27.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 80/44 |
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2010 — SP vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-55/10)
2010/C 80/70
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: SP SpA (Brescia, l-Italja) (rappreżentant: G. Belotti, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropeja
Talbiet tar-rikorrenti
— |
Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2009 li emendat id-deċiżjoni preċedenti C(2009) 7492 finali, addottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2009. |
— |
Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2009, id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni preċedenti tagħha C(2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, li permezz tagħha hija akkużat numru ta’ kumpanniji, inkluża r-rikorrenti, li pparteċipaw f’akkordju. Bid-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2009, wara li rrikonoxxiet illi d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009 kienet “tirreferi għal anness li kien fih tabelli li juru il-moviment tal-prezzijiet tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit matul l-operazzjoni tal-akkordju” u li “dak l-anness ma ġiex inkluż fid-deċiżjoni adottata fit-30 ta’ Settembru 2009”, il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda din id-deċiżjoni sabiex tintegraha mat-tabelli allegati mad-deċiżjoni kkontestata.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti:
(1) |
Illegalità tal-korrezzjoni sussegwenti ta’ miżura vvizjata b’difett gravi: il-Kummissjoni ma għandhiex poter li tissanzjona a posteriori deċiżjoni manifestament nulla, peress li t-test tagħha kien jidher b’mod ċar li huwa inkomplet meta ttieħdet id-deċiżjoni; dan jikkostitwixxi ċirkustanza gravi ħafna li ma ma hemmx rimedju minnha. |
(2) |
Indikazzjoni ta’ bażi legali żbaljata: il-Kummissjoni indikat l-Artikolu 65 KEFA u r-Regolament Nru 1/2003 (1) bħala l-bażi legali tal-miżura kkontestata, li huma bażi legali manifestament mhux adegwati sabiex jintlaħaq l-għan li kienet stabbiliet il-Kummissjoni (jiġifieri illi tintegraha/temenda deċiżjoni preċedenti tagħha, peress li t-test tagħha kien inkomplet) — bir-riżultat illi t-tieni deċiżjoni li hija kkontestata f’dawn il-proċeduri għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ bażi legali. |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll illi hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205