27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/37


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2010 — Arkema France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-23/10)

2010/C 80/61

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Arkema France (Colombes, Franza) (rappreżentanti: J. Joshua, Barrister, E. Aliende Rodríguez, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682, tal-11 ta’ Novembru 2009, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti u, fi kwalunkwe każ, tannulla l-Artikolu 1(1) sa fejn dan jikkonstata li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur fl-istabbilizzaturi tal-istann bejn is-16 ta’ Marzu 1994 u l-31 ta’ Marzu 1996;

tħassar il-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2;

fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tħassarx il-multi fl-intier tagħhom, tnaqqashom sostanzjalment skont il-kompetenza sħiħa tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors qed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Novembru 2009, fil-Każ COMP/38.589 — Stabbilizzaturi tas-sħana, li tikkonstata li r-rikorrenti pparteċipat f’żewġ okkażjonijiet separati ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), ksur fl-istabbilizzatturi tal-istann u ksur ieħor fl-ESBO, u li timponi multa fir-rigward ta’ kull prodott.

Ir-rikorrenti tissottometti s-segwenti motivi insostenn tar-rikors tagħha:

 

Fl-ewwel lok, hija tissottometti li, b’applikazzjoni korretta tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1), il-kawża ta’ Akzo (2) ma ssospendietx id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi kienet suġġetta għall-preskrizzjoni fir-rigward taż-żewġ okkażjonijiet ta’ ksur taħt ir-regola ta’ “limitazzjoni doppja” tal-għaxar snin. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ż-żmien li matulu kienu qed jinstemgħu l-proċeduri ta’ Akzo quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kellu l-effett li jissospendi d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li, fil-każ ineżami, it-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 25(5) tal-imsemmi regolament seta’ jiġi estiż.

 

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma weriet ebda interess leġittimu sabiex tikkonstata b’mod dikjarattiv okkażjonijiet ta’ ksur li fir-rigward tagħhom hija ma kellhiex is-setgħa li timponi multi. Fil-fatt, ir-rikorrenti tissottometti li l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata b’mod dikjarattiv li jkun twettaq ksur meta ma timponix multa, sakemm jintwera li l-Kummissjoni għandha interess leġittimu sabiex tagħmel dan.

 

Fit-tielet lok, u b’mod indipendenti mill-ewwel żewġ motivi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla l-konstatazzjoni dikjarattiva li tinsab fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata li skontha hija pparteċipat fi ksur fl-istabbilizzaturi tal-istann matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Marzu 1994 u l-31 ta’ Marzu 1996 u ssostni li l-Kummissjoni ma weriet ebda interess leġittimu sabiex tagħmel din il-konstatazzjoni.

 

Fir-raba’ lok, u fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tannullax il-multi fl-intier tagħhom, ir-rikorrenti tissottometti li l-Kummissjoni ma pprovatx tul ta’ ksur lil hinn mit-23 ta’ Frar 1999 u li għalhekk il-multa imposta għat-tieni perijodu ta’ akkordju għandha titnaqqas sabiex tirrifletti tul ta’ ksur iqsar.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

(2)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, fil-Kawżi Magħquda T-125/03 u T-253/03, Ġabra p. II-03523