27.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Settembru 2012 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht — il-Ġermanja) — Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Y (C-71/11), Z (C-99/11)

(Kawżi magħquda C-71/11 u C-99/11) (1)

(Direttiva 2004/83/KE - Livelli stabbiliti minimi għall-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja - Artikolu 2(ċ) - Kwalità ta’ “refuġjat” - Artikolu 9(1) - Kunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni” - Artikolu 10(1)(b) - Reliġjon bħala raġuni tal-persekuzzjoni - Konnessjoni bejn din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni u l-atti ta’ persekuzzjoni - Ċittadini Pakistani membri tal-komunità reliġjuża Ahmadiyya - Atti tal-awtoritajiet Pakistani intiżi sabiex jipprojbixxu d-dritt ta’ manifestazzjoni tar-reliġjon fil-pubbliku - Atti serji biżżejjed sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tibża’ b’mod fondat li tiġi esposta għal persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tagħha - Evalwazzjoni individwali tal-fatti u ċ-ċirkustanzi - Artikolu 4)

(2012/C 331/08)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qrati tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ġermanja

Konvenuti: Y (C-71/11), Z (C-99/11)

fil-preżenza ta’: Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht, Bundesbeauftragter für Asylangelegenheiten beim Bundesamt für Migration und Flüchtlinge

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesverwaltungsgericht — Interpretazzjoni tal Artikoli 2(ċ) u 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) — Kundizzjonijiet sabiex wieħed jitqies li huwa refuġjat — Natura suffiċjentement serja ta’ att ta’ persekuzzjoni — Atti mill-awtoritajiet Pakistani intiżi li jillimitaw l-attività tal-komunità reliġjuża Ahmadiyya

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kull interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ din id-direttiva;

l-eżistenza ta’ att ta’ persekuzzjoni tista’ tirriżulta minn interferenza għall-manifestazzjoni esterna tal-imsemmija libertà, u

sabiex jiġi evalwat jekk interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, jekk din, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tinsabx f’riskju reali b’mod partikolari li tkun imfittxa jew tkun suġġetta għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83.

(2)

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat huwa fondat ladarba l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, iqisu li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li, mar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa se jwettaq atti reliġjużi li se jesponuh għal riskju reali ta’ persekuzzjoni. Matul l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat, l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li l-applikant jirrinunzja għal dawn l-atti reliġjużi.


(1)  ĠU C 130, 30.4.2011.

ĠU C 173, 11.6.2011.