|
9.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 325/3 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’Awla) tat-12 ta’ Settembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Gießen — il-Ġermanja) — Kostas Konstantinides
(Kawża C-475/11) (1)
(Libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi - Fornitur li jmur fi Stat Membri ieħor sabiex jipprovdi s-servizz - Applikabbiltà tar-regoli ta’ etika tal-Istat Membru ospitanti u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-onorarji u r-reklamar)
2013/C 325/04
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Gießen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Kostas Konstantinides
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hessischer Verwaltungsgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) u tal-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22) — Libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi — Sitwazzjoni fejn il-fornitur imur fi Stat Membru ieħor sabiex jipprovdi s-servizz — Applikabbiltà tar-regoli deontoloġiċi tal-Istat Membru ospitanti u b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw il-miżati u r-reklamar
Dispożittiv
|
(1) |
L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali, bħala dawk li jinsabu, minn naħa, fl-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hess, li jipprovdi li l-onorarji għandhom ikunu xierqa u, taħt riżerva ta’ dispożizzjonijiet legali kuntrarji, ikkalkolati abbażi tal-klassifikazzjoni tariffarja uffiċjali tal-atti mediċi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 27(3) ta’ dan il-kodiċi, li jipprojbixxi lit-tobba milli jwettqu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, ma jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiva tagħha. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea, jekk l-imsemmija regoli jikkostitwixxux restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE u, fl-affermattiv, jekk għandhomx għan ta’ interess ġenerali, humiex adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tiegħu u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit. |
|
(2) |
L-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippromulgax la r-regoli ta’ kondotta u lanqas il-proċeduri dixxiplinarji li għalihom fornitur li jmur lejn it-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu jista’ jiġi suġġett, iżda jipprovdi biss li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu jew iskrizzjoni temporanja li tintervjeni awtomatikament, inkella adeżjoni pro forma għal organizzazzjoni professjonali jew għal korp professjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dixxiplinarji, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva. |