18.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 346/45 |
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2010 — Client Earth and Others vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-449/10)
()
2010/C 346/90
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit), Transport & Environment (Brussell, il-Belġju), European Environmental Bureau (Brussell, il-Belġju) u BirdLife International (Cambridge, ir-Renju Unit) (rappreżentant: S. Hockman, QC)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-partijiet rikorrenti
— |
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-20 ta’ Lulju 2010, it-tweġiba negattiva statutorja taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), li permezz tagħha l-Kummissjoni żammet mir-rikorrenti ċerti dokumenti li fihom informazzjoni ambjentali; |
— |
tordna lill-Kummissjoni tipprovdi aċċess għad-dokumenti kollha mitluba identifikati matul l-eżami tagħha tal-applikazzjoni tat-2 ta’ April 2010 u fl-applikazzjoni konfermatorja tat-8 ta’ Ġunju 2010 sakemm dawn ma humiex protetti b’eċċezzjoni assoluta fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr dewmien jew modifiki; u |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ta’ kull intervenjent. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-aċċess għal ċerti dokumenti li fihom informazzjoni ambjentali dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ bijokarburanti hekk kif stabbiliti jew fil-pussess tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapport previst fl-Artikolu 19(6) tad-Direttiva 2009/28/KE (2).
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jippreżentaw is-segwenti motivi:
|
L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7(3) u 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi naqset milli tipprovdi raġunijiet dettaljati biex titlob l-estensjonijiet hekk kif ingħataw fis-27 ta’ April 2010 u fid-29 ta’ Ġunju 2010. |
|
It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7(1) u 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi naqset milli tipprovdi raġunijiet dettaljati sabiex iżżomm kull dokument. Fl-20 ta’ Lulju 2010, data tal-iskadenza tat-terminu mogħti fir-Regolament, il-Kummissjoni naqset milli tiżvela d-dokumenti mitluba u ma pprovdietx raġunijiet iddettaljati dwar iż-żamma tagħhom kif inhu meħtieġ skont ir-Regolament u skont il-ġurisprudenza. |
|
It-tielet nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-konvenuta kisret l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi naqset milli twettaq stħarriġ konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument. Sal-20 ta’ Lulju 2010, data tal-iskadenza tat-terminu pprovdut mir-Regolament, il-Kummissjoni naqset milli twettaq, jew tippubblika, stħarriġ konkret u individwali u milli tiddetermina jekk id-dokumenti jew parti minnhom jaqgħux taħt eċċezzjoni għar-regola ġenerali li d-dokumenti kollha għandhom jiġu reżi aċċessibbli. |
|
Ir-raba’ nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2010 u bi ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 (3) billi naqset milli tissodisfa obbligi legali matul il-proċedura amministrattiva maqsuma f’żewġ stadji. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tiżvela d-dokumenti jew milli tagħti eċċezzjonijiet sabiex tiġġustifika ż-żamma tagħhom. |
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
(2) Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16).
(3) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).