KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2012 ( 1 )
Kawża C-5/11
Proċeduri kriminali
kontra
Titus Donner
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]
“Moviment liberu tal-merkanzija — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Bejgħ ta’ merkanzija protetta mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru tax-xerrej iżda mhux fl-Istat Membru tal-bejjiegħ — Sanzjoni kriminali imposta fuq persuna involuta fil-bejgħ u l-kunsinni — Kuntratti ta’ bejgħ li jsiru mill-bogħod — Distribuzzjoni ta’ kopji ta’ xogħlijiet — Direttiva 2001/29”
I – Introduzzjoni
1. |
Dimensione Direct Sales Srl (iktar ’il quddiem “Dimensione”) hija kumpannija li tinsab f’Bologna, l-Italja. Dimensione tbigħ riproduzzjonijiet ta’ biċċiet ta’ għamara u disinni magħrufa sewwa (iktar ’il quddiem “il-prodotti”) u parti mill-kummerċ tagħha huwa mmirat lejn klijenti residenti fil-Ġermanja. Dan isir permezz ta’ riklami u supplimenti f’gazzetti Ġermaniżi, permezz ta’ ittri ta’ reklamar dirett u permezz ta’ sit bil-lingwa Ġermaniża. |
2. |
Il-prodotti jinbiegħu u jiġu kkunsinjati lix-xerrejja Ġermaniżi bl-għajnuna ta’ kumpannija tat-trasport Taljana li jisimha In. Sp. Em. Srl (iktar ’il quddiem “Inspem”). Fil-Ġermanja dawn il-prodotti jitqiesu bħala kopji ta’ xogħlijiet tal-arti applikata protetti mid-drittijiet tal-awtur. Fl-Italja dawn il-prodotti jew ma humiex protetti bid-dritt nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, jew fil-prattika dawn id-drittijiet ma humiex infurzabbli. |
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tanalizza jekk l-Artikolu 36 TFUE ( 2 ), u b’mod iktar speċifiku d-dispożizzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw il-proprjetà industrijali u kummerċjali, jistax jiġi invokat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fi prosekuzzjoni kriminali kontra Titus Donner, li huwa l-maniġer u l-azzjonist maġġoritarju ta’ Inspem. Il-prosekuzzjoni tikkonċerna r-rwol ta’ T. Donner fid-distribuzzjoni tal-prodotti fil-Ġermanja, fejn qiegħed jiġi allegat ksur tad-dritt nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur. Id-domanda li tikkonċerna l-Artikolu 36 TFUE qamet għaliex huwa paċifiku li l-prosekuzzjoni tammonta għal miżura ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri taħt l-Artikolu 34 TFUE. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni ta’ jekk dan jistax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 36 TFUE. |
4. |
Għaldaqstant, il-kwistjoni ċentrali hija l-kamp ta’ applikazzjoni tal-frażi l-“protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali” fl-Artikolu 36 TFUE, u jekk, fi tranżazzjoni transkonfinali, hemmx rabtiet mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li huma suffiċjenti sabiex ikun hemm lok għall-applikazzjoni tiegħu. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-kwistjoni preliminari dwar jekk kienx hemm, fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt Ġermaniż dwar id-drittijiet tal-awtur, ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”) ( 3 ) peress li din id-dispożizzjoni armonizzat il-kunċett tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni. |
5. |
F’każ li kien hemm ksur, sussegwentement tqum il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE twassalx għal taqsim f’partijiet tas-suq intern, jew għal ostakolu sproporzjonata jew arbitrarja tal-kummerċ. |
6. |
It-tifsira tal-frażi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” għandha konsegwenzi serji kemm fuq is-suq intern kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali esterni. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jarmonizza l-frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “distribuzzjoni” taħt l-Artikolu 4(1) jaffettwaw kemm ir-rimedji disponibbli għad-detentur tad-drittijiet fl-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni disponibbli fil-livell internazzjonali għall-kummerċ ta’ merkanzija protetta mid-drittijiet tal-awtur pirata. |
7. |
Fid-dawl tal-isfidi attwali ppreżentati mill-bejgħ online u mill-kummerċ elettroniku, ir-regoli żviluppati mill-Unjoni sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-awtur, bħall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għandhom jiġu interpretati b’mod li huwa suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet ikunu totalment protetti fl-era tal-internet. It-tifsira mogħtija lill-Artikolu 4(1) għanda tkun tista’ tippermetti li jiġu ċċekkjati l-attivitajiet li setgħu ġew identifikati bl-għajnuna tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri qabel l-abolizzjoni tal-kontrolli tal-merkanzija fil-fruntieri interni tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri taħt il-Ftehim TRIPs ( 4 ) li jikkontribwixxu sabiex tiġi evitata l-importazzjoni ta’ kopji mhux awtorizzati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jibbenefikaw minn moviment liberu fis-suq intern ma għadhomx jistgħu jiġu osservati b’miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali nazzjonali fil-każ tal-merkanzija. Tali attivitajiet issa għandhom jiġu ġestiti permezz tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet armonizzati tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. |
8. |
Dawn il-kwistjonijiet, flimkien mal-problemi involuti fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità f’arranġament ta’ bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod, jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex din tanalizza l-ġurisprudenza stabbilita tagħha f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, fil-kuntest tar-regoli l-ġodda tal-Unjoni li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ distribuzzjoni relatati ma’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. |
II – Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9. |
T. Donner, ċittadin Ġermaniż, jeżerċita l-attività kummerċjali tiegħu prinċipalment mir-residenza tiegħu fil-Ġermanja. Matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-15 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”) Dimensione, li magħha jikkoopera T. Donner, ma kinitx kisbet permess mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur sabiex tbigħ il-prodotti fil-Ġermanja. Lanqas ma kienet ġabet permess sabiex tbigħhom fl-Italja ( 5 ). |
10. |
Qabel il-perijodu rilevanti, u minn madwar April 1999, T. Donner kien involut fid-distribuzzjoni ta’ għamara “Bauhaus” riprodotta minn Dimensione, b’tali mod li l-għamara kienet ikkunsinnata mill-Italja lejn maħżen li jinsab fil-Ġermanja. Il-merkanzija mbagħad kienet tinbiegħ, u Inspem, il-kumpannija ta’ T. Donner, kienet tikkunsinjaha lix-xerrejja fil-Ġermanja. Wara li T. Donner ġie mixli mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku b’użu kummerċjali, mingħajr permess, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, ġie deċiż quddiem l-Amtsgericht Munchen li ma kinitx se tittieħed azzjoni ulterjuri, wara li T. Donner iħallas multa ta’ EUR 120 000. |
11. |
Iktar tard Dimensione xtrat maħżen fi Sterzing fl-Italja. L-imballaġġ ta’ kull prodott mibjugħ kien jiġi mmarkat bl-isem u l-indirizz tal-persuna li tkun ordnatu, jew tal-inqas bin-numru tal-ordni. Skont il-kundizzjonijiet tal-bejgħ, ix-xerrejja kellhom imorru jiġbru l-prodott huma stess jew jagħmlu arranġamenti sabiex dan jiġi kkunsinjat lilhom. Meta x-xerrejja ma xtaqux jagħmlu dan, jew ma setgħux jagħmlu arranġamenti għat-trasport, Dimensione kienet tissuġġerixxi lix-xerrejja sabiex jikkuntattjaw lil Inspem. Meta l-prodotti kienu jiġu ordnati mingħajr kuntatt personali ma’ Dimensione, ix-xerrejja kienu jirċievu fuljett ta’ reklamar, li fih Inspem kienet toffri li tittrasporta l-prodotti mill-Italja għall-Ġermanja. Il-materjal ta’ reklamar ta’ Dimensione kien jgħid li x-xerrejja jakkwistaw il-prodotti fl-Italja, iżda jħallsu għalihom biss meta dawn jiġu kkunsinjati lilhom fil-Ġermanja. Dimensione kienet tibgħat il-fatturi tagħha direttament lix-xerrejja. |
12. |
Ix-xufiera ta’ Inspem kienu jħallsu lil Dimensione tal-prodotti li kienu jkunu mmarkati għal xerrej partikolari meta kienu jiġbruhom mill-maħzen fi Sterzing. Sussegwentement, ix-xufiera kienu jieħdu r-rimbors tal-prezz mingħand ix-xerrejja malli ssir il-kunsinna fil-Ġermanja, flimkien mal-ħlas tal-kunsinna. Madankollu, meta x-xerrejja kienu jirrifjutaw li jħallsu, il-prodott ikkonċernat kien jiġi rritornat minn Inspem lil Dimensione fl-Italja, u din tal-aħħar kienet tirrimborsa lil Inspem il-prezz tal-merkanzija u tħallas l-ispejjeż tal-kunsinna. |
13. |
Il-kuntratt bejn Dimensione u x-xerrejja huwa regolat bid-dritt Taljan. Skont id-dritt Taljan, il-proprjetà kienet tgħaddi minn Dimensione għax-xerrejja fl-Italja malli kien jiġi individwat il-prodott li nbiegħ lil konsumatur partikolari fil-maħżen ta’ Dimensione. |
14. |
Min-naħa l-oħra, it-trasferiment tal-proprjetà taħt id-dritt Ġermaniż jista’ jiġi kkompletat biss meta l-merkanzija tkun f’idejn ix-xerrej fis-sens li s-setgħa de facto ta’ approprjazzjoni tkun ġiet ittrasferita lilu. Dan kien jiġri fil-Ġermanja meta x-xerrejja kienu jirċievu l-prodotti mingħand ix-xufiera ta’ Inspem bi ħlas. |
15. |
Infetħet prosekuzzjoni kontra T. Donner abbażi ta’ dan l-arranġament il-ġdid. Huwa nstab ħati quddiem il-Landgericht München II ta’ kompliċità fl-użu kummerċjali pprojbit ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Skont id-digriet tar-rinviju, il-Landgericht sabet ukoll li Dimensione kienet iddistribwixxiet kopji tal-prodotti billi qegħdithom fiċ-ċirkulazzjoni. |
16. |
T. Donner appella quddiem il-Bundesgerichtshof u argumenta inter alia li l-prosekuzzjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 34 TFUE dwar il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, u li jirriżultaw fi taqsim f’partijiet artifiċjali tas-swieq. Għalkemm il-prosekutur qabel li dawn il-proċeduri kienu jirriżultaw f’tali restrizzjoni, ġie argumentat li din ir-restrizzjoni kienet ġustifikabbli b’riferiment għall-Artikolu 36 TFUE u bir-raġuni imperattiva tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali. |
17. |
Il-Bundesgerichtshof qieset li huwa neċessarju li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja. “L-Artikoli 34 u 36 TFUE li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu r-reat kriminali ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni pprojbita ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur ( 6 ) li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali fejn, f’każ ta’ bejgħ transkonfinali ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja
|
18. |
T. Donner, il-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha pparteċipaw fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012 minbarra l-Gvern Ċek. |
III – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-domandi magħmula
19. |
Il-Bundesgerichtshof limitat id-domanda li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Fid-domanda magħmula ma hemm ebda riferiment għat-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, li l-Bundesgerichtshof interpretat hija stess qabel ma ħadet id-deċiżjoni tar-rinviju. |
20. |
Għalkemm l-iskop tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari ma huwiex dak li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-interpretazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qrati nazzjonali, u inqas u inqas li tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali, f’dan il-każ ma huwiex possibbli li l-Artikolu 36 TFUE jiġi interpretat mingħajr ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, il-prosekutur pubbliku jinvoka l-Artikolu 36 TFUE sabiex iwaqqa’ difiża fi proċeduri kriminali bbażata fuq l-Artikolu 34 TFUE. B’hekk, analiżi kompluta tal-prinċipji legali rilevanti kollha hija iktar u iktar importanti. |
21. |
Il-Kummissjoni Ewropea osservat ukoll li qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt, f’dan il-każ, kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni tal-awtur taħt id-dritt Ġermaniż jew taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni Ewropea targumenta li r-riżultat ta’ din l-analiżi huwa pass importanti sabiex tingħata risposta għad-domanda inkwistjoni; jiġifieri jekk ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta mill-prosekuzzjoni ta’ T. Donner tistax tiġi ġġustifikata bil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. |
22. |
Għaldaqstant, fit-Taqsima C iktar ’l isfel, jiena se nanalizza t-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fil-kuntest tal-prinċipji ġenerali rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. Peress li l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur hija bbażata fuq il-ħolqien ta’ drittijiet limitati territorjalment, u peress li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija intimament marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, fit-Taqsima B se nindirizza l-prinċipju ta’ territorjalità fil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Dawn il-kwistjonijiet, flimkien mal-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE fir-rigward tal-fatti tal-kawża inkwistjoni sottomessi mill-qorti nazzjonali, jiffurmaw il-qofol ta’ din il-problema li għaliha qiegħda tintalab soluzzjoni. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE se tiġi indirizzata fit-Taqsima D. |
23. |
Fl-aħħar nett, peress li r-rimedji disponibbli sabiex jiġu infurzati d-drittijiet tal-awtur kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 7 ), u peress li hemm sett ta’ prinċipji legali tal-Unjoni li huma applikabbli meta Stati Membri jagħżlu li jimplementaw id-dritt tal-Unjoni permezz ta’ sanzjonijiet kriminali, bħalma huwa l-każ hawnhekk, se nagħlaq billi nagħmel xi osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni fit-Taqsima E. |
2. L-armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur
24. |
Id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni, bħalma huwa l-każ kullimkien, għadhom fil-parti l-kbira tagħhom kreazzjoni tad-dritt nazzjonali. Illum il-ġurnata hemm ġabra ta’ iktar minn 150 regola dwar id-drittijiet tal-awtur territorjali ta’ oriġini nazzjonali jew reġjonali li jikkoeżistu fid-dinja ( 8 ). Mingħajr ma jiena se nipprova nagħti l-istampa kollha tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, għall-finijiet tal-kawża inkwistjoni jkun utli li nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin. |
25. |
L-armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni għaddiet minn proċess imħallat ta’ armonizzazzjoni parzjali u totali. Pereżempju, uħud mill-hekk imsejħa drittijiet relatati ġew suġġetti għal armonizzazzjoni minima biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u b’mod li jħalli diskrezzjoni kunsiderevoli lill-Istati Membri ( 9 ). Min-naħa l-oħra, xi drittijiet esklużivi oħra bħalma huma dawk riflessi fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ġew armonizzati kompletament. |
26. |
Kien hemm ukoll armonizzazzjoni parzjali fil-livell tal-Unjoni tar-rimedji applikabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Ftehim TRIPs u tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet huma intitolati għal rimedji effettivi f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur li joriġinaw kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha ( 10 ). Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-merkanzija ffalsifikata u pirata ( 11 ) hija applikabbli biss fir-rigward ta’ pajjiżi terzi ( 12 ). Dan l-isfond huwa rilevanti għall-kawża inkwistjoni għaliex l-Artikolu 51 tal-Ftehim TRIPs jipprovdi għal dritt minimu li titwaqqaf l-importazzjoni ta’ kopji mhux awtorizzati fit-territorju ta’ protezzjoni ( 13 ). Madankollu, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat biss fil-kuntest tal-kontrolli doganali esterni u għaldaqstant ma huwiex disponibbli f’dak li jirrigwarda l-fluss tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni. |
27. |
Minħabba f’hekk, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jiddependi essenzjalment mid-dritt nazzjonali. Dan ifisser li l-eżistenza tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom huma ddefiniti b’miżuri nazzjonali ( 14 ), u d-drittijiet tagħhom huma validi u infurzabbli biss fit-territorju nazzjonali tal-istat fejn ikun intalab l-infurzar. |
28. |
Għaldaqstant, fil-kawża inkwistjoni, huwa d-dritt Ġermaniż li jistabbilixxi, waħdu, jekk il-prodotti inkwistjoni humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur f’dan it-territorju. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm “distribuzzjoni” f’dan it-territorju hija regolata bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. |
29. |
Barra minn hekk, l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali sabiex jeskludu xogħlijiet ta’ arti applikata u ta’ disinni, bħall-prodotti inkwistjoni fil-każ ineżami, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ( 15 ). Dan jirriżulta mid-Direttiva 98/71/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji ( 16 ) li torbot lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’dan il-qasam. |
30. |
Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, kwistjonijiet ta’ kunflitti tal-liġijiet huma regolati bil-lex loci protectionis, kif rifless fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (ir-“Regolament Ruma II”) ( 17 ) u fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Dan il-prinċipju huwa rilevanti fil-kawża ineżami għaliex isostni l-kompetenza tal-Istati Membri li jaffermaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur li jseħħ fit-territorju tagħhom. |
3. Il-protezzjoni tax-xogħlijiet tal-arti applikata fl-Unjoni
31. |
Fl-Italja kien hemm retiċenza persistenti sabiex tiġi applikata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ xogħlijiet tal-arti applikata ( 18 ). Madankollu fis-27 ta’ Jannar 2011, fis-sentenza Flos, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perijodu moratorju ta’ għaxar snin stabbilit fid-dritt Taljan għall-protezzjoni tad-disinni, dekorribbli mid-19 ta’ April 2001, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ( 19 ). Id-dritt Taljan li tqies inkompatibbli mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jidher li huwa l-istess dritt li ġie kkunsidrat mill-Bundesgerichtshof fil-kawża inkwistjoni qabel ma din bagħtet id-digriet tar-rinviju ( 20 ). Fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza Flos tindika li l-prodotti kkontestati fil-każ ineżami, għalkemm ma humiex protetti bid-dritt Taljan dwar id-drittijiet tal-awtur matul il-perijodu rilevanti, kienu intitolati għall-protezzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. |
32. |
Barra minn hekk, is-sentenza Flos ngħatat wara s-sentenza Peek and Cloppenburg ( 21 ). La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-Avukat Ġenerali ma kellhom il-vantaġġ tas-sentenza mogħtija fil-kawża Flos meta ngħatat is-sentenza tal-kawża Peek and Cloppenburg. |
B – Il-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur
33. |
Is-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri, il-konvenzjonijiet internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni huma bbażati fuq il-premessa li l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur toħloq drittijiet limitati territorjalment. Bħalma osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-prinċipju ta’ territorjalità ta’ dawn id-drittijiet [tal-awtur], li hu rikonoxxut mid-dritt internazzjonali u anki fit-Trattat KE. Għaldaqstant, dawn id-drittijiet huma ta’ natura territorjali u l-liġi domestika tista’ tippenalizza biss atti li jsiru fit-territorju nazzjonali” ( 22 ). Fid-duttrina legali ġie spjegat ukoll li d-drittijiet jistgħu jiġu protetti mill-qrati f’każ biss li l-attività kif ukoll l-effetti kummerċjali tagħha jseħħu fit-territorju nazzjonali. Fil-prattika dan ifisser li d-detentur tad-drittijiet jitlob il-protezzjoni abbażi tal-prinċipju lex loci protectionis fil-pajjiż fejn jiġi allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur, fil-każ ineżami l-Ġermanja, u l-qrati ta’ dak il-pajjiż jiddeċiedu jekk ikunx sar ksur billi jirreferu għad-dritt nazzjonali. B’dan l-eżerċizzju jistgħu jiġu identifikati wkoll attivitajiet li jkunu jinsabu parzjalment jew kompletament barra mill-fruntieri nazzjonali ( 23 ). |
34. |
Tali sitwazzjonijiet, li mill-inqas jirriżultaw f’extraterritorjalità limitata, tipikament iktar jinħolqu fil-kuntest ta’ attivitajiet relatati ma’ materji intanġibbli protetti, bħax-xandir jew id-distribuzzjoni online ta’ xogħlijiet. Madankollu, attivitajiet li jikkonċernaw kopji tanġibbli ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt dwar il-proprjetà intellettwali, bħall-bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod, jistgħu jwasslu għal kwistjonijiet simili. Sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dawn id-domandi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali f’żewġ okkażjonijiet. Fit-tnejn li huma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-imġiba li ssir barra mit-territorju fejn id-drittijiet huma protetti, iżda li tkun immirata lejn dak it-territorju, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali li ġew armonizzati bid-dritt tal-Unjoni. Iż-żewġ kawżi li indirizzaw dan kienu dawn li ġejjin. |
35. |
Il-kawża L’Oréal et kienet tikkonċerna, inter alia, il-protezzjoni ta’ trade marks b’rabta ma’ offerti ta’ bejgħ li kienu joriġinaw barra miż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda li kienu aċċessibbli f’din iż-żona permezz ta’ suq online ( 24 ). L’Oréal argumentat li din l-attività kienet tikkostitwixxi ksur tat-trade marks Ewropej tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, offerta ta’ bejgħ jew reklam muri fuq suq online, li huwa aċċessibbli mit-territorju kopert mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, humiex maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju. Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark seta’ jipprekludi dan il-bejgħ, jew din l-offerta ta’ bejgħ jew dan ir-reklamar bis-saħħa jew tal-Artikolu 5 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 25 ), jew tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ( 26 ). |
36. |
Il-kawża Stichting de Thuiskopie ( 27 ) kienet kawża dwar id-drittijiet tal-awtur, u kienet tikkonċerna l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur li jikkonċernaw l-ikkupjar għal użu privat ta’ xogħlijiet protetti, sakemm l-awturi jirċievu kumpens ġust. Kumpannija stabbilita fil-Ġermanja kienet tbigħ, permezz tal-internet, tagħmir li jaħżen id-data vojt, u l-attivitajiet tagħha kienu partikolarment iffukati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej: “Id-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat Membru li jkun istitwixxa sistema ta’ remunerazzjoni għal ikkuppjar privat li titħallas mill-fabbrikant jew mill-importatur ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, u li fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jiġi kawżat id-dannu lill-awturi mill-użu għal finijiet privati tax-xogħlijiet tagħhom minn xerrejja li jirrisjedu hemmhekk, li għandu jiżgura li dawn l-awturi fil-fatt jirċievu effettivament il-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensawhom għal dan id-dannu. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali tal-attrezzatura, tat-tagħmir u tal-mezzi ta’ riproduzzjoni huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr fejn jirrisjedu x-xerrejja ma għandu l-ebda effett fuq dan l-obbligu ta’ riżultat ( 28 ) . Hija l-qorti nazzjonali li għandha, fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi żgurat il-ġbir tal-kumpens ġust mingħand ix-xerrejja, tinterpreta d-dritt nazzjonali sabiex jista’ jsir il-ħlas ta’ dan il-kumpens mingħand debitur li jaġixxi bħala kummerċjant.” ( 29 ) |
37. |
L-arranġament ta’ bejgħ fis-sentenza Stichting de Thuiskopie kien jixbah dak tal-kawża prinċipali. L-iskop tal-arranġamenti legali, fiż-żewġ każijiet, kien li tinħoloq sitwazzjoni fejn id-distribuzzjoni kienet legalment tinftiehem bħala li seħħet barra mill-pajjiż u li l-merkanzija għaddiet minn fruntiera bħala importazzjoni għal użu privat fi Stat Membru ieħor fejn id-drittijiet tal-awtur kienu stabbiliti u fejn ġew invokati. Iż-żewġ każijiet kienu kkaratterizzati minn arranġament ta’ bejgħ li jsir mill-bogħod maħsub għall-konsumaturi li jinsabu fl-Istat Membru msemmi l-aħħar u fejn it-trasferiment tal-proprjetà kien iseħħ, skont it-termini tal-kuntratt tal-bejgħ, barra mit-territorju tal-Istat Membru fejn id-drittijiet tal-awtur kienu protetti. L-element ta’ kumpannija tat-trasport li kienet taġixxi bħala aġent għax-xerrej kien preżenti wkoll fis-sentenza Stichting de Thuiskopie, għalkemm ir-rwol li hija kella kien iktar limitat minn dak ta’ Inspem, peress li ma kinitx taġixxi bħala aġent li kien jgħaddi l-ħlas mill-bejjiegħ għax-xerrej. |
38. |
Madankollu, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn id-disponibbiltà tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali f’każijiet ċivili, u l-applikabbiltà tas-sanzjonijiet kriminali f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur. Kemm il-kawża L’Oréal et kif ukoll il-kawża Stichting de Thuiskopie kienu każijiet ċivili fejn id-detenturi tad-drittijiet protetti bid-dritt tal-proprjetà intellettwali kienu fetħu, f’isimhom, proċeduri ċivili quddiem qorti nazzjonali sabiex ifittxu rimedji ċivili. Fil-kawża inkwistjoni, huwa prosekutur pubbliku li qiegħed ifittex li jinforza d-drittijiet tal-awtur protetti taħt id-dritt Ġermaniż, u dan qiegħed isir permezz ta’ proċeduri kriminali. |
39. |
Għal raġunijiet ovvji, is-sejbiet li jwasslu għall-konklużjoni li kien hemm ksur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati ma jistgħux jiġu immedjatament trasposti f’kuntest kriminali fis-sens li l-ksur inkwistjoni jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għal min jikser il-liġi. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq, huwa stabbilit li mġiba li toriġina barra mit-territorju nazzjonali, u li tkun maħsuba għat-territorju fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma protetti, tista’ tiġi identifikata bl-applikazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ġew armonizzati bid-dritt tal-Unjoni. |
C – L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur
1. Osservazzjonijiet preliminari
40. |
Il-qofol tad-drittijiet tal-awtur huwa li l-awtur, minbarra li jgawdi drittijiet legali li huma rikonoxxuti fid-dritt internazzjonali u nazzjonali, jiddeċiedi jekk u kif xogħlu jew xogħolha jintuża ekonomikament. Fl-atti leġiżlattivi, din il-pożizzjoni bażika tissarraf f’diversi drittijiet esklużivi tal-awtur li jawtorizza jew jipprojbixxi użu speċifiku tax-xogħlijiet. Sistemi legali differenti jużaw tekniki leġiżlattivi differenti sabiex jipproteġu u jirregolaw id-drittijiet esklużivi tal-awturi. |
41. |
Dawn jistgħu ikunu ddefiniti f’termini espliċiti jew jistgħu jkunu impliċiti billi jiġu stabbiliti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema tad-drittijiet esklużivi tista’ tkun ibbażata fuq definizzjonijiet u ġerarkiji kunċettwali differenti. Pereżempju, f’sistema legali partikolari, dritt ta’ kiri jew self jista’ jiġi konċeput li huwa inkluż fid-dritt ta’ distribuzzjoni filwaqt li f’sistemi legali oħra jitqies bħala dritt separat. Id-diverġenzi fl-approċċ fid-diversi Stati Membri kkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għan-natura frammentarja tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni. |
42. |
F’dan il-kuntest, tajjeb jiġi nnotat li f’ħafna sistemi legali nazzjonali, id-dritt ta’ distribuzzjoni, li huwa korollarju indispensabbli tad-dritt bażiku ta’ riproduzzjoni ( 30 ), huwa ddefinit f’termini li jirreferu għal offerti ta’ bejgħ, tqegħid għad-dispożizzjoni, jew tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni. Xi statuti nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jipprojbixxu wkoll l-importazzjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet protetti bħala forma ta’ attività li taqa’ taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni jew li hija dderivata minnu ( 31 ). |
43. |
Fl-1996, regola separata tad-dritt internazzjonali dwar it-tifsira tad-dritt ta’ distribuzzjoni ġiet introdotta fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem “TDA”) ( 32 ). Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi “ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet oriġinali u l-kopji tagħhom permezz tal-bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni ġiet implementata fid-dritt tal-Unjoni bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Issa se niffoka fuq din id-dispożizzjoni. |
2. It-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.
44. |
Il-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ivarja ftit mid-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 6 tat-TDA. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jistabbilixxi li “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor”. L-Artikolu 6 tat-TDA jinkludi l-kliem “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” filwaqt li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistipula “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku”. |
45. |
Minkejja din id-differenza fil-kliem użat, jiena se nadotta u nelabora fuq l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peek and Cloppenburg ( 33 ), fis-sens li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandu jiġi interpretat f’konformità mad-dispożizzjoni korrispondenti tat-TDA. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li t-TDA jipprovdi biss regoli relatati mal-livell minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li l-partijiet kontraenti jaqblu li jipprovdu, fis-sentenza Peek and Cloppenburg il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet il-pożizzjoni li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma tfittex li tistabbilixxi ebda livell ogħla ta’ protezzjoni għall-awturi ( 34 ). |
46. |
Barra minn hekk, bħalma diġà nnotajt iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tarmonizza kompletament it-tliet drittijiet esklużivi pprovduti fl-Artikoli 2 sa 4, jiġifieri d-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ komunikazzjoni lil pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post tal-komunikazzjoni, u d-dritt ta’ distribuzzjoni. Fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma hemm ebda indikazzjoni li l-Istati Membri huma liberi li jiddevjaw minn dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali li jikkonċerna d-drittijiet tal-awtur billi jillimitaw jew jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
47. |
Fl-interpretazzjonijiet diverġenti tagħhom tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1), il-Bundesgerichtshof, il-partijiet, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom fuq ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari fis-sentenza Peek and Cloppenburg. Kollha kemm huma enfasizzaw l-importanza tat-trasferiment tal-proprjetà bħala parti mill-kunċett tad-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dik id-diskussjoni ma tantx hija ta’ għajnuna. |
48. |
Fis-sentenza Peek and Cloppenburg, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet domanda li sostanzjalment kienet tikkonċerna l-mod kif għandha tinftiehem id-distribuzzjoni għajr milli bil-bejgħ. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-espożizzjoni fil-vetrina ta’ stabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni, għal użu fiż-żona ta’ mistrieħ ta’ stabbilimenti ta’ ħwejjeġ għan-nisa u għall-irġiel fil-Ġermanja, ta’ repliki ta’ għamara li kienet ġiet immanifatturata minn impriża fl-Italja iżda li kienet protetta mid-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja. It-talba għal deċizjoni preliminari kienet marbuta mal-fatt li ħafna sistemi legali nazzjonali jinkludu sitwazzjonijiet, fil-kunċett ta’ distribuzzjoni, li ma jinvolvux it-trasferiment tal-proprjetà. Din l-hekk imsejħa interpretazzjoni inklużiva ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peek and Cloppenburg. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-distribuzzjoni għajr milli bil-bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur isseħħ biss meta jkun hemm trasferiment tal-proprjetà tal-oriġinal ta’ xogħol protett jew ta’ kopja tiegħu ( 35 ). |
49. |
Fil-każ ineżami, il-kwistjoni hija dwar id-distribuzzjoni bil-bejgħ. Huwa paċifiku li kien hemm bejgħ ta’ prodotti li fir-rigward tiegħu qamet kontroversja fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur. Il-bejgħ ifisser, mid-definizzjoni tiegħu, it-trasferiment ta’ proprjetà bi ħlas. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-kwistjoni vera u proprja hija jekk, fid-dawl tal-fatti kollha, dan il-bejgħ partikolari rriżultax fi ksur tad-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja. |
50. |
L-approċċ ta’ T. Donner u tal-Bundesgerichtshof fir-rigward ta’ din id-domanda huwa bbażat fuq il-kunċett tad-dritt ċivili tat-trasferiment tal-proprjetà. Skont T. Donner, ma kien hemm ebda distribuzzjoni fil-Ġermanja għaliex il-proprjetà tal-prodotti, taħt id-dritt Taljan applikabbli għall-kuntratt, ġiet ittrasferita lix-xerrejja fl-Italja. Skont il-Bundesgerichtshof, il-fattur deċiżiv ma kienx dak tat-trasferiment tal-proprjetà fl-Italja, iżda t-trasferiment tal-pussess effettiv tal-prodotti, rikjest fid-dritt Ġermaniż, sabiex it-trasferiment tal-proprjetà jkun komplut. Dan sar fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-distribuzzjoni saret fil-Ġermanja, mhux minħabba t-trasferiment tal-pussess effettiv, iżda peress li l-prodotti saru disponibbli għall-pubbliku biss fil-Ġermanja, fejn ix-xerrejja ħallsu lix-xufiera ta’ T. Donner għalihom. |
51. |
Fl-opinjoni tiegħi, it-tifsira tal-kunċett ta’ distribuzzjoni fid-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma tistax tiddependi fuq tali fatturi. L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma II jistipula li l-partijiet ma jistgħux jagħżlu l-liġi applikabbli fir-rigward tal-obbligi mhux kuntrattwali relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Kieku d-dritt tal-kuntratt ta’ bejgħ magħżul mill-partijiet jitħalla jirregola jekk u fejn tkun saret id-distribuzzjoni bil-bejgħ ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, dan ikun inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju, u l-partijiet ikunu jistgħu jevitaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ( 36 ). |
52. |
Jiena nikkontesta wkoll jekk id-distribuzzjoni bil-bejgħ tistax issir biss meta tranżazzjoni tkun ġiet ikkompletata b’suċċess. Kieku dan kien il-każ, l-offerta ta’ bejgħ ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-permess tal-awtur ma tkunx tikkostitwixxi distribuzzjoni. Dan jgħodd ukoll għat-tranżazzjonijiet ta’ hire-purchase. F’dawn l-arranġamenti msemmija l-aħħar, it-trasferiment tal-proprjetà jsir ħafna iktar tard mit-trasferiment tal-pussess effettiv. |
53. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ distribuzzjoni bil-bejgħ għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-awturi kontroll prattiku u effettiv fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-kopji tax-xogħol tagħhom, mir-riproduzzjoni tiegħu permezz tan-netwerks kummerċjali sal-eżawriment tad-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ( 37 ). Għal din ir-raġuni, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ” fl-Artikolu 4(1) għandu jinftiehem li għandu l-istess tifsira bħall-kliem “it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [...] permezz tal-bejgħ” fl-Artikolu 6(1) tat-TDA. |
54. |
It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-bejgħ ikopri l-katina ta’ attivitajiet mill-offerti ta’ bejgħ sal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ u l-implementazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, is-sempliċi reklamar ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li ma jikkostitwixxux offerta ta’ bejgħ ma huwiex inkluż fid-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiv tal-awturi, għalkemm dan ukoll huwa kopert bil-protezzjoni taħt id-dritt tat-trade marks. |
55. |
Fis-sitwazzjoni tal-arranġamenti ta’ bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod, l-evalwazzjoni dwar jekk il-kopji jitqegħdux għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-Istat Membru fejn jintalab l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal et ( 38 ). Jekk bejjiegħ jimmira għal konsumaturi fi Stat Membru partikolari u joħloq jew iqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom arranġament speċifiku għall-kunsinna u metodu ta’ ħlas li jippermetti lill-konsumaturi jixtru kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur f’dak l-Istat Membru, f’dak il-każ ikun hemm distribuzzjoni bil-bejgħ f’dak l-Istat Membru ( 39 ). L-eżistenza ta’ sit bil-lingwa Ġermaniża, il-kontenut tal-materjal ta’ reklamar ta’ Dimensione, u l-kooperazzjoni kontinwa tagħha ma’ Inspem, bħala impriża involuta fil-bejgħ u l-kunsinna fil-Ġermanja, kollha jindikaw li kien hemm eżerċizzju mmirat. Dak li huwa importanti huwa jekk il-bejjiegħ ħoloqx netwerk immirat għall-bejgħ u l-kunsinna lix-xerrejja sabiex dawn jixtru xogħlijiet li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru tax-xerrej. |
56. |
F’dan ir-rigward, il-mod kif tiġi organizzata l-kunsinna tal-kopji huwa ta’ importanza sekondarja. Ikun hemm distribuzzjoni bil-bejgħ minn Stat Membru A lill-pubbliku mmirat fl-Istat Membru B anki jekk fl-iskema tad-distribuzzjoni l-kopji tax-xogħlijiet jiġu kkunsinjati bil-posta jew b’servizz ta’ distribuzzjoni. Madankollu, l-ammont ta’ involviment tat-trasportatur fl-arranġament tal-bejgħ jinfluwenza l-kwistjoni dwar jekk it-trasportatur għandux jiġi kkunsidrat bħala parteċipant fl-iskema ta’ distribuzzjoni jew sempliċement bħala intermedjarju ċċitat fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ( 40 ), li s-servizzi tiegħu jintużaw minn parti terza. Tali intermedjarju jista’ jkun suġġett għal ordnijiet, iżda mhux għal sanzjonijiet taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u d-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet. |
57. |
Min-naħa l-oħra, jekk il-bejjiegħ fl-Istat Membru A ma joħloqx netwerk speċifiku għax-xerrejja fl-Istat Membru B sabiex jiżgura aċċess għax-xogħlijiet li huma koperti mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru B, ma jistax ikun hemm distribuzzjoni bil-bejgħ fl-Istat Membru B ( 41 ). |
58. |
Fid-dawl ta’ din l-analiżi, fl-opinjoni tiegħi l-Bundesgerichtshof ma żbaljatx fil-konklużjoni tagħha li kien hemm distribuzzjoni bil-bejgħ fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għalkemm ma naqbilx mar-raġunament li użat sabiex waslet għal din il-konklużjoni. L-istess bħalma fis-sentenza L’Oréal et il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks fis-sens li jinkludu l-imġiba mmirata, u bħalma interpretat fl-istess sens l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-sentenza Stichting de Thuiskopie, bl-istess mod hija rikjesta interpretazzjoni simili tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, partikolarment fid-dawl tal-isfida għad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali ppreżentata mis-suq tal-internet. Barra minn hekk, kif għidt fl-introduzzjoni, fl-assenza ta’ proċeduri doganali nazzjonali sabiex jitwaqqaf il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ta’ kopji mhux awtorizzati ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, l-uniku mod sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħha taħt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur huwa li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni jiġu interpretati f’konformità ma’ dawn ir-regoli. |
D – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE
1. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 36 TFUE u r-restrizzjonijiet moħbija fuq il-kummerċ
59. |
Il-kawża inkwistjoni ma tindirizzax il-problema klassika, li normalment tqum taħt l-Artikolu 36 TFUE, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati eżawrixxiex dawn id-drittijiet billi qiegħed ix-xogħlijiet inkwistjoni fis-suq ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew billi involva ruħu f’xi attività oħra li tipprekludi l-asserzjoni tagħhom ( 42 ). Għall-kuntrarju, huwa ċar li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-oġġetti ma wettqu ebda azzjoni li tista’ titqies bħala eżawriment tad-drittijiet tagħhom ( 43 ). Barra minn hekk, kif diġà għidt iktar ’il fuq, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Flos, għad hemm dubji dwar jekk il-prodotti kinux ikkummerċjalizzati legalment fl-Italja ( 44 ). |
60. |
Dan ifisser li jekk T. Donner iddistribwixxa x-xogħlijiet lill-pubbliku bi ksur tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludi l-invokazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE mill-prosekutur biss jekk b’dan il-mod jinħoloq ostakolu artifiċjali għall-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 45 ), jew jekk ir-regoli nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur inkwistjoni jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità tal-persuni ( 46 ), jew tal-oriġini ġeografika tal-merkanzija ( 47 ). |
61. |
Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet invokata minn T. Donner, u li kienet tillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE, ma hijiex direttament rilevanti fil-kawża prinċipali, jew minn tal-inqas ma jidhirx li ssostni l-argumenti tiegħu. |
62. |
Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda ( 48 ) tikkonferma r-regola li deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija għandha tiġi interpretata strettament, iżda ma żżid xejn mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE li bħala tali jista’ jkun rilevanti fil-kawża inkwistjoni. |
63. |
Fis-sentenza Merck vs Stephar u Exler ( 49 ) id-detentur ta’ privattiva għal ċerti mediċini fi Stat Membru A kien prekluż milli jinvoka l-Artikolu 36 TFUE sabiex iwaqqaf l-importazzjoni tal-istess prodott minn Stat Membru B, fejn il-prodott ma setax ikun protett bil-privattiva. Dan għaliex id-detentur tal-privattiva fl-Istat Membru A kien għażel li jikkummerċjalizza l-prodott fl-Istat Membru B, minkejja l-assenza ta’ protezzjoni mogħtija mill-privattiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li detentur ta’ drittijiet li jiddeċiedi li jieħu dawn il-passi jrid jaċċetta l-konsegwenzi ta’ din l-għażla f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-prodott fis-Suq Komuni. Konstatazzjoni mod ieħor kienet tkun tikkostitwixxi taqsim f’partijiet tas-swieq nazzjonali, u dan kien ikun inkompatibbli mal-għanijiet tat-Trattat. |
64. |
Madankollu, il-fatti ineżami ma jinvolvu ebda azzjoni min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tax-xogħlijiet, fl-Italja, fil-Ġermanja jew fi kwalunkwe post ieħor, li tipprekludihom milli jinvokaw l-Artikolu 36 TFUE. |
65. |
Bl-istess mod, is-sentenza EMI Electrola ( 50 ) kienet tikkonċerna produttur ta’ reġistrazzjonijiet tal-ħoss li ma kienx ta l-kunsens tiegħu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet tal-ħoss fi Stat Membru A, u li sussegwentement xtaq jinvoka l-Artikolu 36 TFUE, u d-drittijiet tiegħu fir-rigward tar-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni, sabiex iwaqqaf l-importazzjoni tagħhom fl-Istat Membru B. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li x-xogħlijiet ma kinux ikkummerċjalizzati legalment fl-Istat Membru A abbażi ta’ azzjoni jew tal-kunsens tad-detentur tad-drittijiet jew ta’ kwalunkwe persuna liċenzjata, iżda minħabba l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni pprovdut fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A, id-detentur tad-drittijiet kien intitolat jinvoka l-protezzjoni tal-Istat Membru B. Il-problema oriġinat mid-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u mhux minn azzjoni min-naħa tad-detentur tad-drittijiet. |
66. |
Peress li l-problema fil-kawża prinċipali tirriżulta ugwalment mid-differenzi legali u fattwali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-prodotti fl-Italja u l-Ġermanja, din il-kawża tixbah l-iktar il-kawża EMI Electrola ( 51 ). Il-prinċipji elaborati f’dik is-sentenza huma applikabbli fiċ-ċirkustanzi attwali. Il-problema fil-kawża prinċipali, bħalma kien il-każ fis-sentenza EMI Electrola, irriżultat minn differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bejn Stati Membri, b’tali mod li l-Artikolu 36 TFUE sar kompletament applikabbli, bla ħsara għall-prinċipji ġenerali li se nindirizza issa. |
2. Ebda taqsim f’partijiet sproporzjonata tas-swieq nazzjonali jew ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
67. |
L-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE ma tirriżultax f’restrizzjoni sproporzjonata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Kulma tagħmel huwa li tirrikjedi lill-kummerċjanti bħal Dimensione u T. Donner sabiex jitolbu l-permess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur qabel ma jwettqu azzjonijiet li jkunu jikkostitwixxu xi forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku bil-bejgħ fil-Ġermanja. Kif spjegajt iktar ’il fuq, dan jinkludi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mmirati għal dak l-Istat Membru. |
68. |
Kieku kellha tingħażel din it-triq, ma jirriżultax taqsim f’partijiet tas-swieq nazzjonali. Minħabba l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali kif rikjest fl-Artikoli 34 u 36 TFUE, rekwiżit impost fuq il-kummerċjanti sabiex jikkonformaw ruħhom mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru fejn issir id-distribuzzjoni ma jistax jitqies li jwassal għal effetti sproporzjonati fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Barra minn hekk, kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li tiżgura li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonformaw ruħhom mal-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur ma tistax tkun sproporzjonata ( 52 ). |
69. |
Kieku d-distribuzzjoni lill-pubbliku bil-bejgħ jew b’mod ieħor skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur kellha tiġi interpretata b’tali mod li tinkludi t-trasportaturi indipendenti li ma jwettqux azzjonijiet li jinvolvu d-distribuzzjoni bil-bejgħ, f’dak il-każ nirrikonoxxi li jista’ jkun hemm ostakolu sproporzjonat fuq il-provvista ta’ servizz ta’ trasport u ta’ kunsinna fl-Unjoni. Dan għaliex tali interpretazzjoni tirrikjedi li l-impriżi tat-trasport jiċċekkjaw jekk il-merkanzija li jkunu qegħdin jittrasportaw tkunx protetta mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru tal-kunsinna jew inkella jirriskjaw li jiffaċċjaw prosekuzzjoni. Tali obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ ikollu effett dissważiv gravi fuq il-provvista ta’ servizzi tat-trasport fil-fruntieri nazzjonali fi ħdan l-Unjoni. |
70. |
Madankollu, jiena ma wasaltx għal din il-konklużjoni. T. Donner jaqa’ taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, u għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 36 TFUE, għaliex huwa wettaq azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ distribuzzjoni bil-bejgħ ta’ xogħlijiet protetti. Dan seħħ għaliex huwa kien iħallas huwa stess il-prezz tal-prodotti fl-Italja, għaliex ix-xufiera tiegħu kienu jaċċettaw il-ħlas tal-prezz tal-prodotti mingħand ix-xerrejja fil-Ġermanja, u għaliex kien ftihem li jirritorna x-xogħlijiet fl-Italja sabiex jikseb rimbors tal-prezz u tal-ispejjeż tal-kunsinna mingħand Dimensione, fl-Italja, f’każ li x-xerrej jirrifjuta li jkopri dawn l-ispejjeż. Dawn l-attivitajiet juru involviment fit-tranżazzjoni li jmur lil hinn ħafna minn dak li impriża tat-trasport indipendenti, li l-attivitajiet tagħha ma jaqgħux taħt l-iskema ta’ distribuzzjoni ta’ Dimensione, tkun lesta li taċċetta fil-proċess normali ta’ kunsinna transkonfinali ta’ għamara. |
3. Ebda diskriminazzjoni arbitrarja
71. |
Il-prinċipju ta’ trattament ugwali japplika għall-eżawriment tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat minħabba l-effetti tagħhom fuq il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti u servizzi, huma suġġetti għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità ( 53 ). |
72. |
Għaldaqstant, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu kwalunkwe interpretazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE jew tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur li tirriżulta f’li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. |
73. |
Madankollu, mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qiegħed nipproponi ma tirriżulta ebda diskriminazzjoni. Xerrejja li jivvjaġġaw l-Italja sabiex jiġbru xogħlijiet li jkunu xtraw mingħand Dimensione, jew li jqabbdu trasportatur indipendenti li ma jkunx involut fl-iskema ta’ distribuzzjoni sabiex jagħmel dan, ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ T. Donner. Huma jkunu qegħdin iwettqu biss importazzjoni, għal użu privat, ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li milli jidher hija permessibbli fil-Ġermanja. |
E – Sanzjonijiet
74. |
Id-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jimponu sanzjonijiet kriminali proporzjonati sabiex jiġġieldu l-imġiba mmirata tat-tip li twettqet fil-każ ineżami. Għall-kuntrarju, il-premessa 28 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet tistipula espressament li “sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” ( 54 ), filwaqt li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u tal-obbligi stipulati f’din id-direttiva, u li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. F’konformità mal-prinċipji ġenerali rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ikompli jgħid li dawn is-sanzjonijiet ipprovduti għandhom ikunu “effettivi, xierqa u disswassivi” ( 55 ). |
75. |
Il-kwistjoni dwar jekk is-sanzjoni proposta hijiex proporzjonata għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”) tipprovdi kemm għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali ( 56 ), kif ukoll għall-proporzjonalità tas-sanzjonijiet kriminali ( 57 ). Barra minn hekk, il-premessa 17 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet tistabbilixxi li r-rimedji għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-karatteristiċi speċifiċi” ta’ kull każ, “li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni”. |
76. |
Għandu jiġi osservat ukoll li mġiba li tista’ twassal għal sanzjonijiet jew rimedji taħt id-dritt ċivili jew taħt id-dritt tal-proċedura ċivili, minħabba n-natura abbużiva tagħha, tista’ madankollu ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt kriminali minħabba r-rekwiżit tal-previdibbiltà inerenti għall-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, li huwa rifless fl-Artikolu 49(1) tal-Karta ( 58 ). Fl-aħħar nett, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm salvagwardja ulterjuri li tapplika għar-rimedji meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplementaw id-direttivi permezz ta’ sanzjoni kriminali. Hija ġurisprudenza stabbilita li meta jkun hemm għad-dispożizzjoni firxa ta’ sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri huma preklużi milli jinvokaw id-direttiva rilevanti sabiex jaggravaw ir-responsabbiltà kriminali jew sabiex jimponu, retroattivament, l-iktar piena severa għad-dispożizzjoni ( 59 ). |
IV – Konklużjoni
77. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof bil-mod kif ġej: L-Artikoli 34 u 36 TFUE li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija ma jipprekludux ir-reat kriminali ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni pprojbita ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali fejn kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jiġu ddistribwiti bil-bejgħ fi Stat Membru billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru permezz ta’ arranġament ta’ bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod li joriġina fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fejn ma hemmx protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal dan ix-xogħol jew din il-protezzjoni ma tkunx infurzabbli. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Għalkemm id-domanda preliminari inkwistjoni tirreferi għall-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, id-dispożizzjonijiet rilevanti ratione temporis huma l-Artikoli 28 KE u 30 KE. Madankollu, għall-raġunijiet ta’ ċarezza, jiena se nirreferi għall-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, anki meta niddiskuti l-ġurisprudenza stabbilita żviluppata taħt l-Artikoli 30 KEE u 36 KEE.
( 3 ) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
( 4 ) Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ġie ffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
( 5 ) Il-prodotti li ġejjin inbiegħu minn Dimensione mingħajr il-permess tal-awturi fiż-żewġ pajjiżi: siġġijiet ta’ “Aluminium Group” iddisinjati minn Charles u Ray Eames; dwal tad-ditta “Wagenfeld” iddisinjati minn Wilhelm Wagenfeld; siġġijiet ikkreati minn “Le Corbusier”; mejda aġġustabbli u lampi “Tubelight” iddisinjati minn Eileen Gray; siġġijiet tal-istainless steel mingħajr is-saqajn ta’ wara, maħluqa minn Mart Stam. L-għamara ddisinjata minn Eileen Gray ma kinitx protetta mid-drittijiet tal-awtur Taljani bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u l-25 ta’ April 2007; il-protezzjoni ġiet imġedda biss mis-26 ta’ April 2007. Il-bqija tal-prodotti kienu kopji ta’ xogħlijiet li kienu protetti bil-liġi Taljana matul il-perijodu rilevanti, iżda dik il-protezzjoni ma setgħetx tiġi infurzata fir-rigward tal-produtturi li kienu rriproduċew, qiegħdu għall-bejgħ u/jew ikkumerċjalizzaw ix-xogħlijiet qabel id-19 ta’ April 2001.
( 6 ) Fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, jidher li hemm impreċiżjoni żgħira fit-terminoloġija. Fil-fatt, dak li ġie ddistribwit kienu l-kopji tax-xogħlijiet, u mhux ix-xogħlijiet infushom.
( 7 ) Ara d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet”).
( 8 ) Ara Alexander Peukert, “Territoriality and Extraterritoriality in Intellectual Property Law”, ippubblikat f’Gunther Handl u Joachim Zekoll, “Beyond Territoriality: Transnational Legal Authority in an Age of Globalization”, Queen Mary Studies in International Law, Brill Academic Publishing, Leiden/Boston, 2011, p. 2. Disponibbli f’SSRN: http://ssrn.com/abstract=1592263.
( 9 ) Ara il-premessa għoxrin tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120). B’effett mis-17 ta’ Jannar 2007, id-Direttiva 92/100 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU 2006, L 376, p. 28). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005 fil-kawża Lagardère Active Broadcast (C-192/04, Ġabra p. I-7199, punt 46).
( 10 ) Ara l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPs: “Il-Membri għandhom jipprovdu għall-proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati ta’ l-inqas fil-każi ta’ falsifikazzjoni ta’ trademark maħsuba jew piraterija tad-dritt ta’ l-awtur fuq skala kummerċjali. [...] Il-Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati f’każijiet oħra ta’ tkissir ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, partikolarment meta huma kommessi intenzjonalment u fuq skala kummerċjali.” Dawn ir-rimedji huma mħarsa bil-premessa 5 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet. Il-premessa 5 tistabbilixxi, inter alia, li din id-“Direttiva m’għandhiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS”. Ara wkoll il-premessa 6.
( 11 ) In-nota 14(b) fl-Artikolu 51 tal-Ftehim TRIPs tiddefinixxi l-“oġġetti tad-dritt ta’ l-awtur pirati” bħala “kull xorta ta’ oġġetti li huma kopji magħmula mingħajr kunsens tad-detentur tad-drittijiet jew persuna awtorizzata mid-detentur tad-drittijiet fil-pajjiż ta’ produzzjoni u li huma magħmula direttament jew indirettament minn artiklu fejn l-għamla ta’ dik il-kopja tikkostitwixxi ksur ta’ dritt ta’ l-awtur jew dritt relatat taħt il-liġi tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni”.
( 12 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 2, Vol. 16, p. 469).
( 13 ) Ara Alexander Peukert, op. cit., p. 15.
( 14 ) Skont ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta kwistjoni relatata mad-drittijiet tal-awtur tkun irregolata bid-dritt tal-Unjoni, ikunu eliġibbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur biss dawk ix-xogħlijiet li jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, u għalhekk oriġinali f’dan is-sens. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 37), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C-145/10, Ġabra p. I-12533, punt 87). Bħalma osserva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punti 39 sa 41 tal-Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Football Dataco et (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, C-604/10), din id-definizzjoni hija eqreb għat-tradizzjonijiet kontinentali milli għat-tradizzjonijiet ta’ common law.
( 15 ) Din il-possibbiltà ngħatat mill-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (kif riveduta f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971) u kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”). L-Unjoni ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Berna iżda fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-Konvenzjoni ta’ Berna sal-punt li kisbet status komparabbli ma’ dak ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni.
( 16 ) Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).
( 17 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 864/2007, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”). Huwa importanti li jiġi nnotat li l-partijiet ma humiex liberi li jidderogaw mill-prinċipju lex loci protectionis (ara l-Artikolu 8(3) tar-Regolamemt Ruma II).
( 18 ) Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni osservat li kien hemm dibattitu intensiv fl-Italja, bħalma kien hemm fi Stati Membri oħra, dwar id-distribuzzjoni ta’ għamara “ddisinjata”. Il-leġiżlazzjoni ġiet emendata b’passi żgħar. Għal diskussjoni dwar dan, ara Aldo Fittante, “The issue of Conformity of Article 239 of the Italian Industrial Property Code with European Law” Ħarġa Nru 1, The European Legal Forum, 2010, p. 23.
( 19 ) Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Flos SpA (C-168/09, Ġabra p. I-181).
( 20 ) Dan għaliex id-data minn meta bdiet tapplika s-sospensjoni tad-drittijiet tal-awtur hija l-istess fis-sentenza Flos u fid-digriet tar-rinviju. Dan ifisser perijodu moratorju ta’ għaxar snin, dekorribbli mid-19 ta’ April 2001, li matulu “l-protezzjoni mogħtija lid-disinni […] ma tistax tiġi invokata biss kontra dawk li, qabel l-imsemmija data, ikunu bdew jimmanifatturaw, joffru jew jikkumerċjalizzaw prodotti maħduma fuq disinni li kienu, jew kienu jaqgħu, fid-dominju pubbliku”. Ara s-sentenza Flos, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 17.
( 21 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg KG (C-456/06, Ġabra p. I-2731).
( 22 ) Ara l-kawża Lagardère Active Broadcast, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 46.
( 23 ) Ara Alexander Peukert, op. cit., p. 7 u 13.
( 24 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C-324/09, Ġabra p. I-6011). Sitwazzjoni simili tat lok għall-kawża Wintersteiger (C-523/10, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) li fiha madankollu l-punt fokali huwa l-ġurisdizzjoni tal-qrati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) fl-Istati Membri fejn trade mark tkun irreġistrata. Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fir-rigward ta’ din l-aħħar kawża.
( 25 ) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92). B’effett mit-28 ta’ Novembru 2008, id-Direttiva 89/104 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2008 L 299, p. 25).
( 26 ) Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). B’effett mit-13 ta’ April 2009, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1). Ara s-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 67.
( 27 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011 (C-462/09, Ġabra p. I-5331).
( 28 ) Il-korsiv huwa tiegħi.
( 29 ) Sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 41. Il-prinċipji ewlenin tas-sentenza Stichting de Thuiskopie ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan van der Let (C-277/10, punt 106).
( 30 ) L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi li “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti: (a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom [...]”.
( 31 ) II-varjazzjonijiet kbar bejn id-diversi drittijiet nazzjonali fil-mod ta’ kif id-drittijiet ta’ distribuzzjoni huma konċeputi u fformulati ġew spjegati fl-istudju komparattiv dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Ara Guido Westkamp, “The Implementation of Directive 2001/29/EC in the Member States”, disponibbli minn http://www.ivir.nl/publications/guibault/InfoSoc_Study_2007.pdf
( 32 ) It-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur, adottat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996, ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). Il-premessa 15 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistabbilixxi li d-direttiva taqdi wkoll l-għan li timplementa għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda taħt it-TDA. Ara wkoll il-punt 31 tas-sentenza Peek and Cloppenburg, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21; “Kif jirriżulta mill-premessa ħmistax tad-Direttiva 2001/29, huwa paċifiku li din ta’ l-aħħar hija intiża sabiex timplementa fuq livell Komunitarju l-obbligi li l-Komunità għandha skond it-trattati TDA u TWWP.”
( 33 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 29-36.
( 34 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 38-39.
( 35 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 41.
( 36 ) Ara l-punti 56 sa 58 tal-Konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Stichting de Thuiskopie ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27. Ta’ min jinnota wkoll li matul is-seduta l-Kummissjoni ddikjarat li hija rċeviet ħafna lmenti dwar imitazzjonijiet ta’ għamara ddisinjata prodotta fuq skala massiva fi Sterzing. Hemm ukoll problemi simili fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni Ewropea tinsab fil-proċess li tinvestigahom.
( 37 ) Il-premessa 28 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistipula: “Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli.L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità [...]”.
( 38 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24. Bħalma osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal et, meta “l-offerta għall-bejgħ tkun akkumpanjata minn preċiżjonijiet fir-rigward taż-żoni ġeografiċi fejn il-bejjiegħ lest li jibgħat il-prodott, din it-tip ta’ preċiżjoni hija ta’ importanza partikolari” (punt 65) sabiex jiġi ddeterminat jekk l-offerti għall-bejgħ murija fuq sit “hum[iex] maħsuba għal konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju” (punt 64). Skont il-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal et fil-punt 67, offerta għall-bejgħ jew reklam murija fuq suq online li huwa aċċessibbli mit-territorju kopert mit-trade mark huma maħsuba għall-konsumaturi f’dak it-territorju jekk l-oġġetti kkonċernati ma jkunux ġew preċedentement ikkummerċjalizzati fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja, fl-Unjoni, u (i) l-oġġetti jiġu mibjugħa minn operatur ekonomiku permezz ta’ suq online u mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark lil konsumatur li jinsab fit-territorju kopert mill-imsemmija trade mark jew (ii) ikunu s-suġġett ta’ offerta għall-bejgħ jew ta’ reklamar fuq tali suq maħsub għal konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju.
( 39 ) Ara wkoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ mġiba mmirata, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527), li kienet tikkonċerna mġiba mmirata bl-użu tal-internet fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi fil-kuntest tar-Regolament Brussell I.
( 40 ) L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jistipula: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”
( 41 ) Hawnhekk qed nirreferi għal sitwazzjoni fejn ix-xerrejja jivvjaġġaw fi Stat Membru A huma stess sabiex jiġbru l-kopji, jew jikru s-servizz ta’ trasportatur huma stess li ma jkunx involut fit-tranżazzjoni tal-bejgħ u li, mingħajr għarfien tal-aspetti tal-bejgħ relatati mad-drittijiet tal-awtur, jagħmel il-kunsinna f’konformità mat-termini kummerċjali normali applikabbli bejn il-partijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq.
( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft (78/70, Ġabra p. 487) u tal-24 ta’ Jannar 1989, EMI Electrola (341/87, Ġabra p. 79).
( 43 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Ġabra p. I-3457). Għal finijiet ta’ kompletezza, nosserva li ovvjament jista’ jkun hemm katini fejn ħafna distribuzzjonijiet illegali jsegwu lil xulxin u fejn għaldaqstant ma jkun hemm ebda eżawriment.
( 44 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.
( 45 ) Ara s-sentenza Bristol-Myers Squibb et iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 52 sa 57.
( 46 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C-92/92 u C-326/92, Ġabra p. I-5145); tas-6 ta’ Ġunju 2002, Ricordi & Co (C-360/00, Ġabra p. I-5089). Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità issa hija protetta bl-Artikolu 18 TFUE.
( 47 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1988, Thetford u Thetford (Aqua) Products (35/87, Ġabra p. 3585); tat-30 ta’ Novembru 1993; Deutsche Renault (C-317/91, Ġabra p. I-6227), u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France (C-28/04, Ġabra p. I-5781).
( 48 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1981 (113/80, Ġabra p. 1625).
( 49 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981 (187/80, Ġabra p. 2063, punti 11 u 13).
( 50 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
( 51 ) T. Donner jinvoka wkoll is-sentenza tad-9 ta’ April 1987, Basset (402/85, Ġabra p. 1747). Ma jidhirx li din il-kawża għandha xi rabta kwalsiasi mad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 52 ) Ara l-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting de Thuiskopie ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.
( 53 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46. Dan il-prinċipju jkopri wkoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini ġeografika tal-prodotti. Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.
( 54 ) F’dan is-sens, is-sitwazzjoni fil-każ ineżami hija l-kontra ta’ dik li tat lok għas-sentenza El Dridi (sentenza tat-28 ta’ April 2011, C-61/11 PPU , Ġabra p. I-3015), fejn l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali kienet inkonsistenti mal-istandards u l-proċeduri stipulati f’direttiva, u kien hemm ir-riskju li tipperikola, minflok tiżgura, it-twettiq tal-għan intiż minn din id-direttiva. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C-329/11, Ġabra p. I-12695).
( 55 ) F’dan ir-rigward ara wkoll il-premessa 58 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.
( 56 ) Ara l-Artikolu 17(2) tal-Karta.
( 57 ) Ara l-Artikolu 49 tal-Karta.
( 58 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta (li qabel kienet ThyssenKrupp Stainless) vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 80).
( 59 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 70 sa 78). Għal-limiti fuq il-prinċipju li jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva tal-iktar sanzjoni kriminali severa disponibbli, ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C-17/10, punti 64 sa 66). T. Donner invoka wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, (C-338/04, C-359/04, u C-360/04, Ġabra p. I-1891), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 68, li hija ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni kriminiali ma tistax tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali garantiti mid-dritt Komunitarju. Madankollu, peress li jiena kkonkludejt li kwalunkwe restrizzjoni fuq l-Artikolu 34 TFUE tista’ tiġi ġġustifikata bl-Artikolu 36 TFUE, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali f’dan il-każ ma tiksirx il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija.
Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Dimensione Direct Sales Srl (iktar ’il quddiem “Dimensione”) hija kumpannija li tinsab f’Bologna, l-Italja. Dimensione tbigħ riproduzzjonijiet ta’ biċċiet ta’ għamara u disinni magħrufa sewwa (iktar ’il quddiem “il-prodotti”) u parti mill-kummerċ tagħha huwa mmirat lejn klijenti residenti fil-Ġermanja. Dan isir permezz ta’ riklami u supplimenti f’gazzetti Ġermaniżi, permezz ta’ ittri ta’ reklamar dirett u permezz ta’ sit bil-lingwa Ġermaniża.
2. Il-prodotti jinbiegħu u jiġu kkunsinjati lix-xerrejja Ġermaniżi bl-għajnuna ta’ kumpannija tat-trasport Taljana li jisimha In. Sp. Em. Srl (iktar ’il quddiem “Inspem”). Fil-Ġermanja dawn il-prodotti jitqiesu bħala kopji ta’ xogħlijiet tal-arti applikata protetti mid-drittijiet tal-awtur. Fl-Italja dawn il-prodotti jew ma humiex protetti bid-dritt nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, jew fil-prattika dawn id-drittijiet ma humiex infurzabbli.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tanalizza jekk l-Artikolu 36 TFUE (2), u b’mod iktar speċifiku d-dispożizzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw il-proprjetà industrijali u kummerċjali, jistax jiġi invokat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fi prosekuzzjoni kriminali kontra Titus Donner, li huwa l-maniġer u l-azzjonist maġġoritarju ta’ Inspem. Il-prosekuzzjoni tikkonċerna r-rwol ta’ T. Donner fid-distribuzzjoni tal-prodotti fil-Ġermanja, fejn qiegħed jiġi allegat ksur tad-dritt nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur. Id-domanda li tikkonċerna l-Artikolu 36 TFUE qamet għaliex huwa paċifiku li l-prosekuzzjoni tammonta għal miżura ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri taħt l-Artikolu 34 TFUE. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni ta’ jekk dan jistax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 36 TFUE.
4. Għaldaqstant, il-kwistjoni ċentrali hija l-kamp ta’ applikazzjoni tal-frażi l-“protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali” fl-Artikolu 36 TFUE, u jekk, fi tranżazzjoni transkonfinali, hemmx rabtiet mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li huma suffiċjenti sabiex ikun hemm lok għall-applikazzjoni tiegħu. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-kwistjoni preliminari dwar jekk kienx hemm, fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt Ġermaniż dwar id-drittijiet tal-awtur, ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”) (3) peress li din id-dispożizzjoni armonizzat il-kunċett tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni.
5. F’każ li kien hemm ksur, sussegwentement tqum il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE twassalx għal taqsim f’partijiet tas-suq intern, jew għal ostakolu sproporzjonata jew arbitrarja tal-kummerċ.
6. It-tifsira tal-frażi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” għandha konsegwenzi serji kemm fuq is-suq intern kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali esterni. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jarmonizza l-frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “distribuzzjoni” taħt l-Artikolu 4(1) jaffettwaw kemm ir-rimedji disponibbli għad-detentur tad-drittijiet fl-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni disponibbli fil-livell internazzjonali għall-kummerċ ta’ merkanzija protetta mid-drittijiet tal-awtur pirata.
7. Fid-dawl tal-isfidi attwali ppreżentati mill-bejgħ online u mill-kummerċ elettroniku, ir-regoli żviluppati mill-Unjoni sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-awtur, bħall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għandhom jiġu interpretati b’mod li huwa suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet ikunu totalment protetti fl-era tal-internet. It-tifsira mogħtija lill-Artikolu 4(1) għanda tkun tista’ tippermetti li jiġu ċċekkjati l-attivitajiet li setgħu ġew identifikati bl-għajnuna tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri qabel l-abolizzjoni tal-kontrolli tal-merkanzija fil-fruntieri interni tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri taħt il-Ftehim TRIPs (4) li jikkontribwixxu sabiex tiġi evitata l-importazzjoni ta’ kopji mhux awtorizzati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jibbenefikaw minn moviment liberu fis-suq intern ma għadhomx jistgħu jiġu osservati b’miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali nazzjonali fil-każ tal-merkanzija. Tali attivitajiet issa għandhom jiġu ġestiti permezz tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet armonizzati tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur.
8. Dawn il-kwistjonijiet, flimkien mal-problemi involuti fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità f’arranġament ta’ bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod, jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex din tanalizza l-ġurisprudenza stabbilita tagħha f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, fil-kuntest tar-regoli l-ġodda tal-Unjoni li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ distribuzzjoni relatati ma’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur.
II – Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9. T. Donner, ċittadin Ġermaniż, jeżerċita l-attività kummerċjali tiegħu prinċipalment mir-residenza tiegħu fil-Ġermanja. Matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-15 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”) Dimensione, li magħha jikkoopera T. Donner, ma kinitx kisbet permess mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur sabiex tbigħ il-prodotti fil-Ġermanja. Lanqas ma kienet ġabet permess sabiex tbigħhom fl-Italja (5) .
10. Qabel il-perijodu rilevanti, u minn madwar April 1999, T. Donner kien involut fid-distribuzzjoni ta’ għamara “Bauhaus” riprodotta minn Dimensione, b’tali mod li l-għamara kienet ikkunsinnata mill-Italja lejn maħżen li jinsab fil-Ġermanja. Il-merkanzija mbagħad kienet tinbiegħ, u Inspem, il-kumpannija ta’ T. Donner, kienet tikkunsinjaha lix-xerrejja fil-Ġermanja. Wara li T. Donner ġie mixli mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku b’użu kummerċjali, mingħajr permess, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, ġie deċiż quddiem l-Amtsgericht Munchen li ma kinitx se tittieħed azzjoni ulterjuri, wara li T. Donner iħallas multa ta’ EUR 120 000.
11. Iktar tard Dimensione xtrat maħżen fi Sterzing fl-Italja. L-imballaġġ ta’ kull prodott mibjugħ kien jiġi mmarkat bl-isem u l-indirizz tal-persuna li tkun ordnatu, jew tal-inqas bin-numru tal-ordni. Skont il-kundizzjonijiet tal-bejgħ, ix-xerrejja kellhom imorru jiġbru l-prodott huma stess jew jagħmlu arranġamenti sabiex dan jiġi kkunsinjat lilhom. Meta x-xerrejja ma xtaqux jagħmlu dan, jew ma setgħux jagħmlu arranġamenti għat-trasport, Dimensione kienet tissuġġerixxi lix-xerrejja sabiex jikkuntattjaw lil Inspem. Meta l-prodotti kienu jiġu ordnati mingħajr kuntatt personali ma’ Dimensione, ix-xerrejja kienu jirċievu fuljett ta’ reklamar, li fih Inspem kienet toffri li tittrasporta l-prodotti mill-Italja għall-Ġermanja. Il-materjal ta’ reklamar ta’ Dimensione kien jgħid li x-xerrejja jakkwistaw il-prodotti fl-Italja, iżda jħallsu għalihom biss meta dawn jiġu kkunsinjati lilhom fil-Ġermanja. Dimensione kienet tibgħat il-fatturi tagħha direttament lix-xerrejja.
12. Ix-xufiera ta’ Inspem kienu jħallsu lil Dimensione tal-prodotti li kienu jkunu mmarkati għal xerrej partikolari meta kienu jiġbruhom mill-maħzen fi Sterzing. Sussegwentement, ix-xufiera kienu jieħdu r-rimbors tal-prezz mingħand ix-xerrejja malli ssir il-kunsinna fil-Ġermanja, flimkien mal-ħlas tal-kunsinna. Madankollu, meta x-xerrejja kienu jirrifjutaw li jħallsu, il-prodott ikkonċernat kien jiġi rritornat minn Inspem lil Dimensione fl-Italja, u din tal-aħħar kienet tirrimborsa lil Inspem il-prezz tal-merkanzija u tħallas l-ispejjeż tal-kunsinna.
13. Il-kuntratt bejn Dimensione u x-xerrejja huwa regolat bid-dritt Taljan. Skont id-dritt Taljan, il-proprjetà kienet tgħaddi minn Dimensione għax-xerrejja fl-Italja malli kien jiġi individwat il-prodott li nbiegħ lil konsumatur partikolari fil-maħżen ta’ Dimensione.
14. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment tal-proprjetà taħt id-dritt Ġermaniż jista’ jiġi kkompletat biss meta l-merkanzija tkun f’idejn ix-xerrej fis-sens li s-setgħa de facto ta’ approprjazzjoni tkun ġiet ittrasferita lilu. Dan kien jiġri fil-Ġermanja meta x-xerrejja kienu jirċievu l-prodotti mingħand ix-xufiera ta’ Inspem bi ħlas.
15. Infetħet prosekuzzjoni kontra T. Donner abbażi ta’ dan l-arranġament il-ġdid. Huwa nstab ħati quddiem il-Landgericht München II ta’ kompliċità fl-użu kummerċjali pprojbit ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Skont id-digriet tar-rinviju, il-Landgericht sabet ukoll li Dimensione kienet iddistribwixxiet kopji tal-prodotti billi qegħdithom fiċ-ċirkulazzjoni.
16. T. Donner appella quddiem il-Bundesgerichtshof u argumenta inter alia li l-prosekuzzjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 34 TFUE dwar il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, u li jirriżultaw fi taqsim f’partijiet artifiċjali tas-swieq. Għalkemm il-prosekutur qabel li dawn il-proċeduri kienu jirriżultaw f’tali restrizzjoni, ġie argumentat li din ir-restrizzjoni kienet ġustifikabbli b’riferiment għall-Artikolu 36 TFUE u bir-raġuni imperattiva tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.
17. Il-Bundesgerichtshof qieset li huwa neċessarju li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja.
“L-Artikoli 34 u 36 TFUE li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu r-reat kriminali ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni pprojbita ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur (6) li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali fejn, f’każ ta’ bejgħ transkonfinali ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja
— dan ix-xogħol jittieħed il-Ġermanja minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u s-setgħa de facto ta’ approprjazzjoni fuq dan ix-xogħol tiġi ttrasferita fil-Ġermanja,
— iżda t-trasferiment tal-proprjetà jkun seħħ fl-Istat Membru l-ieħor fejn ma kienx hemm protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal dan ix-xogħol jew din il-protezzjoni ma kinitx infurzabbli?”
18. T. Donner, il-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha pparteċipaw fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012 minbarra l-Gvern Ċek.
III – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-domandi magħmula
19. Il-Bundesgerichtshof limitat id-domanda li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Fid-domanda magħmula ma hemm ebda riferiment għat-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, li l-Bundesgerichtshof interpretat hija stess qabel ma ħadet id-deċiżjoni tar-rinviju.
20. Għalkemm l-iskop tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari ma huwiex dak li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-interpretazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qrati nazzjonali, u inqas u inqas li tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali, f’dan il-każ ma huwiex possibbli li l-Artikolu 36 TFUE jiġi interpretat mingħajr ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, il-prosekutur pubbliku jinvoka l-Artikolu 36 TFUE sabiex iwaqqa’ difiża fi proċeduri kriminali bbażata fuq l-Artikolu 34 TFUE. B’hekk, analiżi kompluta tal-prinċipji legali rilevanti kollha hija iktar u iktar importanti.
21. Il-Kummissjoni Ewropea osservat ukoll li qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt, f’dan il-każ, kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni tal-awtur taħt id-dritt Ġermaniż jew taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni Ewropea targumenta li r-riżultat ta’ din l-analiżi huwa pass importanti sabiex tingħata risposta għad-domanda inkwistjoni; jiġifieri jekk ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta mill-prosekuzzjoni ta’ T. Donner tistax tiġi ġġustifikata bil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.
22. Għaldaqstant, fit-Taqsima C iktar ’l isfel, jiena se nanalizza t-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fil-kuntest tal-prinċipji ġenerali rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. Peress li l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur hija bbażata fuq il-ħolqien ta’ drittijiet limitati territorjalment, u peress li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija intimament marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, fit-Taqsima B se nindirizza l-prinċipju ta’ territorjalità fil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Dawn il-kwistjonijiet, flimkien mal-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE fir-rigward tal-fatti tal-kawża inkwistjoni sottomessi mill-qorti nazzjonali, jiffurmaw il-qofol ta’ din il-problema li għaliha qiegħda tintalab soluzzjoni. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE se tiġi indirizzata fit-Taqsima D.
23. Fl-aħħar nett, peress li r-rimedji disponibbli sabiex jiġu infurzati d-drittijiet tal-awtur kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni (7), u peress li hemm sett ta’ prinċipji legali tal-Unjoni li huma applikabbli meta Stati Membri jagħżlu li jimplementaw id-dritt tal-Unjoni permezz ta’ sanzjonijiet kriminali, bħalma huwa l-każ hawnhekk, se nagħlaq billi nagħmel xi osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni fit-Taqsima E.
2. L-armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur
24. Id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni, bħalma huwa l-każ kullimkien, għadhom fil-parti l-kbira tagħhom kreazzjoni tad-dritt nazzjonali. Illum il-ġurnata hemm ġabra ta’ iktar minn 150 regola dwar id-drittijiet tal-awtur territorjali ta’ oriġini nazzjonali jew reġjonali li jikkoeżistu fid-dinja (8) . Mingħajr ma jiena se nipprova nagħti l-istampa kollha tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, għall-finijiet tal-kawża inkwistjoni jkun utli li nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.
25. L-armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni għaddiet minn proċess imħallat ta’ armonizzazzjoni parzjali u totali. Pereżempju, uħud mill-hekk imsejħa drittijiet relatati ġew suġġetti għal armonizzazzjoni minima biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u b’mod li jħalli diskrezzjoni kunsiderevoli lill-Istati Membri (9) . Min-naħa l-oħra, xi drittijiet esklużivi oħra bħalma huma dawk riflessi fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ġew armonizzati kompletament.
26. Kien hemm ukoll armonizzazzjoni parzjali fil-livell tal-Unjoni tar-rimedji applikabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Ftehim TRIPs u tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet huma intitolati għal rimedji effettivi f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur li joriġinaw kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha (10) . Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-merkanzija ffalsifikata u pirata (11) hija applikabbli biss fir-rigward ta’ pajjiżi terzi (12) . Dan l-isfond huwa rilevanti għall-kawża inkwistjoni għaliex l-Artikolu 51 tal-Ftehim TRIPs jipprovdi għal dritt minimu li titwaqqaf l-importazzjoni ta’ kopji mhux awtorizzati fit-territorju ta’ protezzjoni (13) . Madankollu, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat biss fil-kuntest tal-kontrolli doganali esterni u għaldaqstant ma huwiex disponibbli f’dak li jirrigwarda l-fluss tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni.
27. Minħabba f’hekk, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jiddependi essenzjalment mid-dritt nazzjonali. Dan ifisser li l-eżistenza tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom huma ddefiniti b’miżuri nazzjonali (14), u d-drittijiet tagħhom huma validi u infurzabbli biss fit-territorju nazzjonali tal-istat fejn ikun intalab l-infurzar.
28. Għaldaqstant, fil-kawża inkwistjoni, huwa d-dritt Ġermaniż li jistabbilixxi, waħdu, jekk il-prodotti inkwistjoni humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur f’dan it-territorju. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm “distribuzzjoni” f’dan it-territorju hija regolata bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.
29. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali sabiex jeskludu xogħlijiet ta’ arti applikata u ta’ disinni, bħall-prodotti inkwistjoni fil-każ ineżami, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (15) . Dan jirriżulta mid-Direttiva 98/71/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (16) li torbot lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’dan il-qasam.
30. Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, kwistjonijiet ta’ kunflitti tal-liġijiet huma regolati bil- lex loci protectionis , kif rifless fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (ir-“Regolament Ruma II”) (17) u fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Dan il-prinċipju huwa rilevanti fil-kawża ineżami għaliex isostni l-kompetenza tal-Istati Membri li jaffermaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur li jseħħ fit-territorju tagħhom.
3. Il-protezzjoni tax-xogħlijiet tal-arti applikata fl-Unjoni
31. Fl-Italja kien hemm retiċenza persistenti sabiex tiġi applikata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ xogħlijiet tal-arti applikata (18) . Madankollu fis-27 ta’ Jannar 2011, fis-sentenza Flos, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perijodu moratorju ta’ għaxar snin stabbilit fid-dritt Taljan għall-protezzjoni tad-disinni, dekorribbli mid-19 ta’ April 2001, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 (19) . Id-dritt Taljan li tqies inkompatibbli mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jidher li huwa l-istess dritt li ġie kkunsidrat mill-Bundesgerichtshof fil-kawża inkwistjoni qabel ma din bagħtet id-digriet tar-rinviju (20) . Fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza Flos tindika li l-prodotti kkontestati fil-każ ineżami, għalkemm ma humiex protetti bid-dritt Taljan dwar id-drittijiet tal-awtur matul il-perijodu rilevanti, kienu intitolati għall-protezzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur.
32. Barra minn hekk, is-sentenza Flos ngħatat wara s-sentenza Peek and Cloppenburg (21) . La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-Avukat Ġenerali ma kellhom il-vantaġġ tas-sentenza mogħtija fil-kawża Flos meta ngħatat is-sentenza tal-kawża Peek and Cloppenburg.
B – Il-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur
33. Is-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri, il-konvenzjonijiet internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni huma bbażati fuq il-premessa li l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur toħloq drittijiet limitati territorjalment. Bħalma osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-prinċipju ta’ territorjalità ta’ dawn id-drittijiet [tal-awtur], li hu rikonoxxut mid-dritt internazzjonali u anki fit-Trattat KE. Għaldaqstant, dawn id-drittijiet huma ta’ natura territorjali u l-liġi domestika tista’ tippenalizza biss atti li jsiru fit-territorju nazzjonali” (22) . Fid-duttrina legali ġie spjegat ukoll li d-drittijiet jistgħu jiġu protetti mill-qrati f’każ biss li l-attività kif ukoll l-effetti kummerċjali tagħha jseħħu fit-territorju nazzjonali. Fil-prattika dan ifisser li d-detentur tad-drittijiet jitlob il-protezzjoni abbażi tal-prinċipju lex loci protectionis fil-pajjiż fejn jiġi allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur, fil-każ ineżami l-Ġermanja, u l-qrati ta’ dak il-pajjiż jiddeċiedu jekk ikunx sar ksur billi jirreferu għad-dritt nazzjonali. B’dan l-eżerċizzju jistgħu jiġu identifikati wkoll attivitajiet li jkunu jinsabu parzjalment jew kompletament barra mill-fruntieri nazzjonali (23) .
34. Tali sitwazzjonijiet, li mill-inqas jirriżultaw f’extraterritorjalità limitata, tipikament iktar jinħolqu fil-kuntest ta’ attivitajiet relatati ma’ materji intanġibbli protetti, bħax-xandir jew id-distribuzzjoni online ta’ xogħlijiet. Madankollu, attivitajiet li jikkonċernaw kopji tanġibbli ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt dwar il-proprjetà intellettwali, bħall-bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod, jistgħu jwasslu għal kwistjonijiet simili. Sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dawn id-domandi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali f’żewġ okkażjonijiet. Fit-tnejn li huma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-imġiba li ssir barra mit-territorju fejn id-drittijiet huma protetti, iżda li tkun immirata lejn dak it-territorju, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali li ġew armonizzati bid-dritt tal-Unjoni. Iż-żewġ kawżi li indirizzaw dan kienu dawn li ġejjin.
35. Il-kawża L’Oréal et kienet tikkonċerna, inter alia, il-protezzjoni ta’ trade marks b’rabta ma’ offerti ta’ bejgħ li kienu joriġinaw barra miż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda li kienu aċċessibbli f’din iż-żona permezz ta’ suq online (24) . L’Oréal argumentat li din l-attività kienet tikkostitwixxi ksur tat-trade marks Ewropej tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, offerta ta’ bejgħ jew reklam muri fuq suq online, li huwa aċċessibbli mit-territorju kopert mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, humiex maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju. Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark seta’ jipprekludi dan il-bejgħ, jew din l-offerta ta’ bejgħ jew dan ir-reklamar bis-saħħa jew tal-Artikolu 5 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (25), jew tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (26) .
36. Il-kawża Stichting de Thuiskopie (27) kienet kawża dwar id-drittijiet tal-awtur, u kienet tikkonċerna l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur li jikkonċernaw l-ikkupjar għal użu privat ta’ xogħlijiet protetti, sakemm l-awturi jirċievu kumpens ġust. Kumpannija stabbilita fil-Ġermanja kienet tbigħ, permezz tal-internet, tagħmir li jaħżen id-data vojt, u l-attivitajiet tagħha kienu partikolarment iffukati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:
“Id-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat Membru li jkun istitwixxa sistema ta’ remunerazzjoni għal ikkuppjar privat li titħallas mill-fabbrikant jew mill-importatur ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, u li fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jiġi kawżat id-dannu lill-awturi mill-użu għal finijiet privati tax-xogħlijiet tagħhom minn xerrejja li jirrisjedu hemmhekk, li għandu jiżgura li dawn l-awturi fil-fatt jirċievu effettivament il-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensawhom għal dan id-dannu. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali tal-attrezzatura, tat-tagħmir u tal-mezzi ta’ riproduzzjoni huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr fejn jirrisjedu x-xerrejja ma għandu l-ebda effett fuq dan l-obbligu ta’ riżultat (28) . Hija l-qorti nazzjonali li għandha, fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi żgurat il-ġbir tal-kumpens ġust mingħand ix-xerrejja, tinterpreta d-dritt nazzjonali sabiex jista’ jsir il-ħlas ta’ dan il-kumpens mingħand debitur li jaġixxi bħala kummerċjant.” (29)
37. L-arranġament ta’ bejgħ fis-sentenza Stichting de Thuiskopie kien jixbah dak tal-kawża prinċipali. L-iskop tal-arranġamenti legali, fiż-żewġ każijiet, kien li tinħoloq sitwazzjoni fejn id-distribuzzjoni kienet legalment tinftiehem bħala li seħħet barra mill-pajjiż u li l-merkanzija għaddiet minn fruntiera bħala importazzjoni għal użu privat fi Stat Membru ieħor fejn id-drittijiet tal-awtur kienu stabbiliti u fejn ġew invokati. Iż-żewġ każijiet kienu kkaratterizzati minn arranġament ta’ bejgħ li jsir mill-bogħod maħsub għall-konsumaturi li jinsabu fl-Istat Membru msemmi l-aħħar u fejn it-trasferiment tal-proprjetà kien iseħħ, skont it-termini tal-kuntratt tal-bejgħ, barra mit-territorju tal-Istat Membru fejn id-drittijiet tal-awtur kienu protetti. L-element ta’ kumpannija tat-trasport li kienet taġixxi bħala aġent għax-xerrej kien preżenti wkoll fis-sentenza Stichting de Thuiskopie, għalkemm ir-rwol li hija kella kien iktar limitat minn dak ta’ Inspem, peress li ma kinitx taġixxi bħala aġent li kien jgħaddi l-ħlas mill-bejjiegħ għax-xerrej.
38. Madankollu, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn id-disponibbiltà tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali f’każijiet ċivili, u l-applikabbiltà tas-sanzjonijiet kriminali f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur. Kemm il-kawża L’Oréal et kif ukoll il-kawża Stichting de Thuiskopie kienu każijiet ċivili fejn id-detenturi tad-drittijiet protetti bid-dritt tal-proprjetà intellettwali kienu fetħu, f’isimhom, proċeduri ċivili quddiem qorti nazzjonali sabiex ifittxu rimedji ċivili. Fil-kawża inkwistjoni, huwa prosekutur pubbliku li qiegħed ifittex li jinforza d-drittijiet tal-awtur protetti taħt id-dritt Ġermaniż, u dan qiegħed isir permezz ta’ proċeduri kriminali.
39. Għal raġunijiet ovvji, is-sejbiet li jwasslu għall-konklużjoni li kien hemm ksur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati ma jistgħux jiġu immedjatament trasposti f’kuntest kriminali fis-sens li l-ksur inkwistjoni jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għal min jikser il-liġi. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq, huwa stabbilit li mġiba li toriġina barra mit-territorju nazzjonali, u li tkun maħsuba għat-territorju fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma protetti, tista’ tiġi identifikata bl-applikazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ġew armonizzati bid-dritt tal-Unjoni.
C – L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur
1. Osservazzjonijiet preliminari
40. Il-qofol tad-drittijiet tal-awtur huwa li l-awtur, minbarra li jgawdi drittijiet legali li huma rikonoxxuti fid-dritt internazzjonali u nazzjonali, jiddeċiedi jekk u kif xogħlu jew xogħolha jintuża ekonomikament. Fl-atti leġiżlattivi, din il-pożizzjoni bażika tissarraf f’diversi drittijiet esklużivi tal-awtur li jawtorizza jew jipprojbixxi użu speċifiku tax-xogħlijiet. Sistemi legali differenti jużaw tekniki leġiżlattivi differenti sabiex jipproteġu u jirregolaw id-drittijiet esklużivi tal-awturi.
41. Dawn jistgħu ikunu ddefiniti f’termini espliċiti jew jistgħu jkunu impliċiti billi jiġu stabbiliti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema tad-drittijiet esklużivi tista’ tkun ibbażata fuq definizzjonijiet u ġerarkiji kunċettwali differenti. Pereżempju, f’sistema legali partikolari, dritt ta’ kiri jew self jista’ jiġi konċeput li huwa inkluż fid-dritt ta’ distribuzzjoni filwaqt li f’sistemi legali oħra jitqies bħala dritt separat. Id-diverġenzi fl-approċċ fid-diversi Stati Membri kkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għan-natura frammentarja tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni.
42. F’dan il-kuntest, tajjeb jiġi nnotat li f’ħafna sistemi legali nazzjonali, id-dritt ta’ distribuzzjoni, li huwa korollarju indispensabbli tad-dritt bażiku ta’ riproduzzjoni (30), huwa ddefinit f’termini li jirreferu għal offerti ta’ bejgħ, tqegħid għad-dispożizzjoni, jew tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni. Xi statuti nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jipprojbixxu wkoll l-importazzjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet protetti bħala forma ta’ attività li taqa’ taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni jew li hija dderivata minnu (31) .
43. Fl-1996, regola separata tad-dritt internazzjonali dwar it-tifsira tad-dritt ta’ distribuzzjoni ġiet introdotta fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem “TDA”) (32) . Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi “ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet oriġinali u l-kopji tagħhom permezz tal-bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni ġiet implementata fid-dritt tal-Unjoni bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Issa se niffoka fuq din id-dispożizzjoni.
2. It-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.
44. Il-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ivarja ftit mid-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 6 tat-TDA. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jistabbilixxi li “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor”. L-Artikolu 6 tat-TDA jinkludi l-kliem “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” filwaqt li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistipula “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku”.
45. Minkejja din id-differenza fil-kliem użat, jiena se nadotta u nelabora fuq l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peek and Cloppenburg (33), fis-sens li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandu jiġi interpretat f’konformità mad-dispożizzjoni korrispondenti tat-TDA. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li t-TDA jipprovdi biss regoli relatati mal-livell minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li l-partijiet kontraenti jaqblu li jipprovdu, fis-sentenza Peek and Cloppenburg il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet il-pożizzjoni li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma tfittex li tistabbilixxi ebda livell ogħla ta’ protezzjoni għall-awturi (34) .
46. Barra minn hekk, bħalma diġà nnotajt iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tarmonizza kompletament it-tliet drittijiet esklużivi pprovduti fl-Artikoli 2 sa 4, jiġifieri d-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ komunikazzjoni lil pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post tal-komunikazzjoni, u d-dritt ta’ distribuzzjoni. Fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma hemm ebda indikazzjoni li l-Istati Membri huma liberi li jiddevjaw minn dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali li jikkonċerna d-drittijiet tal-awtur billi jillimitaw jew jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
47. Fl-interpretazzjonijiet diverġenti tagħhom tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1), il-Bundesgerichtshof, il-partijiet, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom fuq ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari fis-sentenza Peek and Cloppenburg. Kollha kemm huma enfasizzaw l-importanza tat-trasferiment tal-proprjetà bħala parti mill-kunċett tad-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dik id-diskussjoni ma tantx hija ta’ għajnuna.
48. Fis-sentenza Peek and Cloppenburg, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet domanda li sostanzjalment kienet tikkonċerna l-mod kif għandha tinftiehem id-distribuzzjoni għajr milli bil-bejgħ. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-espożizzjoni fil-vetrina ta’ stabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni, għal użu fiż-żona ta’ mistrieħ ta’ stabbilimenti ta’ ħwejjeġ għan-nisa u għall-irġiel fil-Ġermanja, ta’ repliki ta’ għamara li kienet ġiet immanifatturata minn impriża fl-Italja iżda li kienet protetta mid-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja. It-talba għal deċizjoni preliminari kienet marbuta mal-fatt li ħafna sistemi legali nazzjonali jinkludu sitwazzjonijiet, fil-kunċett ta’ distribuzzjoni, li ma jinvolvux it-trasferiment tal-proprjetà. Din l-hekk imsejħa interpretazzjoni inklużiva ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peek and Cloppenburg. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-distribuzzjoni għajr milli bil-bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur isseħħ biss meta jkun hemm trasferiment tal-proprjetà tal-oriġinal ta’ xogħol protett jew ta’ kopja tiegħu (35) .
49. Fil-każ ineżami, il-kwistjoni hija dwar id-distribuzzjoni bil-bejgħ. Huwa paċifiku li kien hemm bejgħ ta’ prodotti li fir-rigward tiegħu qamet kontroversja fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur. Il-bejgħ ifisser, mid-definizzjoni tiegħu, it-trasferiment ta’ proprjetà bi ħlas. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-kwistjoni vera u proprja hija jekk, fid-dawl tal-fatti kollha, dan il-bejgħ partikolari rriżultax fi ksur tad-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja.
50. L-approċċ ta’ T. Donner u tal-Bundesgerichtshof fir-rigward ta’ din id-domanda huwa bbażat fuq il-kunċett tad-dritt ċivili tat-trasferiment tal-proprjetà. Skont T. Donner, ma kien hemm ebda distribuzzjoni fil-Ġermanja għaliex il-proprjetà tal-prodotti, taħt id-dritt Taljan applikabbli għall-kuntratt, ġiet ittrasferita lix-xerrejja fl-Italja. Skont il-Bundesgerichtshof, il-fattur deċiżiv ma kienx dak tat-trasferiment tal-proprjetà fl-Italja, iżda t-trasferiment tal-pussess effettiv tal-prodotti, rikjest fid-dritt Ġermaniż, sabiex it-trasferiment tal-proprjetà jkun komplut. Dan sar fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-distribuzzjoni saret fil-Ġermanja, mhux minħabba t-trasferiment tal-pussess effettiv, iżda peress li l-prodotti saru disponibbli għall-pubbliku biss fil-Ġermanja, fejn ix-xerrejja ħallsu lix-xufiera ta’ T. Donner għalihom.
51. Fl-opinjoni tiegħi, it-tifsira tal-kunċett ta’ distribuzzjoni fid-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma tistax tiddependi fuq tali fatturi. L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma II jistipula li l-partijiet ma jistgħux jagħżlu l-liġi applikabbli fir-rigward tal-obbligi mhux kuntrattwali relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Kieku d-dritt tal-kuntratt ta’ bejgħ magħżul mill-partijiet jitħalla jirregola jekk u fejn tkun saret id-distribuzzjoni bil-bejgħ ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, dan ikun inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju, u l-partijiet ikunu jistgħu jevitaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur (36) .
52. Jiena nikkontesta wkoll jekk id-distribuzzjoni bil-bejgħ tistax issir biss meta tranżazzjoni tkun ġiet ikkompletata b’suċċess. Kieku dan kien il-każ, l-offerta ta’ bejgħ ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-permess tal-awtur ma tkunx tikkostitwixxi distribuzzjoni. Dan jgħodd ukoll għat-tranżazzjonijiet ta’ hire-purchase. F’dawn l-arranġamenti msemmija l-aħħar, it-trasferiment tal-proprjetà jsir ħafna iktar tard mit-trasferiment tal-pussess effettiv.
53. Fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ distribuzzjoni bil-bejgħ għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-awturi kontroll prattiku u effettiv fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-kopji tax-xogħol tagħhom, mir-riproduzzjoni tiegħu permezz tan-netwerks kummerċjali sal-eżawriment tad-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (37) . Għal din ir-raġuni, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ” fl-Artikolu 4(1) għandu jinftiehem li għandu l-istess tifsira bħall-kliem “it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [...] permezz tal-bejgħ” fl-Artikolu 6(1) tat-TDA.
54. It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-bejgħ ikopri l-katina ta’ attivitajiet mill-offerti ta’ bejgħ sal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ u l-implementazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, is-sempliċi reklamar ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li ma jikkostitwixxux offerta ta’ bejgħ ma huwiex inkluż fid-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiv tal-awturi, għalkemm dan ukoll huwa kopert bil-protezzjoni taħt id-dritt tat-trade marks.
55. Fis-sitwazzjoni tal-arranġamenti ta’ bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod, l-evalwazzjoni dwar jekk il-kopji jitqegħdux għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-Istat Membru fejn jintalab l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal et (38) . Jekk bejjiegħ jimmira għal konsumaturi fi Stat Membru partikolari u joħloq jew iqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom arranġament speċifiku għall-kunsinna u metodu ta’ ħlas li jippermetti lill-konsumaturi jixtru kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur f’dak l-Istat Membru, f’dak il-każ ikun hemm distribuzzjoni bil-bejgħ f’dak l-Istat Membru (39) . L-eżistenza ta’ sit bil-lingwa Ġermaniża, il-kontenut tal-materjal ta’ reklamar ta’ Dimensione, u l-kooperazzjoni kontinwa tagħha ma’ Inspem, bħala impriża involuta fil-bejgħ u l-kunsinna fil-Ġermanja, kollha jindikaw li kien hemm eżerċizzju mmirat. Dak li huwa importanti huwa jekk il-bejjiegħ ħoloqx netwerk immirat għall-bejgħ u l-kunsinna lix-xerrejja sabiex dawn jixtru xogħlijiet li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru tax-xerrej.
56. F’dan ir-rigward, il-mod kif tiġi organizzata l-kunsinna tal-kopji huwa ta’ importanza sekondarja. Ikun hemm distribuzzjoni bil-bejgħ minn Stat Membru A lill-pubbliku mmirat fl-Istat Membru B anki jekk fl-iskema tad-distribuzzjoni l-kopji tax-xogħlijiet jiġu kkunsinjati bil-posta jew b’servizz ta’ distribuzzjoni. Madankollu, l-ammont ta’ involviment tat-trasportatur fl-arranġament tal-bejgħ jinfluwenza l-kwistjoni dwar jekk it-trasportatur għandux jiġi kkunsidrat bħala parteċipant fl-iskema ta’ distribuzzjoni jew sempliċement bħala intermedjarju ċċitat fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (40), li s-servizzi tiegħu jintużaw minn parti terza. Tali intermedjarju jista’ jkun suġġett għal ordnijiet, iżda mhux għal sanzjonijiet taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u d-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet.
57. Min-naħa l-oħra, jekk il-bejjiegħ fl-Istat Membru A ma joħloqx netwerk speċifiku għax-xerrejja fl-Istat Membru B sabiex jiżgura aċċess għax-xogħlijiet li huma koperti mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru B, ma jistax ikun hemm distribuzzjoni bil-bejgħ fl-Istat Membru B (41) .
58. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, fl-opinjoni tiegħi l-Bundesgerichtshof ma żbaljatx fil-konklużjoni tagħha li kien hemm distribuzzjoni bil-bejgħ fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għalkemm ma naqbilx mar-raġunament li użat sabiex waslet għal din il-konklużjoni. L-istess bħalma fis-sentenza L’Oréal et il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks fis-sens li jinkludu l-imġiba mmirata, u bħalma interpretat fl-istess sens l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-sentenza Stichting de Thuiskopie, bl-istess mod hija rikjesta interpretazzjoni simili tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, partikolarment fid-dawl tal-isfida għad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali ppreżentata mis-suq tal-internet. Barra minn hekk, kif għidt fl-introduzzjoni, fl-assenza ta’ proċeduri doganali nazzjonali sabiex jitwaqqaf il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ta’ kopji mhux awtorizzati ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, l-uniku mod sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħha taħt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur huwa li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni jiġu interpretati f’konformità ma’ dawn ir-regoli.
D – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE
1. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 36 TFUE u r-restrizzjonijiet moħbija fuq il-kummerċ
59. Il-kawża inkwistjoni ma tindirizzax il-problema klassika, li normalment tqum taħt l-Artikolu 36 TFUE, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati eżawrixxiex dawn id-drittijiet billi qiegħed ix-xogħlijiet inkwistjoni fis-suq ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew billi involva ruħu f’xi attività oħra li tipprekludi l-asserzjoni tagħhom (42) . Għall-kuntrarju, huwa ċar li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-oġġetti ma wettqu ebda azzjoni li tista’ titqies bħala eżawriment tad-drittijiet tagħhom (43) . Barra minn hekk, kif diġà għidt iktar ’il fuq, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Flos, għad hemm dubji dwar jekk il-prodotti kinux ikkummerċjalizzati legalment fl-Italja (44) .
60. Dan ifisser li jekk T. Donner iddistribwixxa x-xogħlijiet lill-pubbliku bi ksur tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja t ipprekludi l-invokazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE mill-prosekutur biss jekk b’dan il-mod jinħoloq ostakolu artifiċjali għall-kummerċ bejn l-Istati Membri (45), jew jekk ir-regoli nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur inkwistjoni jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità tal-persuni (46), jew tal-oriġini ġeografika tal-merkanzija (47) .
61. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet invokata minn T. Donner, u li kienet tillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE, ma hijiex direttament rilevanti fil-kawża prinċipali, jew minn tal-inqas ma jidhirx li ssostni l-argumenti tiegħu.
62. Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (48) tikkonferma r-regola li deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija għandha tiġi interpretata strettament, iżda ma żżid xejn mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE li bħala tali jista’ jkun rilevanti fil-kawża inkwistjoni.
63. Fis-sentenza Merck vs Stephar u Exler (49) id-detentur ta’ privattiva għal ċerti mediċini fi Stat Membru A kien prekluż milli jinvoka l-Artikolu 36 TFUE sabiex iwaqqaf l-importazzjoni tal-istess prodott minn Stat Membru B, fejn il-prodott ma setax ikun protett bil-privattiva. Dan għaliex id-detentur tal-privattiva fl-Istat Membru A kien għażel li jikkummerċjalizza l-prodott fl-Istat Membru B, minkejja l-assenza ta’ protezzjoni mogħtija mill-privattiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li detentur ta’ drittijiet li jiddeċiedi li jieħu dawn il-passi jrid jaċċetta l-konsegwenzi ta’ din l-għażla f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-prodott fis-Suq Komuni. Konstatazzjoni mod ieħor kienet tkun tikkostitwixxi taqsim f’partijiet tas-swieq nazzjonali, u dan kien ikun inkompatibbli mal-għanijiet tat-Trattat.
64. Madankollu, il-fatti ineżami ma jinvolvu ebda azzjoni min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tax-xogħlijiet, fl-Italja, fil-Ġermanja jew fi kwalunkwe post ieħor, li tipprekludihom milli jinvokaw l-Artikolu 36 TFUE.
65. Bl-istess mod, is-sentenza EMI Electrola (50) kienet tikkonċerna produttur ta’ reġistrazzjonijiet tal-ħoss li ma kienx ta l-kunsens tiegħu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet tal-ħoss fi Stat Membru A, u li sussegwentement xtaq jinvoka l-Artikolu 36 TFUE, u d-drittijiet tiegħu fir-rigward tar-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni, sabiex iwaqqaf l-importazzjoni tagħhom fl-Istat Membru B. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li x-xogħlijiet ma kinux ikkummerċjalizzati legalment fl-Istat Membru A abbażi ta’ azzjoni jew tal-kunsens tad-detentur tad-drittijiet jew ta’ kwalunkwe persuna liċenzjata, iżda minħabba l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni pprovdut fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A, id-detentur tad-drittijiet kien intitolat jinvoka l-protezzjoni tal-Istat Membru B. Il-problema oriġinat mid-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u mhux minn azzjoni min-naħa tad-detentur tad-drittijiet.
66. Peress li l-problema fil-kawża prinċipali tirriżulta ugwalment mid-differenzi legali u fattwali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-prodotti fl-Italja u l-Ġermanja, din il-kawża tixbah l-iktar il-kawża EMI Electrola (51) . Il-prinċipji elaborati f’dik is-sentenza huma applikabbli fiċ-ċirkustanzi attwali. Il-problema fil-kawża prinċipali, bħalma kien il-każ fis-sentenza EMI Electrola, irriżultat minn differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bejn Stati Membri, b’tali mod li l-Artikolu 36 TFUE sar kompletament applikabbli, bla ħsara għall-prinċipji ġenerali li se nindirizza issa.
2. Ebda taqsim f’partijiet sproporzjonata tas-swieq nazzjonali jew ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
67. L-applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE ma tirriżultax f’restrizzjoni sproporzjonata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Kulma tagħmel huwa li tirrikjedi lill-kummerċjanti bħal Dimensione u T. Donner sabiex jitolbu l-permess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur qabel ma jwettqu azzjonijiet li jkunu jikkostitwixxu xi forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku bil-bejgħ fil-Ġermanja. Kif spjegajt iktar ’il fuq, dan jinkludi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mmirati għal dak l-Istat Membru.
68. Kieku kellha tingħażel din it-triq, ma jirriżultax taqsim f’partijiet tas-swieq nazzjonali. Minħabba l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali kif rikjest fl-Artikoli 34 u 36 TFUE, rekwiżit impost fuq il-kummerċjanti sabiex jikkonformaw ruħhom mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru fejn issir id-distribuzzjoni ma jistax jitqies li jwassal għal effetti sproporzjonati fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Barra minn hekk, kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li tiżgura li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonformaw ruħhom mal-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur ma tistax tkun sproporzjonata (52) .
69. Kieku d-distribuzzjoni lill-pubbliku bil-bejgħ jew b’mod ieħor skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur kellha tiġi interpretata b’tali mod li tinkludi t-trasportaturi indipendenti li ma jwettqux azzjonijiet li jinvolvu d-distribuzzjoni bil-bejgħ, f’dak il-każ nirrikonoxxi li jista’ jkun hemm ostakolu sproporzjonat fuq il-provvista ta’ servizz ta’ trasport u ta’ kunsinna fl-Unjoni. Dan għaliex tali interpretazzjoni tirrikjedi li l-impriżi tat-trasport jiċċekkjaw jekk il-merkanzija li jkunu qegħdin jittrasportaw tkunx protetta mid-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru tal-kunsinna jew inkella jirriskjaw li jiffaċċjaw prosekuzzjoni. Tali obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ ikollu effett dissważiv gravi fuq il-provvista ta’ servizzi tat-trasport fil-fruntieri nazzjonali fi ħdan l-Unjoni.
70. Madankollu, jiena ma wasaltx għal din il-konklużjoni. T. Donner jaqa’ taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, u għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 36 TFUE, għaliex huwa wettaq azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ distribuzzjoni bil-bejgħ ta’ xogħlijiet protetti. Dan seħħ għaliex huwa kien iħallas huwa stess il-prezz tal-prodotti fl-Italja, għaliex ix-xufiera tiegħu kienu jaċċettaw il-ħlas tal-prezz tal-prodotti mingħand ix-xerrejja fil-Ġermanja, u għaliex kien ftihem li jirritorna x-xogħlijiet fl-Italja sabiex jikseb rimbors tal-prezz u tal-ispejjeż tal-kunsinna mingħand Dimensione, fl-Italja, f’każ li x-xerrej jirrifjuta li jkopri dawn l-ispejjeż. Dawn l-attivitajiet juru involviment fit-tranżazzjoni li jmur lil hinn ħafna minn dak li impriża tat-trasport indipendenti, li l-attivitajiet tagħha ma jaqgħux taħt l-iskema ta’ distribuzzjoni ta’ Dimensione, tkun lesta li taċċetta fil-proċess normali ta’ kunsinna transkonfinali ta’ għamara.
3. Ebda diskriminazzjoni arbitrarja
71. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali japplika għall-eżawriment tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat minħabba l-effetti tagħhom fuq il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti u servizzi, huma suġġetti għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità (53) .
72. Għaldaqstant, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu kwalunkwe interpretazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE jew tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur li tirriżulta f’li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.
73. Madankollu, mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qiegħed nipproponi ma tirriżulta ebda diskriminazzjoni. Xerrejja li jivvjaġġaw l-Italja sabiex jiġbru xogħlijiet li jkunu xtraw mingħand Dimensione, jew li jqabbdu trasportatur indipendenti li ma jkunx involut fl-iskema ta’ distribuzzjoni sabiex jagħmel dan, ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ T. Donner. Huma jkunu qegħdin iwettqu biss importazzjoni, għal użu privat, ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li milli jidher hija permessibbli fil-Ġermanja.
E – Sanzjonijiet
74. Id-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jimponu sanzjonijiet kriminali proporzjonati sabiex jiġġieldu l-imġiba mmirata tat-tip li twettqet fil-każ ineżami. Għall-kuntrarju, il-premessa 28 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet tistipula espressament li “sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” (54), filwaqt li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u tal-obbligi stipulati f’din id-direttiva, u li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. F’konformità mal-prinċipji ġenerali rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ikompli jgħid li dawn is-sanzjonijiet ipprovduti għandhom ikunu “effettivi, xierqa u disswassivi” (55) .
75. Il-kwistjoni dwar jekk is-sanzjoni proposta hijiex proporzjonata għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”) tipprovdi kemm għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali (56), kif ukoll għall-proporzjonalità tas-sanzjonijiet kriminali (57) . Barra minn hekk, il-premessa 17 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet tistabbilixxi li r-rimedji għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-karatteristiċi speċifiċi” ta’ kull każ, “li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni”.
76. Għandu jiġi osservat ukoll li mġiba li tista’ twassal għal sanzjonijiet jew rimedji taħt id-dritt ċivili jew taħt id-dritt tal-proċedura ċivili, minħabba n-natura abbużiva tagħha, tista’ madankollu ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt kriminali minħabba r-rekwiżit tal-previdibbiltà inerenti għall-prinċipju ta’ nulla poena sine lege , li huwa rifless fl-Artikolu 49(1) tal-Karta (58) . Fl-aħħar nett, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm salvagwardja ulterjuri li tapplika għar-rimedji meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplementaw id-direttivi permezz ta’ sanzjoni kriminali. Hija ġurisprudenza stabbilita li meta jkun hemm għad-dispożizzjoni firxa ta’ sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri huma preklużi milli jinvokaw id-direttiva rilevanti sabiex jaggravaw ir-responsabbiltà kriminali jew sabiex jimponu, retroattivament, l-iktar piena severa għad-dispożizzjoni (59) .
IV – Konklużjoni
77. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof bil-mod kif ġej:
L-Artikoli 34 u 36 TFUE li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija ma jipprekludux ir-reat kriminali ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni pprojbita ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali fejn kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jiġu ddistribwiti bil-bejgħ fi Stat Membru billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru permezz ta’ arranġament ta’ bejgħ transkonfinali li jsir mill-bogħod li joriġina fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fejn ma hemmx protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal dan ix-xogħol jew din il-protezzjoni ma tkunx infurzabbli.
(1) .
(2) — Għalkemm id-domanda preliminari inkwistjoni tirreferi għall-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, id-dispożizzjonijiet rilevanti ratione temporis huma l-Artikoli 28 KE u 30 KE. Madankollu, għall-raġunijiet ta’ ċarezza, jiena se nirreferi għall-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, anki meta niddiskuti l-ġurisprudenza stabbilita żviluppata taħt l-Artikoli 30 KEE u 36 KEE.
(3) — Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
(4) — Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ġie ffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
(5) — Il-prodotti li ġejjin inbiegħu minn Dimensione mingħajr il-permess tal-awturi fiż-żewġ pajjiżi: siġġijiet ta’ “Aluminium Group” iddisinjati minn Charles u Ray Eames; dwal tad-ditta “Wagenfeld” iddisinjati minn Wilhelm Wagenfeld; siġġijiet ikkreati minn “Le Corbusier”; mejda aġġustabbli u lampi “Tubelight” iddisinjati minn Eileen Gray; siġġijiet tal-istainless steel mingħajr is-saqajn ta’ wara, maħluqa minn Mart Stam. L-għamara ddisinjata minn Eileen Gray ma kinitx protetta mid-drittijiet tal-awtur Taljani bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u l-25 ta’ April 2007; il-protezzjoni ġiet imġedda biss mis-26 ta’ April 2007. Il-bqija tal-prodotti kienu kopji ta’ xogħlijiet li kienu protetti bil-liġi Taljana matul il-perijodu rilevanti, iżda dik il-protezzjoni ma setgħetx tiġi infurzata fir-rigward tal-produtturi li kienu rriproduċew, qiegħdu għall-bejgħ u/jew ikkumerċjalizzaw ix-xogħlijiet qabel id-19 ta’ April 2001.
(6) — Fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, jidher li hemm impreċiżjoni żgħira fit-terminoloġija. Fil-fatt, dak li ġie ddistribwit kienu l-kopji tax-xogħlijiet, u mhux ix-xogħlijiet infushom.
(7) — Ara d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet”).
(8) — Ara Alexander Peukert, “Territoriality and Extraterritoriality in Intellectual Property Law”, ippubblikat f’Gunther Handl u Joachim Zekoll, “Beyond Territoriality: Transnational Legal Authority in an Age of Globalization”, Queen Mary Studies in International Law , Brill Academic Publishing, Leiden/Boston, 2011, p. 2. Disponibbli f’SSRN: http://ssrn.com/abstract=1592263.
(9) — Ara il-premessa għoxrin tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120). B’effett mis-17 ta’ Jannar 2007, id-Direttiva 92/100 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU 2006, L 376, p. 28). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005 fil-kawża Lagardère Active Broadcast (C-192/04, Ġabra p. I-7199, punt 46).
(10) — Ara l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPs: “Il-Membri għandhom jipprovdu għall-proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati ta’ l-inqas fil-każi ta’ falsifikazzjoni ta’ trademark maħsuba jew piraterija tad-dritt ta’ l-awtur fuq skala kummerċjali. [...] Il-Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati f’każijiet oħra ta’ tkissir ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, partikolarment meta huma kommessi intenzjonalment u fuq skala kummerċjali.” Dawn ir-rimedji huma mħarsa bil-premessa 5 tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet. Il-premessa 5 tistabbilixxi, inter alia, li din id-“Direttiva m’għandhiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS”. Ara wkoll il-premessa 6.
(11) — In-nota 14(b) fl-Artikolu 51 tal-Ftehim TRIPs tiddefinixxi l-“oġġetti tad-dritt ta’ l-awtur pirati” bħala “kull xorta ta’ oġġetti li huma kopji magħmula mingħajr kunsens tad-detentur tad-drittijiet jew persuna awtorizzata mid-detentur tad-drittijiet fil-pajjiż ta’ produzzjoni u li huma magħmula direttament jew indirettament minn artiklu fejn l-għamla ta’ dik il-kopja tikkostitwixxi ksur ta’ dritt ta’ l-awtur jew dritt relatat taħt il-liġi tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni”.
(12) — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 2, Vol. 16, p. 469).
(13) — Ara Alexander Peukert, op. cit. , p. 15.
(14) — Skont ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta kwistjoni relatata mad-drittijiet tal-awtur tkun irregolata bid-dritt tal-Unjoni, ikunu eliġibbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur biss dawk ix-xogħlijiet li jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, u għalhekk oriġinali f’dan is-sens. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 37), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C-145/10, Ġabra p. I-12533, punt 87). Bħalma osserva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punti 39 sa 41 tal-Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Football Dataco et (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, C-604/10), din id-definizzjoni hija eqreb għat-tradizzjonijiet kontinentali milli għat-tradizzjonijiet ta’ common law.
(15) — Din il-possibbiltà ngħatat mill-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (kif riveduta f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971) u kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”). L-Unjoni ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Berna iżda fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-Konvenzjoni ta’ Berna sal-punt li kisbet status komparabbli ma’ dak ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni.
(16) — Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).
(17) — Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 864/2007, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”). Huwa importanti li jiġi nnotat li l-partijiet ma humiex liberi li jidderogaw mill-prinċipju lex loci protectionis (ara l-Artikolu 8(3) tar-Regolamemt Ruma II).
(18) — Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni osservat li kien hemm dibattitu intensiv fl-Italja, bħalma kien hemm fi Stati Membri oħra, dwar id-distribuzzjoni ta’ għamara “ddisinjata”. Il-leġiżlazzjoni ġiet emendata b’passi żgħar. Għal diskussjoni dwar dan, ara Aldo Fittante, “The issue of Conformity of Article 239 of the Italian Industrial Property Code with European Law” Ħarġa Nru 1, The European Legal Forum, 2010, p. 23.
(19) — Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Flos SpA (C-168/09, Ġabra p. I-181).
(20) — Dan għaliex id-data minn meta bdiet tapplika s-sospensjoni tad-drittijiet tal-awtur hija l-istess fis-sentenza Flos u fid-digriet tar-rinviju. Dan ifisser perijodu moratorju ta’ għaxar snin, dekorribbli mid-19 ta’ April 2001, li matulu “l-protezzjoni mogħtija lid-disinni […] ma tistax tiġi invokata biss kontra dawk li, qabel l-imsemmija data, ikunu bdew jimmanifatturaw, joffru jew jikkumerċjalizzaw prodotti maħduma fuq disinni li kienu, jew kienu jaqgħu, fid-dominju pubbliku”. Ara s-sentenza Flos, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 17.
(21) — Sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg KG (C-456/06, Ġabra p. I-2731).
(22) — Ara l-kawża Lagardère Active Broadcast, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 46.
(23) — Ara Alexander Peukert, op. cit. , p. 7 u 13.
(24) — Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C-324/09, Ġabra p. I-6011). Sitwazzjoni simili tat lok għall-kawża Wintersteiger (C-523/10, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) li fiha madankollu l-punt fokali huwa l-ġurisdizzjoni tal-qrati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) fl-Istati Membri fejn trade mark tkun irreġistrata. Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fir-rigward ta’ din l-aħħar kawża.
(25) — L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92). B’effett mit-28 ta’ Novembru 2008, id-Direttiva 89/104 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2008 L 299, p. 25).
(26) — Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). B’effett mit-13 ta’ April 2009, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1). Ara s-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 67.
(27) — Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011 (C-462/09, Ġabra p. I-5331).
(28) — Il-korsiv huwa tiegħi.
(29) — Sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 41. Il-prinċipji ewlenin tas-sentenza Stichting de Thuiskopie ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan van der Let (C-277/10, punt 106).
(30) — L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi li “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti: (a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom [...]”.
(31) — II-varjazzjonijiet kbar bejn id-diversi drittijiet nazzjonali fil-mod ta’ kif id-drittijiet ta’ distribuzzjoni huma konċeputi u fformulati ġew spjegati fl-istudju komparattiv dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Ara Guido Westkamp, “The Implementation of Directive 2001/29/EC in the Member States”, disponibbli minn http://www.ivir.nl/publications/guibault/InfoSoc_Study_2007.pdf
(32) — It-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur, adottat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996, ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). Il-premessa 15 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistabbilixxi li d-direttiva taqdi wkoll l-għan li timplementa għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda taħt it-TDA. Ara wkoll il-punt 31 tas-sentenza Peek and Cloppenburg, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21; “Kif jirriżulta mill-premessa ħmistax tad-Direttiva 2001/29, huwa paċifiku li din ta’ l-aħħar hija intiża sabiex timplementa fuq livell Komunitarju l-obbligi li l-Komunità għandha skond it-trattati TDA u TWWP.”
(33) — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 29-36.
(34) — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 38-39.
(35) — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 41.
(36) — Ara l-punti 56 sa 58 tal-Konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Stichting de Thuiskopie ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27. Ta’ min jinnota wkoll li matul is-seduta l-Kummissjoni ddikjarat li hija rċeviet ħafna lmenti dwar imitazzjonijiet ta’ għamara ddisinjata prodotta fuq skala massiva fi Sterzing. Hemm ukoll problemi simili fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni Ewropea tinsab fil-proċess li tinvestigahom.
(37) — Il-premessa 28 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistipula: “Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli.L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità [...]”.
(38) — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24. Bħalma osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal et , meta “l-offerta għall-bejgħ tkun akkumpanjata minn preċiżjonijiet fir-rigward taż-żoni ġeografiċi fejn il-bejjiegħ lest li jibgħat il-prodott, din it-tip ta’ preċiżjoni hija ta’ importanza partikolari” (punt 65) sabiex jiġi ddeterminat jekk l-offerti għall-bejgħ murija fuq sit “hum[iex] maħsuba għal konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju” (punt 64). Skont il-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal et fil-punt 67, offerta għall-bejgħ jew reklam murija fuq suq online li huwa aċċessibbli mit-territorju kopert mit-trade mark huma maħsuba għall-konsumaturi f’dak it-territorju jekk l-oġġetti kkonċernati ma jkunux ġew preċedentement ikkummerċjalizzati fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja, fl-Unjoni, u (i) l-oġġetti jiġu mibjugħa minn operatur ekonomiku permezz ta’ suq online u mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark lil konsumatur li jinsab fit-territorju kopert mill-imsemmija trade mark jew (ii) ikunu s-suġġett ta’ offerta għall-bejgħ jew ta’ reklamar fuq tali suq maħsub għal konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju.
(39) — Ara wkoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ mġiba mmirata, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527), li kienet tikkonċerna mġiba mmirata bl-użu tal-internet fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi fil-kuntest tar-Regolament Brussell I.
(40) — L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jistipula: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”
(41) — Hawnhekk qed nirreferi għal sitwazzjoni fejn ix-xerrejja jivvjaġġaw fi Stat Membru A huma stess sabiex jiġbru l-kopji, jew jikru s-servizz ta’ trasportatur huma stess li ma jkunx involut fit-tranżazzjoni tal-bejgħ u li, mingħajr għarfien tal-aspetti tal-bejgħ relatati mad-drittijiet tal-awtur, jagħmel il-kunsinna f’konformità mat-termini kummerċjali normali applikabbli bejn il-partijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq.
(42) — Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft (78/70, Ġabra p. 487) u tal-24 ta’ Jannar 1989, EMI Electrola (341/87, Ġabra p. 79).
(43) — Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Ġabra p. I-3457) . Għal finijiet ta’ kompletezza, nosserva li ovvjament jista’ jkun hemm katini fejn ħafna distribuzzjonijiet illegali jsegwu lil xulxin u fejn għaldaqstant ma jkun hemm ebda eżawriment.
(44) — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.
(45) — Ara s-sentenza Bristol-Myers Squibb et iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 52 sa 57.
(46) — Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C-92/92 u C-326/92, Ġabra p. I-5145); tas-6 ta’ Ġunju 2002, Ricordi & Co (C-360/00, Ġabra p. I-5089). Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità issa hija protetta bl-Artikolu 18 TFUE.
(47) — Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1988, Thetford u Thetford (Aqua) Products (35/87, Ġabra p. 3585); tat-30 ta’ Novembru 1993; Deutsche Renault (C-317/91, Ġabra p. I-6227), u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France (C-28/04, Ġabra p. I-5781).
(48) — Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1981 (113/80, Ġabra p. 1625).
(49) — Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981 (187/80, Ġabra p. 2063, punti 11 u 13).
(50) — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
(51) — T. Donner jinvoka wkoll is-sentenza tad-9 ta’ April 1987, Basset (402/85, Ġabra p. 1747). Ma jidhirx li din il-kawża għandha xi rabta kwalsiasi mad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.
(52) — Ara l-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting de Thuiskopie ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.
(53) — Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46. Dan il-prinċipju jkopri wkoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini ġeografika tal-prodotti. Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.
(54) — F’dan is-sens, is-sitwazzjoni fil-każ ineżami hija l-kontra ta’ dik li tat lok għas-sentenza El Dridi (sentenza tat-28 ta’ April 2011, C-61/11 PPU , Ġabra p. I-3015), fejn l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali kienet inkonsistenti mal-istandards u l-proċeduri stipulati f’direttiva, u kien hemm ir-riskju li tipperikola, minflok tiżgura, it-twettiq tal-għan intiż minn din id-direttiva. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C-329/11, Ġabra p. I-12695).
(55) — F’dan ir-rigward ara wkoll il-premessa 58 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.
(56) — Ara l-Artikolu 17(2) tal-Karta.
(57) — Ara l-Artikolu 49 tal-Karta.
(58) — Ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta (li qabel kienet ThyssenKrupp Stainless) vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 80).
(59) — Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 70 sa 78). Għal-limiti fuq il-prinċipju li jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva tal-iktar sanzjoni kriminali severa disponibbli, ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C-17/10, punti 64 sa 66). T. Donner invoka wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et , (C-338/04, C-359/04, u C-360/04, Ġabra p. I-1891), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 68, li hija ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni kriminiali ma tistax tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali garantiti mid-dritt Komunitarju. Madankollu, peress li jiena kkonkludejt li kwalunkwe restrizzjoni fuq l-Artikolu 34 TFUE tista’ tiġi ġġustifikata bl-Artikolu 36 TFUE, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali f’dan il-każ ma tiksirx il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija.