KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )

Kawża C-124/11

Bundesrepublik Deutschland

vs

Karen Dittrich

Kawża C-125/11

Bundesrepublik Deutschland

vs

Robert Klinke

Kawża C-143/11

Jörg-Detlef Müller

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Ugwaljanza fit-trattament fl-impjiegi u fix-xogħol — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti għajnuna lill-uffiċjali f’każ ta’ mard — Membri tal-familja eliġibbli biex ikunu koperti bl-għajnuna — Esklużjoni ta’ unjonijiet irreġistrati — Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE — Kunċett ta’ ‘paga’”

1. 

Fil-kuntest ta’ tliet settijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji fejn qiegħed jintalab li jkun stabbilit jekk unjonijiet irreġistrati humiex intitolati għall-benefiċċju li l-liġi Ġermaniża tagħti lil koppji miżżewġin, il-Bundesverwaltungsgericht qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex possibbli li talba bħal din tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li japplika bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.

2. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha l-opportunità li telenka l-ġurisprudenza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 ( 2 ), li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol. F’dan il-każ il-kompitu huwa li jiġi stabbilit jekk id-Direttiva tapplikax għall-għajnuna mogħtija lill-uffiċjali federali f’każ ta’ mard.

3. 

Sabiex isir dan, ser ikun neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk tali għajnuna tammontax għal paga għall-iskopijiet tad-Direttiva 2000/78 li, jekk wieħed jinterpreta l-premessa 13 tad-direttiva flimkien mal-Artikolu 3(1)(ċ), tapplika għall-fatti ta’ din il-kawża f’każ biss li l-għajnuna inkwistjoni tiġi ttrattata bħala ekwivalenti għal “paga” skont is-sens mogħti lil din il-kelma fl-Artikolu 141 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 157 TFUE). Għal dan l-iskop, jien ser ikolli bżonn nelabora dwar il-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha f’dan l-ambitu, li sa issa kienu relatati biss ma’ każijiet li jinvolvu pensjonijiet tal-irtirar, u fl-istess ħin jiġi stabbilit sa liema grad l-Artikolu 3(3) jagħmel lid-Direttiva 2000/78 mhux applikabbli għall-pagamenti li jsiru minn skemi statali jew simili.

I – Il-kuntest legali

A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.

Il-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ [paga] fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.”

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiddefinixxi l-għan tad-direttiva kif ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

6.

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

7.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ġie stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

B – Id-dritt nazzjonali

1. Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-unjonijiet irreġistrati

8.

L-Artikolu 1(1) tal-Gesetz über die Eingetragene Lebenspartnerschaft (Il-Liġi dwar l-unjonijiet irreġistrati, iktar ’il quddiem, “il-LPartG”) tas-16 ta’ Frar 2001 ( 3 ), kif emendata bl-Artikolu 7 tal-Liġi tas-6 ta’ Lulju 2009 ( 4 ), tipprovdi:

“Żewġ persuni tal-istess sess jistabbilixxu unjoni rreġistrata meta jiddikjaraw, personalment u fil-preżenza tal-uffiċjal pubbliku rilevanti u quddiem xulxin, li jixtiequ li jkollhom unjoni tul il-ħajja (imsieħba rreġistrati). Dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux isiru suġġetti għal xi kundizzjonijiet jew għal perijodu definit.”

9.

Bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-LPartG, l-imsieħba rreġistrati “huma reċiprokament obbligati jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-bżonnijiet komuni tal-unjoni [...]”.

2. Il-leġiżlazzjoni dwar għajnuna lill-uffiċjali

10.

Il-Bundesbeamtengesetz (il-Liġi dwar l-uffiċjali federali, iktar ’il quddiem “il-BBG”) tistabbilixxi d-dritt tal-uffiċjali li jirċievu għajnuna f’każ ta’ mard. Bis-saħħa tal-Artikolu 80, f’ċerti ċirkostanzi tali għajnuna tista’ tkopri wkoll l-konjuġi u t-tfal dipendenti tal-uffiċjal federali.

11.

Skont ir-regolamenti applikabbli sal-14 ta’ Frar 2009, il-konjuġi u t-tfal dipendenti ta’ uffiċjal federali kienu intitolati għall-għajnuna iżda din ma kinitx testendi għas-sieħeb irreġistrat. Din l-għajnuna qatt ma kienet inkundizzjonata peress, li fil-każ ta’ konjuġi, din kienet tingħata biss jekk id-dħul tal-konjuġi kien inqas minn EUR 18 000 jew jekk, minkejja li jkollu assigurazzjoni tas-saħħa, il-konjuġi ma setax jikseb xi benefiċċji taħt l-assigurazzjoni jew dawn kienu ġew sospiżi għall-perijodu indefinittiv minħabba xi esklużjoni individwali relatata ma’ kundizzjoni konġenitali jew ċertu mard. Għalhekk, kien hemm dritt għall-għajnuna fejn il-konjuġi tal-benefiċjarju kien dipendenti finanzjarjament minħabba dħul baxx jew l-inadegwatezza tal-assigurazzjoni għall-mard mingħajr ebda tort tal-konjuġi.

12.

Bis-saħħa tal-poteri mogħtija bl-Artikolu 80(4) tal-BBG, il-Ministeru Federali tal-Affarijiet Interni adotta il-Bundesbeihilfeverordnung (ir-Regolament dwar għajnuna federali, iktar ’il quddiem il-“BBhV”) tat-13 ta’ Frar 2009 ( 5 ), li sa fejn huwa rilevanti għall-iskopijiet preżenti, żamm is-sistema ta’ qabel, li taħtha l-imsieħba rreġistrati kienu esklużi bħala benefiċjarji ta’ għajnuna f’każ ta’ mard.

13.

Wara l-avvenimenti materjali f’dan il-każ, iżda mingħajr ma ġew affettwati d-deċiżjonijiet fil-kawża prinċipali, il-liġi kienet emendata sabiex tinkludi msieħba rreġistrati fost il-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ( 6 ).

II – Il-fatti

14.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma uffiċjali li daħlu f’unjonijiet irreġistrati u li s-sieħeb rispettiv tagħhom huwa dipendenti fuqhom għall-appoġġ finanzjarju.

15.

Wara li applikaw għall-għajnuna f’każ ta’ mard u li kienu inizjalment miċħudin minnha mill-awtoritajiet, kien ġie deċiż mill-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) li r-rikorrenti fil-Kawżi C-124/11 u C-125/11, kienu intitolati għall-għajnuna, u din kienet ħadet il-pożizzjoni li, għalkemm imsieħba rreġistrati ma humiex inklużi bħala benefiċjarji tal-għajnuna, huma xorta waħda intitolati għaliha bis-saħħa tad-Direttiva 2000/78, peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali għajnuna tammonta għal “paga” skont it-tifsira tad-direttiva peress li tiġi mħallsa biss fir-rigward tal-impjieg u mhux bħala benefiċċju taħt is-sigurtà soċjali ġenerali tal-Istat jew skema tal-ħarsien soċjali.

16.

Mill-banda l-oħra, ir-rikors tar-rikorrent fil-Kawża C-143/11, kien ġie miċħud kemm mill-awtorità kif ukoll mill-qorti amministrattiva, fuq il-bażi li ma kien hemm ebda ksur tad-Direttiva 2000/78 minħabba li s-sitwazzjonijiet ta’ konjuġi u ta’ sieħeb irreġistrat ma humiex komparabbli.

17.

Fit-tliet każijiet li huma, il-parti telliefa fil-proċeduri appellat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

18.

Il-punt tat-tluq għall-qorti tar-rinviju huwa l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix imsieħba rreġistrati fost il-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna statali pprovduta għall-uffiċjali federali f’każ ta’ mard. Il-konjuġi ta’ tali uffiċjali, fejn applikabbli, huma, madankollu, imsemmija bħala benefiċjarji ta’ din l-għajnuna.

19.

Il-Bundesverwaltungsgericht ma hijiex ċerta jekk id-Direttiva 2000/78 tapplikax għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk hija applikabbli, il-konsegwenza tkun li l-imsieħba rreġistrati għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħall-konjuġi, bir-riżultat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu intitolati għall-għajnuna kkontestata.

20.

Il-qorti tar-rinviju tieħu l-pożizzjoni li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 tiddependi fuq kif l-għajnuna pubblika inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata skont il-liġi. B’mod speċifiku, dan jiddependi fuq jekk din tikkostitwix komponent tal-paga skont it-tifsira tal-Artikolu 157 TFUE — f’liema każ id-Direttiva 2000/78 tkun applikabbli — jew benefiċċju tas-sigurtà soċjali statali jew l-ekwivalenti, li jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

21.

Il-Bundesverwaltungsgericht tieħu l-pożizzjoni li l-kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddistingwi bejn diversi pensjonijiet tal-irtirar skont is-sors tal-finanzjament tagħhom ma humiex adatti fil-kuntest ta’ skemi ta’ ħarsien kontra l-mard. Dan għaliex, fost raġunijiet oħra, l-għajnuna f’każ ta’ mard ma hijiex dipendenti fuq it-tul ta’ żmien li l-uffiċjal ikun ħadem fis-servizz pubbliku.

III – Id-domanda magħmula

22.

F’din is-sitwazzjoni, il-Bundesverwaltungsgericht tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol hija applikabbli għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija lill-uffiċjali f’każ ta’ mard (‘Beihilfe’)?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C-124/11 u C-125/11 kienu rreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2011. It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-143/11 kienet irreġistrata fl-24 ta’ Marzu 2011.

24.

It-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari kienu maqgħudin b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2011.

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn K. Dittrich, R. Klinke u J.D. Müller, u mill-Kummissjoni.

26.

Waqt is-seduta, li saret fit-3 ta’ Mejju 2012, ir-rappreżentanti legali tal-partijiet għamlu t-trattazzjoni.

27.

Fl-avviż tas-smigħ il-partijiet kienu mistiedna jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub, rigward kif l-għajnuna kkontestata kienet iffinanzjata, u, b’mod partikolari, rigward jekk l-għajnuna kinitx għal kollox jew parzjalment iffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala l-persuna li timpjega lill-uffiċjali, jew mill-baġit tas-sigurtà soċjali. Il-perijodu biex jiġi ppreżentat dan it-tagħrif intemm fit-13 ta’ April 2012.

V – L-argumenti tal-partijiet

28.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-Direttiva 2000/78 hija applikabbli għall-għajnuna kkontestata. Dan għaliex, fil-fehma tagħhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, kull paga skont it-tifsira tal-Artikolu 157 TFUE taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u, it-tieni nett, id-definizzjoni ta’ impjieg tkopri r-relazzjoni bejn l-uffiċjali u l-Istat ( 7 ).

29.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-klassifikazzjoni tal-għajnuna bħala paga ma tistax tkun ikkontestata fuq il-bażi li din hija skema stabbilita bil-liġi, peress li f’din is-sitwazzjoni il-leġiżlatura qiegħda taġixxi biss bħala l-persuna li timpjega u mhux bħala awtorità pubblika. Lanqas skont ir-rikorrenti, ma tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi li l-uffiċjali jiffurmaw kategorija ġenerali ta’ ħaddiema, u huma jiċċitaw il-kawża Barber fuq dan il-punt ( 8 ). Fl-aħħar nett, huma jsostnu li din ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi li l-għajnuna ma tiddependix fuq it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol u li l-ammont tagħha ma jiġix ikkalkolat abbażi tas-salarju finali. Fil-qosor, ir-rikorrenti jsostnu li tali fatturi jistgħu jkunu rilevanti meta tiġi stabbilita n-natura tal-pensjonijiet tal-irtirar, iżda mhux għall-iskopijiet biex jiġi stabbilit jekk l-għajnuna kkontestata tammontax għal paga jew le.

30.

Il-Kummissjoni taqbel mal-approċċ li ħadu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Filwaqt li osservat li l-ġurisprudenza tirrikjedi li l-kunċett ta’ paga jingħata interpretazzjoni wiesgħa, fis-sens li jkopri l-benefiċċji kollha jew paga mogħtija lill-ħaddiem fir-rigward tax-xogħol tiegħu, kemm jekk skont kuntratt, dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew deċiżjoni ġudizzjarja, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem iddeċidiet, fir-rigward tal-irtirar, li għalkemm ma huwiex l-uniku kriterju, l-uniku wieħed li huwa deċiżiv huwa li l-pensjoni kienet mogħtija fir-rigward ta’ relazzjoni ta’ xogħol li kienet teżisti bejn il-ħaddiem u l-persuna li kienet timpjegah qabel. Minbarra dan il-kriterju prinċipali, hemm tliet kriterji supplimentari biex pensjoni tal-irtirar titqies bħala benefiċċju taħt skema tas-sigurtà soċjali relatata mal-professjoni u, bħala tali, titqies bħala paga skont it-tifsira tal-Artikolu 157 TFUE, b’differenza minn benefiċċju mogħti skont skema pubblika tas-sigurtà soċjali, jiġifieri: (a) li l-pensjoni ma għandhiex tkun applikabbli għal kategorija partikolari ta’ ħaddiema; (b) li għandha tkun relatata direttament mal-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol; u (ċ) li l-ammont tal-pensjoni għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi tas-salarju finali.

31.

Sa fejn hija kkonċernata l-għajnuna kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li dan huwa benefiċċju applikabbli għal kategorija partikolari ta’ ħaddiema; it-tieni nett, li din tingħata fir-rigward ta’ impjieg u hija marbuta ma’ salarju jew pensjoni tas-servizz pubbliku u għalhekk tifforma parti mill-paga; u t-tielet, li l-kriterji l-oħra stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-pensjonijiet ma humiex rilevanti għal dan il-każ, peress li kemm il-kriterju tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol u dak tas-salarju finali ġew użati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss biex jiġi stabbilit jekk il-pensjonijiet ta’ uffiċjali jistgħux jitqiesu bħala paga anki jekk dawn normalment ma jissodisfawx il-kriterju li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Barber, iċċitata iktar ’il fuq, sabet li huwa karatteristiku ta’ skema ta’ pensjoni privata. Huwa veru li, fil-każ ta’ għajnuna lil uffiċjali f’każ ta’ mard, ma hemm l-ebda skema simili taħt id-dritt privat. Għalhekk ma huwiex possibbli li wieħed iħares lejn skemi analogi taħt id-dritt privat meta wieħed jipprova jistabbilixxi il-parametri tal-iskema tas-sigurtà soċjali statutorja.

32.

Għalhekk, l-uniku kriterju deċiżiv huwa li l-għajnuna inkwistjoni tingħata bis-saħħa tar-relazzjoni ta’ xogħol mal-Istat u li dan tal-aħħar qiegħed jaġixxi bħala l-persuna li timpjega u mhux fir-rwol tiegħu ta’ assiguratur taħt skema pubblika statutorja. Din għalhekk għandha titqies bħala paga skont it-tifsira tal-Artikolu 157 TFUE, irrispettivament mill-fatt li l-intitolament għaliha joħroġ minn leġiżlazzjoni jew li din tilgħab ukoll rwol ta’ politika soċjali.

33.

B’risposta għall-istedina li jsir riferiment għaliha fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż kollha kemm huma ddikjaraw li l-għajnuna kkontestata hija ffinanzjata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-kapaċità tagħha tal-persuna li timpjega, u bl-ebda mod ma hija ffinanzjata mis-sistema tas-sigurtà soċjali.

VI – Evalwazzjoni

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

34.

Kif indikajt, is-suġġett tad-domandi għal deċiżjoni preliminari magħquda huwa l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 f’ċirkustanzi fejn huwa mfittex li jiġi stabbilit jekk “imsieħba rreġistrati” taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru humiex intitolati għal benefiċċju mogħti skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru lil koppji miżżewġa.

35.

Il-mistoqsijiet ma jmorrux lil hinn minn dan. B’dan irrid infisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija jekk id-drittijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jkunu ttrattati bl-istess mod bħall-koppji miżżewġa kinux miksura; din kienet mistoqsija biss jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex dik il-kawża tkun deċiża taħt id-Direttiva 2000/78.

36.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mistennija li tagħti deċiżjoni rigward diskriminazzjoni potenzjali, iżda biss dwar jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawżi quddiemha billi tapplika d-direttiva. Biex tagħmel dan, din trid sempliċement tistabbilixxi jekk l-għajnuna kkontestata tammontax għal paga skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, li jiddependi fuq jekk l-għajnuna kkontestata tistax tiġi ttrattata bħala “paga” taħt l-Artikolu 157 TFUE, li l-premessa 13 tad-direttiva tirreferi għalih għat-tifsira ta’ dak it-terminu.

B – Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78

37.

Kif irrilevat korrettament il-Bundesverwaltungsgericht, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 tiddependi fuq jekk l-għajnuna kkontestata tistax titqies bħala “paga” skont it-tifsira tal-Artikolu 157 TFUE.

38.

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li d-Direttiva “għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […] (ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

39.

Peress li dan huwa każ li jinvolvi benefiċċju li jitħallas minn awtorità pubblika, ma hemmx alternattiva ħlief li tkun ikkunsidrata l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78, li tipprovdi li “[d]in id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali”.

40.

Madankollu, din l-eċċezzjoni għandha tiġi moqrija fid-dawl tal-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78, li tipprovdi li ‘[d]in id-Direttiva, ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg”.

41.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) u tal-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78 flimkien, li kienet saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Maruko ( 9 ), tipproponi li mhux il-benefiċċji kollha mħallsa minn awtoritajiet pubbliċi, jew anki l-benefiċċji kollha li joħorġu minn awtoritajiet pubbliċi li huma istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva 2000/78, iżda dawk biss li jitħallsu minn tali istituzzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu bħala “paga” skont it-tifsira ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 157 TFUE.

1. Il-kunċett ta’ “paga”

42.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, huwa għalhekk neċessarju li tiġi riżolta kwistjoni speċifika ħafna, jiġifieri dik dwar jekk l-għajnuna kkontestata tammontax jew le għal “paga” skont it-tifsira tal-Artikolu 157 TFUE, peress li kif diġà semmejt, id-Direttiva 2000/78 tagħmel riferiment għal dan l-Artikolu meta tiddefinixxi l-kunċett ta’ paga użat fl-Artikolu 3(1)(ċ). Kif ser naraw, jekk nanalizzaw huwiex preżenti jew le kull wieħed mill-elementi tal-kunċett ta’ “paga”, ikun jidher ċar li l-eċċezzjoni, li tirriżulta minn interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) u tal-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78 flimkien, hija sensibbli għal kollox. Dik l-eċċezzjoni, bażikament, ma tagħmel xejn iktar ħlief tiddikjara konsegwenza li neċessarjament toħroġ mill-kunċett innifsu ta’ “paga”.

43.

L-Artikolu 157 TFUE jiddefinixxi paga bħala “il-paga jew is-salarju bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu”. Għalhekk il-kunċett għandu element materjali (il-paga jew is-salarju u kwalunkwe remunerazzjoni oħra), element suġġettiv (min iħaddem u l-ħaddiem) u element każwali (ir-relazzjoni ta’ xogħol). Issa rridu nikkunsidraw jekk dawn kollha humiex preżenti fil-każ tal-għajnuna kkontestata.

44.

Għal dak li jikkonċerna l-element materjali, jien ma għandi l-ebda dubju li r-riferiment fl-Artikolu 157 TFUE għal “kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament” tkopri b’mod xieraq is-sustanza tal-għajnuna kkontestata. Effettivament, bl-għajnuna l-ħaddiem jiġi rrimborsat madwar 50 % u 80 % tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li jkun ħallas il-ħaddiem jew ċerti dipendenti tiegħu ( 10 ).

45.

Fil-fehma tiegħi, l-element każwali huwa preżenti wkoll f’dawn il-każijiet. Effettivament, l-għajnuna hija disponibbli biss għall-uffiċjali federali, bħala tali, u għaliex huma uffiċjali federali. Barra dan, din hija disponibbli għalihom biss sakemm ikunu uffiċjali federali li jkunu attwalment qegħdin jaħdmu f’dik il-kapaċità. Dan huwa evidenti mill-Artikolu 2(2) tal-BBhV, li jipprovdi li uffiċjali li huma fuq leave bla ħlas huma wkoll intitolati għall-għajnuna sakemm il-leave ma jkunx għal iktar minn xahar. Għalija huwa ċar li hemm rabta każwali bejn l-għajnuna kkontestata u r-relazzjoni ta’ xogħol ( 11 ).

46.

B’hekk jifdal l-iktar kwistjoni diffiċli. L-għajnuna inkwistjoni tammonta għal benefiċċju fi flus li għalih huma intitolati l-uffiċjali federali bis-saħħa tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-gvern federali. Iżda dan huwa, madankollu, benefiċċju li “l-ħaddiem jirċievi [...] mingħand min iħaddmu”, kif rikjest bl-Artikolu 157 TFUE? Din, fil-fehma tiegħi, hija l-qofol tal-kwistjoni.

2. B’mod iktar speċifiku, kif jiġi ffinanzjat il-benefiċċju?

47.

Benefiċċju li jirċievi ħaddiem fir-rigward tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah jammonta għal “paga” skont kif imfisser fl-Artikolu 157 TFUE f’każ biss li dan jitħallas mill-persuna li timpjegah. Benefiċċji oħra li l-ħaddiem jista’ jkun intitolat għalihom, inklużi benefiċċji fir-rigward tal-impjieg tiegħu, għalhekk jaqgħu barra mill-kunċett ta’ paga u konsegwentement kwalunkwe protezzjoni minn diskriminazzjoni fir-rigward tagħhom trid tiġi mfittxija barra mid-Direttiva 2000/78.

48.

Huwa għalhekk li mhux il-benefiċċji kollha tas-sigurtà soċjali jistgħu jiġu inklużi fi ħdan il-kunċett ta’ “paga”, iżda dawk biss li, filwaqt li jikkostitwixxu paga “għall-impjieg”, jitħallu mill-persuna li timpjega, anki jekk permezz ta’ istituzzjoni tas-sigurtà soċjali, jiġifieri, indirettament.

49.

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja ħafna żmien ilu, fis-sentenza Defrenne ( 12 ), l-iskemi tas-sigurtà soċjali “jiżguraw għall-ħaddiema l-benefiċċju ta’ skema legali, li għall-finanzjament tagħha l-ħaddiema, il-persuna li timpjega u possibbilment l-awtoritajiet pubbliċi jikkontribwixxu f’miżura li tiġi stabbilita inqas mir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem milli minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali” (punt 8), biex b’hekk “il-parti dovuta mill-persuna li timpjega fil-finanzjament ta’ tali skemi ma tammontax għal ħlas dirett jew indirett lil ħaddiem” (punt 9), u, barra dan, “il-ħaddiem normalment jirċievi l-benefiċċji stipulati mil-liġi mhux minħabba l-kontribut tal-persuna li timpjega, iżda biss minħabba li l-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet legali għall-għoti tal-benefiċċji” (punt 10) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50.

Il-fatt li d-Direttiva 2000/78 ma tapplikax “għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [157 TFUE]” (premessa 13), jimplika li, peress li paragun bħal dan huwa possibbli biss fejn il-benefiċċju rċevut mill-ħaddiem jitħallas mill-persuna li timpjegah, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-iskema tas-sigurtà soċjali hijiex iffinanzjata f’dan ir-rigward mill-persuna li timpjega, mill-ħaddiem jew minn awtorità pubblika. Huwa biss fil-każ li jkun stabbilit li din hija ffinanzjata mill-persuna li timpjega, u li jista’ jiġi konkluż li, fir-realtà, l-iskema tas-sigurtà soċjali qiegħda tħallas benefiċċju li huwa indirettament attribwibbli għal persuna li timpjega, li jista’ finalment jingħad li l-benefiċċju huwa “paga” skont kif imfisser fl-Artikolu 157 TFUE.

51.

Dan l-approċċ għandu japplika kemm speċifikament għal istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u anki għall-iskemi pubbliċi kollha għall-finanzjament ta’ benefiċċji tal-impjiegi b’mod ġenerali. Dan għaliex, peress li l-fattur deċiżiv huwa li l-benefiċċju finalment jitħallas mill-persuna li timpjega, huwa rrilevanti jekk dan jitħallasx direttament jew permezz ta’ intermedjarju; u, fl-eventwalità li dan jitħallas permezz ta’ intermedjarju, huwa rrilevanti jekk l-intermedjarju huwiex entità privata jew istituzzjoni pubblika, hija x’inhi n-natura tagħha, kemm jekk hija regolata bid-dritt pubbliku jew le, hija liema hija l-forma tal-personalità ġuridika li tieħu u indipendentement mill-arranġamenti li jirregolaw il-funzjonament tagħha.

52.

Dan ifisser li, fi kwalunkwe każ, irid jiġi stabbilit min huwa li qiegħed jiffinanzja l-benefiċċju mogħti lill-ħaddiem. Jekk wieħed jibda mill-persuna li tagħmel il-pagament fl-ewwel lok, u wara li jiġi stabbilit li ma hijiex il-persuna li timpjega, huwa neċessarju li jiġi aċċertat jekk il-persuna hijiex sempliċement intermedjarju ta’ mil-persuna li timpjega. Fil-każ ta’ benefiċċji mħallsa minn istituzzjonijiet pubbliċi b’mod ġenerali, jew min istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali b’mod partikolari, il-kwistjoni li trid tiġi stabbilita hija jekk dawn il-benefiċċji humiex iffinanzjati b’kontribuzzjonijiet mill-persuna li timpjega, minn sorsi oħrajn, mill-ħaddiema nfushom, mill-awtoritajiet pubbliċi jew min dawn kollha f’miżuri li jvarjaw. Evidentement, minħabba d-diversità ovvja bejn l-Istati Membri f’dan ir-rigward, dan il-kompitu jista’ jitwettaq biss mill-qorti nazzjonali rilevanti.

53.

Fil-fehma tiegħi, il-kriterju tas-sors tal-finanzjament — flimkien mal-kriterji tal-element materjali u l-“bażi jew raġuni” tal-impjieg — jista’, minħabba n-natura trasversali tiegħu, jirriżulta iktar utli mill-kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-limitazzjoni ta’ benefiċjarji jew ma’ inqas jew iktar xebh tal-benefiċċju ma’ benefiċċji ekwivalenti oħra fl-ambitu tal-għajnuna privata.

54.

Naturalment, l-istess għandu japplika għal benefiċċji li jikkonsistu f’pensjoni tal-irtirar bħal dawk li jinvolvu għajnuna f’każ ta’ mard. Fejn ikun hemm benefiċċju materjali li jitħallas fir-rigward ta’ impjieg, l-unika kwistjoni importanti hija jekk dan huwiex iffinanzjat jew le mill-persuna li timpjega. Jien naħseb li l-vantaġġi ta’ din il-formula biex tiġi ssimplifikata l-kwistjoni ta’ jekk benefiċċju għandux ikun ikklassifikat bħala “paga” għall-iskopijiet tal-Artikolu 157 TFUE huma pjuttost inkontestabbli ( 13 ).

C – Iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali

55.

Fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li taw lok għal din id-domanda preliminari, huwa evidenti mill-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li l-benefiċċji kkontestati joriġinaw mir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-uffiċjali federali u l-gvern federali u li dawn huma ffinanzjati direttament mill-baġit federali, li huwa ffinanzjat f’dan ir-rigward mill-fondi pubbliċi, bi flus ipprovvduti mill-Istat Membru fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna li timpjega l-uffiċjali federali.

56.

Għalhekk, l-indikazzjonijiet huma li, għar-raġunijiet spjegati f’dawn il-konklużjonijiet, il-benefiċċji inkwistjoni għandhom jitqiesu f’dan il-każ bħala “paga” għall-iskopijiet tal-Artikolu 157 TFUE, u għalhekk isegwi li d-Direttiva 2008/78 hija applikabbli għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jirregolawhom.

57.

Madankollu, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, wara li tikkunsidra l-arranġamenti speċifiċi li japplikaw għall-benefiċċji, jekk il-finanzjament tagħhom jistax attwalment jiġi attribwit lill-Istat Membru fil-kapaċità tiegħu tal-persuna li timpjega lill-uffiċjali fil-kawża prinċipali.

VII – Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod li ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol hija applikabbli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għoti ta’ għajnuna lill-uffiċjali f’każ ta’ mard jekk l-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna li timpjega fis-settur pubbliku, huwa s-sors finanzjarju prinċipali ta’ dik l-għajnuna, liema kwistjoni hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 3 ) BGBl. I, p. 266.

( 4 ) BGBl. I, p. 1696.

( 5 ) BGBl. I, p. 3226.

( 6 ) Emenda għall-BBhV tat-13 ta’ Lulju 2011 (BGBl. I, p. 1394).

( 7 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, Ġabra 2008 p. I-1757) u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C-4/02 u C-5/02, Ġabra 2003 p. I-12575).

( 8 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990 (C-262/88, Ġabra p. I-1889, punt 26).

( 9 ) Ara, iktar riċenti, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (Kawża C-147/08, Ġabra p. I-3591, punt 32).

( 10 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ħadet approċċ wiesa’ dwar dak li huwa kopert bl-element materjali tal-kunċett ta’ “paga”. Għalhekk, din iddeċidiet li faċilitajiet ta’ vjaġġar [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Frar 1982, Garland (12/81, Ġabra p. 359, punt 9)], il-bonus tal-Milied [sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Krüger (C-281/97, Ġabra p. I-5127, punt 17)] u kumpens għal taħriġ li jkun sar [sentenza tal-4 ta’ Ġunju 1992, Bötel (C-360/90, Ġabra p. I-3589, punti 12 sa 15)] kollha kemm huma jammontaw għal paga. Jien ma naħsibx li għandu jkun hemm xi diffikultà biex din il-lista tkun estiża biex tinkludi paga tat-tip inkwistjoni.

( 11 ) Fil-fehma tiegħu, ma huwiex importanti l-iskop li jservi l-benefiċċju li jifforma parti mill-paga. B’dan irrid infisser li huwa irrilevanti jekk huwiex konsiderazzjoni stricto sensu, bonus tal-produttività jew miżura intiża biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-fattur deċiżiv hawnhekk huwa l-bażi jew ir-raġuni għall-benefiċċju pjuttost milli l-iskop li dan iservi. Il-benefiċċju għandu joriġina mir-relazzjoni ta’ xogħol (u għalhekk ikun “għall-impjieg tiegħu”, jekk wieħed juża t-terminoloġija tal-Artikolu 157 TFUE) u jista’ jservi kwalunkwe għan leġittimu li tagħżel il-persuna li timpjega.

( 12 ) Sentenza tal-25 ta’ Mejju 1971 (Kawża 80/70, Ġabra p. 445).

( 13 ) L-istess jista’ jingħad fl-interess li jintleħaq grad ta’ uniformità sostantiva bejn l-arranġamenti li japplikaw fl-Istati Membri, lil hinn mid-differenzi formali attribwibbli għas-sistemi rispettivi tagħhom ta’ sigurtà soċjali u ta’ għajnuna pubblika u l-libertà tagħhom li joħolqu l-istrutturi tagħhom f’dan il-kamp. Ara, dwar dan il-punt, Krebber, S., “Art. 157”, f’: Callies, C. u Ruffert, M., EUV/AEUV, ir-4 edizzjoni, Ch. Beck, Munchen, 2011, Nru 28.