KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fid-19 ta’ April 2012 ( 1 )
Kawżi magħquda C-71/11 u C-99/11
Bundesrepublik Deutschland
vs
Y (C-71/11),
Z (C-99/11)
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Ġermanja)]
“Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati — Kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat — Artikolu 9 — Kunċett ta’ ‘atti ta’ persekuzzjoni’ — Eżistenza ta’ biża’ fondat ta’ persekuzzjoni — Interferenza serja għal-libertà tar-reliġjon — Ċittadini Pakistani membri tal-komunità reliġjuża Ahmadiyya — Atti tal-awtoritajiet Pakistani intiżi sabiex jillimitaw id-dritt ta’ manifestazzjoni tar-reliġjon fil-pubbliku”
|
1. |
B’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddefinixxi liema huma l-atti li jistgħu jikkostitwixxu “att ta’ persekuzzjoni” fil-kuntest ta’ ksur serju tal-libertà tar-reliġjon. Din hija kwistjoni ta’ importanza fundamentali, għaliex ir-risposta għal din id-domanda tiddetermina min, fost dawk li japplikaw għal ażil, jista’ jitlob l-istatus ta’ refuġjat u jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2004/83/KE ( 2 ). |
|
2. |
Dawn id-domandi jagħmlu parti mill-kawżi bejn il-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesministerium des Inneren (Ministeru Federali tal-Intern), huwa stess irrappreżentat mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati) ( 3 ), u Y (C-71/11) u Z (C-99/11), żewġ ċittadini Pakistani li talbu li jingħataw l-istatus ta’ refuġjati. Dawn iż-żewġ individwi huma membri attivi tal-komunità Ahmadiyya li hija moviment riformatur tal-Iżlam, ikkontestat għal żmien twil mill-Musulmani Sunniti li huma l-maġġoranza fil-Pakistan, u li għandu l-attivitajiet reliġjużi tiegħu ristretti severament mill-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan. Għalhekk, Y u Z ma jistgħux jistqarru t-twemmin tagħhom b’mod pubbliku mingħajr ma dawn il-prattiki jkunu fil-periklu li jitqiesu bħala ereżiji, reat kriminali li huwa suġġett, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi, għall-piena ta’ priġunerija jew saħansitra l-piena tal-mewt. |
|
3. |
Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) tagħmel, essenzjalment, tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, hija tistaqsi sa fejn interferenza għal-libertà tar-reliġjon, u b’mod partikolari għad-dritt tal-individwu li jistqarr it-twemmin tiegħu apertament u pjenament, tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva. |
|
4. |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ att ta’ persekuzzjoni għandux ikun ristrett biss għall-ksur li jaffettwa allegata “qalba” tal-libertà tar-reliġjon. |
|
5. |
Fl-aħħar nett, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-biża’ tar-refuġjat li jkun ippersegwitat huwiex fondat, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, meta dan fi ħsiebu jwettaq, meta jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, atti reliġjużi li ser jesponuh għal periklu għall-ħajja tiegħu, għal-libertà tiegħu jew għall-integrità tiegħu jew jekk huwiex, għall-kuntrarju, raġonevoli li wieħed jistenna li dan l-individwu jirrinunzja li jipprattika tali atti. |
I – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni
|
6. |
Is-sistema ta’ ażil komuni Ewropew hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 4 ) kif ukoll fuq ir-rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ). |
|
7. |
Fil-kuntest ta’ din is-sistema, id-Direttiva taħseb sabiex tistabbilixxi livelli minimi u kriterji komuni għall-Istati Membri kollha sabiex jirrikonoxxu lill-applikanti għal ażil l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-Istati Membri jibqgħu liberi, konsegwentement, li jadottaw jew iżommu regoli iktar favorevoli sabiex jiddeċiedu liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, sa fejn dawn ir-regoli huma kompatibbli mad-Direttiva ( 6 ). |
|
8. |
Il-kunċett ta’ “refuġjat” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, fl-istess termini bħal dawk użati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ġej: “‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun [biża’ fondat] li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita [tiegħu] u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]”. |
|
9. |
Ir-redatturi tal-Konvenzjoni ta’ Genève għażlu li ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ att ta’ persekuzzjoni. Dan huwa ddefinit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva kif ġej: “Atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] jridu:
|
|
10. |
L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva jinkludi, fl-aħħar nett, lista mhux eżawrjenti ta’ atti li jistgħu jaqgħu taħt din il-klassifikazzjoni. Fost dawn l-atti nsibu, b’mod partikolari, l-“atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali”, il-“miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja”, jew ukoll il-“prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju”. |
|
11. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jeżiġi rabta kawżali bejn l-att ta’ persekuzzjoni u r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tagħha. Dawn ir-raġunijiet huma ħamsa, fosthom ir-reliġjon. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva: “[…]
|
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13. |
L-applikazzjonijiet għal ażil li saru minn Y (C-71/11) u Z (C-99/11) fuq il-bażi tal-Artikolu 16a(1) tal-Liġi fundamentali (Grundgesetz) kienu ġew miċħuda mill-Bundesamt b’żewġ deċiżjonijiet meħuda rispettivament fl-4 ta’ Mejju 2004 u fit-8 ta’ Lulju 2004. Dan iddeċieda li ma kinux jeżistu elementi suffiċjenti li jippermettu li jiġi ddikjarat li l-persuni kkonċernati kienu ħallew il-pajjiż tal-oriġini tagħhom minħabba biża’ fondat li ser ikunu ppersegwitati. |
|
14. |
Madankollu, wara s-sentenzi mogħtija mill-Verwaltungsgericht, l-Oberverwaltungsgericht iddeċidiet, b’sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, li, bħala Ahmadisti attivi, Y u Z huma esposti għal riskju ta’ persekuzzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fuq it-Territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), fil-verżjoni ppubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 ( 8 ), u li, f’każ li huma jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, huma ma jkunux jistgħu jkomplu jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom fil-pubbliku, mingħajr ma jesponu ruħhom għal riskju għall-ħajja tagħhom, l-integrità tagħhom u l-libertà tagħhom. |
|
15. |
Rikors ta’ “Reviżjoni” ġie ppreżentat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht għal kull kawża. Din kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva, b’mod partikolari minħabba diverġenza fil-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi. |
|
16. |
Fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fil-kawża C-99/11, hija tesponi, konsegwentement, żewġ linji ġurisprudenzjali ( 9 ). L-ewwel waħda, adottata mill-Bundesamt u l-Bundesbeauftragter für Asylangelegenheiten (Delegat Federali dwar l-Ażil), hija anterjuri għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u tirrestrinġi l-kunċett ta’ persekuzzjoni għall-atti li jinterferixxu mal-“qalba” tal-libertà tar-reliġjon jew il-“minimu reliġjuż essenzjali” tal-bniedem. Din il-“qalba” hija komposta, minn naħa, mid-dritt ta’ kulħadd għal reliġjon tal-għażla tiegħu jew li ma jkollux reliġjon u, min-naħa l-oħra, id-dritt li jistqarr it-twemmin tiegħu fil-privat jew fiċ-ċirku ta’ dawk li għandhom l-istess twemmin ( 10 ). Skont din il-ġurisprudenza, ir-restrizzjonijiet fuq il-manifestazzjoni pubblika tat-twemmin, bħalma huma dawk imposti fuq il-membri tal-komunità Ahmadiyya, ma jikkostitwixxux interferenza serja biżżejjed għal-libertà tar-reliġjon sabiex jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni sakemm l-individwu ma jkunx diġà ġie espost għal theddida kemm għall-ħajja tiegħu, għall-integrità tiegħu jew għal-libertà tiegħu. Jekk dan mhux il-każ, l-awtoritajiet jistennew li l-individwu jġib ruħu b’mod raġonevoli meta jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu billi jastjeni minn jew billi jillimita kull manifestazzjoni pubblika tat-twemmin tiegħu. |
|
17. |
It-tieni linja ġurisprudenzjali hija adottata mill-Oberverwaltungsgericht u qrati oħra amministrattivi Ġermaniżi sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Hija intiża li testendi l-kunċett ta’ persekuzzjoni għall-interferenzi li jirrigwardaw ċerti prattiki tat-twemmin fil-pubbliku. F’din l-aħħar ipoteżi, jista’ jkun hemm prattiki li għandhom importanza partikolari għall-individwu u/jew jikkostitwixxu element ċentrali tad-duttrina reliġjuża. |
|
18. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, liema domandi huma fformulati fi kliem li huwa kważi identiku fiż-żewġ kawżi C-71/11 u C-99/11:
|
|
19. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawżi prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż, dak Franċiż u Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
III – L-analiżi tiegħi
A – L-osservazzjonijiet preliminari
|
20. |
Skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jimplika li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat ikun ikkonfrontat minn biża’ fondat ta’ persekuzzjoni ( 11 ) fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari. |
|
21. |
Sabiex tagħti l-istatus ta’ refuġjat, l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil għandha għaldaqstant tasal għall-konklużjoni li teżisti persekuzzjoni jew periklu ta’ persekuzzjoni kontra l-persuna kkonċernata. |
|
22. |
Mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva meħuda flimkien jirriżulta li l-kunċett ta’ persekuzzjoni huwa kompost minn żewġ elementi. L-ewwel wieħed huwa l-element materjali. Dan huwa l-“att ta’ persekuzzjoni” ddefinit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Dan l-element huwa determinanti għaliex huwa l-bażi tal-biża’ tal-individwu u jispjega l-impossibbiltà jew ir-rifjut tiegħu li jfittex il-protezzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tiegħu. It-tieni huwa l-element intellettwali. Dan huwa l-motiv imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva, li għalih l-att jew is-serje ta’ atti jew ta’ miżuri jitwettqu jew jiġu applikati. |
|
23. |
L-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil għandha sussegwentement teżamina, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi madwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jekk il-biża’ tar-refuġjat li jkun ippersegwitat, wara li jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, huwiex fondat. |
|
24. |
Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-portata ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal ażil ibbażata fuq interferenza għal-libertà tar-reliġjon. |
|
25. |
L-implikazzjonijiet tar-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għalhekk huma ċari. |
|
26. |
Dawn jirrigwardaw id-determinazzjoni ta’ min, fost dawk li japplikaw għal ażil, jista’ jibża’ b’mod raġonevoli li jkun espost għal “att ta’ persekuzzjoni” minħabba interferenza għal-libertà tiegħu tar-reliġjon u jista’, konsegwentement, jitlob l-istatus ta’ refuġjat. |
|
27. |
Dan ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss li tiddefinixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni komuni għall-Istati Membri kollha għall-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-reliġjon, imma wkoll li tindika livell minimu li taħtu dawn l-Istati ma jistgħux jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ att ta’ persekuzzjoni fil-konfront ta’ applikant għal ażil li jsofri minn restrizzjoni gravi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tiegħu tar-reliġjon fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. |
|
28. |
Ir-risposta għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju ser tkun iggwidata mill-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ sistema ta’ ażil komuni Ewropew. Fil-fatt, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-għan ma huwiex li tkun ipprovduta protezzjoni kull darba li individwu ma jistax jeżerċita b’mod sħiħ u effettiv, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, il-garanziji li huma rikonoxxuti lilu mill-Karta jew mill-KEDB, iżda li tillimita r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat għal dawk l-individwi li jirriskjaw li jkunu esposti għal ċaħda serja jew għal ksur sistematiku tad-drittijiet l-iktar essenzjali tagħhom u li l-ħajja tagħhom saret intollerabbli fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. |
|
29. |
Konsegwentement, ser ikun indispensabbli li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ att ta’ persekuzzjoni u kull tip ieħor ta’ miżuri diskriminatorji. Għandha għalhekk issir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni li fiha l-individwu jsofri restrizzjoni jew diskriminazzjoni fl-eżerċizzju ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħu u jemigra għal raġunijiet ta’ konvenjenza personali jew sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu jew l-istatus soċjali tiegħu minn dik li fiha l-individwu jsofri minn restrizzjoni tant gravi li thedded li ċċaħħdu mid-drittijiet tiegħu l-iktar essenzjali mingħajr ma jkun jista’ jikseb il-protezzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tiegħu. |
B – Fuq l-ewwel domanda
|
30. |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema miżura att li jirrestrinġi l-libertà tar-reliġjon u b’mod partikolari d-dritt ta’ kull wieħed li jistqarr it-twemmin tiegħu, jikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva. |
|
31. |
Ir-risposta għal din id-domanda jidhirli li titlob li l-ewwel nett tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk individwu jistax jintalab jirrestrinġi ċerti aspetti tal-eżerċizzju tar-reliġjon tiegħu għal dawk li l-qorti tar-rinviju ssejjaħ il-“qalba”. Tabilħaqq, fl-ipoteżi fejn ikun possibbli li tingħata risposta fl-affermattiv, din ikollha effett dirett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva. |
1. Id-dritt għal-libertà tar-reliġjon fil-kuntest tad-Direttiva
|
32. |
Il-libertà tar-reliġjon hija ggarantita fl-Unjoni Ewropea bl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Dan id-dritt huwa wkoll iggarantit, bl-istess kliem, fl-Artikolu 9(1) tal-KEDB. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, is-sens u l-portata ta’ din il-libertà għandhom għalhekk ikunu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tal-ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 12 ). |
|
33. |
Din il-qorti tikkunsidra li l-libertà tar-reliġjon hija waħda mis-sisien ta’ soċjetà demokratika. Din hija, fil-fehma tagħha, element essenzjali tal-identità ta’ min jemmen u ta’ kif jaraw il-ħajja tagħhom u hija xi ħaġa prezzjuża għall-atei, l-anjostiċi, ix-xettiċi jew l-indifferenti ( 13 ). |
|
34. |
Minn naħa, il-libertà tar-reliġjon titnissel mill-kuxjenza individwali, jiġifieri l-libertà li wieħed ikollu reliġjon, jew li ma jkollux reliġjon jew li jibdilha. Il-kunċett tar-reliġjon huwa interpretat f’sens wiesa’, peress li, kif juri l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, huwa jkopri l-konvinzjonijiet teistiċi, non-teistiċi u ateistiċi. Hija tapplika mhux biss għar-reliġjonijiet tradizzjonali, bħalma huma r-reliġjonijiet kattolika u musulmana, imma wkoll ir-reliġjonijiet iktar riċenti jew minoritarji. |
|
35. |
Dan il-komponent tal-libertà tar-reliġjon igawdi minn protezzjoni assoluta. |
|
36. |
Min-naħa l-oħra, il-libertà tar-reliġjon timplika l-libertà tal-istqarrija tat-twemmin. Din tal-aħħar tista’ tieħu forom differenti ħafna, għaliex tista’ tiġi eżerċitata minn individwu waħdu jew f’komunità, fil-privat jew fil-pubbliku, permezz tal-qima, tat-tagħlim, tal-prattika jew ta’ twettiq ta’ ritwali. |
|
37. |
Għall-kuntrarju, il-libertà tal-istqarrija tat-twemmin ma għandhiex natura assoluta. Hija ma tipproteġix kull att motivat jew ispirat minn reliġjon jew konvinzjoni u mhux dejjem tiggarantixxi d-dritt ta’ mġieba ddettata minn konvinzjoni reliġjuża ( 14 ). Barra minn hekk, hija tista’ tkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet fuq il-livell nazzjonali fil-kundizzjonijiet espressament imsemmija fl-Artikoli 52(1) tal-Karta u 9(2) tal-KEDB. |
|
38. |
F’dan il-kuntest, huwa possibbli li tiġi identifikata “qalba” fir-reliġjonijiet, li għandha tiġi stabbilita mill-awtoritajiet nazzjonali u suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja mitluba mingħand dawn tal-aħħar permezz ta’ rinviju preliminari, bħal f’dan il-każ? |
|
39. |
Fuq dan il-punt, ir-risposta tiegħi hija b’mod ċar fin-negattiv għal diversi raġunijiet. |
|
40. |
L-ewwel nett, jidhirli li dan l-approċċ huwa kuntrarju għat-test tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva. |
|
41. |
Qabelxejn, huwa magħruf kif eżerċizzju bħal dan, isir kemm isir b’attenzjoni minn min iwettqu, jaqa’, minnu nnifsu, taħt ir-riskju tal-arbitrarjetà. Minn hemm jitnissel ir-riskju, iċ-ċertezza, li joħorġu fehmiet daqs kemm ikun hemm individwi. Tali relattività fid-definizzjoni ta’ kunċett tant essenzjali u personali għal kull individwu ma tkunx tikkorrispondi għall-għan tad-Direttiva li tiġi stabbilita bażi komuni identifikabbli minn kulħadd. |
|
42. |
F’dan is-sens, fis-sentenza tagħha Leyla Şahin vs It-Turkija, iċċitata iktar ’il fuq, fuq l-ilbies tal-maktur tar-ras Iżlamiku fl-Università ta’ Istanbul (it-Turkija), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat li “ma huwiex possibbli li tiġi identifikata fl-Ewropa kollha konċezzjoni uniformi tas-sinjifikat tar-reliġjon fis-soċjetà […] u s-sens jew l-impatt tal-atti li jikkorrispondu għall-espressjoni pubblika ta’ konvinzjoni reliġjuża ser ivarjaw skont iż-żmien u l-kuntest” ( 15 ). Għaldaqstant, aħseb u ara madwar id-dinja u matul iż-żminijiet. Ir-reliġjon ma timplikax biss konvinzjoni, imma wkoll gruppi ta’ identità marbuta bir-razza tagħhom jew bin-nazzjonalità tagħhom. Din tgħaqqad tradizzjonijiet nazzjonali u kulturali, timplika qari radikali, konservattiv jew riformist u tħaddan firxa wiesgħa ta’ twemmin, ta’ riti u ta’ użanzi daqstant importanti għal ċerti reliġjonijiet daqs kemm huma insinjifikattivi għal oħrajn. |
|
43. |
Għalhekk, it-twettiq ta’ riti tista’ tinkludi atti ċerimonjali assoċjati ma’ ċerti stadji tal-ħajja kif ukoll prattiki varji integrali magħhom, inkluż il-bini ta’ postijiet ta’ qima, l-użu ta’ frażijiet u ta’ oġġetti ritwali, il-preżentazzjoni ta’ simboli u l-osservanza ta’ ġranet ta’ festa u ġranet ta’ mistrieħ kif ukoll ta’ użanzi bħalma huma l-osservanza ta’ dieta partikolari, l-ilbies ta’ ħwejjeġ jew xedd ir-ras li jikkonforma ma’ dik ir-reliġjon. Barra minn hekk, il-prattika u t-tagħlim tar-reliġjon jistgħu jimplikaw il-libertà li wieħed jagħżel il-mexxejja reliġjużi tiegħu, il-qassisin tiegħu u l-għalliema tiegħu, dik li jinżammu laqgħat, li jitwaqqfu seminarji jew skejjel reliġjużi, li jitħaddmu istituzzjonijiet karitatevoli, dik li wieħed jikteb jew jistampa u wkoll li jqassam pubblikazzjonijiet ( 16 ). |
|
44. |
Issa, kull wieħed minn dawn l-atti jkollu importanza partikolari skont il-preċetti tar-reliġjon ikkonċernata u, fil-kuntest tal-istess komunità, skont il-personalità tal-individwu. Huwa dan li jispjega li, f’għajnejn il-UNHCR, l-applikazzjonijiet għal ażil ibbażati fuq ir-reliġjon huma l-iktar komplessi ( 17 ). |
|
45. |
Dawn l-elementi kollha jargumentaw għalhekk favur interpretazzjoni wiesgħa tal-libertà tar-reliġjon, li tinkludi l-komponenti tagħha kollha kemm jekk pubbliċi kif ukoll privati, kollettivi jew individwali. |
|
46. |
Ċertament, hija din ir-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jenfażizza, fit-test tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, li l-att ta’ persekuzzjoni huwa magħmul minn att materjali li n-natura tiegħu tikkostitwixxi l-iktar kriterju oġġettiv sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ persekuzzjoni, u dan lil hinn mil-libertà milquta, peress li l-att ikun ispirat minn wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva. Jekk, pereżempju, jiġi deċiż li l-“qalba” hija magħmula minn dik li jiena sejjaħt il-libertà tal-kuxjenza individwali, att gravi li jikser din il-libertà jkun persekuzzjoni, filwaqt li ma jkunx hekk jekk huwa jissanzjona biss il-manifestazzjoni esterna ta’ din il-libertà. Fil-fehma tiegħi, dan ma jagħmel ebda sens. |
|
47. |
Imbagħad, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva jiddistingwi biss id-drittijiet inderogabbli fost id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx dik li jissuddividi iktar id-drittijiet protetti fil-kuntest tad-Direttiva, imma li jkollu test miftuħ u adattabbli biżżejjed sabiex jirrifletti forom ta’ persekuzzjoni li jvarjaw ħafna u li qegħdin dejjem jinbidlu ( 18 ). Issa, jekk nadottaw interpretazzjoni bħal din, inkunu qegħdin niftħu l-bieb għal applikazzjoni b’analoġija għal libertajiet u drittijiet fundamentali oħra u nkunu qegħdin nirriskjaw li nirriduċu l-ambitu tal-protezzjoni internazzjonali lil hinn mill-kliem użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
48. |
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal ażil ibbażati fuq ir-reliġjon, huwa faċli li jiġi kkonstatat li l-elementi materjali u intellettwali tal-persekuzzjoni, imsemmija rispettivament fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva, jitħawdu ma’ xulxin. Konsegwentement, ma teżisti ebda raġuni oġġettiva sabiex tiġi introdotta distinzjoni f’dak li jikkonċerna l-ambitu tal-libertà tar-reliġjon skont jekk din tikkontretizzax l-att materjali tal-persekuzzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva jew tikkostitwixxix il-motiv skont l-Artikolu 10(1)(b) tagħha. |
|
49. |
It-tieni nett, ma jeżisti l-ebda element fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, f’dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jippermetti li jiġi sostnut li l-“qalba” tal-libertà tar-reliġjon għandha tkun limitata għall-kuxjenza interna u għal-libertà ta’ stqarrija tagħha fil-privat jew fiċ-ċirku ta’ dawk li għandhom l-istess twemmin, u għalhekk tiġi eskluża l-istqarrija pubblika tar-reliġjon. |
|
50. |
Kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Église métropolitaine de Bessarabie et vs Il-Moldova, iċċitata iktar ’il fuq, “l-istqarrija, bil-kliem u bl-atti, hija marbuta mal-eżistenza tat-twemmin reliġjuż” ( 19 ). Il-manifestazzjoni tar-reliġjon hija inseparabbli mit-twemmin u tikkostitwixxi parti essenzjali mil-libertà tar-reliġjon, kemm jekk tiġi eżerċitata f’forma pubblika u kemm privata. Kif fakkret il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-alternattiva “fil-privat jew fil-pubbliku” imsemmija fit-testi ma tfisser xejn għajr li tippermetti lill-fidil li jistqarr f’forma waħda u/jew oħra, it-twemmin tiegħu u ma għandiex tiġi interpretata fis-sens li waħda teskludi lill-oħra jew li tħalli l-għażla lill-awtoritajiet pubbliċi ( 20 ). |
|
51. |
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, jekk ikun hemm persekuzzjoni, espressjoni li tnissel l-immaġini ta’ individwi ppersegwitati, anki l-iċken motiv jew l-iktar wieħed trivjali jintgħażel minn dawk li jittorturaw sabiex jinfliġġu fuq il-fidil l-atti ta’ vjolenza li, waħedhom, minħabba l-gravità intrinsika flimkien ma’ dik tal-konsegwenza tagħhom, ilkoll abbinati mal-motiv mogħti, jikkostitwixxu l-kriterju oġġettiv tal-persekuzzjoni. Għalhekk, huwa dan il-kriterju li jippermetti li jiġi stabbilit il-livell ta’ evalwazzjoni komuni fl-Istati Membri kollha, kif imfittex mid-Direttiva. |
|
52. |
Konsegwentement, il-persekuzzjoni ma hijiex ikkaratterizzata skont il-materja tal-libertà tar-reliġjon, imma skont in-natura tar-ripressjoni eżerċitata fuq il-persuna kkonċernata u l-konsegwenza tagħha. |
2. L-att ta’ persekuzzjoni fil-kuntest tal-ksur tal-libertà tar-reliġjon
|
53. |
L-att ta’ persekuzzjoni huwa ddefinit, kif rajna, fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, għandu jkun hemm att jew akkumulu ta’ miżuri “serji biżżejjed” fin-natura jew ripetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu “ksur serju” ta’ dritt fundamentali tal-bniedem. Dan il-kunċett huwa għalhekk iddefinit tajjeb fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv, dak tan-natura u tas-serjetà intrinsika tal-att jew tas-sitwazzjoni li tkun ġiet esperjenzata kif ukoll il-konsegwenzi sofferti mill-individwu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Dan l-element huwa kruċjali, peress li għandu jispjega, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, l-impossibbiltà jew ir-rifjut tal-applikant għal ażil li jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. |
|
54. |
Sabiex tiddetermina l-att materjali ta’ persekuzzjoni, l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil għandha għalhekk teżamina n-natura tas-sitwazzjoni konkreta li għaliha jesponi ruħu l-individwu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu meta huwa jeżerċita il-libertà fundamentali tiegħu jew meta huwa jikser ir-restrizzjonijiet li hija suġġetta għalihom f’dan il-pajjiż. |
|
55. |
Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, fid-dawl tal-għan tas-sistema ta’ ażil komuni Ewropew, l-att inkwistjoni għandu, fil-fehma tiegħi, jkun fih grad partikolari ta’ serjetà, b’mod li l-persuna kkonċernata ma tistax leġittimament tgħix iktar u lanqas tittollera li tgħix fil-pajjiż tal-oriġini tagħha. |
|
56. |
Fil-fatt, il-persekuzzjoni hija att ta’ serjetà estrema, għaliex hija tikkonsisti fiċ-ċaħda b’mod flagranti u b’mod persistenti tad-drittijiet l-iktar essenzjali tal-persuna umana, minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sess tagħha u l-orjentazzjonijiet sesswali tagħha, il-konvinzjonijiet politiċi tagħha jew it-twemmin reliġjuż tagħha. Tkun xi tkun il-forma li hija tieħu u lil hinn mid-diskriminazzjoni li hija twettaq, il-persekuzzjoni tkun akkumpanjata miċ-ċaħda tal-persuna umana u timpenja ruħha sabiex teskludiha mis-soċjetà. Wara l-persekuzzjoni hemm l-idea ta’ projbizzjoni, il-projbizzjoni li wieħed jgħix f’soċjetà flimkien ma’ oħrajn minħabba s-sess tiegħu, il-projbizzjoni li huwa jiġi ttrattat b’mod ugwali minħabba t-twemmin tiegħu jew li jkollu aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni minħabba r-razza tiegħu. Dawn l-interdizzjonijiet jinkludu fihom infushom sanzjoni, sanzjoni tal-individwu għal dak li hu jew għal dak li huwa jirrapreżenta. |
|
57. |
Din hija r-raġuni għaliex il-persekuzzjoni tikkostitwixxi reat kontra l-umanità skont l-Artikolu 7(1)(h) tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ( 21 ) u bis-saħħa tal-Istatuti tat-Tribunali kriminali internazzjonali, meta hija tiġi eżerċitata b’mod kollettiv u sistematiku kontra popolazzjoni partikolari. |
|
58. |
Meta mwettaq b’mod individwali u iżolat kontra individwu, l-att ta’ persekuzzjoni huwa interferenza daqstant ieħor serja u intollerabbli kontra l-persuna umana, u b’mod partikolari kontra d-drittijiet l-iktar essenzjali tagħha. |
|
59. |
Dan jirriżulta, barra minn hekk, mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva. |
|
60. |
Diġà, fil-Pożizzjoni Konġunta 96/196/AĠI ( 22 ) tiegħu, il-Kunsill iddefinixxa l-kunċett ta’ “persekuzzjoni” bħala l-fatti li jikkostitwixxu interferenza serja għad-drittijiet tal-bniedem, bħal ma huma d-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-libertà jew għall-integrità fiżika, jew li ma jippermettulux b’mod manifest li jkompli jgħix il-ħajja personali tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu ( 23 ). |
|
61. |
Imbagħad, fl-2002, fix-xogħlijiet tal-Kunsill, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem billi insista l-ewwel nett fuq “[id-]dritt għall-ħajja, [id-]dritt li ma jiġix ittorturat, [id-]dritt għal-libertà u għas-sigurtà” qabel ma semma’, insegwitu għar-riżervi espressi minn ċerti Stati Membri, id-drittijiet li ma jistgħux ikunu suġġett ta’ deroga skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB ( 24 ). |
|
62. |
Id-drittijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni huma d-drittijiet imsejħa “assoluti” jew “inaljenabbli” ta’ kull individwu. L-ebda limitazzjoni ma tista’ ssirilhom, anki f’każ ta’ periklu pubbliku eċċezzjonali. Dawn huma d-dritt għall-ħajja, id-dritt li individwu ma jiġix issuġġettat għat-tortura u lanqas għal pieni jew għal trattamenti inumani jew degradanti, id-dritt li individwu ma jiġix ridott għall-iskjavitù jew għas-servitù kif ukoll id-dritt li individwu ma jiġix arbitrarjament mitfugħ il-ħabs jew detenut ( 25 ). |
|
63. |
Għalhekk, meta, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva, raġel ikun fil-periklu li jingħata l-piena tal-mewt, ittorturat jew li jiġi mitfugħ il-ħabs mingħajr ebda forma ta’ proċess jew mara tkun fil-periklu li tiġi suġġetta għal mutilazzjonijiet ġenitali furzati jew ridotta għall-istat ta’ skjavitù, dan minnu nnifsu jikkostitwixxi, b’mod evidenti u inkontestabbli, att ta’ persekuzzjoni. It-tbatija li tkun qed tiġi rriskjata għandha, fiha nnifisha, karattru serju u irrimedjabbli, u l-inabbiltà ta’ Stat sabiex jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu minn dawn l-abbużi timponi protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri huma għalhekk meħtieġa li ma jibagħtux lil dawn l-individwi lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, inkella huma jassumu r-responsabbiltà tagħhom taħt l-Artikolu 19(2) tal-Karta u l-Artikolu 21 tad-Direttiva, kif ukoll l-obbligazzjonijiet li huma assumew fil-kuntest tal-KEDB ( 26 ). |
|
64. |
Meta l-att ta’ persekuzzjoni jkun jikkonsisti f’interferenza għal dritt inderogabbli, l-eżistenza tal-persekuzzjoni tkun stabbilita ipso facto, peress li dan l-interferenza tkun ispirata minn motivi ta’ diskriminazzjoni reliġjuża. |
|
65. |
X’jiġri meta l-individwu jibbaża l-applikazzjoni tiegħu għal ażil fuq interferenza għal-libertà li jipprattika r-reliġjon tiegħu, li ma huwiex dritt assolut imsemmi fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB? |
|
66. |
L-istess kriterju jidhirli li għandu wkoll jiġi applikat hawnhekk. |
|
67. |
Il-libertà li wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu ma hijiex dritt inderogabbli. Hija madankollu tikkostitwixxi dritt fundamentali u wieħed jista’ jaħseb li l-limitazzjoni ta’ dan id-dritt jew l-interferenza għalih għandhom jiġu ssanzjonati anki f’każ ta’ interferenza żgħira. |
|
68. |
Madankollu, din il-limitazzjoni hija, min-natura tagħha, meħtieġa għall-bilanċ tal-ħajja fis-soċjetà. Bħala tali, ir-restrizzjoni fuq prattika reliġjuża permezz ta’ leġiżlazzjoni intiża li tiżgura bilanċ bejn il-prattiki ta’ reliġjonijiet differenti preżenti fi Stat ma tkunx tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” u lanqas interferenza għal-libertà tar-reliġjon. Għall-kuntrarju, leġiżlazzjoni simili turi x-xewqa li jinżamm pluraliżmu reliġjuż veru u li tiġi żgurata, fi ħdan l-istat tad-dritt u skont l-Artikoli 52(1) tal-Karta u 9(2) tal-KEDB, il-koeżistenza paċifika ta’ reliġjonijiet differenti, kif jixraq f’soċjetà demokratika ( 27 ). Din ix-xewqa tiġġustifika li ċerti projbizzjonijiet ikunu sanzjonati kriminalment suġġett għall-kundizzjoni li s-sanzjonijiet previsti jkunu proporzjonati u li jkunu deċiżi b’osservanza tal-garanzija tal-libertajiet individwali, u b’mod partikolari tad-drittijiet tad-difiża. |
|
69. |
Huwa għalhekk permezz tal-livell tal-miżuri u tas-sanzjonijiet applikati jew li jkunu jistgħu jiġu applikati kontra l-persuna kkonċernata li oġġettivament jiġi żvelat sproporzjon, liema sproporzjon ikun is-sinjal oġġettiv tal-persekuzzjoni, jiġifieri interferenza ma’ dritt inderogabbli tal-persuna umana. |
|
70. |
F’dan il-kuntest, huma l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil li għandhom jivverifikaw, b’mod konkret, liema hija kemm ir-regola invokata fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll il-prattika ripressiva, fit-tifsira wiesgħa u mhux biss fid-dawl tal-leġiżlazzjoni kriminali waħedha, li hija effettivament applikata hemmhekk. |
|
71. |
L-interpretazzjoni li jiena nipproponi hija fl-istess sens bħal dik adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-deċiżjoni tagħha ta’ inammissibbiltà mogħtija fil-kawża Z. u T. vs Ir-Renju Unit ( 28 ). |
|
72. |
Din il-kawża għandha tiġi rrapportata, għaliex id-domanda magħmula lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija ferm simili, biex ma ngħidx identika, għal dik li tressqet quddiemna mill-Bundesverwaltungsgericht fid-digriet tar-rinviju. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tiġi esposta, għaliex, kif rajna, il-libertà tar-reliġjon hija ggarantita bl-istess kliem fil-Karta u fil-KEDB, u għalhekk it-tifsira u l-portata ta’ din il-libertà għandhom jiġu stabbiliti billi jittieħed kont tal-kliem tal-ġurisprudenza stabbilita minn dik l-istess Qorti. |
|
73. |
Fil-kawża imsemmija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha quddiemha domanda jekk ir-responsabbiltà ta’ Stat kontraent tistax tiskatta taħt l-Artikolu 9 tal-KEDB meta huwa jirrifjuta li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lil individwu li, meta jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ser isib ruħu mċaħħad mid-dritt li jistqarr it-twemmin tiegħu apertament u liberament. F’dak il-każ, żewġ ċittadini Pakistani, ta’ twemmin nisrani, allegaw li, meta huma jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, huma ma kinux ser ikunu jistgħu jgħixu bħala Insara mingħajr il-periklu li jkunu suġġetti għal attenzjoni ostili jew mingħajr ma jkollhom jieħdu miżuri sabiex jaħbu t-twemmin tagħhom. Skont dawn ir-rikorrenti, li huma jiġu mġiegħla, fil-prattika, li jbiddlu l-imġieba tagħhom billi jaħbu l-aderenza tagħhom għall-Kristjaneżmu u billi jirrinunzjaw għall-possibbiltà li jitħaddtu dwar it-twemmin tagħhom u jixhdu dak it-twemmin quddiem oħrajn ikun, fih innifsu, ċaħda tad-dritt tagħhom għal-libertà tar-reliġjon. |
|
74. |
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċaħdet ir-rikors tagħhom fuq il-bażi ta’ distinzjoni bejn il-garanziji fundamentali msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 tal-KEDB u d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-KEDB. |
|
75. |
Hija sostniet mill-ġdid li r-responsabbiltà ta’ Stat kontraent tista’ tiskatta meta miżura ta’ tkeċċija mit-territorju tpoġġi lil individwu, li jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, f’periklu reali sew li jmut, jew li jkun suġġett għal tortura, jew li jkun arrestat arbitrarjament, jew li jsofri ċaħda flagranti tal-ġustizzja. Din il-ġurisprudenza tistrieħ fuq l-importanza fundamentali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma xtaqitx tapplika b’mod awtomatiku dawn il-kunsiderazzjonijiet “obbligatorji” għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-KEDB, għaliex, fuq livell purament pragmatiku, hija żiedet li, “wieħed ma jistax jeżiġi li l-Istat kontraent li jkeċċi, jibgħat lura lill-barrani biss lejn pajjiż fejn il-kundizzjonijiet huma għal kollox konsistenti mal-garanziji marbuta mad-drittijiet u libertajiet protetti mill-KEDB”. |
|
76. |
Għalhekk, hija rrifjutat li testendi dik il-ġurisprudenza għall-Artikolu 9 tal-KEDB jekk l-individwu jkun fil-periklu li jkun imfixkel biss fl-eżerċizzju tal-qima reliġjuża tiegħu. Fil-fatt, hija spjegat li, f’każ kuntrarju, l-Istati kontraenti jkunu qegħdin jiġu obbligati li “jaġixxu bħala garanti indiretti tal-libertà tal-qima għall-kumplament tad-dinja”. Ikun biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-persuna kkonċernata tkun f’“periklu reali ta’ ksur flagranti” ta’ dik il-libertà li r-responsabbiltà tal-Istat tkun tista’ tiskatta. Madankollu, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina każ fejn ksur flagranti biżżejjed tal-imsemmija libertà ma jimplikax ukoll riskju reali għall-persuna kkonċernata li tingħata l-piena tal-mewt, li tkun suġġetta għat-tortura u għal trattamenti inumani u degradanti, jew anki li ssofri ċaħda flagranti tal-ġustizzja jew li tkun arrestata arbitrarjament. |
|
77. |
Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jiena naħseb li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li interferenza serja għal-libertà tar-reliġjon tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” meta l-applikant għal ażil, minħabba l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà jew tal-ksur tar-restrizzjonijiet li hija tkun suġġetta għalihom fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ikun f’periklu reali tal-piena tal-mewt jew li jkun suġġett għat-tortura, għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti, li jkun ridott għall-iskjavitù jew għas-servitù jew li jkun imfittex jew arrestat b’mod arbitrarju. |
|
78. |
Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija ta’ natura, min-naħa, li tippermetti li jiġi ddefinit livell minimu komuni fl-Istati Membri kollha, li taħtu dawn ma jistgħux jinżlu u, min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva, li tħallilhom il-libertà li jadottaw jew li jżommu regoli iktar favorevoli sa fejn, madankollu, dawn ir-regoli huma kompatibbli mad-Direttiva. |
|
79. |
Ser nittrasporta dan ir-raġunament għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
80. |
Fil-Pakistan, fejn l-Iżlam Sunnit huwa r-reliġjon tal-istat u fejn is-segwaċi tiegħu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni, il-komunità Ahmadiyya tikkostitwixxi minoranza reliġjuża, u l-membri tagħha huma kkunsidrati bħala eretiċi. Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ordinanza XX fit-28 ta’ April 1984, il-liġi dwar il-blasfemija saħħet l-Artikoli 295 u 298-A tal-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan billi introduċiet il-piena tal-mewt u l-piena ta’ priġunerija kontra kull individwu li, permezz ta’ kliem u ta’ kitba, ta’ ġesti jew ta’ rappreżentazzjonijiet viżibbli, flimkien ma’ insinwazzjonijiet diretti jew indiretti, jinsulta l-isem qaddis tal-Profeta Mohammed jew is-simboli jew il-postijiet assoċjati mal-Iżlam. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikoli 298-B u 298-C ta’ dan il-Kodiċi, huwa punibbli bi priġunerija ta’ tliet snin u ta’ ammenda kull individwu li huwa membru tal-komunità Ahmadiyya li jistqarr it-twemmin tiegħu fil-pubbliku, jidentifika ma’ dak tal-Iżlam, jagħmel propaganda tiegħu, jinkoraġġixxi l-konverżjonijiet, juża jew jissellef l-epitetti, id-deskrizzjonijiet, it-titoli jew is-salutazzjonijiet assoċjati mar-reliġjon Musulmana, jikkwota xi versi mill-Kuran fil-pubbliku, jadotta l-prattiki assoċjati mal-Iżlam bħalma huma r-riti funebri, jew, b’kull mezz ieħor, joltraġġa l-Iżlam. |
|
81. |
Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva huma ssodisfatti. L-element intellettwali tal-att ta’ persekuzzjoni msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva jinsab fir-raġuni reliġjuża, peress li l-Ahmadisti, barra minn hekk, jissemmew b’mod ċar fl-Artikoli 298 B u 298 C tal-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan. Rigward l-element materjali, dan jinsab f’leġiżlazzjoni ta’ natura kriminali, inklużi l-pieni li jakkumpanjawh. |
|
82. |
Jekk din il-leġiżlazzjoni hija effettivament applikata mill-awtoritajiet tal-Pakistan — u dan jaqa’ fuq l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil li tivverifikah fuq il-bażi tar-rapporti regolari maħruġa mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem — hija tista’ tilħaq il-livell ta’ persekuzzjoni. |
|
83. |
Tabilħaqq, il-fatt li wieħed jikser dik il-leġiżlazzjoni jissarraf f’attakki serji u inaċċettabbli fuq il-persuna umana. |
|
84. |
Minn naħa, il-projbizzjoni li hemm fiha tikkostitwixxi interferenza serja għal-libertà tar-reliġjon, li ċċaħħad lill-individwu minn element essenzjali tal-personalità tiegħu. Hija timplika, barra minn hekk, ksur tal-libertajiet tal-espressjoni u ta’ assoċjazzjoni ggarantiti fl-Artikoli 11 u 12 tal-Karta u fl-Artikoli 10 u 11 tal-KEDB, għaliex, billi tillimita d-dritt tal-istqarrija pubblika tar-reliġjon tagħhom, il-leġiżlazzjoni tirrifjuta lill-fidili d-dritt li jassoċjaw ruħhom liberament u li jesprimu l-konvinzjoni tagħhom. |
|
85. |
Min-naħa l-oħra, il-pieni li jakkumpanjaw din il-projbizzjoni x’aktarx iċaħħdu mid-drittijiet l-iktar essenzjali tiegħu lil kull min ikompli fl-istqarrija tat-twemmin tiegħu billi jhedduh bil-piena ta’ priġunerija, jew anki bil-piena tal-mewt. |
|
86. |
B’risposta għall-ewwel domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-opinjoni, konsegwentement, li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li interferenza serja għal-libertà tar-reliġjon, ikunu x’ikunu l-komponenti inklużi f’dik l-interferenza, tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” meta l-applikant għal ażil, minħabba l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà jew minħabba l-ksur tar-restrizzjonijiet li hija tkun suġġetta għalihom fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jinkorri periklu reali tal-piena tal-mewt jew ikun suġġett għat-tortura, għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti, li jiġi ridott għall-iskjavitù jew għas-servitù jew imfittex jew arrestat b’mod arbitrarju. |
|
87. |
F’dan il-kuntest, u skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jadottaw jew li jżommu regoli iktar favorevoli sa fejn, madankollu, dawn ir-regoli huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva. |
|
88. |
Fid-dawl tar-risposta li jiena nipproponi li tingħata għal din l-ewwel domanda, jiena nqis li ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda li saret mill-qorti tar-rinviju. |
C – Fuq it-tielet domanda
|
89. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-biża’ tar-refuġjat li jkun ippersegwitat huwiex fondat skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva meta dan għandu l-ħsieb li jwettaq, meta jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, xi atti reliġjużi li ser jesponuh għal periklu għall-ħajja tiegħu, għal-libertà tiegħu jew għall-integrità tiegħu, jew jekk huwiex, għall-kuntrarju, raġonevoli li jiġi mistenni li dak l-individwu jirrinunzja għal dik il-prattika. |
|
90. |
B’mod konkret ħafna, id-domanda hija jekk nistgħux ninterpretaw din id-dispożizzjoni fis-sens li l-biża’ tar-refuġjat li jkun ippersegwitat ma huwiex fondat meta huwa jista’ jevita att ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu billi jirrinunzja li jistqarr ir-reliġjon tiegħu b’mod pubbliku. |
|
91. |
Jiena nopponi bil-qawwa tali interpretazzjoni, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
92. |
L-ewwel nett, din l-interpretazzjoni ma ssib l-ebda bażi fit-test tad-Direttiva, u b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tagħha. |
|
93. |
Fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, nafu li l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil għandha, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, tivverifika jekk il-biża’ tal-individwu li jkun ippersegwitat ladarba huwa jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu huwiex fondat. Peress li s-sentiment tal-biża’ huwa wieħed suġġettiv, għandu jintwera li dan huwa ġġustifikat meħud kont ta’ fatturi iktar oġġettivi. L-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-biża’ għandha għalhekk tistrieħ esklużivament fuq evalwazzjoni konkreta tar-riskji li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għalihom ladarba din tirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tagħha. |
|
94. |
Dan jimplika li għandna nipproċedu għal evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li l-prinċipji tagħha jissemmew fl-Artikolu 4 tad-Direttiva. |
|
95. |
Skont l-Artikolu 4(3)(a) tagħha, din tinvolvi l-eżami tal-informazzjoni kollha disponibbli u tal-fatti rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż tal-oriġini tal-applikant, u b’mod partikolari l-liġijiet tiegħu u l-mod li bih dawn jiġu applikati. |
|
96. |
Imbagħad, dan jinvolvi l-analiżi ta’ kif l-individwu sejjer iġib ruħu ladarba huwa jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, u b’mod partikolari liema huma l-attivitajiet li fi ħsiebu jwettaq. |
|
97. |
Skont l-Artikolu 4(2), (3)(b) sa (d), u 4 tad-Direttiva, l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni tal-informazzjoi kollha disponibbli fuq l-applikant għal ażil dwar, b’mod partikolari, il-personalità tiegħu, il-karattru tiegħu, is-sitwazzjoni personali tiegħu, il-mentalità tiegħu, l-età tiegħu kif ukoll l-istorja tiegħu u l-attivitajiet li huwa wettaq jew ma wettaqx minn meta huwa ħalla l-pajjiż tal-oriġini tiegħu. |
|
98. |
Kif qegħdin naraw, din hija informazzzjoni konkreta ħafna li għandha biss tippermetti li jiġi ddeterminat jekk, ladarba jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jeżistix biża’ fondat li l-attivitajiet li ser iwettaq l-applikant għal ażil ser jesponuh għal att ta’ persekuzzjoni. Għall-kuntrarju, l-ebda parti minn din id-dispożizzjoni ma tindika li, fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-biża’, għandu jsir tentattiv sabiex tinstab soluzzjoni li tippermetti lill-applikant għal ażil li jgħix fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu mingħajr biża’ li jkun espost għal vjolenza, billi jintalab, b’mod partikolari, li jirrinunzja għal ċerti drittijiet u libertajiet li huma ggarantiti lilu. |
|
99. |
It-tieni nett, tali interpretazzjoni ma tiżgurax ir-rispett tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva u minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
100. |
Min-naħa, din tidhirli li hija kuntrarja għar-rispett dovut għad-dinjità umana kkonsagrata fl-Artikolu 1 tal-Karta. Tabilħaqq, jekk wieħed jeżiġi li l-applikant għal ażil jaħbi, jimmodifika jew jirrinunzja għall-istqarrija pubblika tat-twemmin tiegħu, ikun qiegħed jitlob li huwa jibdel dak li jista’ jikkostitwixxi element fundamentali tal-identità tiegħu, jiġifieri, li b’xi mod jiċħad lilu nnifsu. Ħadd ma għandu dritt jagħmel dan. |
|
101. |
Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 10 tal-Karta għaliex hija għandha t-tendenza li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata minn dritt fundamentali li huwa ggarantit lilha b’din id-dispożizzjoni barra mill-każijiet espressament awtorizzati bl-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
102. |
Barra minn hekk, billi tadotta l-imsemmija interpretazzjoni, l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tkun qed tirriskja li taggrava s-sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali li l-applikant ikun diġà qiegħed isofri minnha fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Fl-aħħar nett, hija jkollha t-tendenza li tirrendih parzjalment responsabbli għall-vjolenzi li huwa jsofri bħala vittma tal-oppressjoni. |
|
103. |
It-tielet nett, wieħed ma jistax raġonevolment jistenna li applikant għal ażil jirrinunzja li jistqarr it-twemmin tiegħu jew li jaħbi kull element ieħor tal-identità tiegħu sabiex jevita li jiġi ppersegwitat mingħajr ma jirriskja t-telf tad-drittijiet li d-Direttiva tfittex li tipproteġi u l-għanijiet li hija tfittex li tilħaq ( 29 ). |
|
104. |
Tabilħaqq, il-persekuzzjoni ma tiqafx milli tkun persekuzzjoni għaliex l-individwu jista’, wara li jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, irażżan u jkun diskret fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu billi jaħbi s-sesswalità tiegħu u l-opinjonijiet politiċi tiegħu, billi jaħbi s-sħubija tiegħu f’komunità jew billi jirrinunzja għall-prattika tar-reliġjon tiegħu ( 30 ). Kieku dan huwa l-każ, id-Direttiva tkun sempliċement ineffettiva għaliex hija ma tippermettix li jiġu protetti l-individwi li, għaliex huma jagħżlu li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u l-libertajiet tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, huma jesponu ruħhom għal atti ta’ persekuzzjoni. F’kawżi bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ikun ifisser it-telf tad-drittijiet li d-Direttiva tfittex li tiggarantixxi lil Y u Z, u fuq liema drittijiet l-applikazzjoni tagħhom għal ażil hija ġustament ibbażata, jiġifieri d-dritt tagħhom li jistqarru r-reliġjon tagħhom fil-pubbliku mingħajr biża’ li jkunu ppersegwitati. |
|
105. |
Ir-raba’ nett, f’dan il-qasam, xejn ma jimxi skont kunsiderazzjonijiet razzjonali. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Salahadin Abdulla et ( 31 ), l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju għandha, f’kull każ, issir b’viġilanza u prudenza, peress li tirrigwarda kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni ( 32 ). Madankollu, li jkun mistenni li applikant għal ażil iġib ruħu raġonevolment meta huwa jgħix fl-insigurtà u fil-biża’ tal-aggressjoni jew il-ħabs ma jippermettix li wieħed jifhem b’mod korrett ir-riskju li għalih l-individwu ser ikun espost. Din hija mħatra riskjuża u d-dritt għall-ażil ma jistax ikun ibbażat fuq tali pronjosi. Barra minn hekk, dan, fil-fehma tiegħi, juri deċiżjoni mingħajr ħsieb. Fil-fatt, irrispettivament mill-isforzi li l-persuna kkonċernata tista’ tagħmel fl-istil ta’ ħajja tagħha fil-pubbliku, hija sejra tkun u tibqa’, fil-pajjiż tal-oriġini tagħha, eretika, dissidenti jew omosesswali. Madankollu, aħna nafu li, f’ċerti pajjiżi, l-attivitajiet kollha, anki dawk l-iktar insinjifikattivi, jistgħu jservu ta’ skuża għal kull xorta ta’ abbużi. |
|
106. |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jiena naħseb, konsegwentement, li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti biża’ fondat ta’ persekuzzjoni meta l-applikant għal ażil fi ħsiebu, ladarba jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ikompli l-attivitajiet reliġjużi li ser jesponuh għal riskju ta’ persekuzzjoni. F’dan il-kuntest u sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali protetti bil-Karta, jiena tal-fehma li l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil ma tistax raġonevolment tistenna li dik il-persuna tirrinunzja għal dawk l-attivitajiet, u b’mod partikolari għall-istqarrija tat-twemmin tagħha. |
IV – Konklużjoni
|
107. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Bundesverwaltungsgericht:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).
( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”.
( 4 ) Din il-Konvenzjoni, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din kienet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967. Huwa wkoll interessanti li wieħed jirreferi għall-gwida tal-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat fid-dawl tal-konvenzjoni tal-1951 u tal-protokoll tal-1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, edittjat mill-Kummissarju Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), f’Jannar 1992, disponibbli fuq l-indirizz tal-internet http://unhcr.org/refworld/docid/3ae6b32b0.html.
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”. Ara l-Artikoli 78(1) TFUE u 18 tal-Karta kif ukoll il-premessa 10 tad-Direttiva.
( 6 ) Artikolu 3 tad-Direttiva.
( 7 ) Din il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
( 8 ) BGBl. 2008 I, p. 162. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, “b’applikazzjoni tal-Konvenzjoni [ta’ Genève], barrani ma jistax jintbagħat lura mal-fruntiera ta’ Stat ieħor li fih il-ħajja tiegħu jew il-libertà tiegħu huma mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu”.
( 9 ) Ara, ukoll, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Bundesverwaltungsgericht fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 2009 (BVerwG 10 C 51.07), disponibbli fil-lingwa Ingliża fuq is-sit tal-Internet tal-qorti imsemmija (http://www.bverwg.de).
( 10 ) Din il-ġurisprudenza tispjega l-osservazzjonijiet ifformulati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul ix-xogħlijiet ta’ madwar l-adozzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari dawk relatati mal-Artikolu 10(1)(b) tagħha. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssemmi li “l-Konvenzjoni ta’ Genève tipproteġi l-prattika reliġjuża privata, imma mhux il-prattika pubblika” [Ara l-Artikolu 12(b) tad-dokument disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bir-referenza 7882/02].
( 11 ) Enfażi tiegħi.
( 12 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 35).
( 13 ) Ara QEDB, sentenza Église métropolitaine de Bessarabie et vs Moldova, tat-13 ta’ Diċembru 2001, Recueil des arrêts et décisions 2001-XII, punt 114 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
( 14 ) Ara QEDB, is-sentenza Leyla Șahin vs It-Turkija, tal-10 ta’ Novembru 2005, Recueil des arrêts et décisions 2005-XI, punt 105.
( 15 ) Punt 109 u ġurisprudenza ċċitata.
( 16 ) Ara l-Artikolu 6 tad-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull Forma ta’ Intolleranza u Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-Reliġjon jew it-Twemmin, proklamata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Novembru 1981, u l-punt 4 tal-osservazzjoni ġenerali Nru 22 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem li tikkonċerna l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottata fis-16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976.
( 17 ) Ara, għall-informazzjoni, il-linji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali: applikazzjonijiet għal ażil ibbażati fuq ir-reliġjon skont l-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal-1951 u/jew tal-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus ta’ refuġjati, dokument editjat mill-UNHCR fit-28 ta’ April 2004, disponibbli fuq is-sit tal-internet http://www.unhcr.org/refworld/docid/415a9af54.html, kif ukoll l-osservazzjoni ġenerali Nru 22 imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Ara l-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 11, imsejjaħ “In-natura tal-persekuzzjoni” (l-Artikolu 9 attwali tad-Direttiva) fil-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2001 [COM(2001) 510 finali].
( 19 ) Punt 114.
( 20 ) Ara Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni X. vs Ir-Renju Unit tat-12 ta’ Marzu 1981, D. R. 22, p. 39, punt 5.
( 21 ) Dan l-istatut ġie adottat f’Ruma fis-17 ta’ Lulju 1998 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002, Recueil des traités des Nations unies, Vol. 2187, Nru 38544. Fl-Artikolu 7(2)(g) tal-imsemmi statut, il-kunċett ta’ “persekuzzjoni” huwa ddefinit bħala “iċ-ċaħda intenzjonali u serja tad-drittijiet fundamentali bi ksur tad-dritt internazzjonali, għal raġunijiet marbutin mal-identità tal-grupp jew tal-kollettività li jkunu suġġetti għaliha”.
( 22 ) Pożizzjoni Konġunta tal-4 ta’ Marzu 1996 iddefinita mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rigward l-applikazzjoni armonizzata tad-definizzjoni tat-terminu “refuġjat” fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, tat-28 ta’ Lulju 1951, li tirrigwardja l-istatus tar-refuġjati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 20).
( 23 ) Punt 4.
( 24 ) Ara d-dokumenti disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kunsill bir-referenzi 13620/01, 11356/02, 12620/02 u 13648/02.
( 25 ) Dawn id-drittijiet jissemmew rispettivament fl-Artikoli 2, 3, 4(1) u 7 tal-KEDB u fl-Artikoli 2, 4, 5(1) u 49 tal-Karta.
( 26 ) Ara QEDB, is-sentenzi Soering vs Ir-Renju Unit tas-7 ta’ Lulju 1989, Serje A Nru 161, punti 88 u 113; Mamatkoulov u Askarov vs It-Turkija tal-4 ta’ Frar 2005, Recueil des arrêts et décisions 2005-I, punt 91; Khodzhayev vs Ir-Russja tat-12 ta’ Mejju 2010, punti 89 sa 105, kif ukoll Abdulazhon Isakov vs Ir-Russja tat-8 ta’ Lulju 2010, punti 106 sa 112 u 120 sa 131.
( 27 ) Għal applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Leyla Şahin vs It-Turkija, iċċitata iktar ’il fuq, punti 104 sa 123 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 28 ) Ara QEDB, deċiżjoni Z. u T. vs Ir-Renju Unit tat-28 ta’ Frar 2006, Recueil des arrêts et décisions 2006-III.
( 29 ) Qiegħed neskludi, ovvjament, mill-analiżi tiegħi s-sitwazzjonijiet li fihom ir-riti tar-reliġjon huma partikolarment irraġonevoli, bħalma huma s-sagrifiċċju uman jew l-użu tad-drogi.
( 30 ) Ara s-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit) HJ (Iran) vs Secretary of State for the Home Department u HT (Cameroon) vs Same, [2010] UKSC 31.
( 31 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010 (C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08, Ġabra p. I-1493).
( 32 ) Punt 90.