17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/58


Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Frar 2010 — Fernando Marcelino Victoria Sánchez vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-61/10)

2010/C 100/86

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Fernando Marcelino Victoria Sánchez (Sevilla, Spanja) (rappreżentant: N. Domínguez Varela, avukat)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Tiddikjara li n-nuqqas ta’ tweġiba tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea għall-mistoqsija bil-miktub tas-6 ta’ Ottubru 2009, imur kontra d-dritt Komunitarju u tordna lill-dawn l-istituzzjonijiet jirmedjaw għal dan l-istat ta’ fatt.

Motivi u argumenti prinċipali

Fit-28 ta’ Awwissu 2008 ir-rikorrent ressaq petizzjoni quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Petizzjonijiet, fir-rigward ta’ allegat netwerk ta’ korruzzjoni, fi Spanja, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa pubblika. Fit-3 ta’ Mejju 2009, il-President ta’ dan il-kumitat informa lir-rikorrent li l-petizzjoni tiegħu ġiet arkivjata.

Fis-6 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent bagħat ittra ta’ intimazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, lill-Parlament u lill-Kummissjoni Ewropea. F’din l-ittra huwa talab:

lill-Parlament Ewropew jannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-3 ta’ Mejju 2009, u jordna inkjesta fuq iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata din id-deċiżjoni;

lill-Kummissjoni Ewropea, tiftaħ investigazzjoni fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi Spanja.

Peress li ma rċeviex risposta fit-termini previsti għal dan il-għan, ir-rikorrenti ppreżenta dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, u li jressaq petizzjoni, kif ukoll li f’dan il-każ huma sodisfatti r-rekwiżiti neċessarji sabiex jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet inkwistjoni naqsu milli jieħdu azzjoni.