5.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/46


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ April 2010 — Confederación de Cooperativas Agrarias de España u CEPES vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-156/10)

2010/C 148/75

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Confederación de Cooperativas Agrarias de España (Madrid, Spanja), Confederación Empresarial Española de la Economía Social (CEPES) (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: M. Araujo Boyd, avukat u M. Muñoz de Juan, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa’ l-motivi għal annullament imqajma f’dan ir-rikors;

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Diċembru 2009 (għajnuna C 22/2001), dwar il-miżuri ta’ għajnuna li Spanja implementat fis-settur agrikolu wara li għolew il-prezzijiet tal-karburanti. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li wħud mill-miżuri favur is-settur agrikolu, previsti mir-Real Decreto-Ley 10/2000, tas-6 ta’ Ottubru, dwar miżuri urġenti ta’ għajnuna għas-setturi tal-agrikultura, tas-sajd u tat-trasport (1), jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni u tordna l-irkupru tagħhom.

Il-miżuri ċċitati iktar ’il fuq kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Novembru 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), li tikkonstata li “il-miżuri ta’ għajnuna lill-kooperattivi agrikoli previsti mir-Real Decreto-Ley 10/2000 […] ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE”. Id-deċiżjoni inizjali ġiet annullata permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006 (2), minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni inizjali, l-impatt li taxxi oħra, apparti t-taxxa fuq il-kumpanniji, seta jkollhom fuq is-sistema fiskali tal-kooperattivi. Sussegwentement, mingħajr ma adottat deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2009, adottat id-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti jinvokaw il-ħames motivi għal annulament li ġejjin:

l-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dritt għal smigħ tal-partijiet ikkonċernati mill-proċedura, dan peress li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tesponi konklużjonijiet li huma kompletament differenti minn dawk li jinsabu fid-deċiżjoni inizjali, mingħajr ma reġgħet fetħet il-proċedura formali u mingħajr ma tat lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jissottomettu l-kummenti tagħhom;

it-tieni motiv jikkritika lill-Kummissjoni talli marret lil hinn mill-mandat tas-sentenza mogħtija fil-Kawża T-146/03 li tissanzjona biss il-fatt li d-deċiżjoni inizjali mhijiex suffiċjentement motivata fir-rigward ta’ ċerti punti. Il-Kummissjoni, minflok ma kkorreġiet dawn il-punti, eżaminat mill-ġdid uħud mill-elementi tad-deċiżjoni inizjali li ma ġewx ikkontestati mill-qorti. B’dan il-mod il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati;

permezz tat-tielet motiv ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat, dan peress li jqisu li mhuwiex biżżejjed li jiġi ddikjarat li l-kooperattivi agrikoli li ma jwettqux 100 % tat-tranzazzjonijiet tagħhom mas-soċji tagħhom (mudell kooperattiv reċiproku pur) jibbenefikaw minn “vantaġġ” minħabba li għandhom fiskalità differenti minn dik tal-kumpanniji, filwaqt li jiġi injorat il-fatt li l-kooperattivi u l-kumpanniji b’kapital azzjonarju ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali simili. Barra minn hekk, anki li kieku dan il-paragun jiġi aċċettat — li mhuwiex il-każ —, is-sistema fiskali tal-kooperattivi ma tinvolvix vantaġġi iżda differenzi li huma ġġustifikati minħabba l-istruttura u n-natura tas-sistema fiskali Spanjola, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali, punt li ma ġiex ikkonfutat mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006;

Permezz tar-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma pprovdietx motivazjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni tagħha, żbaljat fir-rigward tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, u li l-imsemmija miżura kellha tiġi ddikjarata kompatibbli;

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.


(1)  Boletín Oficial del Estado Nru 241/2000, tas-7 ta’ Ottubru, p. 34614.

(2)  Kawża T-146/03, Ġabra p. II-98.