12.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) — Ir-Renju Unit) — Test Claimants in the FII Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue, The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(Kawża C-35/11) (1)

(Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE - Tqassim ta’ dividendi - Taxxa fuq il-kumpanniji - Kawża C-446/04 - Test Claimants in the FII Group Litigation - Interpretazzjoni tas-sentenza - Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika - Ekwivalenza tal-metodi ta’ eżenzjoni u ta’ imputazzjoni - Kunċetti ta’ “rati ta” tassazzjoni u ta’ “livelli ta’ tassazzjoni differenti” - Dividendi li ġejjin minn pajjiż terz)

2013/C 9/13

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Test Claimants in the FII Group Litigation

Konvenuti: Commissioners of Inland Revenue, The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Justice (Chancery Division) — Interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 63 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-446/04, tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation — Kunċetti ta’“rata ta’ tassazzjoni” u tal-“livelli ta’ tassazzjoni differenti” — Rati ta’ tassazzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-identiċità tal-livelli ta’ tassazzjoni għad-dividendi li għandhom oriġini nazzjonali u dawk barranin

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika l-metodu ta’ eżenzjoni għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u l-metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija, jekk jiġi stabbilit, minn naħa, li l-kreditu ta’ taxxa li jibbenefikaw minnu l-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi fil-kuntest tal-metodu ta’ imputazzjoni huwa daqs l-ammont ta’ taxxa effettivament imħallas fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma u, min-naħa l-oħra, li l-livell ta’ tassazzjoni effettiv tal-profitti tal-kumpanniji fl-Istat Membru kkonċernat huwa ġeneralment inqas mir-rata ta’ taxxa nominali prevista.

(2)

Ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għar-raba’ domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04) jgħoddu wkoll meta:

it-taxxa fuq il-kumpanniji barranin imposta fuq il-profitti li jservu ta’ bażi għad-dividendi mqassma ma tħallsitx jew ma tħallsitx kompletament mill-kumpannija mhux residenti li tagħti l-imsemmija dividendi lill-kumpannija residenti, iżda tħallset mis-sussidjarja diretta jew indiretta ta’ din tal-aħħar residenti fi Stat Membru;

it-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji ma tħallsitx mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi ta’ kumpannija mhux residenti, iżda tħallset mill-kumpannija parent tagħha residenti fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp.

(3)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija parent residenti fi Stat Membru li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellha, bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, tħallas it-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji fuq il-parti tal-profitti li ġejjin mid-dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tippreżenta kawża għal rimbors ta’ din it-taxxa indebitament miġbura sa fejn din tal-aħħar tisboq l-ammont massimu tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-Istat Membru inkwistjoni kellu dritt li jiġbor sabiex jikkumpensa r-rata ta’ taxxa nominali inferjuri imposta fuq il-benefiċċji li jservu ta’ bażi għad-dividendi ta’ oriġini barranin meta mqabbla mar-rata ta’ taxxa nominali applikabbli għall-profitti tal-kumpannija parent residenti.

(4)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija residenti fi Stat Membru u li għandha sehem fi kumpannija residenti fi pajjiż terz li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar u jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha tista’ tuża l-Artikolu 63 TFUE sabiex tqiegħed inkwistjoni il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru dwar it-trattament fiskali ta’ dividendi li joriġinaw mill-imsemmi pajjiż terz, li ma tapplikax esklussivament għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċisiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi

(5)

Ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax meta s-sussidjarji, stabbiliti fi Stati Membri oħra li fir-rigward tagħhom l-ebda trasferiment tat-taxxa antiċipata fuq il-kumpanniji ma seta’ jitwettaq, ma humiex intaxxati fl-Istat Membru tal-kumpannija parent.


(1)  ĠU C 103, 2.4.2011