5.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 72/16 |
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża
(Kawża C-624/10)
2011/C 72/28
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: M. Afonso, aġent)
Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tiddikjara li, billi fit-Titolu IV tal-Ordni Amministrattiv Nru 105 tat-23 ta’ Ġunju 2006 (3 A-9-06) tipprovdi għal konċessjoni amministrattiva li tidderoga mis-sistema tal-VAT ta’ awtolikwidazzjoni u li tinvolvi, fost oħrajn, il-ħatra ta’ intimat fiskali mill-bejjiegħ jew mill-fornitur stabbilit barra minn Franza, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-VAT u b’mod partikolari l-Artikoli 168, 171, 193, 194, 204 u 214; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Franċiża li tidderoga mis-sistema ta’ awtolikwidazzjoni tal-VAT hija, f’ħafna modi, kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea.
Fl-ewwel lok, il-persuni taxxabbli li jixtiequ jibbenefikaw mill-mekkaniżmu introdott bit-Titolu IV tal-Ordni Amministrattiv 3-A-9/06 huma meħtieġa li jaħtru rappreżentant fiskali, ħaġa li ma hijiex konformi mal-Artikolu 204 tad-Direttiva tal-VAT. Dan l-artikolu jippermetti lill-Istati Membri li jimponu obbligu bħal dan biss jekk, fil-pajjiż fejn tkun stabbilita l-persuni taxxabbli, ma jkun jeżisti l-ebda strument li jistabilixxi għajnuna reċiproka fir-rigward ta’ taxxi indiretti simili għal dawk ipprovduti fl-Unjoni.
Fit-tieni lok, il-konċessjoni amministrattiva hija wkoll suġġetta għall-obbligu minn naħa tal-bejjiegħ li jirreġistra għall-VAT fi Franza, ħaġa li ma hijiex konformi mal-Artikolu 214(1) tad-Direttiva tal-VAT. Joħroġ ċar minn din id-dispożizzjoni li r-rekwiżit ta’ identifikazzjoni għall-VAT ma japplikax għal persuni taxxabbli li jwettqu, fit-territorju ta’ Stat Membru li ma humiex stabbiliti fih, fornimenti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi suġġetti għas-sistema ta’ awtolikwidazzjoni mill-klijent, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 194 tad-Direttiva tal-VAT.
Fit-tielet u fl-aħħar lok, id-dispożizzjoni tipprovdi għat-tpaċija tal-VAT deduċibbli tal-bejjiegħ jew tal-fornitur ta’ servizzi mill-VAT miġbura minn wieħed jew iktar mill-klijenti tagħhom. Dan ma huwiex konsistenti mal-Artikoli 168 u 171 tad-Direttiva tal-VAT, li taħthom it-tpaċija bejn il-VAT deduċibbli u l-VAT miġbura trid isseħħ fil-livell ta’ kull persuna taxxabbli. Din il-konċessjoni lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 11 tal-istess direttiva.