27.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 80/36 |
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2010 — Steinberg vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-17/10)
2010/C 80/60
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Gerald Steinberg (Ġerusalem, l-Iżrael) (rappreżentant: T. Asserson, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
— |
tannulla d-deċiżjoni kkontestata; |
— |
tiżvela fi żmien ħmistax-il jum id-dokumenti kollha speċifikati fir-rikors; |
— |
tiddeċiedi min għandu jħallas l-ispejjeż; |
— |
tordna kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent irid jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2009, innotifikata lilu fit-22 ta’ Novembru 2009, li ċaħdet parzjalment it-talba tiegħu, skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (1), għall-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament ta’ għotjiet lil organizzazzjonijiet mhux governattivi Iżraeljani u Palestinjani għall-aħħar tliet snin bħala parti mill-programmi ta’ “Sħubija għall-Paċi” (PfP) u tal-i“Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem” (EIDHR).
Ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu.
L-ewwel nett, ir-rikorrenti isostni li, meta l-Kummissjoni ma tatux aċċess għad-dokumenti mitluba, hija aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001.
It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni, meta rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba, aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn it-talba tiegħu ma taqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, anki jekk l-eċċezzjonijiet kienu applikabbli għat-talba tiegħu, quod non, id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti mitluba mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jitqies li jikkostitwixxi “interess pubbliku akbar li jiġġustifika l-iżvelar.”
It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li peress li l-Kummissjoni ħadet kważi sitt xhur sabiex tirrispondi għall-applikazzjoni konfermatorja tiegħu minkejja l-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 jirrikjedi risposta konfermattiva fi żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, hija aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001.
Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami tat-talba “mill-ewwel” u għaldaqstant aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)