9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Settembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale per la Toscana — l-Italja) — Daniele Biasci et vs Ministero dell’Interno, Questura di Livorno

(Kawżi magħquda C-660/11 u C-8/12) (1)

(Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikoli 43 KE u 49 KE - Logħob tal-ażżard - Ġbir ta’ mħatri - Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni - Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija kif ukoll ta’ liċenzja - Leġizlazzjoni nazzjonali - Distanzi minimi obbligatorji bejn il-postijiet fejn isir il-ġbir ta’ mħatri - Attivitajiet transkonfinali li jistgħu jitqiesu li huma simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja - Projbizzjoni - Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-ażżard)

2013/C 325/07

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per la Toscana

Partijiet fil-kawża prinċipali

 

(Kawża C-660/11)

Rikorrenti: Daniele Biasci, Alessandro Pasquini, Andrea Milianti, Gabriele Maggini, Elena Secenti, Gabriele Livi

Konvenuti: Ministero dell’Interno, Questura di Livorno

fil-preżenza ta’: SNAI — Sindacato Nazionale Agenzie Ippiche SpA

 

(Kawża C-8/12)

Rikorrenti: Cristian Rainone, Orentino Viviani, Miriam Befani

Konvenuti: Ministero dell’Interno, Questura di Prato, Questura di Firenze

fil-preżenza ta’: SNAI — Sindacato Nazionale Agenzie Ippiche SpA, Stanley International Betting Ltd, Stanleybet Malta ltd.

Suġġett

Talbiet għal deċiżjoni preliminari — Tribunale Amministrativo Regionale per la Toscana — Moviment liberu tal-persuni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attività ta’ ġbir ta’ mħatri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni u ta’ permess ta’ sigurtà pubblika maħruġa mill-amministrazzjoni nazzjonali — Nuqqas ta’ rikonoxximent tal-awtorizzazzjonijiet u permessi maħruġa mill-amministrazzjonijiet barranin — Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 u 49 KE (li saru l-Artikoli 49 u 56 TFUE)

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq il-kumpanniji li jkunu jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard, l-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni tal-pulizija, minbarra liċenzja maħruġa mill-Istat bil-għan li jiġu eżerċitati tali attivitajiet, u li tillimita l-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni b’mod partikolari għall-applikanti li jkollhom diġà din il-liċenzja.

(2)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ikun eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi, b’mod partikolari, distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, kundizzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-fatt tipprojbixxi kull attività transkonfinali fis-settur tal-logħob, indipendentement mill-forma li taħtha din l-attività hija eżerċitata u, b’mod partikolari, fil-każ fejn ikun hemm kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, u fejn l-intermedjarji tal-impriża li jkunu preżenti fit-territorju nazzjonali jkunu jistgħu jiġu sottomessi għal kontroll fiżiku mill-pulizija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 23(3) tal-imsemmi abbozz tal-ftehim.

(3)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix lil Stat Membru ieħor milli jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.


(1)  ĠU C 73, 10.3.2012.