5.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 148/43 |
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2010 — Bank Nederlandse Gemeenten NV vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-151/10)
2010/C 148/72
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Bank Nederlandse Gemeenten NV (Den Haag, Il-Pajjiżi l-Baxxi) (mandatarju ad litem: B. Drijber, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9963 finali tal-15 ta’ Diċembru 2009, inkwantu l-Kummissjoni tqis li l-possibbiltà li l-kumpanniji għall-akkomodazzjoni soċjali jisilfu mingħand il-Bank Nederlandse Gemeenten NV tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u |
— |
tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa intiż li jannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar miżura ta’ għajnuna mill-Istat E-2/2005 u N 642/2009 (Il-Pajjiżi l-Baxxi) — għajnuna eżistenti għal kumpanniji għall-akkomodazzjoni soċjali u għajnuna partikolari għal kull proġett.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ imputabbiltà sabiex tikkonkludi li s-self tar-rikorrenti jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat,.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti sabiex tikkonkludi li s-self tar-rikorrenti mhuwiex konformi mal-kundizzjonijet tas-suq u għalhekk għandu natura preferenzjali.
It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu l-Kummissjoni kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat billi aċċettat l-argumenti tal-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi dwar is-self tar-rikorrenti.