12.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/16


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Symvoulio tis Epikrateias — il-Greċja) — Techniko Epimelitirio Ellados et vs Ypourgos Esoterikon, Dimosisias Dioikisis kai Apokentrosis, Ypourgos Metaforon kai Epikoinonias, Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon

(Kawża C-271/11) (1)

(Trasport bl-ajru - Regolament Nru 2042/2003 - Regoli tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili - Adegwatezza għall-avjazzjoni kontinwata ta’ inġenji tal-ajru - Approvazzjoni tal-membri tal-persunal involut fix-xogħol ta’ spezzjoni - Kwalifiki mitluba)

2013/C 9/25

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Techniko Epimelitirio Elladas (TEE), Syllogos Ellinon Diplomatouchon aeronafpigon michanikon (SEA), Alexandros Tsiapas, Antonios Oikonomopoulos, Apostolos Batategas, Vasileios Kouloukis, Georgios Oikonomopoulos, Hlias Hliadis, Ionnis Tertigkas, Panellinios Syllogos Aerolimenikon Ypiresias Politikis Aeroporias, Eleni Theodoridou, Ioannis Karnesiotis, Alexandra Efthimiou, Eleni Saatsaki

Konvenuti: Ypourgos Esoterikon, Dimosias Dioikisis kai Apokentrosis, Ypourgos Metaforon kai Epikoinonion kai, Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Symvoulio tis Epikrateias — Interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003, tal-20 ta’ Novembru 2003, dwar il-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru (l-adegwatezza għall-avjazzjoni kontinwata) ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 541) — Kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tqassam il-kompiti ta’ spezzjoni tal-inġenji tal-ajru bejn erba’ kategoriji differenti ta’ spetturi (spetturi tal-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-ajruplan, spetturi tal-operazzjonijiet tat-titjira, spetturi tas-sigurtà fil-kabini tal-passiġġieri, spetturi tad-diplomi u liċenzji)

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 2 u d-dispożizzjoni M.B.902 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003, tal-20 ta’ Novembru 2003, dwar il-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru (l-adegwatezza għall-avjazzjoni kontinwata) ta’ inġenji ta’ l-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, waqt l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-regolament, li jqassmu, fi ħdan l-awtorità kompetenti prevista mid-dispożizzjoni M.B.902, l-attivitajiet ta’ spezzjoni tal-adegwatezza għall-avjazzjoni lil diversi kategoriji speċjalizzati ta’ spetturi.

(2)

Id-dispożizzjoni M.B.902(b)(1) tal-Anness I tar-Regolament Nru 2042/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li kull persuna li tingħata l-kompitu li tispezzjona, taħt kwalunkwe aspett, l-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-inġenji tal-ajru għandu jkollha esperjenza ta’ ħames snin li tkopri l-aspetti kollha intiżi sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza għall-avjazzjoni kontinwata tal-inġenji tal-ajru, u dawn l-aspetti biss.

(3)

Id-dispożizzjoni M.B.902(b)(1) tal-Anness I tar-Regolament Nru 2042/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom inkisbet l-esperjenza ta’ mill-inqas ħames snin fil-qasam tal-adegwatezza għall-avjazzjoni kontinwata li għandu jkollu l-persunal responsabbli għall-eżami tal-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-inġenji tal-ajru. B’mod partikolari, huma jistgħu jagħżlu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba fil-kuntest ta’ impjieg fil-qasam tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, li jirrikonoxxu dik miksuba fil-kuntest ta’ traineeship fil-kamp professjonali waqt l-istudji fl-ajrunawtika jew inkella dik marbuta mal-eżerċizzju preċedenti ta’ funzjonijiet ta’ spettur tal-adegwatezza għall-avjazzjoni.

(4)

Id-dispożizzjoni M.B.902(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 2042/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tistabbilixxi l-ebda differenza bejn dawk li għandhom liċenzja ta’ manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, fis-sens tal-Anness III tal-imsemmi regolament, intitolat “Parti 66”, u dawk li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla.

(5)

Id-dispożizzjoni M.B.902(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 2042/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss il-persuni li segwew it-tagħlim u t-taħriġ kollu mitlub minn din id-dispożizzjoni qabel ma daħlu fil-funzjonijiet tagħhom u li jkunu ġew suġġetti għal eżami tal-konoxxenzi u tal-kompetenzi tagħhom wara dawn il-programmi ta’ taħriġ li jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ spettur tal-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-inġenji tal-ajru.

(6)

Id-dispożizzjoni M.B.902(b)(4) tal-Anness I tar-Regolament Nru 2042/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss il-persuni li qabel kienu jokkupaw pożizzjoni b’responsabbiltajiet xierqa, li turi kemm il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-kontrolli tekniċi meħtieġa kif ukoll li jeżaminaw jekk ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli jippermettux il-ħruġ ta’ dokumenti li jiċċertifikaw l-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-inġenju tal-ajru spezzjonat li jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ spettur tal-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-inġenji tal-ajru.

(7)

Ir-Regolament Nru 2042/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jipprovdu li l-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, kienu jeżerċitaw funzjonijiet ta’ spezzjoni tal-adegwatezza għall-avjazzjoni tal-inġenji tal-ajru, ikomplu jeżerċitaw tali funzjonijiet awtomatikament u mingħajr proċedura ta’ selezzjoni.


(1)  ĠU C 232, 6.8.2011