Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża T‑232/10,
Couture Tech Ltd, stabbilita f’Tortola (il-Gżejjer Verġni Brittaniċi), irrappreżentata minn B. Whyatt, barrister,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-5 ta’ Marzu 2010 (Każ R 1509/2008-2), li tikkonċerna applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal figurattiv li jirrappreżenta l-emblema Sovjetika,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2010,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2010,
wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2010 li tiċħad it-talba għal rikuża mressqa mir-rikorrenti,
wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba sabiex tinżamm seduta fit-terminu ta’ xahar li jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li għalhekk iddeċidiet, wara r-rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Fit-22 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti, Couture Tech Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].
2. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawnhekk:
>image>4
3. Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 14, 18, 23, 26 u 43, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.
4. Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2008, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009].
5. Ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tal-eżaminatur fl-20 ta’ Ottubru 2008.
6. Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Il-Bord tal-Appell ikkonstata, preliminarjament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikkonsisti f’rappreżentazzjoni eżatta tal-emblema ta’ dik li kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (USSR). Filwaqt li invoka l-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva fl-Ungerija, fil-Latvja u fir-Repubblika Ċeka, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-simboli marbuta ma’ dik li kienet il-USSR kienu ser jiġu pperċepiti bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku u għall-prinċipji aċċettati tal-moralità minn parti sostanzjali tal-pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-pubbliku ġenerali, li jgħix fil-parti tal-Unjoni Ewropea li kienet suġġetta għar-reġim Sovjetiku. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kuntrarja għall-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, minn tal-inqas fir-rigward tat-territorju tal-Ungerija u tal-Latvja. Issa, skont il-Bord tal-Appell, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li huwa biżżejjed li sinjal jitqies li huwa kuntrarju għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fi Stat Membru wieħed sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-reġistrazzjoni tat-trade mark kellha tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 7(1)(f) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
It-talbiet tal-partijiet
7. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors ammissibbli;
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
8. L‑UASI jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir‑rikors;
– tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.
Id-dritt
9. Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009
10. L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni parti hija bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Bord tal-Appell meta applika dawn l-istess dispożizzjonijiet għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009
– L-argumenti tal-partijiet
11. Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidra l-Bord tal-Appell, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jirriżultax li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata jekk fir-rigward ta’ dan is-sinjal tkun tapplika, f’parti biss tal-Unjoni, raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament.
12. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ieħor. Din id-dispożizzjoni, skont ir-rikorrenti, tapplika meta ċerti drittijiet nazzjonali jew ma jipprevedux dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għal kull waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jew jipprevedu raġunijiet assoluti għal rifjut addizzjonali għal dawk previsti fl-istess artikolu. L-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament ikollha l-konsegwenza li, irrispettivament mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fid-diversi Stati Membri, l-uniċi raġunijiet rilevanti fil-kuntest tal-proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jkunu dawk elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
13. Ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni tagħha hija kkorroborata mill-użu tal-kliem “minkejja li” fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija mħaddna mill-Bord tal-Appell hija bbażata fuq il-preżunzjoni li dan il-kliem jinftiehem fis-sens li jfisser “meta”, “jekk” jew “huwa biżżejjed li”, u għalhekk hija bbażata fuq qari żbaljat.
14. Ir-rikorrenti żżid li, għalkemm l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jkopri r-raġunijiet assoluti għal rifjut kollha previsti fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mogħtija mill-Bord tal-Appell ma tistax tapplika għal kull waħda minn dawn ir-raġunijiet u, b’mod partikolari, għal dik prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-regolament imsemmi.
15. Fit-tieni lok, filwaqt li tistrieħ fuq l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidra l-Bord tal-Appell, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “prinċipji aċċettati tal-moralità” li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(f) tal-istess regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għall-ordni pubbliku u għall-prinċipji aċċettati tal-moralità tal-Unjoni. Dan ifisser li l-kontenut ta’ dawn il-kunċetti għandu jiġi analizzat billi jsir riferiment għad-dritt tal-Unjoni, għall-għanijiet u għall-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha, kif ukoll għall-konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni, l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità tad-diversi Stati Membri, li jistgħu jkunu differenti minn dawk eżistenti fuq il-livell tal-Unjoni, huma irrilevanti.
16. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li, b’mod differenti mit-trade marks nazzjonali, ir-rwol tat-trade mark Komunitarja hija li tipparteċipa fl-iżvilupp tal-attività ekonomika fi ħdan is-suq komuni. Għaldaqstant, skont b’mod partikolari l-premessi 2 sa 4 tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark Komunitarja hija rregolata biss mid-dritt tal-Unjoni, tgawdi minn protezzjoni uniformi u l-effetti tagħha japplikaw għat-territorju tal-Unjoni kollu.
17. Bl-istess mod, skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI huwa entità indipendenti li jopera fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li kemm l-UASI u kif ukoll il-qorti tal-Unjoni huma obbligati jimplementaw dan ir-regolament fuq il-bażi ta’ politika indipendenti minn dik ta’ kull wieħed mill-Istati Membri meħuda b’mod individwali.
18. Barra minn hekk, l-approċċ fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità tad-diversi Stati Membri jtaqqal b’mod eċċessiv il-proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għad-detriment tal-applikant. Tali approċċ jobbliga wkoll lill-applikant għal trade mark li ma tkunx kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità ħlief fi Stat Membru wieħed biss mis-27 Stat Membru tal-Unjoni sabiex jikseb u jżomm 26 reġistrazzjoni nazzjonali. Dan il-fatt jistona iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, filwaqt li skont l-Artikolu 110(2) tar-Regolament Nru 207/2009 l-użu ta’ trade mark Komunitarja jista’ jiġi pprojbit fi Stat Membru, fost l-oħrajn skont id-dritt kriminali ta’ dan l-Istat, dan il-fatt ma jiġġustifikax li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja kkonċernata jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu.
19. Ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni tagħha hija kkorroborata mill-ġurisprudenza li tipprovdi li s-sistema Komunitarja tat-trade marks tikkostitwixxi sistema awtonoma li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza timplika li la huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi provenjenti mill-Istati Membri u li lanqas ma huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kompatibbiltà tal-użu tat-trade mark Komunitarja mad-dritt kriminali ta’ dawn l-istess Stati.
20. Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità fl-Istati Membri meħuda b’mod individwali, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami mwettaq mill-UASI għandu f’dak il-każ jieħu inkunsiderazzjoni l-Istati Membri kollha jew ċerti gruppi ta’ dawn l-Istati, u mhux biss dawk li huwa jagħżel li jindika. B’mod partikolari, ikun hemm lok li jitwettaq “eżerċizzju ta’ bbilanċjar”, fejn il-perspettiva ta’ Stat Membru jew ta’ grupp ta’ Stati Membri ma tistax tiġi imposta fuq l-Unjoni kollha.
21. L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar‑rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
22. Fl-ewwel lok, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk fir-rigward tagħha tapplika, f’parti tal-Unjoni, raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament. Tali parti tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punti 81 u 83).
23. Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw din l-interpretazzjoni, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li din l-interpretazzjoni ma hijiex kuntrarja għall-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, l-użu tal-kliem “minkejja li” f’din id-dispożizzjoni jimplika li, jekk raġuni assoluta għal rifjut tkun tapplika għal sinjal f’parti biss tal-Unjoni, dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009. B’hekk, meta l-Artikolu 7(1) tar-regolament imsemmi jinqara mal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta fir-rigward ta’ din it-trade mark tkun tapplika raġuni assoluta għal rifjut fit-territorju kollu tal-Unjoni jew, jekk ikun il-każ, f’parti biss minn dan it-territorju.
24. It-tieni nett, għalkemm l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa fformulat b’mod ġenerali, mill-formulazzjoni tiegħu xorta waħda ma jirriżultax li r-regola stabbilita f’dan l-artikolu għandha tapplika neċessarjament għal kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fir-rigward tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, enfasizzat b’mod speċifiku mir-rikorrenti, huwa perfettament possibbli li sinjal ma jkollux karattru distintiv f’parti biss tal-Unjoni, b’mod partikolari minħabba li jkollu kontenut semantiku f’ċerti lingwi biss jew minħabba li jkun hemm prattiki differenti marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.
25. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huma l-uniċi raġunijiet rilevanti fil-kuntest tal-proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, irrispettivament mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fid-dritt tal-Istati Membri, dan jirriżulta min-natura ta’ regolament bħala att vinkolanti fl-intier tiegħu u direttament applikabbli f’kull Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija tipprevedi lista eżawrjenti ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut li ma tagħmilx riferiment għal dawk previsti fid-drittijiet tal-Istati Membri. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreċiża li t-trade marks Komunitarji għandhom jiġu rreġistrati fil-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet previsti f’dan ir-regolament. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 proposta mir-rikorrenti ma tistax tiġi aċċettata sa fejn iċċaħħad dan l-artikolu mill-effettività tiegħu.
26. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, mill-Artikolu 7(1)(f) u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta din it-trade mark tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità f’parti tal-Unjoni, liema parti tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed.
27. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “prinċipji aċċettati tal-moralità” għandhomx jiġu interpretati biss b’riferiment għaċ-ċirkustanzi komuni għall-Istati Membri kollha jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri kkunsidrati b’mod individwali, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz sabiex b’hekk il-konsumatur, li jakkwista l-prodott jew is-servizz identifikat mit-trade mark, ikun jista’, meta jiġi biex jagħmel akkwist ieħor, jagħmel l-isess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk l-esperjenza tkun waħda negattiva [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II-683, punt 37].
28. B’hekk, trade mark hija maħsuba sabiex tintuża fost il-pubbliku kkostitwit mill-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi identifikati minnha.
29. L-interess ġenerali li fuqu hija bbażata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikoul 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa li tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jippreġudikaw l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità meta jsir tali użu fit-territorju tal-Unjoni.
30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jkun jinsab fit-territorju tal-Unjoni.
31. Issa, minn naħa, il-konsumaturi li jkunu jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jinsabu, kif timplika d-definizzjoni tagħhom stess, fit-territorju ta’ Stat Membru.
32. Min-naħa l-oħra, is-sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità ma humiex l-istess fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, storiċi, soċjali jew kulturali.
33. Għalhekk, il-perċezzjoni ta’ jekk trade mark hijiex jew le kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità hija influwenzata minn ċirkustanzi partikolari għall-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-konsumaturi li jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti.
34. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tiġi applikata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss iċ-ċirkustanzi komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri indi vidwali li jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju ta’ dawn l-Istati.
35. Din il-konklużjoni ma hijiex megħluba mill-argumenti tar-rikorrenti.
36. B’hekk, l-ewwel nett, huwa minnu li s-sistema Komunitarja tat-trade marks tikkostitwixxi sistema awtonoma li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2005, Sportwetten vs UASI – Intertops Sportwetten (INTERTOPS), T-140/02, Ġabra p. II-3247, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan il-fatt jimplika, b’mod partikolari, li l-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi evalwata, fil-każijiet kollha, skont il-kriterju previst f’din id-dispożizzjoni, interpretat b’riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju tal-Unjoni jew f’parti minn dan it-territorju. Għall-kuntrarju, in-natura awtonoma tas-sistema Komunitarja tat-trade marks ma tipprekludix li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri li jistgħu jinfluwenzaw din il-perċezzjoni.
37. Fir-rigward, f’dan il-kuntest, tal-leġiżlazzjoni u tal-prassi amministrattiva ta’ ċerti Stati Membri, invokati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li dawn l-elementi ma ttieħdux inkunsiderazzjoni minħabba l-valur normattiv tagħhom iżda ttieħdu inkunsiderazzjoni bħala indikazzjonijiet fattwali li permezz tagħhom setgħet tiġi evalwata l-perċezzjoni, mill-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Istati Membri kkonċernati, ta’ simboli marbuta ma’ dik li kienet il-USSR. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi akkużat li aġixxa bi ksur tan-natura awtonoma tas-sistema Komunitarja tat-trade marks f’dan ir-rigward.
38. It-tieni nett, l-għan li jiġi żviluppat is-suq komuni ma jistax jiġġustifika li jiġu ppreġudikati l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità f’parti minn dan is-suq.
39. It-tielet nett, sa fejn mill-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-UASI għandu jwettaq eżami ex officio tal-fatti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni esposta fil-punt 34 iktar ’il fuq ittaqqal b’mod eċċessiv il-proċedura għar-reġistrazzjoni, għad-detriment tal-applikant. Fil-fatt, huwa l-UASI li għandu jeżamina l-eżistenza tar-raġunijiet assoluti għal rifjut fil-partijiet kollha tal-Unjoni. Huwa mbagħad l-applikant li għandu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-oġġezzjonijiet effettivament imqajma mill-eżaminatur fi tmiem l-eżami tiegħu.
40. Ir-raba’ nett, il-ħtieġa li jinkisbu u li jinżammu r-reġistrazzjonijiet nazzjonali meta fir-rigward tat-trade mark tkun tapplika, f’parti biss tal-Unjoni, raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija konsegwenza diretta tan-natura unitarja tat-trade mark Komunitarja, stabbilita fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 1(2) tiegħu. Dan il-fatt, għalhekk, huwa inerenti għall-istruttura tar-regolament imsemmi.
41. Il-ħames nett, l-Artikolu 110(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonċerna l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark Komunitarja li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, eżami li jippreċedi r-reġistrazzjoni tat-trade mark.
42. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra, minn naħa, li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata jekk fir-rigward ta’ dan is-sinjal tkun tapplika, f’parti biss tal-Unjoni, ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tal-istess regolament, inkluż, jekk ikun il-każ, fi Stat Membru wieħed biss u, min-naħa l-oħra, li, sabiex jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “prinċipji aċċettati tal-moralità” kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi partikolari għall-Istati Membri individwali.
43. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
44. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 esposta fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità tal-Unjoni u li għaldaqstant ir-reġistrazzjoni tagħha ma kellhiex tiġi rrifjutata.
45. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li, b’differenza mill-iswastika, il-konnotazzjoni politika tal-emblema ta’ dik li kienet il-USSR tilfet l-importanza tagħha u nbidlet f’konnotazzjoni provokanti, marbuta mal-kunċett ta’ avangwardja, b’tali mod li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kisbet “karattru distintiv ġdid”.
46. Ir-rikorrenti żżid li l-emblema li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hija pprojbita f’ebda wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u, barra minn hekk, fl-2005 l-Kummissjoni kienet ċaħdet talba għal projbizzjoni ġenerali tas-simboli komunisti. Il-fatt li ċerti użu ta’ dawn is-simboli jista’ jkun ipprojbit fl-Ungerija u fil-Latvja huwa rrilevanti fil-kuntest tal-proċedura għal reġistrazzjoni.
47. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex eskluż li l-projbizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ simboli bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, previsti fid-dritt Ungeriż u f’dak Latvjan, imorru kontra l-KEDB.
48. L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar‑rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
49. Skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li huma kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità għandha tiġi rrifjutata.
50. Minn dak li ntqal fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv ineżami jirriżulta li l-eżami ta’ jekk sinjal imurx kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità għandu jsir b’riferiment għall-perċezzjoni ta’ dan is-sinjal, meta jintuża bħala trade mark, mill-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Unjoni jew f’parti minnha. Din il-parti tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed biss.
51. F’dan il-każ, preliminarjament, huwa paċifiku li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku ġenerali. Għaldaqstant, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju li jagħmel parti minn dan il-pubbliku u li jkollu livelli normali ta’ sensittività u ta’ tolleranza.
52. Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-eżami tal-elementi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fl-Ungerija, u dan minħabba l-influwenza determinanti li dik li kienet il-USSR kellha fuq dan l-Istat Membru fl-istorja reċenti.
53. Il-Bord tal-Appell irrefera, fl-ewwel lok, għall-Artikolu 269/B tal- 1978. évi IV. törvény a Büntetö Törvénykönyvröl (Liġi Nru IV tas-sena 1978 dwar il-Kodiċi kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi kriminali Ungeriż”), intitolat “Użi ta’ simboli ta’ despotiżmu”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi hekk:
“(1) Kull persuna li:
a) tqassam,
b) tuża quddiem pubbliku numeruż,
c) tesponi fil-pubbliku,
swastika, emblema tal-SS, salib bi vleġġa, minġel u martell, stilla ħamra b’ħames ponot jew simbolu li jirrappreżentahom, fin-nuqqas ta’ ksur iktar gravi, tikkommetti reat li huwa punibbli b’ammenda.
2) Il-persuni li jwettqu l-att indikat fil-paragrafu 1 għal finijiet ta’ tixrid ta’ konoxxenza, ta’ edukazzjoni, ta’ xjenza, ta’ arti jew ta’ informazzjoni fuq il-ġrajjiet storiċi jew kontemporanji ma għandhomx jiġu puniti.
3) Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ma humiex applikabbli għall-emblemi uffiċjali attwali tal-Istati.”
54. Il-Bord tal-Appell ippreċiża li, skont il-kummentarji dwar il-Kodiċi kriminali Ungeriż, simbolu jirreferi għal idea, persuna jew avveniment u jinkludi emblema jew immaġni maħsuba sabiex jagħmlu konnessjoni bejn is-sinjal imsemmi u l-idea, il-persuna jew l-avveniment identifikati. Barra minn hekk, l-użu fil-pubbliku jinkludi s-sitwazzjoni ta’ sinjal li jkun jinsab fuq prodott bħala trade mark meta l-prodott ikun iddistribwit fis-suq.
55. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell irrefera għal-Linji gwida tal-Magyar Szabadalmi Hivatal (Uffiċċju tal-privattivi Ungeriż), li, mill-1 ta’ Jannar 2011 sar is-Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatala (Uffiċċju tal-proprjetà intellettwali Ungeriż), li jipprovdu li s-sinjali li jinkludu “simboli ta’ despotiżmu” kienu kkunsidrati bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku.
56. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ser tiġi pperċepita bħala kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità mill-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Ungerija u dan minħabba li tissimbolizza lil dik li kienet il-USSR.
57. Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, l-elementi misluta mid-dritt nazzjonali, bħal dawk eżaminati mill-Bord tal-Appell f’dan il-każ, ma humiex applikabbli minħabba l-valur normattiv tagħhom u għalhekk ma jikkostitwixxux regoli li jorbtu lill-UASI. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 36 iktar ’il fuq, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali.
58. Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu indikazzjonijiet fattwali li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata l-perċezzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ sinjali mill-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fl-Istat Membru kkonċernat.
59. B’hekk, f’dan il-każ, mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 269/B tal-Kodiċi kriminali Ungeriż, kif interpretata mid-duttrina u kkonfermata fil-prassi amministrattiva, jirriżulta li l-leġiżlatur Ungeriż ikkunsidra li kien meħtieġ li jiġi pprojbit ċertu użu ta’ “simboli ta’ despotiżmu”, fosthom il-minġel u l-martell u l-istilla ħamra b’ħames ponot. Din il-projbizzjoni, li tkopri wkoll l-użu tas-sinjali kkonċernati bħala trade marks, hija marbuta ma’ sanzjonijiet kriminali.
60. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fis-sens li l-projbizzjoni tal-użu tas-“sinjali ta’ despotiżmu” bħala trade mark timplika li tali simboli huma pperċepiti bħala li huma kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fl-Ungerija.
61. Lanqas ma qiegħed jiġi kkontestat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija riproduzzjoni tal-emblema ta’ dik li kienet il-USSR u tinkludi, b’mod partikolari, minġel u martell u stilla ħamra b’ħames ponot.
62. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstata li l-użu, bħala trade mark, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien ser jiġi pperċepit minn parti sostanzjali tal-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Ungerija bħala kuntrarju għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.
63. L-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jistgħu jegħlbu din il-konstatazzjoni.
64. Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-Ungerija, il-kontenut semantiku tal-emblema ta’ dik li kienet il-USSR la tilef l-importanza tiegħu u lanqas ma ġie ttrasformat sal-punt li din l-emblema ma għadhiex tiġi pperċepita bħala simbolu politiku. Fil-fatt, kif sostna l-Bord tal-Appell, parti sostanzjali mill-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Ungerija għex il-perijodu fejn dik li kienet il-USSR kienet teżerċita influwenza determinanti.
65. Ma dan għandu jiżdied il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sempliċement tirriproduċi l-emblema ta’ dik li kienet il-USSR u għalhekk ma fihiex elementi addizzjonali li jistgħu jnaqqsu l-importanza ta’ jew jittrasformaw il-kontenut semantiku ta’ dan is-simbolu.
66. Il-fatt li ċertu użu tas-“simboli ta’ despotiżmu” ma huwiex ipprojbit mid-dritt Ungeriż huwa irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-punti 27 sa 29 u 50 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tal-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jitwettaq b’riferiment għall-mod kif dan is-sinjal jista’ jiġi pperċepit meta jintuża bħala trade mark.
67. Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 269/B tal-Kodiċi kriminali Ungeriż mal-KEDB. Fi kwalunwke każ, dan il-fatt ma huwiex rilevanti f’dan il-każ sa fejn mill-punti 57 u 58 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjoni msemmija ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni minħabba l-valur normattiv tagħha iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala indikazzjoni fattwali li permezz tagħha tkun tista’ tiġi evalwata l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Ungerija.
68. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. Għaldaqstant, ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-atti tal-Unjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, u l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li jiġu rrispettati.
69. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 10(1) tal-KEDB, kull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li tinkludi b’mod partikolari l-libertà li tikkomunika informazzjoni jew ideat mingħajr tfixkil min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.
70. Skont l-Artikolu 10(2) tal-KEDB, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet previsti mil-liġi, li jikkostitwixxu miżuri neċessarji, f’soċjetà demokratika, b’mod partikolari minħabba s-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sigurtà pubblika, id-difiża tal-ordni u l-prevenzjoni tal-kriminalità jew il-protezzjoni tal-moralità.
71. Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument intiż li jintwera li r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkostitwixxi tfixkil għall-eżerċizzju tal-libertà ggarantita mill-Artikolu 10(1) tal-KEDB li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tinvoka l-KEDB fil-kuntest ta’ din il-kawża.
72. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Ungerija u li, għalhekk, ir-reġistrazzjoni tagħha kellha tiġi rrifjutata taħt l-Artikolu 7(1)(f) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
73. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-elementi l-oħra eżaminati mill-Bord tal-Appell dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jinsab fil-Latvja u fir-Repubblika Ċeka.
74. Peress li ż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv ġew miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali
L-argumenti tal-partijiet
75. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali sa fejn irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni filwaqt li l-UASI kien aċ ċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha Nru 3958154, li kienet tikkonċerna l-istess sinjal u li kienet ġiet eżaminata fl-istess kundizzjonijiet bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, meta rreġistra t-trade mark Nru 3958154, il-Bord tal-Appell ta lir-rikorrenti assigurazzjonijiet impliċiti preċiżi u inkundizzjonati dwar in-natura reġistrabbli tas-sinjal ikkonċernat.
76. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti topponi għall-argument tal-Bord tal-Appell li r-reġistrazzjoni tat-trade mark Nru 3958154 kienet ir-riżultat ta’ żball. Fil-fatt, l-applikant ma huwiex obbligat jiddetermina jekk ir-riżultat tal-eżami huwiex affidabbli. Għall-kuntrarju, huwa l-UASI li għandu jagħmel analiżi dettaljata u adegwata u li għandu japplika r-Regolament Nru 207/2009 b’mod ċar u ċert.
77. Ir-rikorrenti żżid li, sa fejn taf hi, il-proċedura ta’ eżami tat-trade mark Nru 3958154 ma hija vvizzjata b’ebda żball.
78. L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
79. Skont il-ġurisprudenza, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66].
80. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni ġustament li, meta rreġistra t-trade mark Nru 3958154, l-UASI kien ta assigurazzjonijiet dwar in-natura reġistrabbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. A fortiori , ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod validu ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dan ir-rigward.
81. Barra minn hekk, irrispettivament mill-kwistjoni jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Nru 3958154 hijiex ir-riżultat ta’ żball, abbażi tal-eżami tal-ewwel motiv ma jistax jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, li hija l-unika deċiżjoni li kontriha huwa intiż ir-rikors ineżami, hija vvizzjata bi kwalunkwe ksur tar-Regolament Nru 207/2009.
82. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għalhekk, ir-rikors fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
83. Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitlub mill‑UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Couture Tech Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.