KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )

Kawża C-89/11 P

E.ON Energie AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur ta’ siġill — Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova — Evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u determinazzjoni tal-ammont tal-multa — Proporzjonalità tal-multa — Ġurisdizzjoni sħiħa”

1. 

Din il-kawża għandha bħala suġġett appell ippreżentat minn E.ON Energie AG ( 2 ) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni ( 3 ). Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-legalità tad-Deċiżjoni C(2008) 377 finali tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Jannar 2008 ( 4 ), li biha din imponiet fuq E.ON Energie, abbażi tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 ), multa ta’ EUR 38 miljun għal ksur tas-siġill.

2. 

Fil-fatt, b’applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’, b’deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-impriża multi li ma jeċċedux iktar mil-1 % tal-valur totali tad-dħul mill-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b’mod negliġenti siġilli mwaħħlin skont l-Artikolu 20(2)(d) minn uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni ġew miksurin. Din hija l-ewwel deċiżjoni ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ( 6 ).

3. 

Dan l-appell, u b’mod partikolari s-sitt aggravju tiegħu, jqajjem kwistjoni ta’ prinċipju dwar in-natura u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, l-aggravji l-oħra ma jqajjmu, fil-fehma tiegħi, l-ebda diffikultà ġuridika sal-punt li l-appellanti essenzjalment ikkontestat, fis-sottomissjonijiet tagħha kif ukoll waqt is-seduta, l-evalwazzjoni ta’ natura fattwali li wettqet il-Qorti Ġenerali, li ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

I – L-istorja tal-kawża

4.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata jistgħu b’hekk jiġu miġjuba fil-qosor ( 7 ).

5.

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni kienet, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ordnat spezzjoni fis-siti tal-appellanti, li jinsabu f’München (il-Ġermanja), bil-ħsieb li tivverifika l-mertu ta’ suspetti dwar il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim kontra l-kompetizzjoni.

6.

L-ispezzjoni, li saret minn erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u sitt rappreżentanti tal-Bundeskartellamt (awtorità Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni) bdiet wara nofsinhar tad-29 ta’ Mejju 2006. Peress li din ma setgħetx titlesta fl-istess jum, id-dokumenti magħżula bil-ħsieb ta’ eżami iktar iddettaljat kienu maħżuna fil-bini G.505 li kellu l-bieb tiegħu msakkar u fuqu twaħħal siġill uffiċjali. Il-minuti tat-twaħħil tas-siġill saru u ġew iffirmati minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Bundeskartellamt u tal-appellanti.

7.

Fil-għodu tat-30 ta’ Mejju 2006 hekk għad-8.45 ta’ filgħodu, il-grupp ta’ spezzjoni ra li l-istat tas-siġill inkwistjoni, li kien għadu mwaħħal mal-bieb tal-bini G.505, kien inbidel. Meta siġill bħal dak tal-plastik ikun miksur, il-kolla bajda, li biha s-siġill jitwaħħal mas-support, tibqa’ mas-support billi l-kliem “VOID” jidher fuq il-wiċċ tal-kolla. Is-siġill imneħħi jsir trasparenti f’dawn iż-żoni, b’tali mod li l-kliem “VOID” ikunu jidhru fuq is-siġill ukoll.

8.

Ir-responsabbli mill-grupp ta’ spezzjoni fetaħ il-bieb tal-bini G.505, hekk għad-9.15 ta’ filgħodu, u minuti ta’ ksur tas-siġill ġew redatti u ffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt. Dawn il-minuti kienu jindikaw, b’mod partikolari, li s-siġill kollu kien imċaqlaq b’madwar 2 mm fl-għoli u fil-wisa’, b’mod li traċċi tal-kolla kienu jidhru fir-rokna ta’ isfel u tal-lemin tas-siġill u li l-kliem “VOID” kienu jidhru b’mod ċar fuq il-wiċċ kollu tas-siġill, li kien jinsab madankollu xorta waħda b’biċċa minnu fuq il-frejm u ma kienx imċarrat. Wara nofsinhar, ritratti tas-siġill ikkontestat ittieħdu minn fuq telefon ċellulari.

9.

L-appellanti, li rrifjutat li tiffirma l-minuti, iddikjarat li l-istat tad-dokumenti maħżuna fil-bini ma kienx ġie mmodifikat.

10.

Fil-komunikazzjoni tal-ilment tagħha mibgħuta lill-appellanti fit-2 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-siġill inkwistjoni kien inkiser u li, minħabba s-setgħa ta’ organizzazzjoni tal-appellanti fil-bini inkwistjoni, hija kellha tinżamm responsabbli għal dan il-ksur tas-siġill. L-appellanti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, li jingħaqdu magħhom diversi rapporti dwar ir-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni għal ċerti restrizzjonijiet.

11.

Wara din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li biha hija tqis li E.ON Energie kisret is-siġill u, talinqas b’negliġenza, kisret l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 u imponiet fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 38 miljun.

12.

B’rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2008 quddiem il-Qorti Ġenerali, E.ON Energie talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi nvokat disa’ motivi. Fis-sustanza, E.ON Energie kkritikat lill-Kummissjoni li din injorat il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova f’dak li jirrigwarda l-ksur tas-siġill inkwistjoni u li applikathom b’mod irregolari. Hija takkużaha wkoll li ma ħaditx kont tax-“xenarji alternattivi” li jistgħu jispjegaw l-istat ta’ dan is-siġill, marbuta b’mod partikolari, mal-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni, mal-użu mill-persuna li tieħu ħsieb id-dar tal-prodott ta’ manutenzjoni Synto, mal-umdità tal-arja u mal-vibrazzjonijiet esperjenzati mill-bieb. E.ON Energie sostniet ukoll li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għaliex ebda tort ma ġie stabbilit. Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa, hija targumenta li d-deċiżjoni kkontestata kienet kuntrarja għall-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilita bl-Artikolu 253 KE u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

13.

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn E.ON Energie.

II – It-talbiet tal-partijiet

14.

Insostenn tal-appell tagħha, E.ON Energie titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, u sussidjarjament, li tannulla s-sentenza appellata fejn din tikkundannaha tħallas l-ispejjeż tal-kawża, li tagħti raġun lill-konklużjonijiet ippreżentati fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni kkontestata fejn din tikkundannaha tħallas multa u, iktar sussidjarjament, li tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, hija titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

15.

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li E.ON Energie tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

III – L-eżami tal-appell

16.

Insostenn tal-appell tagħha, E.ON Energie tavvanza sitt aggravji.

17.

L-ewwel żewġ aggravji huma diretti kontra l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar ir-regoli li jiggvernaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova. Mit-tielet sal-ħames aggravji jindirizzaw, għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-karattru regolari tat-twaħħil tas-siġill inkawża u dwar l-istat tiegħu. Is-sitt aggravju huwa, sadanittant, dirett kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-gravità tal-ksur u l-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti.

A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo

1. Is-sentenza appellata

18.

Fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti relatati ma’ interpretazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova fil-punti 48 sa 64 tas-sentenza appellata.

19.

Filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza rilevanti, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-imħallef ma għandux jikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ ksur suffiċjenti tad-dritt jekk jissussisti dubju fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa, u dan konformement mal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ikkonsagrat fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 8 ). Hija ċaħdet l-ilment, imqajjem minn E.ON Energie, ibbażat fuq allegata analoġija mal-ġurisprudenza dwar il-prattiki miftehma, li tgħid li huwa suffiċjenti li impriża tavvanza argumentazzjoni li tagħti dawl differenti lill-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur, billi osservat li din ma għandhiex tiġi applikata meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq elementi ta’ prova diretti. Fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet, imbagħad, spjegat li, “meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, […],hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju [ ( 9 )] tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni”.

20.

Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ E.ON Energie, li l-Kummissjoni għandha tistabilixxi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-modifika tal-istat tas-siġill inkwistjoni, ikkonstatat fit-30 ta’ Mejju 2006, kien imputabbli lil E.ON Energie. Billi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li tippretendi l-Kummissjoni, il-motiv imqajjem mill-appellanti ma kienx wieħed astratt, hija osservat, madankollu, li l-Kummissjoni ma kinitx interpretat ħażin il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova. Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod espliċitu li “hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta l-fatti neċessarji sabiex tipprova l-ksur tas-siġill allegat”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tas-siġill fuq l-istat tas-siġill inkwistjoni, fil-premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, li, kif tgħid hija, kellu l-kliem “VOID” fuq il-wiċċ kollu tiegħu kif ukoll traċċi ta’ kolla fuq in-naħa ta’ wara, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt u mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-minuti tal-ksur tas-siġill. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ E.ON Energie bbażati fuq l-ispjegazzjonijiet alternattivi dwar l-istat tas-siġill inkwistjoni, billi kkunsidrat li l-allegata qdumija tiegħu u n-nuqqas ta’ ritratti li jixhdu l-istat tiegħu qabel ma nfetaħ il-bieb ma kinux żiedu l-oneru tal-prova li kien jinkombi fuq il-Kummissjoni.

2. L-argumenti tal-partijiet

21.

Bl-ewwel aggravju tagħha, E.ON Energie targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball tal-liġi fil-kuntest tad-diviżjoni tal-oneru tal-prova u, minħabba f’hekk, kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u l-massima ġuridika tad-dritt tal-Unjoni in dubio pro reo.

22.

Fil-fatt, wara li rrikonoxxiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata, il-Qorti Ġenerali kienet qalbet l-oneru tal-prova, fil-punt 55 tagħha, billi ddeċidiet li, sa fejn il-Kummissjoni tressaq provi diretti ta’ fatt, imbagħad għandha tkun l-impriża kkonċernata li turi l-insuffiċjenza ta’ dawk il-provi. Skont E.ON Energie, il-Qorti Ġenerali kienet, b’mod partikolari, interpretat ħażin ir-regoli tal-liġi applikabbli meta ddeċidiet li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni kienu suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza tal-ksur. Dawn il-provi, jiġifieri l-minuti tal-ksur tas-siġill, id-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi u tal-kumpannija li mmanifatturat is-siġill inkwistjoni, ir-ritratt ta’ dak is-siġil u l-kompetenza, jikkostitwixxu biss provi indiretti, li ġejjin biss, barra minn hekk, min-naħa tal-appellata. F’dak li jikkonċerna l-ksur tas-siġill, E.ON Energie targumenta li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata għaliex hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li għadda t-tul ta’ żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill imsemmi. Barra minn hekk, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’analoġija s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni ( 10 ), għaliex il-ksur ta’ siġill ma jikkostitwixxix, bil-kuntrarju ta’ prova dokumentarja, prova diretta u suffiċjenti, imma biss prova ekwivoka.

23.

E.ON Energie targumenta, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat ħażin il-fatt li l-inċertezza dwar il-funjonament xieraq tas-siġill inkwistjoni kienet dovuta lill-Kummissjoni. Minn naħa, din kienet użat siġill skadut u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx aċċertat il-provi qabel ma nfetaħ il-bieb tal-bini. Hija żżid, fir-replika tagħha, li, minn dan il-fatt, is-siġill kien imwaħħal ħażin, għaliex twaħħil korrett jirrikjedi r-rispett tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur fit-tikketta teknika tal-prodott. Skont l-appellanti, l-impossibiltà li jinġabu provi li tirriżulta mill-komportament tal-Kummissjoni ma għandhiex tippreġudika lilha. Din iċ-ċirkustanza taqleb għalhekk l-oneru tal-prova, b’mod li l-Qorti Ġenerali kellha teżiġi li l-Kummissjoni tipprova li s-siġill twaħħal korrettement u kien jiffunzjona normali, minflok ma teżiġi mingħand E.ON Energie l-prova f’sens kuntrarju. E.ON Energie targumenta li dan l-aggravju huwa ammissibbli għaliex id-diviżjoni tal-oneru tal-prova hija kwistjoni ta’ dritt.

24.

Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud għaliex dan jaqa’ fl-evalwazzjoni tal-fatti li wettqet il-Qorti Ġenerali. Sussidjarjament, hija tikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

3. Evalwazzjoni tiegħi

25.

Bħall-Kummissjoni, jiena nemmen li l-ewwel aggravju ma huwiex ammissibbli tenut kont tan-natura u tal-portata tal-istħarriġ ġuidzzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

26.

Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt u jista’ jkun ibbażat fuq aggravji dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, irregolaritajiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn din tal-aħħar. Fil-prinċipju, il-Qorti Ġenerali biss hija għalhekk kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-iskorrettezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-elementi tal-fajl li jkun ġie sottomess quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawk il-fatti. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss il-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali.

27.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, kemm-il darba dawk il-provi jinkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jiġu osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jitressqulha. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każijiet ta’ żnaturazzjoni tal-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 11 ).

28.

Madankollu, nikkonstata li, lil hinn mir-regoli tad-dritt li tagħhom l-appellanti tinvoka l-allegat ksur, din tikkonċentra fuq kritika tal-manjiera li biha l-Qorti Ġenerali evalwat il-provi li tressqu quddiemha. E.ON Energie tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-elementi ta’ prova li tressqu mill-Kummissjoni kienu suffiċjenti għall-ħolqien tal-ksur u talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, il-fatt li għadda t-tul ta’ żmien massimu tal-konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni. E.ON Energie tillimita għalhekk l-evalwazzjoni tagħha għall-elementi ta’ prova ppreżentati lill-Qorti Ġenerali u ma tqajjem, barra minn hekk, l-ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawk il-fatti.

29.

Barra minn hekk, l-appellanti ma turix, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti Ġenerali kienet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-provi. Fil-punti 48 sa 56 tas-sentenza appellata, din kienet, korrettement u b’mod partikolarment eżawrjenti, indikat ir-regoli ta’ dritt u l-ġurisprudenza rilevanti għal dik il-materja qabel ma fakkret il-portata tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri tal-implementazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-regoli proċedurali u ġurisprudenzjali l l-Qorti Ġenerali setgħet, korrettement, teżamina u tiċħad l-argumenti tal-appellanti.

30.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel aggravju bħala mhux ammissibbli.

B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova

1. L-argumenti tal-partijiet

31.

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, E.ON Energie targumenta l l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, li jiena sejjer nesponi, hija vvizzjata minn kontradizzjoni ta’ motivi kif ukoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

32.

Fil-fatt, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet eżiġiet li l-elemanti invokati mill-appellanti “jikkontesta[w i]l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni”. Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-elementi invokati mill-appellanti sabiex tispjega l-istat tas-siġill inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kienet eżiġiet, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, li din tipprova “rabta kawżali” bejn il-fatt invokat, f’dan il-każ il-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni, u d-dehra tal-kliem “VOID”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet interpretat ħażin il-prinċipju li hija stess stabbiliet fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza.

33.

Il-Kummissjoni targumenta li t-tieni aggravju huwa inammissibbli għaliex huwa jittratta l-evalwazzjoni tal-provi li wettqet il-Qorti Ġenerali. F’kull każ, hija tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

2. L-evalwazzjoni tiegħi

34.

Kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, jiena nqis li t-tieni aggravju huwa ammissibbli.

35.

Fil-fatt, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbiliet regola ta’ dritt dwar l-oneru tal-prova, li tmur lil hinn mill-prinċipji stabbiliti sa dakinhar bis-sentenzi Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni ( 12 ) kif ukoll JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni ( 13 ), li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, dan ma huwiex każ ta’ sempliċi evalwazzjoni fattwali, imma ta’ evalwazzjoni ta’ dritt. Għalhekk, meħuda inkunsiderazzjoni l-kompetenza kkonferita lilha bl-Artikolu 256 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

36.

Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tilmenta minn kontradizzjoni bejn il-prinċipju stabbilit fil-punt 56 tas-sentenza appellata u l-manjiera li biha dan ġie implementat fil-punt 202 ta’ dik is-sentenza. Fil-fehma tiegħi, ma teżistix tali kontradizzjoni.

37.

Fil-fatt, meta l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi l-prinċipju fis-sens li ċ-ċirkustanza avvanzata mill-appellanti għandha tikkuntrasta l-valur probatorju tal-elementi ta’ prova li fuqhom jistrieħ l-analiżi tal-Kummissjoni, dan jassumi, naturalment, rabta kawżali bejn ħaġa u oħra. Nirreferi għaċ-ċirkustanza invokata minn E.ON Energie, ibbażata fuq il-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni. Din iċ-ċirkustanza ma tistax tikkuntrasta l-valur probatorju tal-kliem “VOID” li jinsabu fuq dan is-siġill ħlief jekk jintwera u jeżisti rabta kawżali bejn il-possibbli skadenza ta’ dak is-siġill u d-dehra ta’ dawk il-kliem.

38.

Konsegwentement, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-tieni aggravju bħala infondat.

C – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi, tal-ksur tal-prinċipji ta’ stat tad-dritt u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tan-natura illoġika u żbaljata tal-motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tar-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni

39.

It-tielet aggravju li tqajjem E.ON Energie jittratta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni li tinsab fil-punti 102 sa 115 tas-sentenza appellata.

1. Is-sentenza appellata

40.

Fil-punti 102 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha tippermetti li wieħed jikkonkludi favur ir-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni. L-ewwel nett, hija tqis li l-minuti ta’ twaħħil tas-siġill jikkonfermaw suffiċjentement ir-regolarità ta’ dak it-twaħħil, billi jirrimarkaw, f’dan ir-rigward, li ebda osservazzjoni ma kienu ġew ifformulati mill-appellanti f’dak li jikkonċerna l-allegata irregolarità. It-tieni nett, filwaqt li jiddeskrivu l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet li saru mis-sitt spetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt preżenti waqt it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dawn jikkonfermaw ir-regolarità ta’ dak it-twaħħil. It-tielet nett, hija rrilevat li d-dikjarazzjonijiet li saru mill-erba’ spetturi l-oħra li kienu pparteċipaw fl-ispezzjonijiet ma kinux jikkuntrastaw il-valur probatorju tal-provi.

41.

Kien fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kienet, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-provi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li s-siġill inkwistjoni kien twaħħal b’mod regolari, b’mod li dan kien weħel mal-bieb tal-bini u li kien intatt, fis-sens li ma kinux jidhru l-kliem “VOID”.

2. L-argumenti tal-partijiet

42.

It-tielet aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti tinvoka, b’mod diżordinat, żbalji ta’ liġi diversi u varjati, jista’ jinqasam fi tlett ilmenti.

43.

L-ewwel nett, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li kienu tressqu quddiemha.

44.

Minn naħa, hija kienet, skorrettement, evalwat ir-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni fid-dawl biss tal-integrità esterna tiegħu, billi hija kkonstatat, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li huwa kien intatt, fis-sens li fuqu ma kinux jidhru l-kliem “VOID” fil-mument li fih il-grupp ta’ spezzjoni kien telaq minn fuq il-post tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-integrità interna ta’ dan is-siġill li ma setgħetx tidher b’mod evidenti mill-estern, waqt id-dekors ta’ żmien qasir li għadda bejn il-mument li fih huwa twaħħal u l-mument li fih il-grupp ta’ spezzjoni telaq minn fuq il-post. Billi ttraskurat din il-prova, il-Qorti Ġenerali kienet, konsegwentement, interpretat ħażin il-prinċipji ta’ stat ta’ dritt kif ukoll id-dritt għall amministrazzjoni tajba kkonsagrat fl-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 14 ), għaliex hija ma kinitx fi stat li tistħarreġ mad-daqqa t’għajn il-karattru regolari tal-azzjoni tal-Kummissjoni.

45.

Min-naħa l-oħra, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-minuti tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni billi attribwithielha tenur dikjaratorju u valur probatorju li hija manifestament ma kellhiex, dawn il-minuti ma jipprovdu ebda indikazzjoni dwar il-karattru insospettabbli tat-twaħħil ta’ dan is-siġill. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kienet kisret il-“liġi tal-loġika”.

46.

It-tieni nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li bbażat l-analiżi tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt dwar it-twaħħil tal-imsemmi siġill. Dawn kienu rrilevanti peress li dawn tal-aħħar kienu fl-inkapaċità li jevalwaw l-integrità interna tas-siġill inkwistjoni.

47.

It-tielet nett, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni żbaljata. Fil-fatt, fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet indikat li hija “kienet taf perfettament l-importanza [tas-sinjali ‘VOID’]” meta hija ma kellha la l-possibbiltà u lanqas l-opportunità li tkun taf ir-reazzjoni partikolari tal-film tas-siġill inkwistjoni lanqas, minħabba f’hekk, li tivverifika l-proprjetajiet konkreti tiegħu.

48.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti u tqis li, bit-tielet aggravju, E.ON Energie tipprova, fir-realtà, li tikkontesta l-konklużjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali, u għalhekk dan l-aggravju kien inammissibbli.

3. L-evalwazzjoni tiegħi

49.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel lment ibbażat fuq l-iżnaturazzjoni tal-provi, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, meta rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li jkunu tressqu quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma hijiex, bħala regola ġenerali, kompetenti sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn tal-fatti, tista’ tipproċedi għal stħarriġ ġudizzjarju. F’din l-ipoteżi, l-appellant għalhekk għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi u li jiġu prodotti provi ġodda ( 15 ).

50.

Sabiex nevalwa l-ammissibbiltà u l-mertu ta’ dan l-aggravju, jiena ser nagħmel distinzjoni skont jekk l-appellanti tittrattax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-integrità tas-siġill inkwistjoni jew dik dwar il-valur tal-minuti tat-twaħħil ta’ dan is-siġill.

51.

Fl-ewwel każ, l-allegazzjonijiet ta’ E.ON Energie ma jammontawx, fil-fehma tiegħi, għal żnaturazzjoni tal-provi. Billi tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-alterazzjonijiet interni li għalihom is-siġill inkwistjoni seta’ kien suġġett, l-appellanti tavvanza, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-definizzjoni proprja tagħha tal-kunċett ta’ inalterazzjoni ta’ siġill, li fid-dawl tagħhom hija tixtieq tkejjel il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-provi. Hija tikkontesta għalhekk l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali dwar il-karattru intatt tas-siġill inkwistjoni abbażi tal-provi li jkunu tressqu quddiemha, u b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kliem “VOID” ma jkunu jidhru fuq l-imsemmi siġill fil-mument li fih dan ikun twaħħal u dak li fih l-ispetturi jkunu ħallew il-bini tal-appellanti.

52.

Madankollu, jiena naħseb li dan jammonta għal evalwazzjoni fattwali li ma hijiex ammissibbli fil-kuntest ta’ appell għall-istess raġunijiet li jiena esponejt fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

53.

Peress li l-ilmenti tal-appellanti huma bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ stat tad-dritt u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba jitnisslu mill-allegata alterazzjoni tal-integrità tas-siġill inkwistjoni, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma ppreżentat l-ebda argument legali li jista’ b’mod speċifiku jsostni dawn l-ilmenti.

54.

Fit-tieni każ, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-minuti tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni billi akkordatlu valur probatorju, anki jekk dawn ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni dwar il-karattru insospettabbli tat-twaħħil ta’ dan is-siġill.

55.

Meħuda inkunsiderazzjoni l-kompetenza mogħtija lilha, l-istħarriġ li jsir mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa dan l-argument għandu jkun limitat għall-verifika jekk il-Qorti Ġenerali tkunx manifestament marret lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-minuti billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha tar-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni fuq id-dokument imsemmi.

56.

F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li l-minuti li jikkonstataw it-twaħħil regolari tas-siġill inkwistjoni redatt u ffirmat mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Bundeskartellamt u tar-rikkonrenti jikkonfermaw dan, u dan sa kemm ma jkunx hemm prova kuntrarja. Madankollu, f’dan il-każ, l-argumenti żviluppati mill-appellanti insostenn tat-tielet aggravju ma titfa’ l-ebda dawl fuq xi skorrettezza materjali fl-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat lill-minuti msemmija u ma jsemmu, barra minn hekk, l-ebda fattur ta’ natura li juri li din kienet ivvizzjata minn konstatazzjonijiet skorretti jew dikjarazzjonijiet foloz.

57.

Konsegwentement, l-appellanti ma tistax targumenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-minuti tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni u dan l-argument għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala nfondat. Nissuġġerixxi wkoll li jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-“liġi tal-loġika” li jitnissel mill-allegata żnaturazzjoni tal-imsemmija minuti.

58.

Bit-tieni ilment tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat b’mod żbaljat id-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt dwar it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni. Fir-realtà, l-appellanti tillimita ruħha sabiex tikkritika r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fid-dawl tal-kompetenza tal-imsemmija spetturi, peress li dawn ma kinux, fil-fehma tagħha, f’qagħda li jevalwaw il-funzjonament intern ta’ dak is-siġill. Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-poter li tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-provi li jitressqu quddiemha, meta l-provi li jiġu adottati insostenn tal-fatti jkunu ġew miksuba regolarment u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll r-regoli ta’ proċedura applikabbli fl-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew irrispettati ( 16 ). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ biss, skont l-Artikolu 256 TFUE, il-karatterizzazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li siltet minnhom il-Qorti Ġenerali ( 17 ).

59.

Madankollu, l-appellanti ma tiżviluppa, f’dan ir-rigward, l-ebda argumentazzjoni ta’ natura li tista’ tikkontesta l-evalwazzjoni ġuridika li l-Qorti Ġenerali siltet dwar it-twaħħil regolari tas-siġill inkwistjoni.

60.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li t-tieni ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

61.

Bit-tielet ilment, E.ON Energie targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball “ta’ motivazzjoni” meta ddeċidiet fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li “hija kienet taf perfettament l-importanza [tas-sinjali ‘VOID’]” meta hija la kellha l-possibbiltà u lanqas l-opportunità li tkun taf ir-reazzjoni partikolari tal-film tas-siġill inkwistjoni lanqas, minħabba f’hekk, dawk li tivverifika l-proprjetajiet partikolari tiegħu.

62.

Dan l-ilment huwa, fil-fehma tiegħi, inoperattiv. Fil-fatt, dan huwa indirizzat kontra motiv żejjed u l-kritika li l-appellanti tindirizza kontra dik id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk twassal għall-annullament tas-sentenza appellata ( 18 ).

63.

F’kull każ, l-argumenti ppreżentati mill-appellanti huma, fil-fehma tiegħi, irrilevanti għall-aħħar. Minn naħa, l-appellanti ma turix li l-Qorti Ġenerali kienet effettivament wettqet żball tal-ligi fl-evalwazzjoni tagħha, anki jekk imtebba’ b’kontradizzjoni tal-motivi. Min-naħa l-oħra, din l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tinqara fil-kuntest li fih inkitbet. Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invokat espressament l-ipoteżi li l-appellanti tkun ikkonstatat id-dehra tas-sinjali “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni. F’dan is-sens, hija ppreċiżat, “jista’ jitqies li hija kienet tifformula immedjatament ossservazzjonijiet f’dan ir-rigward, peress li hija kienet taf perfettament l-importanza ta’ tali sinjali”. Din id-dikjarazzjoni kienet għalhekk tqis b’mod reali l-kwistjoni tad-dehra ta’ dawn is-sinjali fuq is-siġill inkwistjoni u r-reazzjoni tal-appellanti dwar dan u xejn ma kienet għalhekk kwistjoni jekk din kinitx taf il-proprjetajiet fiżiċi tal-imsemmi siġill jew ir-reazzjoni tiegħu għall-influwenzi esterni.

64.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan it-tielet ilment bħala infondat.

65.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan it-tielet aggravju bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment irrilevanti.

D – Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq in-natura illoġika tal-motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-argument dwar il-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni

66.

Insostenn tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-argument li l-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni setgħet kienet il-kaġun tad-dehra tas-sinjali “VOID” fuq dan is-siġill.

1. Is-sentenza appellata

67.

Fil-punti 199 sa 234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-appellanti kinitx stabbiliet l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li setgħu jaffettwaw il-valur probatorju tal-provi li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tas-siġill. B’mod partikolari, fil-punti 202 u 203 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument li s-saħħa ta’ adeżjoni tal-film ta’ sigurtà tas-siġill inkwistjoni kienet ġiet affettwata bl-iskadenza ta’ dak is-siġill. Madankollu, hija ddeċidiet li l-appellanti ma ġabitx prova ta’ rabta kawżali bejn il-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni u d-dehra tas-sinjali “VOID” fuq dak is-siġill. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dawn is-sinjali ma kinux dehru fuq is-siġill inkwistjoni anki meta siġilli oħra mill-istess lott kienu twaħħlu fuq il-bibien l-oħra u ma jurux din il-karatteristika. Hija kienet, konsegwentement, ċaħdet l-argument tal-appellanti.

2. L-argumenti tal-partijiet

68.

E.ON Energie tikkontesta, essenzjalment, id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 203 tas-sentenza appellata li l-allegazzjoni li l-mogħdija taż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni ma kinitx il-kaġun tas-sinjali “VOID” li dehru fuq dan is-siġill.

69.

Skont l-appellanti, din l-evalwazzjoni kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u għalhekk kienet tikser il-“liġi tal-loġika”. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx teskludi ċirkustanza simili għar-raġuni biss li s-siġill inkwistjoni kien juri s-sinjali “VOID” meta s-siġilli użati fuq il-bibien l-oħra u li kienu provenjenti mill-istess lott ma kinux juru s-sinjali msemmija. Hija preċiżament il-karatteristika tal-produzzjoni bil-massa li difett partikolari jwassal għal falliment ta’ prodotti iżolati biss. Barra minn hekk, huwa stabbilit, f’dan il-każ, li t-twaħħil ta’ siġilli oħra ma kienx jikkonċerna l-bibien magħmula minn pannelli akustiċi u minn qafas ta’ elossidu tal-aluminju.

70.

Il-Kummissjoni targumenta li dan l-aggravju ma huwiex ammissibbli għaliex E.ON Energie tikkritika konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma tistax, konsegwentement, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell.

3. L-evalwazzjoni tiegħi

71.

Insostni li r-raba’ aggravju ma huwiex ammissibbli fid-dawl tal-prinċipji li jiena esponejt fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

72.

Fil-fatt, permezz ta’ dan l-aggravju bbażat fuq difett ta’ motivazzjoni, l-appellanti tikkritika, fir-realtà, konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-prova tal-fatti li tressqu quddiemha. Din il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 203 tas-sentenza appellata, hija evalwazzjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi diskussa fil-kuntest ta’ appell għaliex l-appellanti ma targumenta dwar ebda żnaturazzjoni tal-provi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha.

E – Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq irregolaritajiet fl-amministrazzjoni tal-prova, ta’ ksur tal-prinċipju in dubio pro reo u tal-kontradizzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-istat tas-siġill inkwistjoni

73.

Bil-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-istat tas-siġill inkwistjoni fil-ġurnata ta’ wara l-ispezzjoni.

1. Is-sentenza appellata

74.

Fil-punti 134 sa 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kinux jippermettu l-konklużjoni tal-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ siġill. Hija kkonkludiet li tali kien il-każ fid-dawl tal-istat tas-siġill inkwistjoni filgħodu tat-30 ta’ Mejju 2006, kif deskritt fil-minuti ta’ ksur tas-siġill u tad-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi preżenti fuq il-post. Imbagħad, fil-punti 147 sa 156 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi invokati mill-appellanti, jiġifieri il-fatt li s-sinjali “VOID” bilkemm kienu jidhru u l-fatt li l-Kummissjoni kienet skorrettement ibbażat ruħha fuq ir-ritratti tas-siġill inkwistjoni, kinux ta’ natura tali li jqegħdu f’dubju l-valur probatorju ta’ dawn il-provi.

2. L-argumenti tal-partijiet

75.

L-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 146 tas-sentenza appellata li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni setgħu jwasslu għall-konklużjoni li s-siġill inkwistjoni kien inqala’ mill-bieb tal-bini G.505 matul il-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006 u li dak il-bieb seta’ għalhekk infetaħ f’dak l-intervall, kont meħud, b’mod partikolari, li s-sinjali “VOID” kienu jidhru fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni. B’mod partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset bħala rrilevanti l-argument li billi dawn is-sinjali fuq il-qafas tal-bieb ma kinux tħassru u kienu intatti, dan kien jindika “reazzjoni pożittiva falza”.

76.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali suppost li kienet ikkontradiċiet il-konstatazzjonijiet tagħha stess. Minn naħa, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, hija kienet ikkonstatat li kien impossibbli li s-siġill inkwistjoni jitwaħħal fl-istess post li fih kien imwaħħal preċedentement. Min-naħa l-oħra, fil-punt 149 ta’ dik is-sentenza, hija kienet, imbagħad, irrilevat li d-dehra tas-sinjali “VOID” kienet tindika li s-siġill inkwistjoni kien inkiser u l-kolla nqalgħet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkontradiċiet l-espożizzjoni tal-Kummissjoni li kull ripożizzjonament tas-siġill kellu jwassal għal danneġġjament tal-ittri, b’mod li l-karattru intatt tas-sinjali “VOID” kellu jipprova li kellu jiġi eskluż ripożizzjonament tas-siġill wara li dan kien inqala’. Barra minn hekk, l-appellanti targumenta li dawn is-sinjali setgħu jidhru fuq il-qafas tal-bieb, fin-nuqqas tal-qlugħ tas-siġill, unikament wara “reazzjoni pożittiva falza”. Konsegwentement, b’applikazzjoni tal-prinċipju in dubio pro reo, jista’ jkun l-istess f’dak li jikkonċerna l-parti tas-siġill li twaħħlet mal-qafas tal-bieb.

77.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma wettqitx atti ta’ investigazzjoni dwar l-istat tas-sinjali “VOID” fuq il-qafas tal-bieb.

78.

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni, b’mod partikolari li E.ON Energie tipprova mill-ġdid tikkontesta konstatazzjonijiet fattwali, b’mod li l-ħames aggravju għandu jkun inammissibbli.

3. L-evalwazzjoni tiegħi

79.

Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-ħames aggravju ma huwiex ammissibbli.

80.

Minn naħa, jirriżulta ċar ħafna mill-iskritturi tal-appellanti, u b’mod partikolari mir-riferenzi ripetuti li hija tipproċedi għalihom fir-rikors tagħha u fir-risposta tal-Kummissjoni ppreżentata fl-ewwel istanza, li hija tipprova, fir-realtà, tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tal-argumenti li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u evalwazzjoni ġdida tal-provi.

81.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appell ma jkunx ammissibbli jekk l-appellanti tillimita ruħha biex tirrepeti jew tirriproduċi testwalment il-motivi jew argumenti li tkun ippreżentat diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, u jekk hija ma tispjegax u ma tidentifikax l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-appell jikkostitwixxi fir-realtà talba li tippermetti lill-appellant jikseb eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ). Min-naħa l-oħra, meta l-appellanti jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha ( 20 ).

82.

F’dan il-każ, jekk l-appellanti tidentifika, fil-kliem tal-ħames aggravju tagħha, ksur tal-prinċipju in dubio pro reo, jiena nikkonstata li hija ma tispjegax dak l-iżball ta’ liġi li bih suppost hija vvizzjata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali u lanqas ma tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

83.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-atti investigattivi supplimentari li l-Qorti Ġenerali kellha tordna, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li hija biss għandha tiddeċiedi dwar il-possibbli neċessità li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li minnhom hija tiddisponi fil-kawżi li jinġabu quddiemha. Il-valur probatorju ta’ dawn il-provi jidħol fl-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni, għalhekk, ma tistax tiġi mistħarrġa minnha meta hija tkun qed tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell, sakemm il-partijiet ma jsostnux li kien hemm żnaturazzjoni tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-atti tal-proċess ( 21 ).

84.

Madankollu, l-ebda indikazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-appell ma tista’ ġġegħlna naħsbu li dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-konklużjoni li tiġbed il-Qorti Ġenerali fil-punt 146 tas-sentenza appellata hija, ta’ min jenfażizza, ibbażata suffiċjentement fuq l-evalwazzjoni tal-provi differenti li ġew sottomessi lilha mill-Kummissjoni, li jinsabu fil-punti 136 sa 145 tas-sentenza msemmija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li dan l-argument ma huwiex ammissibbli u, f’kull każ, dan jidhirli li huwa nfondat.

85.

Nipproponi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad il-ħames aggravju tal-appell bħala inammissibbli.

F – Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont tal-multa

86.

Bis-sitt aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta, essenzjalment, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali eżerċitat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur u tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta taħt l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003.

1. Is-sentenza appellata

87.

Fil-punti 276 sa 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx, suffiċjentement, immotivat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-kriterji li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti.

88.

Minn naħa, hija rrilevat li r-raġunament tal-Kummissjoni kien jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku fid-deċiżjoni kkontestata. Din kienet indikat li l-ammont tal-multa kien ibbażat b’mod partikolari fuq il-gravità tal-ksur u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Hija ppreċiżat, barra minn hekk, li ksur tas-siġill kien jirrappreżenta ksur gravi u li l-multa kellha tiggarantixxi effett dissważiv. Il-Kummissjoni żiedet li kienu jeżistu, f’dan il-każ, indikazzjonijiet ta’ ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni li l-ispezzjoni kellha għalhekk tippermettilha tivverifika u li d-dokumenti li ma kinux ikkatalogati kienu jinsabu fil-bini ssiġillat. Hija ppreċiżat li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tikkalkula l-ammont tal-multa, il-fatt li dan kien l-ewwel każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-fatt li l-appellanti kienet ġiet informata bil-multi għoljin fil-każ ta’ ksur tas-siġill, meħud inkunsiderazzjoni l-importanza tagħha fuq is-suq u l-esperti legali li hija kienet inkarigat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet ċaħdet espressament l-argumenti invokati mill-appellanti bħala ċirkustanzi attenwanti.

89.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fir-rigward tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma kinitx adottat il-linji gwida li jipprovdu l-metodu tal-kalkolu li kien impost fuqha fil-kuntest tal-iffissar tal-multi.

90.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatturi li hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx, bil-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-appellanti, marbuta li tikkwantifika, f’valuri assoluti jew perċentwali, l-ammont bażi tal-multa u l-possibbli ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u ddeċidiet, fil-punt 284 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata konformement mal-eżiġenzi stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE.

91.

Fil-punti 285 sa 296 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet, imbagħad, eżaminat l-argument tal-appellanti dwar il-proporzjonalità tal-multa.

92.

Fil-punti 286 u 287 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza rilevanti dwar il-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

93.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti li l-Kummissjoni kienet qieset fir-rigward tagħha. Hija kienet, essenzjalment, iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienet applikat l-ebda ċirkustanza aggravanti fil-konfront tagħha, peress li hija kienet, korrettement, esponiet ir-raġunijiet għaliex il-ksur inkwistjoni kien partikolarment gravi. L-ewwel waħda kienet marbuta mal-iskop tas-siġilli u t-tieni man-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti għall-multa.

94.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet l-argument tal-appellanti dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

95.

B’mod partikolari, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li l-ksur ta’ siġill b’negliġenza ma kienx jammonta għal ċirkustanza attenwanti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, il-Kummissjoni kienet qieset li “mill-inqas” kien hemm ksur tas-siġill b’negliġenza u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ksur ikkostitwit mill-ksur tas-siġill jista’ jitwettaq intenzjonalment jew b’negliġenza.

96.

Imbagħad, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet qieset bħala li ma huwiex rilevanti il-fatt li ma kienx possibbli jiġi kkonstatat li d-dokumenti tneħħew mill-bini ssiġillat, billi fakkret li l-għan tat-twaħħil ta’ siġill huwa preċiżament dak li jevita kull manipulazzjoni tad-dokumenti mqiegħda fil-bini fl-assenza tal-gruppi ta’ ispezzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali nnutat li d-dokumenti mqiegħda fil-bini ma kinux ikkatolagati, b’mod partikolari minħabba n-numru kbir tagħhom, u li l-grupp ta’ spezzjoni ma setax jivverifika jekk id-dokumenti mqiegħda f’dan il-bini kinux nieqsa.

97.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali nnutat li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni li din kienet l-ewwel deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 anki jekk l-appellanti kellha esperti ġuridiċi, li hija kienet informata bil-konsegwenzi ta’ ksur tas-siġill, li l-emenda ta’ dan ir-regolament kienet seħħet iktar minn tlett snin qabel u li siġilli oħra kienu diġà twaħħlu fis-siti tal-grupp li minnu hija kienet tifforma parti.

98.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali nnutat kif ġej fil-punt 294 tas-sentenza appellata:

“Ir-raba’ nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, multa li tammonta għal EUR 38 miljun ma tistax titqies bħala sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, fid-dawl tan-natura partikolarment serja ta’ ksur ta’ siġill, tad-daqs tar-rikorrenti u tan-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa, sabiex ma jkunx iktar vantaġġuż għal impriża li tikser siġill imwaħħal mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ spezzjonijiet.”

2. L-argumenti tal-partijiet

99.

Bis-sitt aggravju tagħha, E.ON Energie ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kienet, b’mod partikolari, kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur u tal-ammont tal-multa l-fatt li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova sabiex turi li l-bieb tal-bini kien effettivament infetaħ jew li xi dokumenti kienu ġew nieqsa. Madankollu, dawn kienu, skont l-appellanti, provi determinanti għaliex l-għan ta’ twaħħil ta’ siġill, kif iddikjarat fil-punt 291 tas-sentenza appellata, huwa li tiġi evitata kull manipulazzjoni tad-dokumenti mqiegħda fil-bini ssiġillat. Hija żżid li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, konsegwentement il-Qorti Ġenerali kien imissha rriduċiet l-ammont tal-multa.

100.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, tal-fatt li l-Kummissjoni użat siġill li kien għadda ż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tiegħu. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kienet ukoll responsabbli għas-sitwazzjoni relattivament fluwida li fiha kienu jinsabu l-partijiet u kienet induċiet lill-appellanti fi żball f’dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ sigurtà li kellhom jittieħdu. L-appellanti tinvoka f’dan ir-rigward, b’analoġija, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni ( 22 ) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ksur ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-għanijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa peress li huwa fatt li ma setax jiġi eskluż li t-test ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni seta’ jwassal lil min jaħseb li prattika simili kienet madankollu aċċettata bħala li kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

101.

Fl-aħħar nett, E.ON Energie ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet interpretat ħażin ir-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-provi billi rrifjutat li tordna investigazzjoni dwar il-ftuħ tal-bieb tal-bini G.505.

102.

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt aggravju.

3. L-evalwazzjoni tiegħi

103.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rispett tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jikkontestax li l-Kummissjoni jkollha l-kompitu li tfittex, tistruwixxi u tirrreprimi l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sakemm id-deċiżjoni li tittieħed tkun suġġetta għal stħarriġ ulterjuri minn organu ġudizzjarju li jkun igawdi minn kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ( 24 ).

104.

Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din il-kompetenza għandha tinkludi il-“poter li tirriforma fil-punti kollha, kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt, id-deċiżjoni li tittieħed, meħuda mill-organu inferjuri” ( 25 ). Fi kliem ieħor, il-qorti għandu jkollha l-poter li teżamina l-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jimpinġu fuq il-kawża li tinġieb quddiemha u ma għandhiex tkun illimitata għall-istħarriġ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

105.

L-ewwel nett, għandu jkollha l-poter għalhekk li tivverifika jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, l-awtorità amministrattiva wettqitx użu korrett tal-poteri tagħha.

106.

It-tieni nett, il-qorti għandu jkollha l-poter li teżamina il-mertu u l-proporzjonalità ta’ għażla ta’ dik l-awtorità u tivverifika l-evalwazzjonijiet tagħha ta’ ordni teknika.

107.

It-tielet nett, l-istħarriġ dwar il-piena, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jimplika li l-qorti tivverifika u tanalizza b’mod iddetaljat l-adegwatezza tal-piena fil-konfront tal-ksur imwettaq, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-parametri rilevanti, inkluż il-proporzjonalità tal-piena, u jekk ikun il-każ tissostiwixxi lil din tal-aħħar ( 26 ).

108.

Is-severità tal-istħariġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali hija għalhekk kundizzjoni essenzjali sabiex il-proċedura attwali, ikkaratterizzata, minn naħa, min-natura penali tal-proċedura u tal-multi msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 27 ) u, min-naħa l-oħra, mill-konċentrazzjoni ta’ poteri fi ħdan il-Kummissjoni, ikunu kompatibbli mal-eżiġenzi tal-Artikoli 6 tal-KEDB u 47 tal-Karta.

109.

Skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 28 ), il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jikkonċerna l-multi ffissati mill-Kummissjoni.

110.

Din il-kompetenza, kif iddefinietha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ( 29 ), tippermetilha, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tal-piena, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Konsegwentement, meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa titressaq għall-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’, meħuda inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt, tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi tibdel b’mod partikolari l-ammont tal-multa imposta. Hija tista’ tissoprimi, tnaqqas jew iżżid l-ammont tagħha ( 30 ), filwaqt li taf li ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni lanqas bil-metodi li jinsabu fit-testi ta’ “soft law”, bħal ma huma l-linji gwida ( 31 ). Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk twettaq l-evalwazzjoni proprja tagħha u tista’, konsegwentement, tapplika mod ieħor ta’ kalkolu, anki jekk dan ikun inqas favorevoli għall-impriża kkonċernata. Għalhekk, fis-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet eżerċitat il-kompetenza tagħha perfettament billi mmodifikat il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-koeffiċjent iffissat mil-linji gwida fil-kuntest fejn il-kwistjoni tal-legalità tal-applikazzjoni ta’ tali koeffiċjent ma kinitx tqajmet fl-ewwel istanza.

111.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali hija, konsegwentement, marbuta li tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li, għandu jiġi mfakkar, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kkonsagrat illum bl-Artikolu 49(3) tal-Karta.

112.

Skont dak li fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 286 u 287 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

113.

Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ implementazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, dan jimplika li l-multa ma tkunx żmiżurata meta mqabbla mal-għanijiet li tfittex il-Kummissjoni u li l-ammont tagħha jkun proporzjonata għall-ksur, u li għandu jiġi evalwat “fl-intier tiegħu”, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra fakkret reċentement fis-sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-gravità tal-ksur huwa stabbilit abbażi ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, billi innotat, f’dan ir-rigward, li ma teżisti ebda lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandom b’mod obbligatorju jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 32 ).

114.

L-eżami tal-proporzjonalità tal-multa jimplika għalhekk li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża, bħalma huma l-imġieba tal-impriża u r-rwol tagħha fl-istabbiliment tal-prattika kontra l-kompetizzjoni, il-kobor tagħha, il-valur tal-merkanzija kkonċernata jew ukoll il-profitt li hija setgħet tiġbed mill-ksur imwettaq u l-għan imfittex u r-riskji li ksur ta’ dan it-tip jippreżentaw għall-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.

115.

Dan jimplika, konsegwentement, u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li l-Qorti Ġenerali tevalwa l-ammont tal-multa lil hinn mill-punti biss ta’ dritt jew ta’ fatt ikkontestati mill-impriża kkonċernata.

116.

Jekk dawn il-prinċipji jiġu applikati għall-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet dwar il-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta lil E.ON Energie, jiena naħseb li din ma wettqitx kompletament l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

117.

Fil-fatt, jiena naħseb li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha sabiex tiddikjara, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, li, “bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, multa li tammonta għal EUR 38 miljun ma tistax titqies bħala sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, fid-dawl tan-natura partikolarment serja ta’ ksur ta’ siġill, tad-daqs tar-rikorrenti u tan-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa”.

118.

Jekk dan il-punt għandu manifestament jiġi moqri fid-dawl tal-punti 288 sa 293 ta’ dik is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma kkomportatx ruħha bħala qorti tal-appell billi teżamina u tistudja il-proċess ex novo, kif jeżiġi l-Artikolu 6 tal-KEDB.

119.

L-ewwel nett, jiena naħseb li l-Qorti Ġenerali ma pproċedietx għal evalwazzjoni suffiċjentement indipendenti minn dik adottata mill-Kummissjoni.

120.

F’dan il-każ, il-kwistjoni kienet dik jekk il-multa li dik kienet stabilixxiet fl-ammont ta’ EUR 38 miljun kinitx tikkostitwixxi l-piena ġusta tal-komportament li bih E.ON Energie kienet akkużata. Multa ta’ tali ammont tippermetti li jitrażżan b’mod effikaċi l-aġir illegali tal-appellanti, b’mod li ma hijiex negliġibbli u li tibqa’ suffiċjentement dissważiva? Fuq dan il-punt, jiena nħoss li l-Qorti Ġenerali ma ffurmatx l-opinjoni tagħha nnifisha, billi rreferiet biss għall-ammont determinat b’mod pjuttost astratt mill-Kummissjoni.

121.

Minn naħa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-punti 288 sa 294 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss il-punti ta’ dritt ikkontestati bejn il-partijiet, jiġifieri l-gravità tal-ksur u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti u aggravanti fil-kalkolu tal-multa.

122.

Min-naħa l-oħra, f’erba’ mis-sitt punti ta’ motivi li jiffurmaw l-evalwazzjoni, din tirreferi espressament għall-evalwazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Jekk huwa veru li l-Kummissjoni kienet, korrettement, esponiet ir-raġunijiet għala l-ksur ta’ ksur tas-siġill jikkostitwixxi ksur partikolarment gravi, huwa daqstant ieħor veru li l-Kummissjoni kellha d-dritt, skont ġurisprudenza stabbilita, li tiżgura effett suffiċjentement dissważiv lill-multa u kellha għal dan l-għan poter ta’ evalwazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, għandha tirrimetti ruħha għall-mod li bih dik tkun eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha lanqas għall-metodoloġija li hija kienet possibilment segwiet.

123.

It-tieni nett, jidhirli diffiċli li l-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti tiġi evalwata mingħajr ma jissemmew u jkunu eżaminati il-kobor u r-riżorsi globali ta’ E.ON Energie.

124.

Fil-fatt, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tindika li “multa li tammonta għal EUR 38 miljun ma tistax titqies bħala sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, fid-dawl […] tad-daqs tar-rikorrenti”. Madankollu, la d-deċiżjoni kkontestata lanqas is-sentenza appellata ma jsemmu l-kobor tad-dħul mill-bejgħ jew tal-kapital ta’ E.ON Energie. Huwa biss il-punt 3 ta’ dik is-sentenza li jippreċiża li din tal-aħħar hija sussidjara sa 100 % ta’ E.ON AG (iktar ’il quddiem “E.ON”) u l-punt 282 tas-sentenza imsemmija jindika li din hija mill-ikbar impriżi Ewropej fis-settur tal-enerġija.

125.

Fin-nuqqas ta’ din id-data, huwa, ċertament, possibbli li jiġu estrapolati d-dħul mill-bejgħ imwettaq fl-2005 minn E.ON Energie abbażi tal-fatturi li jissemmew fil-punt 113 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika li l-ammont tal-multa ta’ EUR 38 miljun jikkorrispondi għal 0.14 % tad-dħul mill-bejgħ tal-appellanti. Fuq din il-bażi, din titla’ għalhekk għal EUR 27.142 biljun ( 33 ). Madankollu, jekk wieħed jirreferi għar-rapport annwali tal-attivitajiet tal-2005 tal-appellanti ( 34 ), din kienet tiġġenera dħul mill-bejgħ ta’ EUR 23.246 biljun, jew EUR 4 biljun inqas. Barra minn hekk, waqt is-seduta, E.ON Energie kkonfermat li wettqet matul is-sena 2005 dħul mill-bejgħ annwali ta’ EUR 25 biljun, jew 2 biljun inqas.

126.

Fil-fehma tiegħi, ma għandu jkollna l-ebda dubju dwar d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn E.ON Energie, b’mod partikolari f’dan l-istadju tal-proċedura u fil-kuntest tal-kalkolu ta’ multa espressament ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ E.ON Energie. Il-Qorti Ġenerali kellha għalhekk tiċċara dan il-punt mingħajr ma tirreferi biss għall-perċentwali, relativament astratta, imsemmija mill-Kummissjoni fil-punt 113 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa indispensabbli li wieħed ikun jaf u jeżamina d-data finanzjarja ta’ E.ON Energie sabiex jevalwa l-ammont ġust tal-multa.

127.

Minn naħa, din id-data tippermetti li jiġi evalwat l-ammont tal-piena li għandha tinkorri effettivament E.ON Energie minħabba l-ksur ta’ ksur tas-siġill, għaliex dan huwa fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-multa. Huwa wkoll interessanti li jiġ enfażizzat li, skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni kellha d-dritt li timponi fuq l-appellanti multa li tikkorrispondi sa 1 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul l-aħħar sena finanzjarja tagħha, u dan, fid-dawl tad-data li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata, seta’ jirrappreżenta multa ta’ mhux iktar minn EUR 253 miljun ( 35 ). Il-karattru proporzjonat tal-ammont tal-multa seta’ għalhekk jiġi kkonfermat miċ-ċirkustanza li din ġiet iffissata f’livell ferm inqas mill-limitu ffissat mir-Regolament Nru 1/2003.

128.

Min-naħa l-oħra, id-data msemmija kienu jippermettu li jiġi evalwat l-ammont tal-multa li l-appellanti setgħet tinkorri minħabba l-prattiki kontra l-kompetizzjoni li fuqhom il-Kummissjoni kienet qed tindaga. B’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2)(a) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa imposta seta’ jilħaq 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn E.ON Energie, jew EUR 2.7 biljun jekk wieħed jibbaża ruħu fuq id-data tal-Kummissjoni. Dak il-fattur juri fil-fehma tiegħi l-vantaġġ kunsiderevoli li setgħet tieħu E.ON Energie mill-ksur tas-siġill imwaħħal mill-Kummissjoni u mill-qbid tad-dokumenti maħżuna.

129.

Fl-aħħar nett, huwa bl-eżami tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ E.ON Energie li wieħed jista’ jiżgura, permezz tal-effett imfittex fuq din, effett dissważiv suffiċjenti tal-multa u li wieħed jiggarantixxi li l-piena ma tkunx negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħha ( 36 ).

130.

It-tielet nett, l-evalwazzjoni dwar il-proporzjonalità tal-multa teżiġi, fil-fehma tiegħi, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan kien ksur imwettaq b’negliġenza. Huwa veru li l-Qorti Ġenerali kienet, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, ċaħdet li dan il-fattur jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti u ma kinitx, konsegwentement, ħaditu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-punt 294 ta’ dik is-sentenza. Madankollu, jiena ma naqbilx mal-evalwazzjoni tagħha, għaliex il-motivi invokati ma jiġġustifikawx il-konklużjoni tagħha. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet ammettiet li kien ksur imwettaq “mill-inqas” b’negliġenza u l-fatt li, skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ksur ikkostitwit mill-ksur tas-siġill jista’ jiġi mwettaq intenzjonalment jew b’mod negliġenti huma argumenti dwar il-kostituzzjoni tal-ksur, li ma jidħlux, fil-fehma tiegħi, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Peress li n-negliġenza tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti taħt il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ( 37 ), wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk din hijiex, fil-verità, rilevanti għall-finijiet ta’ kalkolu tal-multa imposta fil-każ ta’ ksur tas-siġill.

131.

Konsegwentement u għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nħoss li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq l-appellanti.

132.

Għal dan il-motiv, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara s-sitt aggravju fondat u li tannulla s-sentenza appellata.

133.

L-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid li jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha.

134.

F’dan il-każ, jiena nħoss li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta fuq E.ON Energie tirrikjedi ċerti indaġini ta’ fatt, b’mod partikolari dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha, u teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha ta’ natura fattwali dwar iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li ma jinsabux għad-dispożizzjoni tagħna.

135.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nipproponi r-rinviju ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-proporzjonalità tal-multa imposta fuq l-appellanti u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

IV – Konklużjoni

136.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (T-141/08), għandha tiġi annullata għaliex il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma eżerċitatx il-poter ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-multa imposta mill-Kummissjoni Ewropea fuq E.ON Energie AG.

2)

Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq il-proporzjonalità tal-multa imsemmija.

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem “E.ON Energie”.

( 3 ) T-141/08, Ġabra p. II-5761, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 4 ) Deċiżjoni dwar l-iffissar ta’ multa bbażata fuq l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għal ksur tas-siġill — Kawża COMP/B-1/39.326 — E.ON Energie AG. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ pubblikazzjoni sommarja (ĠU 2008, C 240, p. 6, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 6 ) Il-Kummissjoni adottat, iktar tard, deċiżjoni oħra fl-24 ta’ Mejju 2011 fil-konfront ta’ Suez Environnement Company SA (Kawża COMP/39.796 — Suez Environnement — breach of seal) [C(2011) 3640 finali].

( 7 ) Għal spjegazzjoni sħiħa tal-fatti li waslu għall-kawża, nirreferi għall-punti 3 sa 31 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Din il-Konvenzjoni kienet ġiet iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 9 ) Enfażi miżjud.

( 10 ) C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 17 et seq.

( 11 ) Sentenza tad-9 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C-549/10 P, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004 (T-44/00, Ġabra p. II-2223, punti 261 u 262).

( 13 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004 (T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punti 342 u 343).

( 14 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq JCB Service vs Il-Kummissjoni (punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara d-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2006, Autosalone Ispra vs Il-Kummissjoni (C-129/06 P, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza PKK u KNK vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet Autosalone Ispra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975 (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663).

( 23 ) Punt 556.

( 24 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Schmautzer vs L-Awstrija, tat-23 ta’ Ottubru 1995, Serje A Nru 328-A, punt 36; Valico S.R.L. vs L-Italja, tal-10 ta’ Jannar 2001, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2006-III, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schmautzer vs L-Awstrija (punt 21), u A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L-Italja (punt 59).

( 26 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L-Italja, iċċitata iktar’il fuq (punti 64 sa 66).

( 27 ) Ara, fuq dan is-suġġett, punti 41 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda li wasslu għas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239). Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Biedem, ara, fl-aħħar nett, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L-Italja, iċċitata iktar’il fuq, li fiha il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tagħha Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tat-8 ta’ Ġunju 1976, Serje A Nru 22 (punti 82 et 83), iddiċidiet li multa ta’ EUR 6 miljun imposta fuq impriża għal prattiki kontra l-kompetizzjoni għandha karattru penali, b’mod li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandu jiġi applikat taħt il-perspettiva penali tiegħi (punt 44).

( 28 ) Ara wkoll, l-Artikolu 3(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/KEFA, KEE, Euratom, tal-24 ta’ Ottubru 1988, li tistabblixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/350/KEFA, KEE, Euratom, tat-8 ta’ Ġunju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 244).

( 29 ) Sentenza tat-8 ta’ Frar 2007 (C-3/06 P, Ġabra p. I-1331).

( 30 ) Punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni (T-11/06, Ġabra p. II-6681, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) Fir-rigward ta’ E.ON, il-kumpannija parent, il-kapital tagħha jammonta għal EUR 126.562 biljun u l-volum ta’ bejgħ tagħha għal EUR 56 399 biljun (ara r-rapport annwali tal-attivitajiet tal-2005, disponibbli fuq is-sit internet ta’ E.ON fl-indirizz http://www.eon.com).

( 34 ) Dan ir-rapport huwa disponibbli wkoll fuq is-sit internet ta’ E.ON.

( 35 ) Din iċ-ċifra kienet ġiet ikkonfermata minn E.ON Energie waqt is-seduta.

( 36 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 104).

( 37 ) Ara l-punt 29 tal-Linji Gwida dwar il-metodu għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 [traduzzjoni mhux uffiċjali], ĠU 2006, C 210, p. 2).