22.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 134/47 |
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2010 — Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-138/10)
2010/C 134/77
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 337, tat-28 ta’ Jannar 2010, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-programm operattiv Komunità ta’ Valencia Objettiv 1 (1994-1999), fi Spanja, taħt id-Deċiżjoni C(1994) 3043/6, FEŻR Nru 94.11.09.011, u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-Deċiżjoni C(94) 30436, tal-25 ta’ Novembru 1994, il-Kummissjoni tat għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal programm operattiv fir-reġjun ta’ Valencia, li jagħmel parti mill-qafas Komunitarju ta’ sostenn għall-għajnuna strutturali fir-reġjuni Spanjoli taħt l-Objettiv 1, fil-perjodu 1994-1999, għal ammont massimu pagabbli mill-FEŻR ta’ ECU 1 207 941 000. Id-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ tqis li seħħu irregolaritajiet fi 23 mit-38 proġett inkwistjoni u tnaqqas l-għajnuna mogħtija inizjalment għal EUR 115 612 377,25.
Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin:
— |
Ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988 (1), li jirriżulta mill-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġu estrapolati l-irregolaritajiet kkonstatati f’azzjonijiet speċifiċi għall-azzjonijiet kollha taħt il-programmi operattivi ffinanzjati mill-fondi FEŻR. Skont Spanja, il-korrezzjoni applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma għandha l-ebda bażi legali minħabba li l-Linji Gwida tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ottubru 1997, dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji netti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 ma jistgħux jipproduċu effetti legali fir-rigward tal-Istati Membri, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-443/97 (2). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, jipprevedi biss it-tnaqqis ta’ għajnuna li l-eżami tagħha jikkonferma l-eżistenza ta’ irregolarità, prinċipju li huwa miksur fil-każ tal-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet permezz ta’ estrapolazzjoni. |
— |
Sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, moqri flimkien mal-attwali Artikolu 4(3) UE (prinċipju tal-koperazzjoni leali) minħabba l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni permezz ta’ estrapolazzjoni, għalkemm l-ebda nuqqas ma ġie identifikat fis-sistema ta’ amministrazzjoni, ta’ kontroll jew ta’ verifika b’konnessjoni mal-kuntratti emendati, peress li l-korpi amministrattivi applikaw il-liġi Spanjola, li ma kinitx iddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala li tikser id-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, għalkemm jista’ jkun il-kawża tal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ ksur konkret tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-osservanza tad-dritt nazzjonali mill-awtoritajiet amministrattivi ma tistax tipprovdi bażi għal estrapolazzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ effikaċja tas-sistema ta’ amministrazzjoni, ladarba l-liġi applikata minn dawn il-korpi ma ġietx iddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea u ladarba l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda rikors kontra l-Istat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE. |
— |
Sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, minħabba fin-natura mhux rappreżentattiva tal-kampjun użat għall-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja permezz ta’ estrapolazzjoni. Il-Kummissjoni fformat il-kampjun għall-applikazzjoni tal-estrapolazzjoni b’numru żgħir ħafna ta’ proġetti (38 minn 7 862), mingħajr ma kopriet l-oqsma kollha tal-programm operattiv, inklużi spejjeż li l-awtoritajiet Spanjoli kienu neħħew qabel, billi bbażat ruħha fuq l-ispejjeż iddikjarati u mhux fuq l-għajnuna mogħtija u bl-applikazzjoni ta’ programm informatiku li kellu indiċi ta’ affidabbiltà taħt il-85 % għal dan il-kampjun. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-kampjun ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tan-natura rappreżentattiva meħtieġa sabiex iservi bħala bażi għal estrapolazzjoni. |
— |
Prekrizzjoni taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-komunikazzjoni tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet lill-awtoritajiet Spanjoli (li saret f’Lulju 2004, fejn il-parti l-kbira tal-każijiet jirrigwardaw irregolaritajiet li seħħew fl-1997, 1998 u 1999) għandhom jagħtu lok għall-preskrizzjoni ta’ dawn bl-applikazzjoni tat-terminu ta’ 4 snin previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 (3). |
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet tal-Fondi Strutturali bejniethom u bejn dawn u l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra (ĠU L 374, p. 1).
(2) Ġabra p. I-2415.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).