KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2011 ( 1 )
Kawża C-1/11
Interseroh Scrap and Metals Trading GmbH
vs
Sonderabfall-Management-Gesellschaft Rheinland-Pfalz mbH (SAM)
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Mainz (il-Ġermanja)]
“Protezzjoni tal-ambjent — Vjeġġi ta’ skart — Regolament (KE) Nru 1013/2006 — Informazzjoni li għandha takkumpanja l-vjeġġi ta’ skart li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra — Trattament kunfidenzjali — Portata”
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart ( 2 ), kif emendat mid-Direttiva 2009/31/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 ( 3 ). |
2. |
Il-Verwaltungsgericht Mainz (il-Ġermanja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi li jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament jistax jiġi limitat bid-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. |
3. |
Għalhekk, il-kawża preżenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-portata tar-riferiment li jagħmel l-Artikolu 18(4) tar-Regolament għad-dispożizzjonijiet li jeżiġu trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni, u biex tiffoka fuq ir-rikonoxximent, mid-dritt tal-Unjoni, ta’ dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, qabel ma tikkonfrontah, jekk ikun il-każ, mal-obbligi ta’ informazzjoni imposti mil-leġiżlazzjoni ambjentali. |
4. |
Fil-konklużjonijiet preżenti, nirrileva r-raġunijiet għalfejn naħseb, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 18(4) tar-Regolament ma jistgħux japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-parteċipanti involuti fil-vjeġġ, sussegwentement li l-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għal raġunijiet marbuta mad-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, tillimita l-aċċess tad-destinatarju tal-iskart għall-informazzjoni dwar il-produttur tal-iskart prevista fil-punt 6 tad-dokument li jinsab fl-Anness VII tal-imsemmi regolament u, fl-aħħar nett, li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma konformi mad-dritt primarju. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
5. |
Ir-Regolament, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, għandu l-għan li jipprovdi sistema armonizzata ta’ proċeduri li permezz tagħhom il-moviment tal-iskart jista’ jiġi limitat sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent. |
6. |
Dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993 ( 4 ), li ħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/631/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1984 ( 5 ). |
7. |
B’mod partikolari, dan ir-regolament il-ġdid għandu l-għan li jinkorpora l-emendi tal-listi ta’ skart annessi mal-Konvenzjoni dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, iffirmata f’Basel fit-22 Marzu 1989 u approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993 ( 6 ), kif ukoll il-kontenut tad-Deċiżjoni C(2001) 107 finali tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92) 39 finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru. |
8. |
Għal dan il-għan, ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll applikabbli għall-vjeġġi ta’ skart skont kriterji li huma essenzjalment ibbażati fuq it-tip ta’ skart ittrasportat, l-Istat ta’ esportazzjoni u d-destinazzjoni tal-iskart, u skont jekk ikunx hemm rimi jew irkupru. |
9. |
B’mod iktar speċifiku, dan ir-regolament iqassam l-iskart fi tliet kategoriji skont kemm dan ikun perikoluż u, għalhekk, jistabbilixxi l-proċedura ta’ kontroll li għandha tiġi segwita fir-rigward ta’ tali skart. B’hekk, l-Anness III tar-Regolament jistabbilixxi l-lista l-ħadra, li tinkludi l-iskart meqjus li jqajjem riskji negliġibbli biss għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent waqt it-trasport tiegħu. Bħala regola, dan l-iskart huwa suġġett esklużivament għal proċedura ta’ informazzjoni. L-Anness IV ta’ dan ir-regolament, imsejjaħ “skart elenkat bħala ‘ambru’ [lista oranġjo]”, jelenka l-iskart li, minħabba li jirrappreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, huwa suġġett għal proċedura iktar oneruża ta’ notifika u kunsens preċedenti bil-miktub. Fl-aħħar nett, l-Anness V tal-imsemmi regolament jinkludi lista mingħajr isem tal-iktar skart perikoluż, li huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ esportazzjoni. |
10. |
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament jipprovdi li l-vjeġġi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kemm jekk jgħaddi minn Stati terzi jew le, ta’ skart imsemmi fil-lista l-ħadra li huwa intiż għall-irkupru ( 7 ), għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament. |
11. |
Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament: “1. Dak l-iskart kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) u (4) li huwa previst se jiġi trasportat għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti proċedurali li ġejjin:
3 Għall-finijiet ta’ spezzjoni, infurzar, ippjanar u statistika, l-Istati Membri jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jitolbu l-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 dwar vjeġġi koperti minn dan l-Artikolu. 4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali fejn dan ikun meħtieġ mil-liġi tal-Komunità u nazzjonali.” |
12. |
L-Anness VII tar-Regolament, li għaliħ jirreferi l-Artikolu 18 ta’ dan tal-aħħar, jelenka l-informazzjoni li għandha takkumpanja l-vjeġġi ta’ skart, billi jipprovdi, b’mod partikolari, fil-punt 6, li fir-rigward tal-produttur tal-iskart (produttur oriġinali, produttur ġdid, jew kollettur), għandu jiġi indikat l-isem tiegħu, l-indirizz tiegħu, il-persuna li tista’ tiġi kkuntattjata, in-numru tat-telefon tiegħu, in-numru tal-fax tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu. |
B – Id-dritt nazzjonali
13. |
Il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) teżiġi t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni relatata mas-sigrieti kummerċjali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tagħha, dwar l-eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali, u l-Artikolu 14 tagħha, dwar id-dritt ta’ proprjetà. Skont il-ġurisprudenza, is-sorsi ta’ provvista ta’ kumpannija jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali li jaqgħu taħt il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. |
14. |
L-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 u tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u tar-rimi tiegħu ( 8 ), tad-9 ta’ Lulju 2007 ( 9 ), jipprovdi li, fir-rigward tal-vjeġġi li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament flimkien mal-Artikoli 37(3), 38(1), 40(3), 42(1), 44(1), 45, 46(1), 47 jew 48 tar-Regolament, il-persuna li torganizza l-vjeġġ għandha, sa fejn ikun possibbli, timla l-formola li tinsab fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament. |
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15. |
Il-kawża prinċipali tinvolvi lil Interseroh Scrap and Metal Trading GmbH (iktar ’il quddiem “Interseroh”), speċjalizzata fil-kummerċ ta’ skart ta’ ħadid u ta’ metall, u lil Sonderabfall-Management-Gesellschaft Rheinland-Pfalz mbH (SAM), inkarigata mil-Land de Rhénanie-Palatinat, mis-sorveljanza ta’ flussi ta’ skart speċjali. |
16. |
Fil-kapaċità tagħha ta’ negozjanta intermedjarja, Interseroh tixtri skart li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra minn produttur jew kollettur u sussegwentement tbigħu lil fabbriki tal-azzar, funderiji u fabbriki tal-ħadid, filwaqt li l-merkanzija tiġi kkunsinjata direttament mill-produttur jew il-kollettur lid-destinatarju. |
17. |
Din il-prattika kummerċjali ssir permezz tal-konklużjoni ta’ żewġ kuntratti differenti: wieħed jorbot lin-negozjant intermedjarju mal-produttur tal-iskart, u l-ieħor jorbot lil dan in-negozjant mad-destinatarju. |
18. |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament, Interseroh hija marbuta li ssemmi, fid-dokument li jinsab fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament, informazzjoni diversa li tippermetti li jiġi identifikat il-produttur tal-iskart. |
19. |
Interseroh tikkunsidra li dan l-obbligu jwassalha biex tiżvela informazzjoni dwar is-sorsi ta’ provvista tagħha li tifforma parti mis-sigrieti kummerċjali, fatt li għandu l-konsegwenza li l-klijenti tagħha jitqiegħdu f’sitwazzjoni fejn ikunu jistgħu jikkuntrattaw direttament mal-produttur, filwaqt li jeskluduha mis-swieq tal-irkupru tal-iskart. |
20. |
Minħabba f’hekk, din il-kumpannija ddeċidiet li, fil-punt 6 tad-dokument li jinsab fl-Anness VII tar-Regolament, tindika lilha nnifisha bħala l-produttur jew il-kollettur jew li ma timliex din il-parti, peress li, fil-fehma tagħha, l-identità tal-produttur jew il-kollettur reali kienet, fi kwalunkwe każ, tirriżulta mid-dokumenti ta’ kunsinna u tal-użin li għandhom ukoll jakkumpanjaw it-trasport. |
21. |
Wara li ġiet ikkontrollata fis-7 ta’ Mejju 2009, u kkundannata minn SAM li tħallas multa, Interseroh għamlet talba quddiem il-Verwaltungsgericht Mainz, intiża li tikseb dikjarazzjoni li, bħala negozjanta intermedjarja, hija ma kinitx marbuta, vis-à-vis tal-klijent tagħha, li tindika l-identità tal-produttur tal-iskart. |
22. |
Il-Verwaltungsgericht Mainz ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
III – L-analiżi tiegħi
A – Osservazzjonijiet preliminari
23. |
Qabel ma nirrispondi għad-domandi magħmula, nikkunsidra li jkun utili li nesponi l-informazzjoni ġuridika pprovduta mill-qorti tar-rinviju kif ukoll in-natura tal-problemi ġuridiċi li hija tixtieq tiċċara. |
1. L-informazzjoni ġuridika pprovduta mill-qorti tar-rinviju
24. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, li għalkemm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar il-produttur jew il-kollettur ta’ skart ma hijiex meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża li jirregolaw il-vjeġġi ta’ skart, din il-kunfidenzjalità hija, madankollu, imposta mil-liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 14 tagħha meħuda flimkien, peress li huwa ġeneralment aċċettat li s-sorsi ta’ provvista ta’ kumpannija jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali li jifformaw parti mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Ser nikkunsidra din il-preżentazzjoni tal-liġi magħmula mill-qorti nazzjonali bħala informazzjoni li ġiet stabbilita. |
2. L-għan u l-portata tad-domandi
25. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li wieħed għandu jitlaq mill-premessa li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament jawtorizza t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament biss bil-kundizzjoni li tali trattament ikun rikjest kumulattivament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hija tibbaża din l-analiżi fuq it-tqabbil ta’ dan l-Artikolu 18(4), fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u Franċiża, mal-Artikolu 21 tar-Regolament li jirreferi għal-leġiżlazzjoni “nazzjonali jew tal-Komunità”. |
26. |
Filwaqt li tikkunsidra paċifiku li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża teżiġi t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar is-sorsi ta’ provvista, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandu jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżiġix ukoll tali trattament kunfidenzjali. |
27. |
Għalhekk, hija tistaqsi dwar il-portata tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali permessa mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament u dwar il-kontenut u l-possibbiltà ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-dritt primarju sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali. |
28. |
Fi kliem ieħor, il-Verwaltungsgericht Mainz tistaqsi jekk l-Artikolu 18(4) tar-Regolament għandux, fih innifsu, limitazzjoni għall-obbligu li tiġi kkomunikata l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament lid-destinatarju tal-iskart u jekk, fin-nuqqas ta’ dan, tali limitazzjoni tirriżultax mid-dritt primarju u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
29. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija bi ħsiebha tagħmel. Fil-fatt, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ). |
30. |
Nikkunsidra li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm formalment id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u (4) tar-Regolament, meta l-Verwaltungsgericht Mainz tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, dwar l-effett tad-dritt primarju fuq il-portata tal-obbligu previst fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, din bilfors tqajjem dubji dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li s-suġġett tad-domanda jagħti lok għal evalwazzjoni ta’ validità. |
31. |
Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tibda l-eżami tal-kawża preżenti mill-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi, li t-tlieta li huma jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament, u li fir-rigward tagħhom nissuġġerixxi risposta waħda. Sussegwentement, ser nittratta t-tieni domanda li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament mad-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u li għalhekk tinvolvi indirettament evalwazzjoni ta’ validità. Fil-fehma tiegħi l-eżami tad-domandi f’din l-ordni hija ġustifikata minħabba l-fatt li l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ att tinvolvi neċessarjament interpretazzjoni preċedenti. |
B – Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba ' domandi
32. |
Permezz tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-portata tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament li jipprovdi għat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni msemmija fis-subparagrafu 1 ta’ dan l-artikolu “fejn dan ikun meħtieġ mil-liġi tal-Komunità u nazzjonali” ( 11 ). |
33. |
Għalhekk din tippresupponi li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament għandu jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li toħloq obbligi, li l-portata ta’ applikazzjoni tagħhom għandha tiġi ċċarata sabiex jiġi determinat jekk din tirrigwardax biss lit-terzi jew jekk tikkonċernax wkoll il-partijiet involuti fl-operazzjoni ta’ vjeġġ ta’ skart. |
34. |
Bi qbil ma’ dan il-ħsieb, il-Gvern Belġjan, Awstrijak u Portugiż jorbtu dan is-subparagrafu 4 mas-subparagrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu u għalhekk jikkunsidraw li r-regolamenti li għalihom jirreferi l-imsemmi subparagrafu 4 huma biss dawk applikabbli għall-awtoritajiet li jitolbu informazzjoni għal finijiet ta’ spezzjoni, ta’ kontroll, ta’ ippjanar u ta’ statistika. Għalhekk, ir-riferiment għal dawn ir-regolamenti jista’ jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tal-Istati Membri. |
35. |
Għall-kuntrarju, Interseroh issostni, billi tibbaża ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament, fuq il-pożizzjoni tiegħu, f’paragrafu separat, fi ħdan dan l-Artikolu u tal-għan tiegħu, li huwa li jiggarantixxi s-sigrieti kummerċjali, li l-obbligu ta’ trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni japplika wkoll għall-persuni li jipparteċipaw fl-operazzjoni tal-vjeġġ. |
36. |
Filwaqt li tadotta pożizzjoni intermedjarja, il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità japplika mhux biss għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tal-Istati Membri, iżda wkoll għall-kumpanniji li jipparteċipaw fil-vjeġġ ta’ skart, iżda biss fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi, peress li bejniethom stess dawn il-kumpanniji jistgħu jistabbilixxu qafas kuntrattwali dwar l-effetti ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux awtorizzata. |
37. |
Qabel ma nissuggerixxi elementi ta’ risposta, naħseb li jkun opportun li, b’mod preliminari, nagħmel żewġ kjarifiki dwar is-sens li għandu jingħata lill-Artikolu 18(4) tar-Regolament. |
38. |
L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi nnotat li, minnha nnifisha, din id-dispożizzjoni ma toħloq l-ebda obbligu ta’ kunfidenzjalità li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jiġi stabbilit. |
39. |
Din id-dispożizzjoni kienet diġà teżisti, għalkemm fi kliem kemxejn differenti peress li kienet tirreferi biss għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-Regolament Nru 259/93, li l-Artikolu 11(2) tiegħu kien jipprovdi li l-informazzjoni li takkumpanja l-vjeġġi ta’ skart kellha tiġi ttrattata “konfidenzjalment u skond ir-regolamenti eżistenti nazzjonali”. |
40. |
Għandu jiġi nnotat li, minnu nnifsu, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament, mhux iktar milli jagħmel l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 259/93 li ppreċedih, ma joħloq l-ebda obbligu ta’ kunfidenzjalità, iżda jillimita ruħu li, fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni miġbura skont is-subparagrafu 1 tiegħu, jirreferi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ f’dan il-qasam. Għalhekk, it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni jinftiehem bħala eċċezzjoni li hija suġġetta għall-intervent ta’ leġiżlazzjoni speċifika. |
41. |
It-tieni nett, ma naħsibx li mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u” għandu jiġi dedott li t-trattament kunfidenzjali jrid jiġi previst kumulattivament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
42. |
Huwa veru li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament jista’ utilment jixxebbah mal-Artikolu 21 ta’ dan tal-aħħar, dwar l-aċċess tal-pubbliku għan-notifiki, li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ spedizzjoni jew ta’ destinazzjoni jistgħu jippubblikaw, permezz ta’ mezzi xierqa bħall-internet, l-informazzjoni dwar in-notifiki ta’ vjeġġ li fir-rigward tagħhom huma jkunu taw il-kunsens tagħhom “meta tali informazzjoni ma tkunx konfidenzjali taħt il-liġi nazzjonali jew [ ( 12 )] tal-Komunità”. Għalhekk huwa ċar li f’dan l-artikolu, permezz tal-użu tal-konġunzjoni “jew”, iż-żewġ fatturi jissemmew bħala alternattivi, għalkemm l-Artikolu 18(4) tar-Regolament juża l-konġunzjoni “u”. |
43. |
Madankollu, mill-perspettiva lingwistika, il-konġunzjoni “u” tista’ tagħti sens kumulattiv jew sens distributtiv u għandha tinqara fil-kuntest li fih hija tintuża ( 13 ). L-Artikolu 19(6) tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart ( 14 ) kien abbozzat b’mod differenti għaliex kien jipprovdi li l-informazzjoni msemmija fis-subparagrafu 1 tiegħu kellha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali “skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament, nikkunsidra li l-konġunzjoni “u” ma għandhiex tinftiehem li timponi rekwiżit doppju. Fl-opinjoni tiegħi huwa biżżejjed li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni, iżda, ovvjament, huwa neċessarju li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tidħol fil-portata tar-riferiment li jsir f’dan l-Artikolu 18(4). |
44. |
Għalhekk, b’mod iktar speċifiku, għandha tiġi eżaminata l-portata tar-riżerva magħmula f’dan l-artikolu għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni. |
45. |
Dan l-eżami għandu jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt għall-kunfidenzjalità ma huwiex ipproklamat bħala regola, iżda, għall-kuntrarju, huwa ddikjarat bħala eċċezzjoni, li għandha għalhekk tkun suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva. |
46. |
Ir-regola ta’ interpretazzjoni li nipproponi li għandha tiġi adottata hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, f’sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza ( 15 ), ikkunsidrat li l-liġi Franċiża kienet ġenerali wisq meta ppermettiet oppożizzjoni għal rifjut minħabba li d-diffużjoni ta’ informazzjoni kienet sejra tippreġudika “b’mod ġenerali, s-siġrieti protetti mil-liġi”. Din teżiġi li jsir ibbilanċjar, f’kull każ partikolari, tal-interess pubbliku protett mill-iżvelar mal-interess protett bir-rifjut ta’ żvelar ( 16 ). |
47. |
Il-kwistjoni tal-portata tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament hija maqsuma f’żewġ domandi. |
48. |
L-ewwel waħda hija dwar jekk id-dispożizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 18(4) tar-Regolament humiex ta’ natura li jirrestrinġu l-obbligu li jissemma l-isem tal-produttur tal-iskart fil-punt 6 tad-dokument li jinsab fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament. |
49. |
It-tieni waħda hija dwar jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġġustifikaw li l-informazzjoni dwar il-produttur, imsemmija fid-dokument li jinsab fl-Anness VII tar-Regolament, ma tkunx ikkommunikata lid-destinatarju tal-iskart. |
1. Fuq l-obbligu tan-negozjant intermedjarju li jimla l-punt 6 tad-dokument li jinsab fl-Anness VII tar-Regolament
50. |
Naħseb li nista’ nikkonstata li, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament, jirriżulta b’mod ċar li s-subparagrafu 4 ta’ dan l-artikolu ma jagħmel l-ebda deroga għall-obbligu previst fis-subparagrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma għandhomx l-istess għan, għaliex waħda minnhom timponi l-għoti ta’ informazzjoni, filwaqt li l-oħra għandha l-għan li tispeċifika l-metodi ta’ trattament. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament jista’ japplika biss jekk l-informazzjoni tkun diġà ssemmiet fid-dokument li jinsab fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament, skont ir-rekwiżiti tas-subparagrafu 1 ta’ dan l-artikolu. |
51. |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem stess tal-Artikolu 18(1) u (4) tar-Regolament. |
52. |
Din tikkorrispondi wkoll għas-sistema ġenerali tad-dispożittiv stabbilit bir-Regolament, li jipprekludi kwalunkwe eċċezzjoni għall-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-produttur jew il-kollettur ta’ skart meta l-persuna li torganizza l-vjeġġ tkun negozjanta. Għalhekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 tal-Anness VII tar-Regolament tipprovdi espressament li meta l-persuna li torganizza l-vjeġġ ma tkunx il-produttur jew il-kollettur, l-informazzjoni dwar il-produttur jew il-kollettur xorta waħda trid tiġi pprovduta. Din il-kjarifika tkun imċaħħda minn kwalunkwe effett jekk l-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament ikollu jiġi interpretat li jawtorizza lin-negozjant intermedjarju biex ma jindikax d-dettalji tal-produttur jew tal-kollettur. Għalhekk, filwaqt li jkopri espressament il-mudell kummerċjali li fuqu huwa bbażat in-negozju ta’ Interseroh, ir-Regolament ma jawtorizza l-ebda deroga f’dan il-każ partikolari. |
53. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għalhekk li jiġi dedott li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament ma jawtorizza l-ebda deroga għall-obbligu, previst fl-Artikolu 18(1)(a) ta’ dan ir-regolament, tal-persuna li torganizza l-vjeġġ biex tiżgura li l-iskart ikun akkumpanjat mid-dokument li jinsab fl-Anness VII tal-imsemmi regolament. |
54. |
Għaldaqstant nikkunsdra li negozjant, bħalma huwa Interseroh fil-każ preżenti, ma jistax jonqos milli jindika, fil-punt 6 ta’ dan id-dokument, l-isem u d-dettalji tal-produttur jew tal-kollettur ta’ skart, b’mod partikolari, abbażi tal-pretest li l-istess informazzjoni tinstab fuq dokumenti oħra, bħalma huma d-dokumenti ta’ kunsinna jew ta’ użin. |
55. |
Għalhekk, għadu jrid jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 18(4) tar-Regolament huwiex bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li, għalkemm ma jeżentawx lill-persuna li torganizza l-vjeġġ mill-obbligu li timla l-punt 6 tal-imsemmi dokument, jillimitaw l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni lid-destinatarju tal-iskart speċjalment minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ provvista. |
2. Fuq l-obbligu li l-identità tal-produttur jew il-kollettur tal-iskart tiġi kkomunikata lid-destinatarju tal-iskart
56. |
Ma jidhirlix li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament jista’ jiġi interpretat la skont il-qari restrittiv magħmul mill-Gvern Belġjan, Awstrijak u Portugiż, u lanqas skont l-approċċ estensiv li tipproponi Interseroh. Naħseb li għandha tintuża l-interpretazzjoni medjana ssuġġerita mill-Kummissjoni, għar-raġunijiet li ġejjin. |
57. |
Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tidher li tirreferi prinċipalment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu lill-Istati Membri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni fi kwistjonijiet ambjentali, ipprovdut bid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003 ( 17 ). |
58. |
Din l-interpretazzjoni hija kkoroborata mill-premessa 23 tar-Regolament li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom ikunu marbuta li jiżguraw li, skont il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998, u approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2005/370/KE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Frar 2005 ( 18 ), l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jippubblikaw, b’metodi xierqa, l-informazzjoni dwar in-notifiki ta’ vjeġġ “fejn tali informazzjoni ma tkunx konfidenzjali taħt il-liġi nazzjonali jew Komunitarja”. |
59. |
Id-Direttiva 2003/4/KE li għandha speċifikament l-għan li tagħmel id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kompatibbli ma’ din il-konvenzjoni tipprovdi, fl-Artikolu 4(2) (d) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li talba għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi miċħuda meta l-iżvelar tal-informazzjoni tippreġudika “il-konfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-konfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi int[e]ress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes[s] pubbliku fiż-żamma tal-konfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi”. |
60. |
Mill-approssimazzjoni ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet, bħalma jagħmel il-Gvern Belgjan, Awstrijak u Portugiż, niddeduċi li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament jirreferi għad-dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi. |
61. |
Barra minn hekk, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2011 ( 19 ) li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 u tal-Anness VII tar-Regolament, din hija l-iktar pożizzjoni frekwentement aċċettata mill-awtoritajiet inkarigati mill-Istati Membri bl-implementazzjoni tar-Regolament. |
62. |
Madankollu, nikkunsidra li r-riferiment magħmul minn dan l-artikolu neċessarjament għandu portata iktar wiesgħa. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li s-subparagrafu 4 tal-imsemmi artikolu huwa abbozzat f’termini ġenerali u li dan huwa awtonomu u separat mis-subparagrafu 3 tal-istess artikolu ddedikat għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Naħseb li din il-kunsiderazzjoni doppja, li tibbaża kemm fuq il-kliem tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament kif ukoll fuq il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan dan l-artikolu, hija tali li teskludi kwalunkwe qari eżageratament restrittiv. |
63. |
Għalhekk naħseb li d-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 18(4) tar-Regolament jistgħu japplikaw għall-persuni kollha li jistgħu jkollhom l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mhux biss għall-awtoritajiet ta’ spedizzjoni jew ta’ destinazzjoni, iżda wkoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha involuti fil-vjeġġ ta’ skart. |
64. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament japplika għall-persuni involuti fil-vjeġġ esklużivament fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi u mhux fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tawtorizza lil negozjant li jaħbi l-informazzjoni mid-destinatarju tal-iskart. Żewġ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet jimmilitaw f’dan is-sens. |
65. |
L-ewwel waħda hija bbażata fuq is-sistema ġenerali tar-Regolament, li bosta mid-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru li huma, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-possibbiltà tan-negozjant li jaħbi mid-destinatarju l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-produttur. |
66. |
Ir-Regolament jipprovdi għall-użu ta’ dokument uniku, li l-kontenut tiegħu huwa ddeterminat fl-Anness VII tiegħu, u ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni alternattiva li tawtorizza l-użu ta’ żewġ formoli separati, waħda intiża għall-awtorità ta’ kontroll u l-oħra għad-destinatarju ( 20 ), jew ta’ kodiċi li jista’ jiġi ddeċifrat biss mill-awtorità ta’ kontroll. F’dan ir-rigward nixtieq nirrileva li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Belġjan, ma jidhirlix li l-Artikolu 26(3) tar-Regolament, li jillimita ruħu li jipprovdi għall-possibbiltà li d-dokument tal-Anness VII tar-Regolament jitħejja f’forma elettronika sakemm dan ikun jista’ jinqara f’kull mument matul it-trasport, b’xi mod jippermetti li tinħeba l-informazzjoni dwar il-produttur tal-iskart. Lanqas ma nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tissostitwixxi ruħha għal-leġiżlatur tal-Unjoni billi tipprovdi, hija stess, mekkaniżmi li jippermettu li ma jseħħx l-iżvelar tal-identità tal-produttur tal-iskart lid-destinatarji tiegħu. |
67. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament jipprovdi li d-dokument li jinsab fl-Anness VII tiegħu għandu jiġi ffirmat mill-impjant ta’ rkupru jew mil-laboratorju u d-destinatarju fil-mument meta jiġi riċevut l-iskart, filwaqt li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament jipprovdi li l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 18(1) tiegħu għandha tinżamm tal-inqas għal tliet snin, li jibdew jgħoddu mill-bidu tal-vjeġġ, b’mod partikolari mid-destinatarju u mill-impjant li jirċievi l-iskart. Bħala firmatarju u depożitarju tad-dokument, id-destinatarju ma għandux jirċievi verżjoni inkompleta. |
68. |
It-tieni sett ta’ kunsiderazzjonijiet jirrigwarda l-effettività tar-Regolament |
69. |
L-ewwel nett, ir-Regolament iqiegħed lill-Istati Membri responsabbli tal-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll li jirrigwardaw il-vjeġġi ta’ skart u jipprovdi li dawn il-miżuri jinkludu l-kontrolli għal għarrieda li jistgħu jsiru mhux biss fil-post ta’ tluq, għand il-produttur, id-detentur jew in-notifikatur, matul il-vjeġġ, iżda wkoll fil-post ta’ destinazzjoni, mad-destinatarju jew l-impjant. Minbarra l-kontroll fiżiku tal-iskart, dawn il-kontrolli jinkludu l-ispezzjoni ta’ dokumenti u l-konferma tal-identità tal-parteċipanti. |
70. |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ destinazzjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu l-kontrolli fil-post tal-wasla tal-iskart. L-effettività ta’ dawn il-kontrolli tippresupponi li, għand id-destinatarju, dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal dokument wieħed, li d-diversi sezzjonijiet ta’ informazzjoni tiegħu jkunu ġew kompletament sodisfatti. |
71. |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament, f’konformità mal-bqija tal-leġiżlazzjoni ambjentali, ipoġġi responsabbiltà speċifika fuq il-produttur tal-iskart, u għalhekk l-identifikazzjoni tiegħu tidher li hija essenzjali. |
72. |
L-Artikolu 49(1) tar-Regolament jipprovdi li l-produttur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex l-iskart kollu li jittrasferixxi jkun amministrat mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u b’mod ekoloġikament razzjonali matul il-perijodu kollu tal-vjeġġ u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-produttur tieqaf biss ġaladarba jitlestew dawn l-operazzjonijiet. |
73. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Interseroh, ir-responsabbiltà ta’ min jorganizza l-vjeġġ ta’ skart ma teskludix dik tal-produttur. Għalkemm, fil-każ ta’ vjeġġ illegali, ir-responsabbiltà għall-irkupru hija primarjament tal-persuna li torganizza l-vjeġġ ( 21 ), xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-Regolament, li jalloka l-obbligu tal-irkupru u l-ispejjeż marbuta miegħu skont mekkaniżmu ta’ katina li jibda mill-persuna notifikata u jispiċċa bl-awtorità kompetenti ta’ spedizzjoni u jgħaddi minn “persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn”, jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-produttur jekk ikun impossibbli li tiġi stabbilita dik tal-organizzatur ( 22 ). Għalhekk, bil-għan li jiġi żgurat li ma jiġi abbandunat l-ebda skart u li jkun hemm kontributur jekk id-detentur attwali tal-iskart ikun insolventi, bħala regola, il-leġiżlazzjoni ambjentali ma teskludix ir-responsabbiltà tal-produttur oriġinali, anki meta dan tal-aħħar ma jkunx għadu fil-pussess tal-iskart ( 23 ). |
74. |
Meta jiġi żvelat vjeġġ illegali li ma huwiex ir-riżultat tal-aġir tad-destinatarju u ma tkunx tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-persuna li organizzat il-vjeġġ, pereżempju għaliex din il-persuna hija insolventi jew għaliex kienet is-suġġett ta’ xoljiment, l-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk ikunu jistgħu jduru lejn id-destinatarju jew lejn l-impjant ta’ rkupru biex isiru jafu bl-identità tal-produttur sabiex, jekk ikun il-każ, tiġi stabbilita r-responsabbiltà tiegħu jew ikun imġiegħel ibati l-ispejjeż tal-introduzzjoni mill-ġdid. |
75. |
Dawn huma r-raġunijiet għaliex għandu jiġi kkonstatat li:
|
C – Fuq it-tieni domanda
76. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha dwar l-effett tad-dritt primarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi indirettament dwar jekk l-obbligu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali hekk kif dawn jirriżultaw minn dan id-dritt u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
77. |
F’dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali jipprekludix l-interpretazzjoni tar-Regolament ippreżentata fil-punt 75 tal-konklużjonijiet preżenti. |
78. |
Din il-kwistjoni teżiġi li jiġi stabbilit jekk id-dritt tal-Unjoni jipproteġix is-sigrieti kummerċjali u, jekk dan ikun il-każ, x’inhuwa l-livell ta’ din il-protezzzjoni. |
79. |
Ir-risposta tista’ tkun li, bħala regola, id-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali huwa protett mid-dritt tal-Unjoni. |
80. |
Dan id-dritt huwa pprovdut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tħares lejh bħala parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba. Skont l-Artikolu 41(2) ta’ din il-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, “id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tiegħu jew tagħha, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi leġittimi tal-konfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u kummerċjali”. L-imsemmi dritt jinsab ukoll fl-Artikolu 339 TFUE li jeżiġi lill-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jiżvelawx l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta mis-segretezza professjonali “partikolarment dwar impriżi, ir-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom jew il-komponenti ta’ l-ispejjeż tagħhom”. |
81. |
Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet diversi drabi għad-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, li hija elevat għal prinċipju ġenerali. |
82. |
Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrilevat li d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kawża kienu jirreferu għal ipoteżijiet speċifiċi, ikkonstatat madankollu li dawn kienu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li japplika matul l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva ( 25 ). Fis-sentenza tagħha tat-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni ( 26 ), hija reġgħet ikkonstatat l-eżistenza ta’ “prinċipju ġenerali tad-dritt tal-impriżi relattiv għall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom” ( 27 ). |
83. |
Peress li l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kienet direttament ikkunsidrata bħala prinċipju ġenerali, ma naħsibx li huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk din għandhiex tiġi protetta bħala parti mid-dritt ta’ proprjetà jew tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika. |
84. |
Fi kwalunkwe każ, dan il-prinċipju ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta, u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jeżistu eċċezzjonijiet bil-kundizzjoni li dawn ikunu ġġustifikati b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan l-għan jintlaħaq. |
85. |
Għalhekk, fis-sentenza Varec, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, intalbet sabiex tibbilanċja d-dritt tal-operaturi li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali tagħhom, mad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 28 ). |
86. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-ibbilanċjar li għandu jsir irid jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha l-għan li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni. Din il-politika hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn, u fuq il-prinċipju li min iniġġeż għandu jħallas. Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 11 TFUE “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli.” |
87. |
Fil-fehma tiegħi, il-fatturi determinanti matul l-ibbilanċjar tal-protezzjoni tal-ambjent u d-dritt għas-sigrieti kummerċjali huma, minn naħa, il-kontribuzzjoni li l-informazzjoni inkwistjoni tagħti lill-protezzjoni tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, il-livell ta’ gravità tal-ksur tas-sigrieti kummerċjali li jirriżulta mill-iżvelar ta’ din l-informazzjoni. |
88. |
L-obbligu tan-negozjant li jiżvela l-identità tal-produttur jikkorrispondi għall-għan ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
89. |
B’mod ġenerali, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill ( 29 ), kemm l-għan tar-Regolament kif ukoll il-kontenut tiegħu jirrigwardaw prinċipalment il-protezzjoni tas-saħħa umana u tal-ambjent kontra l-effetti potenzjalment dannużi tal-vjeġġi transkonfinali ta’ skart ( 30 ). |
90. |
Jekk il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens preċedenti bil-miktub prevista mir-Regolament għall-iskart perikoluż tikkostitwixxi l-istrument tipiku tal-politika tal-ambjent ( 31 ), il-proċedura ta’ informazzjoni prevista għall-iskart li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra xorta waħda tikkorrispondi għal dan l-għan. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “il-fatt li r-regolament [….] japplika wkoll għall-iskart mhux perikoluż u skart destinat li jiġi rkurprat ma jistax irendih kummerċjali u jdgħajjef id-dimensjoni ambjentali tiegħu, u dan peress li n-natura dannuża fuq l-ambjent hija inerenti għan-natura stess tal-iskart ikun x’ikun [ ( 32 )]” ( 33 ). |
91. |
Irrispettivament minn kemm ikun perikoluż, l-iskart ma jistax jitqies merkanzija ordinarja. Dan jiċċirkola biss “taħt libertà sorveljata” ( 34 ), filwaqt li l-moviment tiegħu huwa neċessarjament ostakolat mir-rekwiżiti imperattivi intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent. |
92. |
L-obbligu li tiġi indikata l-informazzjoni fuq id-dokument mogħti lid-destinatarju tal-iskart jidher li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan il-għan. |
93. |
Dan jikkostitwixxi garanzija doppja, ta’ effettività għall-awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ siġurtà għad-destinatarji inkarigati mill-irkupru tal-iskart. |
94. |
L-effettività tal-kontrolli tal-iskart matul it-trasport tiegħu jew mal-wasla tiegħu fil-post ta’ destinazzjoni tippresupponi, fil-fatt, li meta l-awtoritajiet tal-Istat ta’ tranżitu jew ta’ destinazzjoni jikkonsultaw id-dokument li jakkumpanja l-iskart, huma jkollhom għarfien immedjat tal-identità tal-produttur, mingħajr ma jkunu marbuta li jikkuntattjaw il-persuna li torganizza l-vjeġġ u li, skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament, tinsab fl-Istat ta’ spedizzjoni. Hekk kif isostni l-Gvern Belġjan, dan l-element ta’ informazzjoni huwa fattur li jippermetti l-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jsir kontroll fiżiku, li huwa neċessarjament twil u għali peress li dan jeżiġi l-immobilizzazzjoni tal-merkanzija. Għalhekk, il-bżonn li jiġi kkuntattjat in-negozjant sabiex tiġi magħrufa l-identità tal-produttur inaqqas il-veloċità tal-proċeduri ta’ kontroll u għalhekk jagħti lok għal żvantaġġi serji għas-setturi ta’ kummerċ, bħalma huwa t-trasport marittimu, li japplikaw il-prinċipju ta’ “just in time” u joperaw taħt pressjoni kontinwa. |
95. |
Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-iskart li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra jitqies li joħloq perikolu minimu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament għandu l-għan li jipprevjeni r-riskji ta’ evitar tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens preċedenti bil-miktub, prevista għall-iskart perikoluż. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw sorveljanza kontinwa fuq ir-rotot ta’ skart, mill-produzzjoni tiegħu sal-irkupru finali tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw li dan verament jifforma parti mil-lista l-ħadra jew, meta dan ikun il-każ, li dan ma ġiex imħallat ma’ materjal ieħor b’tali mod li l-irkupru tiegħu fir-rispett tal-ambjent jiġi kompromess. |
96. |
Fir-rigward tas-sigurtà tat-trattament, il-Gvern Awstrijak jenfasizza, ġustament, li huwa permezz tal-għarfien tan-natura u tal-kompożizzjoni tal-iskart li d-destinatarju u l-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħu jiżguraw li l-iskart ikun jista’ jiġi ttrattat b’mod ekoloġikament razzjonali. Minnha nnifisha, l-indikazzjoni tal-produttur tal-iskart tista’ tikkostitwixxi prova essenzjali, meta, pereżempju, jiġi stabbilit li l-produttur jipproduċi abitwalment skart perikoluż. Barra minn hekk, jekk l-impjant ta’ rkupru jew l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat ta’ destinazzjoni jikkunsidraw li ma għandhomx biżżejjed informazzjoni, dawn ikunu jistgħu jitolbu dettalji addizzjonali lill-produttur. |
97. |
Għalhekk l-għarfien tal-identità tal-produttur jikkostitwixxi informazzjoni neċessarja għad-destinatarju tal-iskart li minnha dan ma għandux jiċċaħħad meta negozjant jintalab jorganizza l-vjeġġ. |
98. |
Naħseb li l-ksur li jista’ jirriżulta għad-dritt għall-protezzjoni tad-data koperta mis-sigriet kummerċjali huwa limitat. |
99. |
Naqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li ssostni li, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin, il-partijiet involuti fl-operazzjoni ta’ trasport jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprovdu għal arranġamenti kuntrattwali sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-użu, mid-destinatarju, tal-informazzjoni dwar l-identità tal-produttur, għal skopijiet li ma humiex previsti mir-Regolament. |
100. |
Barra min hekk nistaqsi dwar ir-realtà u l-gravità tal-ħsara li tista’ tirriżulta għan-negozjanti mill-iżvelar tal-identità tal-produtturi. L-informazzjoni mogħtija matul il-proċedura bil-miktub u waqt is-seduta ma tippermettilix nifhimha b’mod preċiż. |
101. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li s-sistema ta’ informazzjoni adottata mir-Regolament fir-rigward tal-iskart li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra hija proporzjonata. |
102. |
Għalhekk nikkonkludi li mill-eżami tat-tieni domanda ma jirriżulta l-ebda fattur li jista’ jippreġudika l-validità tal-Artikolu 18(1) u (4) tar-Regolament, hekk kif interpretat minni. |
IV – Konklużjoni
103. |
Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi mressqa mill-Verwaltungsgericht Mainz:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 190, p. 1.
( 3 ) ĠU L 140, p. 114, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”.
( 4 ) Regolament dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ ġarr bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 176).
( 5 ) Direttiva dwar is-sorveljanza u l-kontroll ġewwa l-Komunità Ewropea tal-ispedizzjoni ta’ skart perikoluż minn fruntiera għal oħra (ĠU L 30, p. 1).
( 6 ) ĠU L 39, p. 1.
( 7 ) L-iskart kollu intiż għar-rimi huwa suġġett għall-proċedura iktar oneruza ta’ notifika u ta’ kunsens preċedenti bil-miktub, prevista fil-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament.
( 8 ) Gesetz zur Ausführung der Verordnung (EG) Nr. 1013/2006 des Europäischen Parlaments und des Rates vom 14. Juni 2006 über die Verbringung von Abfällen und des Basler Übereinkommens vom 22. März 1989 über die Kontrolle der grenzüberschreitenden Verbringung gefährlicher Abfälle und ihrer Entsorgung
( 9 ) BGBl. 2007 I, p. 1462.
( 10 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme (C-316/09, Ġabra p. I-3249, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, il-verb huwa fil-plural filwaqt li s-suġġett huwa fis-singular. L-espressjoni bil-lingwa Ingliża hija dik segwenti: “where this is required by Community and national legislation”.
( 12 ) Enfasizzata minni.
( 13 ) Għal evalwazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tas-sens li għandu jingħata għall-użu tal-konġunzjoni “jew”, ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 83).
( 14 ) Proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2003 [COM(2003) 379 finali].
( 15 ) C-233/00, Ġabra p. I-6625.
( 16 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C-266/09, Ġabra p. I-13119).
( 17 ) Direttiva dwar l-aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva 90/313/KEE tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).
( 18 ) ĠU L 124, p. 1.
( 19 ) Rapport disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni bil-lingwa Ingliża: Assessment and guidance for the implemention of EU waste legislation in Member States. Fil-paġna 23 ta’ dan ir-rapport hemm indikat:
“In the majority of cases ‘confidentiality’ pursuant to Article 18(4) is interpreted as compliant with data protection law requirements throughout data management by [Competent Authorities].
Ireland is the only Member State which interprets the legislation in a way that ‘persons who arrange the shipment’ (box 1) may omit the information on consignee and recovery facility by referring to the exporter. Box 2 and 7 in this case will be filled with ‘Confidential - please refer to box 1’.”
( 20 ) Fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, l-awtorità Slovena biss iddikjarat li taċċetta l-użu ta’ żewġ formoli [“Slovenia declares that it can also accept if there are two Annex VII documents for the same shipment. In the first could be the data about the producer and in the second the data about recovery, so that you can get all required data” (p. 25)].
( 21 ) Ara l-Artikolu 24(9) tar-Regolament.
( 22 ) L-Artikoli 24(9) u 25(4) tar-Regolament ma jeżonerawx in-notifikatur mir-responsabbiltà, peress li dawn jipprovdu biss li l-persuna li torganizza l-vjeġġ hija suġġetta għall-istess obbligi bħal dawk imposti fuqu. Għalhekk, skont id-definizzjoni ġerarkika mogħtija mill-Artikolu 2(15)(a) ta’ dan ir-regolament, in-notifikatur huwa l-ewwel nett il-produttur oriġinali [i)].
( 23 ) L-Artikoli 24(10) u 25(5) tar-Regolament huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali dwar ir-responsabbiltà. Madankollu, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3) jipprovdi li l-produttur oriġinali jew id-detentur jibqgħu responsabbli għall-operazzjoni kollha ta’ rkupru jew ta’ rimi, anki jekk l-iskart jiġi ttrasferit lil persuni oħra għat-trattament preliminari. Barra minn hekk, bla ħsara għar-Regolament, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà u jiddeċiedu f’liema każijiet il-produttur oriġinali għandu jkun responsabbli għall-katina kollha tat-trattament jew f’liema każijiet ir-responsabbiltà tal-produttur u d-detentur tista’ tinqasam jew iddelegata fost il-persuni involuti fil-katina tat-trattament.
( 24 ) 53/85, Ġabra p. 1965.
( 25 ) Punt 28.
( 26 ) C-36/92 P, Ġabra p. I-1911.
( 27 ) Punti 36 u 37. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra, p. I-581, punt 49).
( 28 ) Punti 51 u 52.
( 29 ) C-411/06, Ġabra p. I-7585.
( 30 ) Punt 62.
( 31 ) Punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 32 ) Enfasizzata minni.
( 33 ) Sentenza, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara J. Gillardin, “Les déchets: des marchandises en liberté surveillée”, L’entreprise et la gestion des déchets, Bruylant, Brusell, 1993, p. 63.