19.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (il-Polonja) fl-14 ta’ Diċembru 2010 — Janina Wencel vs Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Białymstoku

(Kawża C-589/10)

2011/C 89/11

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Janina Wencel

Konvenut: Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Białymstoku

Domandi preliminari

(1)

Il-prinċipju ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, stipulat fl-Artikoli 21 u 20(2) TFUE, iwassal għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà socjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (1), fis-sens li l-benefiċċji tax-xjuħija inkwistjoni, miksuba skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma jista’ jkollhom ebda modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska lanqas minħabba l-fatt li l-benefiċjarju rresjeda fl-istess ħin (kellu żewġ postijiet ta’ residenza abitwali tal-istess importanza) fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, li wieħed minnhom huwa Stat differenti minn dak fejn l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas tinsab?

(2)

L-Artikoli 21 u 20(2) TFUE u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-regoli nazzjonali previsti fl-Artikolu 114(1) tal-ustawa z dnia 17.12.1998 r. o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych (Liġi tas-17 ta’ Diċembru 1998 fuq il-pensjonijiet tal-fond tas-sigurtà soċjali — Dz. U. 2009, Nru 153, poz. 1227, kif emendata), flimkien mal-Artikolu 4 tal-konvenzjoni dwar l-assigurazzjoni soċjali fil-każ ta’ inċidenti tax-xogħol u l-benefiċċji tal-invalidità, tax-xjuħija u tal-mewt, konkluż fid-9 ta’ Ottubru 1975 bejn ir-Repubblika Popolari tal-Polonja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Dz. U. 1976, no 16, poz. 101, kif emendata), jiġu applikati b’mod li l-organizzazzjoni tal-irtirar Pollakka għandha teżamina mill-ġdid l-każ u ċċaħħad mid-dritt tagħha għal pensjoni ta’ rtirar persuna li, matul diversi snin, kellha fl-istess ħin żewġ postijiet ta’ residenza abitwali (żewġ ċentri tal-interessi) f’żewġ Stati li llum-il-ġurnata huma membri tal-Unjoni Ewropea u li, qabel l-2009, ma ppreżentat ebda dikjarazzjoni u lanqas talba li tindika li hija kellha l-intenzjoni li tittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi tagħha f’xi wieħed minn dawn il-pajjiżi?

Fil-każ ta’ risposta negattiva:

(3)

L-Artikoli 20(2) u 21 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-regola nazzjonali prevista fl-Artikolu 138(1) u (2) tal-ustawa z dnia 17.12.1998 r. o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych tiġi applikata b’mod li l-organizzazzjoni tal-irtirar Pollakka għandha teżiġi r-rimbors ta’ pensjonijiet imħallsa matul l-aħħar tliet snin lil persuna li, mill-1975 sal-2009, kellha fl-istess ħin żewġ postijiet ta’ residenza abitwali (żewġ ċentri tal-interessi) f’żewġ pajjiżi li huma, fil-preżent, membri tal-Unjoni Europea, jekk, fl-eżami tat-talba għal pensjoni ta’ rtirar, u wara l-għoti tagħha, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni Pollakka ma avżatx li din il-persuna bin-neċessità li hija tinformaha biż-żamma ta’ żewġ postijiet ta’ residenza abitwali f’żewġ pajjiżi u n-neċessità li tippreżenta talba jew dikjarazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-istituzzjoni tal-assigurazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi bħala istituzzjoni kompetenti sabiex teżamina t-talbiet li jirrigwardaw il-pensjonijiet ta’ rtirar?


(1)  Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà socjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).