29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/27


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-555/10)

()

2011/C 30/45

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braun u H. Støvlbæk, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

tikkonstata li, matul l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett tal-ferroviji, ir-Repubblika tal-Awstrija naqqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE kif emendata kif ukoll skont l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-indipendenza tal-operatur tal-infrastruttura tal-ferroviji meħtieġa mid-direttiva ma ġietx korrettament implementata fid-dritt nazzjonali Awstrijak.

Ċertament, l-organizzazzjoni eżistenti fl-Awstrija li tgħaqqad f’kumpannija holding minn naħa, impriża li teżerċita funzjonijiet essenzjali ta’ użu tal-infrastruttura tal-ferroviji u, min-naħa l-oħra, impriża li tipprovdi servizzi tal-ferroviji hija fil-prinċipju legali. Madankollu, għandu jiġi żgurat li dawn iż-żewġ impriżi huma ekonomikament indipendenti minn xulxin.

Il-kumpanija holding ma għandu jkollha l-ebda kontroll fuq il-kumpannija sussidjarja li twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-operazzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji. Dan ma huwiex żgurat fl-Awstrija. L-indipendenza tal-operatur tal-infrastruttura ma hija kkontrollata minn ebda awtorità indipendenti u l-kompetituri ma għandhom ebda opportunità effettiva ta’ rimedju fil-każ ta’ trattament preferenzjali minn impriża partikolari.

Lanqas ma hemm biżżejjed dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew kuntrattwali sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpannija holding u s-sussidjarja tagħha li jwettqu l-funzjonijiet essenzjali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

Skont il-Kummissjoni, anki d-diversi rabtiet personali bejn il-kumpannija holding u l-kumpannija sussidjarja, bħall-pożizzjonijiet doppji fil-bordijiet tad-diretturi tal-kumpanniji rispettivi, iqajmu dubji dwar l-indipendenza ekonomika. Hija tqis li huwa neċessarju li, għal ftit snin, id-diriġenti eżekuttivi ta’ impriża jiġu esklużi minn dmirijiet ta’ amministrazzjoni fl-impriża l-oħra. Barra minn dan, huwa meħtieġ li l-ħatra tal-persunal li jamministra l-entità li twettaq il-funzjonijiet essenzjali ta’ użu ssir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

Barra minn dan, skont il-Kummissjoni, jidher li huwa neċessarju wkoll li ssir separazzjoni fiżika u personali tas-sistemi ta’ informazzjoni rispettivi sabiex tiġi żgurata l-indipendenza meħtieġa mill-impriża responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali ta’ użu tal-infrastruttura tal-ferroviji.