18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/48


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2010 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-474/10)

()

2010/C 346/93

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tad-DIGIT li: (a) tintgħażel l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b’risposta għas-sejħa għal offerti miftuħa DIGIT/R2/PO/2009/45 “Provvista ta’ servizzi esterni għall-iżvilupp, l-istudju u s-sostenn ta’ sistemi ta’ informazzjoni” (ĠU 2009/S 198-283663), għal-lott 1A, bħala t-tieni kuntrattur fil-mekkaniżmu ta’ kaskata, (b) tintgħażel l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata b’risposta għas-sejħa għal offerti miftuħa msemmija hawn fuq għal-lott 1B, bħala t-tielet kuntrattur fil-mekkaniżmu ta’ kaskata, (c) tintgħażel l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata b’risposta għas-sejħa għal offerti miftuħa msemmija hawn fuq għal-lott 1C, bħala t-tieni kuntrattur fil-mekkaniżmu ta’ kaskata, (d) tintgħażel l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata b’risposta għas-sejħa għal offerti msemmija hawn fuq għal-lott 3 bħala t-tielet kuntrattur fil-mekkaniżmu ta’ kaskata, minflok bħala l-ewwel kuntrattur għal-lottijiet kollha, kif ġie kkomunikat lir-rikorrenti permezz ta’ erba’ ittri separati (waħda għal kull lott) tas-16 ta’ Lulju 2010 u d-deċiżjonijiet kollha relatati tad-DIGIT inklużi dawk li l-kuntratti rispettivi jingħataw lill-ewwel u lit-tieni kuntratturi fil-kaskata;

tikkundanna lid-DIGIT tħallas id-danni tar-rikorrenti sostnuti minħabba l-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni għal ammont ta’ EUR 242 000 000 (EUR 122 000 000 għal-lott 1A, EUR 40 000 000 għal-lott 1B, EUR 30 000 000 għal-lott 1C u EUR 50 000 000 għal-lott 3) u l-ammont ta’ EUR 24 200 000 għad-danni minħabba t-telf ta’ opportunità u l-ħsara għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tagħha; u

tordna lid-DIGIT tħallas l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti sostnuti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F’dan il-każ ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta tas-16 ta’ Lulju 2010 li tintgħażel l-offerta tagħha fil-kuntest tas-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2009/45 “Provvista ta’ servizzi esterni għall-iżvilupp, l-istudju u s-sostenn ta’ sistemi ta’ informazzjoni” (1), għal-lottijiet 1A, 1B, 1C u 3, bħala t-tieni jew it-tielet kuntrattur fil-mekkaniżmu ta’ kaskata, minflok bħala l-ewwel kuntrattur u d-deċiżjonijiet kollha relatati tad-DIGIT, inklużi dawk li l-kuntratti rispettivi jingħataw lill-ewwel u lit-tieni kuntratturi fil-kaskata. Il-rikorrenti titlob ukoll kumpens għad-danni allegati minħabba l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju (2) u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza kif ukoll l-Artikoli 106 u 107 tar-regolament finanzjarju, peress li diversi membri tal-konsorzju rebbieħ ma ssodisfawx il-kriterji ta’ esklużjoni peress li dawn kellhom jinstabu li huma fi ksur serju ta’ kuntratti preċedenti, u membru tal-konsorzju rebbieħ kien involut fi frodi, f’korruzzjoni u f’tixħim, filwaqt li diversi membri tal-konsorzju rebbieħ jużaw sottokuntratturi mhux ibbażati f’pajjiżi tal-WTO/GPA.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ trattament ugwali kif ukoll l-Artikoli 89 u 98 tar-regolament finanzjarju u l-Artikolu 145 tar-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu kienu inkisru, peress li kien hemm kunflitt ta’ interess f’diversi evalwaturi.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li kriterji vagi u irregolari għall-għoti ntużaw matul l-evalwazzjoni u għaldaqstant inkiser l-Artikolu 97 tar-regolament finanzjarju u l-Artikolu 138 tar-regoli ta’ implementazzjoni.

Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti naqset milli tiżvela l-merti relattivi tal-offerent magħżul u kkommettiet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta evalwat l-offerta tiegħu kif ukoll l-offerta li tal-konsorzji rebbieħa. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-awtorità kontraenti użat wkoll kummenti vagi u mhux sostanzjati fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha.


(1)  ĠU 2009/S 198-283633

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)