka, l-informazzjoni li tikkonċerna dewmien u kanċellazzjonijiet ta’ servizzi ferrovjarji tammontax għal sigrieti kummerċjali. Huma ma jaqblux ukoll dwar jekk tali informazzjoni hijiex protetta bħala data personali kemm taħt il-liġi Awstrijaka kif ukoll taħt id-Direttiva 95/46. |
|
32. |
Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, ser nibda billi nosserva li huwa barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija tipprovdi gwida dwar it-tifsira ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali. Għalhekk, peress li l-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali hija prinċipju tad-dritt tal-UE, ( 12 ) u t-tilwima inkwistjoni ddur madwar l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali taħt il-liġi Awstrijaka għandha tiġi interpretata skont id-dritt tal-UE. ( 13 ) |
|
33. |
Fil-fehma tiegħi, informazzjoni tammonta għal sigriet kummerċjali skont id-dritt tal-UE fil-każ biss li din tinkludi informazzjoni dwar l-attività kummerċjali ta’ impriża, li l-iżvelar tagħha jista’ jirriżulta fi ħsara serja għall-impriża. ( 14 ) L-informazzjoni teħtieġ ukoll li tkun ta’ natura kunfidenzjali. ( 15 ) Dan kien ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet dwar it-tifsira tal-kunċett relatat tal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, li teħtieġ ukoll li l-informazzjoni inkwistjoni, jekk tiġi żvelata, “tkun tippreġudika l-interessi kumerċjali leġittimi ta’ impriżi partikolari”. ( 16 ) Fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun “leġittimu” li tinżamm informazzjoni li d-disponibbiltà tagħha hija meqjusa bħala neċessarja mid-dritt tal-UE fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi ferrovjarji. ( 17 ) |
|
34. |
Fil-fehma tiegħi, informazzjoni dwar dewmien ta’ ferroviji u dwar kanċellazzjonijiet ma hijiex ta’ natura kunfidenzjali, la fir-rigward tal-impriżi kkonċernati u lanqas fir-rigward tal-passiġġieri. Għall-kuntrarju, l-aċċessibbiltà għaliha hija kundizzjoni għat-tħaddim tajjeb tas-sistema tat-trasport, ibbażata fuq il-pluralità ta’ fornituri ta’ servizzi, u l-interoperabbiltà ta’ servizzi u ta’ netwerks. ÖBB-Infrastruktur AG turiha fuq l-iskrinijiet fl-istazzjonijiet. Kif ġie rrilevat minn Westbahn Management fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din l-informazzjoni ma hijiex sensittiva. L-iżvelar tagħha ma jippreġudikax xi interess kummerċjali “leġittimu” ta’ ÖBB-Infrastruktur AG, peress li l-iskop tad-Direttiva 2001/14 huwa li n-netwerks ferrovjarji jinfetħu għall-kompetizzjoni. |
|
35. |
Fir-rigward tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ data u l-informazzjoni li tikkonċerna d-dewmien u l-kanċellazzjonijiet, jiena kont nadotta l-argumenti ta’ Westbahn Management. Jiġifieri, kif inhu ċar mill-premessa 11 u l-Artikoli 1 u 2, id-Direttiva 95/46/KE tipproteġi biss data personali. ( 18 ) Data personali hija mfissra fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”. L-istess huwa rifless fl-Artikolu 8 tal-Karta tal-UE. |
|
36. |
Informazzjoni miżmuma minn impriża dwar dewmien ta’ ferroviji u kanċellazzjonijiet għalhekk ma tgawdix minn din il-protezzjoni għaliex ma hijiex informazzjoni personali. Bl-istess mod, l-Artikolu 39 TFUE jirreferi għall-“protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali”, filwaqt li l-Artikolu 16(2) TFUE jirreferi għall-“protezzjoni ta’ l-individwi” fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali. Westbahn Management ma hijiex qegħda titlob informazzjoni dwar passiġġieri, u lanqas dwar il-fornituri tas-servizzi l-oħra bħala tali, imma sempliċement dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-servizzi ta’ kollegament skedati humiex fil-fatt disponibbli. |
B – L-ewwel domanda preliminari
|
37. |
Bl-ewwel domanda tiegħu, is-Schienen-Control Kommission jrid ikun jaf jekk, taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1371/2007, impriża ferrovjarja hijiex obbligata li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri li jkunu fil-kors tal-vjaġġ tagħhom informazzjoni li tikkonċerna dewmien u kanċellazzjonijiet ta’ ferroviji ta’ kollegament, u b’mod partikolari dawk ta’ impriżi ferrovjarji oħra. |
|
38. |
L-għanijiet tar-Regolament Nru 1371/2007, li jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2), huma miġburin fil-qosor fil-preamboli. Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tal-utenti għall-passiġġieri ferrovjarji u li tittejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri (premessa 1). Irid jintlaħaq ukoll livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur (premessa 2), u l-passiġġier, bħala l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt, għandu jkollu d-drittijiet tiegħu jew tagħha mħarsa (premessa 3). Dan jinkludi d-dritt li tinkiseb informazzjoni li tikkonċerna vjaġġi bil-ferrovija kemm qabel ma jibdew u anki waqt li jkun qegħdin isiru, u sa fejn possibbli, kemm jista’ jkun malajr possibbli (il-premessa 4). |
|
39. |
Barra minn hekk, kif jista’ jinftiehem mill-premessi 5, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1371/2007, ir-Regolament bl-istess mod jipprova jiffaċilita l-aċċess għal din l-informazzjoni fuq skala transkonfinali. Dan l-iskop jintlaħaq ukoll billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet bil-għan li tiġi promossa l-interoperabbiltà ta’ sistemi nazzjonali u t-traspożizzjoni ta’ standards Ewropej li hija kkontemplata fid-Direttiva 2008/57, u b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tiegħu. Id-Direttiva predeċessura tad-Direttiva 2008/57, jiġifieri d-Direttiva 2001/16, tissemma fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 1371/2007, ( 19 ) u fil-kuntest ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar. Din l-iskema tfittex li tinkoraġġixxi l-ivvjaġġar bil-ferrovija tul l-Ewropa billi wieħed jirrikorri għal trasportaturi multipli. Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni li tikkonċerna dewmien u kanċellazzjonijiet imprevisti hija fundamentali sabiex jintlaħaq dan il-għan. |
|
40. |
Interpretazzjoni ristretta tad-dispożizzjonijiet tal-Part II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta matul vjaġġ ferrovjarju ser tillimita l-informazzjoni li għaliha huma intitolati l-passiġġieri, fir-rigward ta’ servizzi prinċipali ta’ kollegament, għall-ħinijiet tat-tluq deskritti fl-iskeda. Madankollu, tali interpretazzjoni tkun kuntrarja għall-interessi tal-passiġġieri u tipprevjeni milli jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1371/2007, li jinkludu fosthom, fil-każ ta’ wasliet u ta’ tluq tard, id-dritt li wieħed ikun informat dwarhom mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur tal-istazzjon, hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli (ara, minbarra l-premessa 4, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1371/2007). |
|
41. |
Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, interpretazzjoni kuntrarja tkun tfisser li l-iskeda skedata biss tas-servizzi prinċipali ta’ kollegament għandha tkun ikkomunikata lill-passiġġieri matul il-vjaġġ. Din l-informazzjoni tkun inutli jekk ikun hemm dewmien jew kanċellazzjonijiet matul il-kors tal-vjaġġ. Kif ġie rrilevat mill-Gvern Pollakk, l-informazzjoni pprovduta matul il-vjaġġ ma tistax tkun sempliċi repetizzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovvduta qabel il-vjaġġ. |
|
42. |
Il-leġiżlatur tal-UE għamel distinzjoni, fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1371/2007 bejn l-informazzjoni li għandhom dritt għaliha l-passiġġieri qabel ma jibda vjaġġ (ara l-Artikolu 8(1) u l-Parti I tal-Anness II), u l-informazzjoni li huma intitolati għaliha matul il-vjaġġ (l-Artikolu 8(2) u l-Parti II tal-Anness II). Jekk il-kontenut tal-informazzjoni mitluba qabel il-vjaġġ ma tiġix interpretata li hija statika, u l-informazzjoni matul il-vjaġġ li hija dinamika, id-distinzjoni li ssir mil-leġiżlatur tal-UE bejn informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ u informazzjoni ta’ matul il-vjaġġ ma tkun tagħmel ebda sens. L-informazzjoni li passiġġier ikollu bżonn qabel u matul vjaġġ ġeneralment ma jkunux l-istess. |
|
43. |
Il-Parti I tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 tagħmel riferiment speċifiku għal “attività li probabbilment tfixkel jew iddewwem is-servizzi”. Kif irrileva l-Gvern Pollakk, jekk id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet ikunu jaqgħu ’il barra minn din “l-attività”, id-drittijiet tal-passiġieri jiddgħajfu, bi ksur tal-għan tar-Regolament Nru 1371/2007, li huwa li jiġi pprovdut livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur (ara l-premessa 2). Ikun ukoll kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 1371/2007 jekk din l-informazzjoni tinżamm deliberatament sakemm passiġġier jilħaq l-istazzjon minn fejn ikun jixtieq jaqbad ferrovija ta’ kollegament, u jara, għall-ewwel darba fuq display screen, li din kienet ittardjat. |
|
44. |
Il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li interpretazzjoni ristretta tal-informazzjoni li għaliha l-passiġġieri huma intitolati, timpedixxi t-trasferiment ta’ passiġġieri, u għalhekk tostakola l-għan tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, u tal-premessa 7, li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu x-xiri permezz ta’ biljetti globali. L-Artikolu 9(1) jistipula li “l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom joffru, fejn disponibbli, biljetti, biljetti globali u riservazzjonijiet”, filwaqt li l-premessa 7 tgħid ukoll li “l-fornitura ta’ biljetti integrati” ser “[tiffaċilita] it-trasferiment ta’ passiġġieri ferrovjarji minn operatur għal ieħor”. Nissieħeb mal-analiżi tal-Kummissjoni. Tali ostakolu jkun inkonsistenti mal-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport, li tissemma fil-premessa 1 għar-Regolament Nru 1371/2007, u jwassal biex il-passiġġieri jippreferu impriżi ferrovjarji kbar li jkopru s-setturi kollha tal-vjagg, u li għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni eżawrjenti matul il-vjaġġ kollu. |
|
45. |
Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, ÖBB-Infrastruktur AG għamlet riferiment għad-diffikultajiet fl-għażla ta’ informazzjoni f’ħin reali li tikkonċerna ferroviji ta’ kollegament li tkun utli għal impriża bħal Westbahn Management. Ġie ssuġġerit ukoll li jkun impossibbli għal ÖBB-Infrastruktur AG li tagħżel l-informazzjoni f’ħin reali rilevanti mill-informazzjoni li jkolha f’idejha, peress li t-trasferiment tal-informazzjoni kollu kemm hu ser jgħabbi żżejjed lil Westbahn Management u jirrendi l-informazzjoni inutli. |
|
46. |
Hawnhekk huwa biżżejjed li wieħed josserva li l-obbligu li tiġi pprovvduta informazzjoni li huwa impost bl-Artikolu 8(2) u bil-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 huwa limitat għas-servizzi prinċipali ta’ kollegament. Tali interpretazzjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u ÖBB-Infrastruktur AG tista’ ssib indikazzjonijiet dwar il-mod kif tiġi kkomunikata informazzjoni f’ħin reali dwar dewmien jew kanċellazzjonijiet tul in-netwerk ferrovjarju bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1371/2007. Dan jipprovdi li l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(1) u (2) “għandha tiġi provduta fl-aktar format xieraq”. Kif ġie osservat mill-Kummissjoni, dan ifisser li ÖBB-Infrastruktur AG għandha tkun ġudizzjuża fl-għażla tagħha ta’ informazzjoni, u għandha tiżgura li l-informazzjonmi żvelata tkun utli għall-passiġġieri. Dan jiġi spjegat iktar bl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1371/2007, li jikklassifika informazzjoni li tikkonċerna “dewmien fil-wasla jew fit-tluq” bħala informazzjoni li dwarha l-passiġġieri “għandhom jinżammu infurmati”, u “hekk kif tali informazzjoni tkun disponibbli”. Din għandha tiġi pprovduta mill-“impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-istazzjon”. |
C – It-tieni domanda preliminari
|
47. |
Bit-tieni domanda tiegħu, is-Schienen-Control Kommission essenzjalment jixtieq ikun jaf jekk amministratur ta’ infrastruttura ferrovjarja għandux obbligu li jikkomunika lill-impriżi ferrovjarji informazzjoni f’ħin reali li tikkonċerna servizzi prinċipali ta’ kollegament ta’ fornituri tat-trasport ferrovjarju oħra. |
|
48. |
Għalhekk id-domanda tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk hemmx obbligu korrelattiv fuq amministratur ta’ infrastruttura ferrovjarja, taħt id-Direttiva 2001/14, li jagħmel informazzjoni disponibbli għal impriżi ferrovjarji li min-naħa tagħhom huma obbligati li jipprovduha skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1371/2007. |
|
49. |
Jiena kont nirrispondi din id-domanda fl-affermattiv. Kif ġie sostnut mill-Gvern Pollakk, id-Direttiva 2001/14 ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li jostakola l-għanijiet ikkontemplati taħt ir-Regolament Nru 1371/2007. |
|
50. |
Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14 jagħti lill-impriżi ferrovjarji d-dritt, fuq bażi mhux diskriminatorja, għall-pakkett minimu ta’ aċċess u għal aċċess permezz tal-binarji għall-faċilitajiet ta’ servizzi deskritti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/14. Taħt il-punt 1(d) tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14, dan jinkludi “l-komunikazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ infrmazzjoni dwar il-moviment tal-ferrovija”. |
|
51. |
Barra minn hekk, il-punt 1(d) tal-Anness II għandu jinqara flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14, li jagħti dritt lill-impriżi ferrovjarji għal“l-informazzjoni oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni jew l-operazzjoni tas-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità”. |
|
52. |
Il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġbed lejn interpretazzjoni li tgħid li impriżi ferrovjarji bħal Westbahn Management għandhom dritt għal informazzjoni f’ħin reali. Integrazzjoni ikbar fis-settur ferrovjarju tal-Unjoni hija essenzjali biex jiġi kkompletat is-suq intern (ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2001/14). Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa, u dan sabiex tiġi inkluża kull tip ta’ informazzjoni li hija neċessarja sabiex jiġu pprovduti servizzi ferrovjarji, u li jistgħu jinkisbu biss mill-amministratur tal-infrastruttura. |
|
53. |
Informazzjoni f’ħin reali hija “rikjesta” minn Westbahn Management sabiex hija tkun tista’ tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt ir-Regolament Nru 1371/2007, u sabiex tipprovdi servizz kompetittiv. Barra minn hekk, kemm il-pożizzjoni ta’ ÖBB-Personenverkehr AG bħala mexxej tas-suq fil-provvista ta’ servizzi ferrovjarji, u r-relazzjoni tagħha ma’ ÖBB-Infrastruktur AG, bħala membru tal-istess grupp ta’ kumpanniji, huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni li hija “rikjesta” minn Westbahn Management biex “timplimenta jew topera” servizz ferrovjarju. Fi kliem prattiku, dan jinkludi kjarament informazzjoni f’ħin reali, biex b’hekk Westbahn Management tkun tista’ tikkompeti b’mod effettiv fis-suq. |
|
54. |
Interpretazzjoni wiesgħa ta’ x’inhu “rikjest”, tax-xorta li qiegħed ninvoka hawnekk, hija partikolarment xierqa fid-dawl tal-mod li bih is-settur ferrovjarju kien ġie rriorganizzat fl-Awstrija bħala konsegwenza tal-liberalizzazzjoni. Din il-kwistjoni hija marbuta mal-allegat nuqqas ta’ indipendenza ta’ ÖBB-Infrastruktur AG mill-mexxej tas-suq ÖBB-Personenverkehr AG. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tikkunsidra din il-kwistjoni fil-Kawża pendenti C-555/10, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija. |
|
55. |
Nixtieq nistaqsi wkoll jekk, fid-dawl tal-fatt li ÖBB-Infrastruktur AG u ÖBB-Personenverkehr AG jappartjenu lill-istess grupp ta’ kumpanniji, l-informazzjoni li qegħda tiġi pprovvduta minn ÖBB-Infrastruktur AG, bħala l-amministratur tal-infrastruttura, hijiex qegħda tiġi pprovvduta fuq bażi mhux diskriminatorja. Kif ġie rrilevat fis-seduta minn Westbahn Management, passiġġieri li jivvjaġġaw ma’ ÖBB-Personenverkehr AG ser jirċievu servizz aħjar minn dawk li jivvjaġġaw ma’ Westbahn Management. Il-passiġġieri ta’ ÖBB-Personenverkehr AG ser jirċievu informazzjoni f’ħin reali dwar dewmien u kanċellazzjonijiet imprevisti tal-ferroviji ta’ ÖBB-Personenverkehr AG, li jifformaw il-parti l-kbira tas-servizzi ferrovjarji, filwaqt li dawk li jivvjaġġaw ma’ Westbahn Management ma humiex. |
V – Konklużjoni
|
56. |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li d-domandi preliminari rrinvjati mis-Schienen-Control Kommission għandhom jingħatalhom risposta kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, p. 14).
( 3 ) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404) kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227). It-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49 kif ġej: “Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija”.
( 4 ) Kien hemm għadd ta’ każijiet li jikkonċernaw id-Direttiva 2001/14, imma lkoll kemm huma kkonċernaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fiż-żmien preskritt, u tressqu mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 258 TFUE. Barra minn hekk, hemm kawża pendenti kontra l-Awstrija li fiha t-traspożizzjoni mill-Awstrija kemm tad-Direttiva 2001/14 kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1. p. 341) ġiet imqiegħda f’dubju mill-Kummissjoni, partikolarment mil-lat tal-indipendenza tal-konvenuta fil-proċeduri prinċipali bħala l-amministratur tal-infrastruttura fl-Awstrija (ara Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, Kawża C-555/10). Ser nindirizza l-importanza ta’ din il-kawża iktar ’l isfel.
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp [tal-linji] tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).
( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).
( 7 ) ĠU L 191, p. 1. L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2008/57 abroga d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Marzu 2001, fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 243), b’effett mid-19 ta’ Lulju 2010.
( 8 ) CIRSRT hija l-akronimu għal Computerised Information and Reservation System for Rail Transport.
( 9 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966 Vaassen-Göbbels vs Beambtenfonds voor het Mijnbedrijf (Kawża 61/65, Ġabra 261, punt 273); sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Jokela u Pitkäranta (Kawżi Magħquda C-9/97 u C-118/9, Ġabra I-6267, punt 18); sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (Kawża C-506/04, Ġabra I-8613, punt 48); sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (Kawża 195/06, Ġabra I-8817, punt 19); sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Umweltanwalt von Kärnten (Kawża C-205/08, Ġabra I-11525, punt 35)..
( 10 ) Ara pereżempju Umweltanwalt von Kärntenand u l-osservazzjonijiet iddettaljati tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’din-kawża. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża C-393/06 Ing. Aigner, Ġabra I-2339, li fihom l-Avukat Ġenerali kkonkluda li l-Vergabekontrollsensat ta’ Wien ma kienx ‘qorti nazzjonali’ għall-iskopijiet tal-Artikolu 267 TFUE, u l-konklużjonijiet tiegħu f’Österreichischer Rundfunk, li fihom l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ħa l-pożizzjoni li l-Bundeskommissionssensat tal-Awstrija ma kienx qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwiet l-ebda waħda minn dawn il-konklużjonijiet, u rrispondiet id-domandi rrinvjati taħt l-Artikolu 267 TFUE.
( 11 ) Ara Umweltanwalt von Kärnten, punt 35; Vaassen-Göbbels vs Beambtenfonds voor het Mijnbedrijf, punt 273; Jokela u Pitkäranta, punt 18; Österreichischer Rundfunk, punt 19; Wilson, punt 48.
( 12 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (Kawża C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata); sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Interseroh Scrap and Metals Trading (Kawża C-1/11, punt 43). Skont l-Artikolu 339 TFUE l-membri tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunità, ikunu meħtieġa wkoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.
( 13 ) Filwaqt li l-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE ma tagħmel l-ebda riferiment espress għall-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali, din tinkludi, fl-Artikolu 16, il-libertà li tmexxi negozju. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 jipproteġi l-ħajja privata u tal-familja, u kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ ‘ħajja privata’ fl-Artikolu 7 ‘ma jistax jitqies li jfisser li l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali ta’ jew persuni naturali jew legali huma esklużi’. Ara Varec, punt 48, u iktar reċentament, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punti 59 et seq).
( 14 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni (T-353/94, Ġabra p. II-921, punt 87).
( 15 ) Postbank vs Il-Kummissjoni, punt 68, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-impriżi għandhom dritt għan-nuqqas ta’ żvelar ta’ ‘informazzjoni kunfidenzjali, u b’mod partikolari sigrieti kummerċjali’.
( 16 ) Varec, punt 38.
( 17 ) Kif ġie osservat minn wieħed mill-awturi ewlenin, informazzjoni “li diġà tkun magħrufa barra mill-impriża normalment ma titqiesx li hija kunfidenzjali”. Ara C. Bellamy, u G. Child: European Community Law of Competition, Oxford University Press, 2007, p. 737, nota ta’ qiegħ il-paġna 555.
( 18 ) Dan huwa evidenti mit-test tad-Direttiva 95/46 kif ukoll mill-kawżi ewlenin li taw interpretazzjoni tagħha. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (Kawżi Magħquda C-138/01 u C-139/01 Ġabra I-4989); is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (Kawża C-73/07, Ġabra I-9831); u s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, (punti 52 u 53).
( 19 ) Skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2008/57, ir-riferimenti għad-‘Direttivi mħassra’, li jinkludu d-Direttiva 2006/16 ‘għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness XI’.