9.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d'État — Franza) — Etablissement national des produits de l'agriculture et de la mer (FranceAgriMer) vs Société Vinifrance SA

(Kawża C-670/11) (1)

(Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni - Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Artikoli 4 u 5 - Sanzjoni amministrattiva - Miżura amministrattiva - Regolament (KEE) Nru 822/87 - Għajnuna għall-ħażna ta’ meraq tal-għeneb ikkonċentrat - Oriġini Komunitarja - Regolament (KEE) Nru 1059/83 - Kuntratt ta’ ħażna fit-tul - Artikolu 2(2) - Artikolu 17(1)(b) - Tnaqqis tal-għajnuna skont il-gravità tal-ksur)

2013/C 38/10

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Etablissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

Konvenuta: Société Vinifrance SA

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d’État — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2) u 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1059/83, tad-29 ta’ April 1983, dwar il-kuntratti tal-ħażna tal-inbid tal-mejda, meraq tal-għeneb, meraq tal-għeneb ikkonċentrat u meraq tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat (ĠU L 116, p. 77), tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87, tas-16 ta’ Marzu 1987, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 84, p. 1) kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) — Għajnuna Komunitarja għall-ħażna ta’ meraq tal-għeneb ikkonċentrat inkambju għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ħażna mal-organizzazzjoni nazzjonali ta’ intervent — Akkwist mill-produttur tal-meraq tal-għeneb minn kumpannija fittizja jew ineżistenti — Kunċett ta “proprjetarju” fis-sens tar-regolament — Regolament li jistabbilixxi dispożittiv ta’ għajnuna tal-Unjoni, iżda mingħajr ma jipprovdi sistema ta’ miżuri u sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament — Stabbiliment ta’ din is-sistema fil-preżenza ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Dispożittiv

(1)

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil kawża prinċipali, fejn l-ineżistenza tal-kumpannija li allegatament biegħet il-meraq tal-għeneb għandha bħala konsegwenza li l-oriġini Komunitarja ta’ dan tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-produttur li jkun akkwista l-imsemmi meraq tal-għeneb mingħand din il-kumpannija ma jistax, fi kwalunkwe każ, jibbenefika minn għajnuna għall-ħażna skont skont ir-Regolament tal Kunsill (KEE) Nru 822/87, tas-16 ta’ Marzu 1987, dwar l organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, kif emendat bir Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2253/88, tad-19 ta’ Lulju 1988.

(2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

L-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1059/83, tad-29 ta’ April 1983, dwar il-kuntratti ta’ ħażna tal-inbid tal-mejda, tal-meraq tal-għeneb, tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat u tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2646/1999, tal-15 ta’ Diċembru 1999, ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-finijiet li jiġi ssanzjonat ksur mill produttur tal-obbligu, ipprovdut mir-Regolament Nru 822/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2253/88, li jipprovdi li l-meraq tal-għeneb li jistgħu jintitolaw għall-għajnuna ta’ ħażna għandhom ikunu ta’ oriġini Komunitarja;

fl-assenza, kemm fil-leġiżlazzjoni settorjali kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni, l-irregolaritajiet inkwistjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ “sanzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, u

l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw miżura amministrattiva, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li jeżiġi r-rimbors tal-għajnuna kollha mħallsa indebitament, sakemm jiġi stabbilit, fatt li huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li ż-żewġ kuntratti ta’ ħażna inkwistjoni fil-kawża prinċipali kull wieħed jirrigwarda, parzjalment jew totalment, il-meraq tal-għeneb ma jistgħux jitqiesu bħala li huma ta’ oriġini Komunitarja u li kienu tħalltu, fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u ta’ ħażna, mal-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja.


(1)  ĠU C 89, 24.03.2012.