|
28.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 126/3 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Marzu 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal administratif de Rennes — Franza) — Martial Huet vs Université de Bretagne Occidentale
(Kawża C-251/11) (1)
(Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Ftehim qafas ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien determinat - Klawżola 5(1) - Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat - Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ tali kuntratti - Trasformazzjoni tal-aħħar kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat - Obbligu li jiġu riprodotti b’mod identiku l-klawżoli prinċipali tal-aħħar kuntratt għal żmien determinat)
2012/C 126/04
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal administratif de Rennes
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Martial Huet
Konvenuta: Université de Bretagne Occidentale
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal administratif de Rennes — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) — Kuntratti suċċessivi għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Obbligu li jiġu riprodotti b’mod identiku l-klawżoli prinċipali inklużi fl-aħħar kuntratt għal żmien determinat fil-każ ta’ bidla f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ projbizzjoni ta’ nuqqas tal-livell ta’ protezzjoni preċedenti
Dispożittiv
Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru, li jipprovdi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat fil-każ fejn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu laħqu tul partikolari, ma huwiex marbut jimponi, fil-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ir-riproduzzjoni identika tal-klawżoli prinċipali inklużi fil-kuntratti preċedenti. Madankollu, sabiex ma jippreġudikax l-għanijiet imħaddna mid-Direttiva 1999/70 u l-effett utli tagħha, dan l-Istat Membru għandu jiżgura li t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma tinkludix modifiki sostanzjali tal-klawżoli tal-kuntratt preċedenti li, b’mod ġenerali, ikunu sfavorevoli għall-persuna kkonċernata meta l-għan tal-missjoni tagħha u n-natura tal-funzjonijiet tagħha jibqgħu l-istess.