KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawża C-49/11

Content Services Ltd

vs

Bundesarbeitskammer

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (L-Awstrija)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti li jsiru mill-bogħod — Direttiva 97/7/KE — Artikolu 5 — Informazzjoni li l-konsumatur għandu “jirċievi” fuq “medium [...] li jservi” — Informazzjoni disponibbli fuq sit internet li l-konsumatur jista’ jaċċedi għaliha permezz ta’ hyperlink”

1. 

Din il-kawża, li oriġinat minn rinviju preliminari tal-Oberlandesgericht ta’ Vjenna, ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-modi li bihom, il-konsumaturi li jidħlu f’kuntratti li jsiru mill-bogħod, għandhom jirċievu l-informazzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod speċifiku, f’dan il-każ, mid-Direttiva 97/7/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). Fl-Artikolu 5 tagħha, id-Direttiva tipprevedi b’mod partikolari li wara li jiġi konkluż kuntratt li jsir mill-bogħod, il-konsumatur għandu “jirċievi” konferma ta’ dik l-informazzjoni fuq “medium [...] li jservi”. Il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija dwar jekk l-informazzjoni li tkun disponibbli fuq is-sit internet tal-bejjiegħ u li l-konsumaturi jistgħu jaċċedu għaliha billi jikklikkjaw fuq link li tkun tidher fil-mument li jiġi konkluż il-kuntratt għandhiex titqies li ġiet ipprovduta lill-konsumatur fuq medium li jservi.

I – Il-kuntest ġuridiku

2.

Id-Direttiva 97/7/KE fiha numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ( 3 ) intiżi li jipproteġu lill-konsumatur fil-kuntest ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod.

3.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li l-konsumatur għandu jkun ipprovdut ( 4 ), qabel il-konklużjoni ta’ kull kuntratt li jsir mill-bogħod, b’ċerta informazzjoni: din tirrigwarda, b’mod partikolari, l-identità tal-fornitur, il-karatteristiċi tal-oġġett jew servizz mibjugħ, il-prezz, l-ispejjeż ta’ kunsinna, l-arranġament għall-ħlas u l-eżistenza ta’ dritt ta’ rtirar.

4.

L-Artikolu 5 għandu t-titolu “Konferma tal-informazzjoni bil-miktub” u jindika ċerta informazzjoni li l-konsumatur għandu (jerġa’) jirċievi, waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, fuq “medium [...] li jservi”. It-test tad-dispożizzjoni huwa dan li ġej:

“1.   Il-konsumatur għandu jirċievi konferma bil-miktub jew konferma f’medium ieħor li jservi li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih ta’ l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 4(1)(a) sa (f), f’ħin f’waqtu waqt l-esekuzzjoni tal-kuntratt, u l-aktar tard fil-ħin tal-kunsinna fejn huma kkonċernati l-oġġetti li m’humiex ser jiġu kkunsinnati lil terzi partijiet, kemm-il darba l-informazzjoni diġà ngħatat lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bil-mikub jew fuq medium ieħor li jservi li jkun disponibbli u aċċessibbli għalih.

[...]

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għas-servizzi li jsiru tramite l-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, fejn huma fornuti f’okkażjoni waħda biss u l-kont jintbagħat mill-operatur tal-mezz ta’ komunikazzjoni. Madankollu, il-konsumatur għandu fil-każijiet kollha jkun jista’ jikseb l-indirizz ġeografiku tal-post tal-kummerċ tal-fornitur li fih jista’ jibgħat xi ilmenti”.

5.

Id-Direttiva ma fihiex definizzjoni ta’ “medium [...] li jservi”. Dan il-kunċett ġie madankollu ddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’testi leġiżlattivi oħra ( 5 ). Ser nindika issa dawk prinċipali.

6.

Skont l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/65/KE ( 6 ), il-medium li jservi huwa “kull strument li [j]ippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet ta’ l-informazzjoni u li [j]ippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”.

7.

Skont l-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2002/92/KE ( 7 ), il-medium li jservi huwa “kull strument li jippermetti lill-klijent li jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lilu b’mod aċċessibbli għal referenza fil-futur għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-għanijiet ta’ l-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”. L-istess dispożizzjoni tippreċiża wkoll, fil-paragrafu ta’ wara, li, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ medium li jservi “[j]kopri floppy disks, CD-ROMs, DVDs u hard drives ta’ kompjuters personali li fuqhom tinħażen posta elettronika, iżda teskludi siti ta’ l-Internet, sakemm dawk is-siti ma jikkonformawx mal-kriterji speċifikati fl-ewwel paragrafu”.

8.

Fl-aħħar nett, id-Direttiva ġdida 2011/83/UE ( 8 ), li fil-futur ser tieħu post ukoll id-Direttiva 97/7/KE, tiddefinixxi l-medium li jservi, fl-Artikolu 2(10), bħala “kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew il-kummerċjant li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna”. Din l-istess direttiva, fil-premessa 23 tagħha, tindika li l-media li sservi “għandh[a] [t]ħall[i] lill-konsumatur jaħżen l-informazzjoni għal perjodu ta’ żmien sakemm hu neċessarju għalih sabiex iħares l-interessi tiegħ[u]” u li “għandhom jinkludu b’mod partikolari karta, USB sticks, CD-ROMs, DVDs, kards tal-memorja jew il-hard disks tal-kompjuters kif ukoll l-posta [elettronika]”.

II – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.

Il-kumpannija Content Services tħaddem is-sit internet opendownload.de, redatt bil-lingwa Ġermaniża. Dan is-sit huwa aċċessibbli, u s-servizzi tiegħu jistgħu jintużaw anki minn utenti tal-internet li jinsabu fl-Awstrija. Dan huwa sit li permezz tiegħu wieħed jista’ jniżżel software b’xejn jew verżjonijiet ta’ prova ta’ software bi ħlas. Mill-proċess jirriżulta wkoll li s-server tal-kumpannija ma jżommx il-fajl li jkun ser jitniżżel, iżda huwa limitat biex jibgħat lill-utenti fis-siti uffiċjali tal-produtturi tal-programmi. Fi kliem ieħor, is-sit opendownload.de huwa ġabra ta’ links li jirrigwardaw programmi li huma liberament disponibbli fuq l-internet.

10.

Biex wieħed ikun jista’ juża s-sit, u għaldaqstant iniżżel id-diversi programmi permezz tal-links li jinsabu f’opendownload.de, huwa jrid ikun daħal f’abbonament li fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kien jiswa’ EUR 96 fis-sena. Il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ abbonament issir online, permezz tal-mili, min-naħa tal-klijent, ta’ paġna web interattiva li fiha, b’mod partikolari, huwa jiddikjara, billi jikklikkja fuq il-kaxxa apposta u jimmarkaha, li jaċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt u li jirrinunzja għad-dritt ta’ rtirar. L-informazzjoni prevista mill-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dritt ta’ rtirar, ma hijiex murija lill-klijent b’mod dirett, li madankollu jista’ jaraha billi jikklikkja fuq link li tinsab fil-paġna fejn jiġi konkluż il-kuntratt.

11.

Wara li jkun ikkonkluda l-kuntratt fuq is-sit internet, il-klijent jirċievi posta elettronika li jkun fiha username u password biex juża s-sit opendownload.de. Fil-messaġġ ma jkun hemm ebda indikazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-dritt ta’ rtirar. Imbagħad il-klijent jirċievi fattura li fiha jintalab iħallas EUR 96 u jitfakkar li huwa rrinunzja għad-dritt ta’ rtirar.

12.

Il-kawża prinċipali ngħatat bidu mill-Bundesarbeitskammer, li hija entità li għandha funzjonijiet ukoll biex tipproteġi lill-konsumaturi: hija tqis l-imġiba kummerċjali ta’ Content Services bħala illegali u li tikser diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi.

13.

Content Services, li tilfet il-kawża fl-ewwel istanza, appellat dik l-ewwel deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress li deherilha li s-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni teħtieġ deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri u għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa biżżejjed, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-direttiva dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod, li jipprovdi li l-konsumatur għandu jirċievi konferma tal-informazzjoni inkluża f’tali [msemmija fl-istess] artikolu permezz ta’ medium sostenibbli [li jservi] li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih, ħlief jekk din l-informazzjoni tkun diġà ġiet trażmessa lilu, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, permezz ta’ medium sostenibbli li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih, fejn tali informazzjoni hija aċċessibbli għall-konsumatur permezz ta’ hyperlink fuq is-sit internet tan-negozjant, li hija inkluża f’test li fir-rigward tiegħu l-konsumatur għandu jindika li jkun qara, [billi jagħmel sinjal fil-kaxxa,] sabiex ikun jista’ jidħol f’relazzjoni kuntrattwali?”

III – Osservazzjonijiet preliminari

14.

Il-kwistjoni li wasslet għall-kawża prinċipali hija kurjuża minn diversi lati, anki jekk ma hijiex iżolata. B’mod partikolari, fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż, l-istampa tirreferi spiss għal sitwazzjonijiet fejn ċerti utenti tal-internet, li kienu qegħdin ifittxu software li huwa liberament disponibbli, niżżluhom minn siti bħalma hu dak li tħaddem Content Services, fejn jikkonkludu kuntratti ta’ abbonament mingħajr lanqas biss jindunaw. Fl-Awstrija, u b’mod partikolari, fil-Ġermanja, il-kawżi marbutin ma’ dawn is-sitwazzjonijiet diġà pproduċew ċerta kwantità ta’ ġurisprudenza.

15.

Il-punti ta’ liġi mqajma bil-kwistjoni preżenti huma, fil-kumpless tagħhom, numerużi u interessanti ( 9 ). Madankollu, is-suġġett tar-rinviju preliminari huwa limitat ħafna, inkwantu jikkonċerna biss il-mod ta’ kif l-informazzjoni tingħata lill-klijent fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva: għaldaqstant, ser nillimita l-kunsiderazzjonijiet tiegħi għal dan l-aspett speċifiku.

16.

Barra minn hekk, nirrileva li d-domanda preliminari ma hijiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddefinixxi bl-eżatt x’inhu, b’mod ġenerali, “medium [...] li jservi”, iżda biss biex tgħid jekk prattika kummerċjali bħalma hija dik ta’ Content Services tosservax ir-rekwiżiti imposti mid-Direttiva fir-rigward tal-obbligu li tipprovdi ċerta informazzjoni fuq medium li jservi. Fi kliem ieħor, ma hijiex qiegħda tistaqsiha biex tipprovdi definizzjoni eżawrjenti tal-kunċett, iżda biss biex tgħid jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni fuq paġna tal-internet, li tkun aċċessibbli permezz ta’ link li tintwera lill-konsumatur qabel ma jikkonkludi l-kuntratt, tammontax għal għoti ta’ informazzjoni fuq medium li jservi.

17.

Għalkemm l-idea li tingħata definizzjoni eżawrjenti ta’ “medium [...] li jservi” tista’ tkun attraenti, jidhirli li l-perspettiva “minimalista” ssuġġerita impliċitament mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi segwita: iktar milli jagħti definizzjoni ġenerali u dettaljata, jeħtieġ li wieħed jillimita ruħu biex jgħid jekk, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-każ ineżami, ġewx osservati l-kundizzjonijiet biex ikun hemm medium li jservi. B’mod iktar preċiż, tista’ tingħata definizzjoni ġenerali iżda din għandha ssir f’termini astratti, mingħajr ma tidħol fid-dettall fuq il-mezz teknoloġiku li bih jista’ jkun hemm medium li jservi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li f’settur bħalma hu dak tat-teknoloġiji ġodda, jekk wieħed jimponi obbligi restrittivi wisq, dan jista’ jwassal għal riżultati negattivi u fl-aħħar mill-aħħar jikkaġuna ħsara lill-istess konsumatur. L-importanti huwa li l-mezzi teknoloġiċi biex wieħed iwettaq attività partikolari (pereżempju biex jikkonkludi kuntratt, jew biex jipprovdi ċerta informazzjoni lill-konsumatur) ikunu josservaw l-indikazzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva. Ma huwiex xieraq, madankollu, li jiġi indikat minn qabel liema mezzi dawn jistgħu jkunu peress li f’qasir żmien l-iżviluppi tat-teknoloġija jistgħu jintroduċu mezzi ġodda, li llum lanqas biss nimmaġinawhom iżda li jistgħu, fil-fatt, jissodisfaw aħjar ir-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlatur.

IV – Analiżi

A – Kunsiderazzjonijiet ġenerali

18.

Hemm qbil li Content Services ma pprovdietx lill-klijenti tagħha, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, b’konferma speċifika tal-informazzjoni kollha fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva. Skont din il-kumpannija, madankollu, tali konferma ma kinitx meħtieġa, peress li l-mezzi li bihom l-informazzjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-klijenti fis-sens tal-Artikolu 4 jissodisfaw ukoll il-karatteristiċi imposti mill-Artikolu 5, b’mod partikolari dik li l-klijent irid jirċeviha fuq “medium [...] li jservi”: f’dak il-każ, kif jipprevedi l-Artikolu 5 stess, ma hijiex meħtieġa konferma oħra tal-informazzjoni.

19.

Kif intwera fid-deskrizzjoni tal-fatti, biex il-klijenti potenzjali jikkonkludu l-kuntratt huma kellhom jiddikjaraw espliċitament, billi jikklikkjaw fuq kaxxa apposta, li jirrinunzjaw għad-dritt ta’ rtirar u li jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt. Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt, ir-regoli dwar id-dritt ta’ rtirar u l-avviż dwar it-trattament tad-data personali ma ntwerewx fuq l-istess paġna, iżda kien possibbli li wieħed jarahom wara li jikklikkja fuq link maġenb il-kaxxa tal-għażla tal-aċċettazzjoni.

20.

Huwa paċifiku li l-informazzjoni li kienet tinsab fuq il-paġna tal-internet li l-klijent potenzjali seta’ jaċċedi għaliha, qabel ma jikkonkludi l-kuntratt, billi jikklikkja fuq il-links preżenti fil-paġna tal-konklużjoni tal-kuntratt, kienet tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva. Il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li dan il-mod ta’ preżentazzjoni huwa biżżejjed biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4, iżda tistaqsi jekk l-istess mod ta’ preżentazzjoni huwiex suffiċjenti anki għall-finijiet tal-Artikolu 5.

21.

Skont Content Services, naturalment, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv. It-tqegħid tal-informazzjoni fuq paġna tal-internet biex tkun disponibbli għall-klijenti, li min-naħa tagħhom jistgħu jaċċedu għaliha hija suffiċjenti, b’mod partikolari, biex l-informazzjoni stess titqies bħala li ġiet ipprovduta fuq medium li jservi fis-sens tal-Artikolu 5. Min-naħa l-oħra, skont il-Bundesarbeitskammer, il-Kummissjoni u l-parti l-kbira tal-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, is-sempliċi tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-klijent billi l-istess klijent jingħata l-possibbiltà li jikklikkja fuq link waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ma huwiex biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-artikolu msemmi.

22.

Ngħid mill-ewwel li, fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni ta’ Content Services ma tistax tiġi milqugħa: il-modi li bihom hija qiegħdet l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-klijenti ma humiex konformi ma’ dak li jeżiġi l-Artikolu 5 tad-Direttiva. Ir-raġunijiet ser nindikahom hawn isfel.

B – Iż-żewġ aspetti tal-obbligu impost mill-Artikolu 5

23.

B’mod ġenerali, id-Direttiva teżiġi li l-provvista tal-informazzjoni lill-klijent, fis-sens tal-Artikolu 5 tagħha, ikollha żewġ karatteristiċi fundamentali.

24.

Fl-ewwel lok, il-klijent għandu “jirċievi” l-informazzjoni. Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-istess informazzjoni tintbagħatlu mingħajr ma hu jkollu b’xi mod jassumi rwol attiv biex jiksibha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva, dan il-kunċett huwa msaħħaħ bid-distinzjoni li ssir bejn l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 4 — li trid tkun sempliċiment “ipprovduta” lill-klijent potenzjali ( 10 ) — u dik imsemmija fl-Artikolu 5, li l-klijent irid, min-naħa l-oħra, “jirċievi” ( 11 ). Il-verżjoni Taljana tad-Direttiva li, fiż-żewġ dispożizzjonijiet, tuża l-kelma “ricevere” għall-informazzjoni li jrid jirċievi l-klijent, hija iżolata f’dan ir-rigward, għalkemm din ukoll tikkonferma li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 trid tingħata lill-klijent, u mhux sempliċiment titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu.

25.

L-għan tad-dispożizzjoni huwa ċar: id-Direttiva teżiġi li l-konsumatur jiġi fil-pussess ta’ ċerta informazzjoni, li hija essenzjali biex jinvoka d-drittijiet tiegħu, b’mod awtomatiku, mingħajr ma jkollu jieħu xi azzjoni bi kwalunkwe mod. Kieku ma kienx hekk, ħafna konsumaturi, speċjalment dawk l-inqas imwissijin, igawdu minn livell ta’ protezzjoni iktar baxx peress li mhux bilfors ikunu f’pożizzjoni li, f’każ ta’ bżonn, isibu l-informazzjoni inkwistjoni.

26.

Fit-tieni lok, il-klijent għandu jikseb il-kontroll fuq l-informazzjoni li tingħatalu fis-sens tal-Artikolu 5. Fil-fehma tiegħi, dan hu l-għan tal-obbligu biex l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq “medium [...] li jservi”. Jekk fil-fatt, l-informazzjoni tingħata lill-klijent b’mod effimeru, huwa ċar li l-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumatur mid-Direttiva jitnaqqas b’mod sinjifikattiv. Huwa biss jekk l-informazzjoni tibqa’ għad-dispożizzjoni tiegħu b’mod affidabbli u għal perijodu ta’ żmien adegwat li l-klijent ikun jista’, jekk ikun hemm il-bżonn, jinqeda minnha biex jinvoka d-drittijiet tiegħu.

27.

Id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “medium [...] li jservi” li jinsabu fid-direttivi l-oħra li ċċitajt iktar ’il fuq jikkonfermaw li l-protezzjoni tal-konsumatur hija l-għan tad-dispożizzjoni li tirrigwarda l-medium li jservi. Fil-fatt, kif stajna naraw, l-element essenzjali huwa l-possibbiltà li għandu l-konsumatur li jippreserva, jirkupra u jirriproduċi l-informazzjoni għal perijodu ta’ żmien adegwat.

28.

Mill-bqija, kif uriet l-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tal-konsumatur hija waħda mill-pilastri tad-Direttiva. B’mod partikolari, id-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti essenzjali li bihom tiġi żgurata l-protezzjoni msemmija u d-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li din tkun protezzjoni effettiva għall-konsumatur ( 12 ).

29.

Għandu jiġi vverifikat għaldaqstant jekk, f’dan il-każ, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva ġietx ipprovduta lill-klijent b’osservanza taż-żewġ kundizzjonijiet li għadni kif semmejt. Ser neżamina issa l-osservanza ta’ kull waħda minn dawn b’mod separat.

C – Fuq il-ħtieġa li l-klijent “jirċievi” l-informazzjoni

30.

Kif irrilevajt iktar ’il fuq, biex l-Artikolu 5 tad-Direttiva jkun osservat huwa indispensabbli li l-klijent “jirċievi” l-informazzjoni, u dan ifisser li jiġi fil-pussess tagħha mingħajr ma jkollu jieħu xi azzjoni bi kwalunkwe mod għal dan il-għan.

31.

F’dan ir-rigward, jidhirli li anki jekk iġġiegħel lill-klijent biex jikklikkja fuq link li tkun preżenti fuq il-paġna tal-internet intiża għall-konklużjoni tal-kuntratt biex huwa jkun jista’ jara l-informazzjoni meħtieġa, dan ma jissodisfax kompletament il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5. Għalkemm, fil-fatt, l-operazzjoni li tikkonsisti fi kklikkjar fuq link, fil-prinċipju, ma ġġib magħha ebda diffikultà partikolari, jibqa’ l-fatt li din tippreżumi azzjoni volontarja min-naħa tal-konsumatur, u timponilu, għaldaqstant, rwol “attiv”. Min-naħa l-oħra, kif intwera, l-ispirtu tal-Artikolu 5 huwa preċiżament dak li jara li ċerta informazzjoni tasal għand il-konsumatur anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni speċifika min-naħa tal-istess konsumatur (ħlief, ovvjament, dik li wasslet għall-konklużjoni tal-kuntratt).

32.

Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku, il-fatt li l-klijent jiġi pprovdut bl-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5 tad-Direttiva mingħajr ma huwa jkollu jwettaq ebda azzjoni partikolari, b’mod ġenerali, ma jippreżenta ebda diffikultà. Mill-bqija jidhirli li huwa estremament sinjifikattiv il-fatt li l-istess Content Services tibgħat lill-klijenti tagħha, wara li jiġi konkluż il-kuntratt, posta elettronika li jkun fiha, b’mod partikolari, il-konferma tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-elementi neċessarji (username u password) biex wieħed jaqbad mas-sit. Fil-fatt, huwa ċar li, pereżempju, ma jkun hemm ebda diffikultà teknika biex fil-posta elettronika inkwistjoni tiġi inkluża wkoll l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 5.

33.

Il-fatt li l-operaturi tal-kummerċ elettroniku jitħallew jimponu fuq il-klijenti tagħhom li jwettqu ċertu affarijiet biex ikunu jistgħu jaċċedu għall-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 5 tad-Direttiva, u dan anki meta dak li jiġi impost ikun biss l-użu ta’ link li tintwera waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, dan jirriskja li jinfetħu l-bibien għal abbużi potenzjali. Fil-fatt, huwa ċar li għalkemm il-fatt li wieħed ikollu jikklikkja fuq link hija operazzjoni kompletament banali, li jista’ jagħmilha kull min juża l-internet, mhux l-utenti kollha jkunu f’pożizzjoni li jindunaw, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, bil-ħtieġa li jridu jikklikkjaw fuq il-link biex ikunu jistgħu, jekk ikun hemm bżonn, jipproteġu aħjar id-drittijiet tagħhom fil-futur.

34.

Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ewwel wieħed miż-żewġ rekwiżiti meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva huwa nieqes: il-konsumatur ma “rċeviex” l-informazzjoni prevista. Dan huwa suffiċjenti biex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, madankollu, ser neżamina wkoll it-tieni wieħed miż-żewġ rekwiżiti imposti mid-dispożizzjoni ċċitata.

D – Fuq il-ħtieġa li l-informazzjoni mibgħuta tkun taħt il-kontroll tal-klijent

35.

It-tieni rekwiżit impost mill-Artikolu 5 huwa, kif rajna diġà, marbut mal-kunċett ta’ “medium [...] li jservi”: l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni fuq medium li jservi jirrifletti l-ħtieġa li l-konsumatur jiġi pprovdut bl-informazzjoni b’mod li jippermettilu jużaha, jekk ikun hemm bżonn, biex jinvoka d-drittijiet tiegħu.

36.

Kif rajna diġà, il-leġiżlatur ipprovda, f’testi leġiżlattivi oħra, ċerti definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “medium li jservi” li għalkemm ma japplikawx awtomatikament għal dan il-każ, jistgħu ċertament ikunu ta’ għajnuna. Fil-fatt ma hemm ebda raġuni għalfejn wieħed isostni li dawn jagħmlu riferiment għal kunċett differenti minn dak użat fid-Direttiva 97/7/KE ( 13 ).

37.

B’mod partikolari, dawn id-definizzjonijiet jenfasizzaw ċerti prinċipji ewlenin, u b’mod speċifiku l-possibbiltà li l-klijent: a) jissejvja jew jippreżerva l-informazzjoni; b) jaċċedi għall-informazzjoni mhux mibdula għal perjodu ta’ żmien “adegwat”; ċ) jirriproduċi l-informazzjoni mingħajr tibdil.

38.

Tqum għaldaqstant il-problema li jiġi indikat jekk sit internet jistax — u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet — jikkostitwixxi “medium [...] li jservi” fis-sens tad-Direttiva. Kif intwera, fil-fatt, Content Services tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-klijenti tagħha fuq paġna tas-sit opendownload.de biss.

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi fuq il-kunċett ta’ medium li jservi. Reċentement, madankollu, il-problema ġiet affrontata mill-Qorti EFTA, li ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni b’sentenza ta’ Jannar 2010 ( 14 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti EFTA affermat li, fil-prinċipju, anki sit internet jista’ jikkostitwixxi medium li jservi jekk ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, is-sit irid jippermetti lill-konsumatur li jippreserva l-informazzjoni li rċieva. Fit-tieni lok, tali preservazzjoni trid tkun żgurata għal żmien twil biżżejjed: it-tul ta’ kemm trid iddum il-preservazzjoni ma jistax jiġi indikat b’mod ġenerali, iżda jrid jiġi stabbilit każ b’każ. Fl-aħħar nett, irid jiġi żgurat il-fatt li l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinbidel min-naħa tal-persuna li tipprovdiha, u dan biex ikun protett il-konsumatur.

40.

Min-naħa tiegħi, b’mod ġenerali, naqbel mal-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti EFTA fid-deċiżjoni li għadni kif semmejt.

41.

Huwa ċar li ma jistax jiġi eskluż, fil-prinċipju, li anki paġna tal-internet tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista’ titqies medium li jservi fis-sens tad-Direttiva. Id-definizzjoni ta’ medium li jservi, li tinsab fid-Direttiva 2002/92/KE, kif intwera iktar ’il fuq, tipprevedi pereżempju b’mod espliċitu li, jekk sit internet jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni stess, huwa jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala medium li jservi; u dan anki jekk sit internet ma jgawdi minn ebda preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-dispożizzjoni, u dan b’kuntrast ma’, pereżempju, is-CD-ROMs u l-posta elettronika. Konsegwentement, f’kull każ konkret irid jiġi vverifikat jekk is-sit internet għandux il-karatteristiċi meħtieġa jew le.

42.

Tali karatteristiċi huma dawk li, kif semmejt iktar ’il fuq, jippermettu li jiġi affermat li l-informazzjoni tpoġġiet taħt il-kontroll tal-klijent, u ma għadhiex taħt il-kontroll tal-persuna li tipprovdiha. Kif ġustament irrilevat il-Qorti EFTA, dan jimplika li l-informazzjoni tista’ tiġi ppreservata min-naħa tal-klijent għal żmien twil biżżejjed biex jinvoka d-drittijiet tiegħu, u li l-istess informazzjoni ma tkunx tista’ tinbidel min-naħa tal-persuna li tipprovdiha.

43.

Il-mezzi tekniċi li bihom dan jista’ eventwalment isir iridu jiġu evalwati f’kull każ konkret, u ċertament ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindikahom hawnhekk. Jibqa’ madankollu l-fatt li paġna tal-internet komuni, bħalma hija dik li fiha Content Services tipprovdi l-informazzjoni lill-klijenti tagħha, ma tissodisfax ir-rekwiżiti indikati. Fil-fatt, min-natura tagħha stess, paġna normali tal-internet ma titpoġġiex taħt il-kontroll ta’ dak li jaċċedi għaliha, iżda taħt il-kontroll ta’ dak li jippubblikaha, li jista’ meta jrid ibiddilha jew jikkanċellaha fi kwalunkwe ħin. Il-fatt li l-konsumatur jista’ eventwalment jieħu interess biex jipprintja jew jissejvja l-paġna qabel ma tkun tista’ tiġi mibdula ma jbiddilx din is-sitwazzjoni: f’dak il-każ, fil-fatt, il-medium li jservi (il-verżjoni pprintjata jew issejvjata tal-paġna) ikun prodott mill-konsumatur, u mhux mill-bejjiegħ, kif timponi min-naħa l-oħra d-Direttiva.

44.

Konsegwentement, is-sit tal-kumpannija Content Services ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, lanqas f’dak li jirrigwarda n-natura tal-medium li fuqu tiġi pprovduta l-informazzjoni lill-konsumatur.

45.

Qabel ma nikkonkludi, madankollu, ma nistax ma ninnotax kif, għalkemm ma jistax jiġi eskluż, b’mod ġenerali, li paġna tal-internet tkun tikkostitwixxi “medium [...] li jservi” fis-sens tad-Direttiva, jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati modi li bihom il-konsumatur jista’ “jirċievi” l-informazzjoni li tkun tinsab f’paġna tal-internet kif previst fl-Artikolu 5. Kif intwera iktar ’il fuq, fil-fatt, din id-dispożizzjoni timponi li l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-klijent mingħajr ma dan ikollu jieħu xi azzjoni kwalunkwe. Għandha tiġi vverifikata b’attenzjoni l-konformità mad-Direttiva tal-prassi ta’ bejjiegħ li jibgħat lill-klijent, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, posta elettronika li fiha jkun hemm link għal paġna tal-internet li jkun fiha l-informazzjoni: f’dak il-każ, fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li l-paġna tal-internet hija “medium [...] li jservi”, l-aċċess għall-informazzjoni jkun suġġett għal azzjoni attiva min-naħa tal-konsumatur (il-fatt li jikklikkja fuq link li tintbagħatlu). Indipendentement mill-evalwazzjoni legali ta’ sitwazzjoni simili, jibqa’ l-fatt li jkun iktar sempliċi, u ċertament konformi mal-ispirtu tad-Direttiva, li l-informazzjoni tiġi inkluża direttament fit-test tal-posta elettronika ( 15 ). Minkejja kollox, nirrepeti li ma jistax jiġi eskluż a priori li jistgħu jiġu identifikati modi speċifiċi li bihom l-informazzjoni pprovduta fuq sit internet tkun tista’ tissodisfa ż-żewġ rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.

E – Sunt

46.

Jekk niġbor fil-qosor dak li osservajt iktar ’il fuq, il-modi li bihom tiġi ppreżentata l-informazzjoni lill-klijent f’dan il-każ li wassal għall-kawża prinċipali, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-fatt li lill-klijent tiġi pprovduta l-informazzjoni fuq paġna tal-internet biss, li għaliha l-klijent jista’ jaċċedi billi jikklikkja fuq link li tintwerielu waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, jeskludi kemm li l-klijent ikun “irċieva” l-informazzjoni, kif ukoll li l-istess informazzjoni ġiet ipprovduta fuq “medium [...] li jservi”.

V – Konklużjonijiet

47.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerrixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Oberlandesgericht Wien kif ġej:

“It-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-klijent, kif mitlub mid-dispożizzjoni Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, fuq paġna tal-internet li l-klijent jista’ jaċċedi għaliha billi jikklikkja fuq hyperlink li tintwerielu waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ma tissodisfax ir-rekwiżiti imposti mid-dispożizzjoni msemmija”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319).

( 3 ) Skont l-Artikolu 14 tagħha, fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

( 4 ) It-test Taljan tad-Direttiva juża, għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 u għal dik imsemmija fl-Artikolu 5, l-istess verb “ricevere”. Fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, madankollu, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 għandha tkun sempliċiment “ipprovduta” lill-konsumatur, mentri hija biss l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 li hija indikata li l-konsumatur għandu “jirċ[eviha]”. Ara, pereżempju, il-verżjoni Franċiża, Ingliża, Ġermaniża, Spanjola u Olandiża tad-Direttiva. Ara wkoll il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.

( 5 ) Fil-verità, mhux fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha l-kunċett li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7/KE għandu l-istess isem tal-kunċett li direttivi oħra taw definizzjoni tiegħu. Pereżempju, it-test Taljan tal-leġiżlazzjonijiet li ddefinixxew il-kunċett ma jużax l-espressjoni “supporto duraturo”, iżda “supporto durevole”. Madankollu jidher ċar li l-leġiżlatur ried jirreferi għall-istess kunċett, u dan kif juri wkoll l-eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi tad-direttivi li fihom definizzjoni, li fil-parti l-kbira tagħhom it-terminoloġija użata hija identika għal dik li tinsab fid-Direttiva 97/7/KE. Ara, pereżempju, il-verżjoni Ingliża (“durable medium”), Franċiża (“support durable”), Ġermaniża (“dauerhafter Datenträger”) u Spanjola (“soporte duradero”) tat-testi ċċitati.

( 6 ) Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321).

( 7 ) Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330).

( 8 ) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64). It-tħassir tad-Direttiva 97/7/KE tkun effettiva fit-13 ta’ Ġunju 2014 (ara l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2011/83/UE).

( 9 ) B’mod partikolari, pereżempju, hemm dubju dwar kemm hija legali r-“rinunzja” għad-dritt ta’ rtirar li Content Services timponi fuq il-klijenti tagħha. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-pożizzjoni ta’ Content Services f’dan ir-rigward ma hijiex definita b’mod ċar. Din il-kumpannija tagħmel riferiment xi kultant għar-rinunzja għad-dritt ta’ rtirar min-naħa tal-konsumatur, u xi kultant issostni, min-naħa l-oħra, li d-dritt ta’ rtirar ma jeżistix fir-rigward tas-servizzi tagħha u dan skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.

( 10 ) Ara, pereżempju, il-verżjoni Franċiża (“le consommateur doit bénéficier des informations suivantes”), Ingliża (“the consumer shall be provided with the following information”), Ġermaniża [“der Verbraucher muß (…) über folgende Informationen verfügen”], Spanjola (“el consumidor deberá disponer de la información siguiente”), Olandiża [“moet de consument (…) beschikken over de volgende informatie”].

( 11 ) Kif osservat il-Kummissjoni, il-fatt li tiġi “ipprovdut[a]” l-informazzjoni li jsemmi l-istess Artikolu 5(1) hija kompletament ekwivalenti għall-kelma “jirċievi” li tinsab fl-ewwel parti tiegħu. Dak li hemm differenti huwa sempliċiment il-perspettiva, li hija dik tal-konsumatur meta l-leġiżlatur jgħid “jirċievi”, u tal-bejjiegħ/fornitur ta’ servizzi meta jgħid li l-informazzjoni trid tiġi “ipprovdut[a]”.

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Messner (C-489/07, Ġabra p. I-7315, punt 19), u tal-15 ta’ April 2010, Handelsgesellschaft Heinrich Heine (C-511/08, Ġabra p. I-3047, punt 54).

( 13 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, iktar ’il fuq.

( 14 ) Il-Qorti EFTA, sentenza tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt (E-4/09). Is-sentenza tirrigwarda, biex inkunu preċiżi, id-Direttiva 2002/92/KE. Kif irrilevajt iktar ’il fuq, madankollu, ma hemmx raġunijiet għalfejn il-kunċett ta’ “supporto duraturo” hemm imsemmi huwa differenti minn dak tad-Direttiva 97/7/KE.

( 15 ) Jista’ jiġi osservat li, skont it-tip ta’ servizz ta’ posta elettronika użat mill-konsumatur u l-mod li bih huwa jaċċedi għalih, anki messaġġ mibgħut bil-posta elettronika jista’ ma jkunx kompletament imqiegħed taħt il-kontroll tal-klijent li jirċievi l-informazzjoni. Wieħed jista’ jimmaġina servizz li joffri l-possibbiltà li jiġu kkonsultati l-messaġġi ta’ posta elettronika permezz biss ta’ interface fuq l-internet, mingħajr il-possibbiltà li jużaw protokolli (IMAP, POP, eċċ) li jippermettu lill-utent li jittrasferixxi kopja waħda jew iktar tal-messaġġi fuq l-istrumenti elettroniċi tiegħu (kompjuter, smartphone, eċċ). L-oġġezzjoni hija madankollu infondata. In-natura stess tas-servizz ta’ posta elettronika hija intiża li tibgħat messaġġi personali lill-utenti: is-sitwazzjoni eventwali ta’ utent li jitlef il-kontroll fuq il-messaġġi tiegħu tkun minħabba, jekk mhux l-azzjoni imprudenti tal-utent stess, il-persuna li tipprovdi s-servizz ta’ posta elettronika, u mhux minħabba l-bejjiegħ li pprovda l-informazzjoni lill-klijent tiegħu permezz tal-posta elettronika. Il-bejjiegħ ma jistax jintalab li jevita mezz ta’ komunikazzjoni minħabba biss li l-klijent tiegħu jista’ ma jużahx sew, jew ma jużax fornitur affidabbli.