12.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/5


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fit-13 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-452/04, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-553/10 P)

2011/C 46/07

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, O. Beynet u S. Noë, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Éditions Odile Jacob SAS, Wendel Investissement SA, Lagardère SCA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2010, Editions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni (T-452/04), sa fejn hija tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2004) 203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirent tal-assi ċeduti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/M.2978 — Lagardère/Natexis/VUP) (1);

tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk dan ikun il-każ, dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikors għal annullament, u

tikkundanna lir-rikorrenti [Éditions Jacob] għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina l-konsegwenzi tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju fir-rigward ta’ Editis dwar il-missjoni tagħha fir-rigward ta’ Wendel. Skont l-appellanti, fil-fatt, in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ persuna responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ kandidat għandha effett legali biss jekk jiġi stabbilit li din il-persuna ħadet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha interessi oħra għajr l-eżerċizzju tajjeb tal-missjoni tagħha.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti billi kkonkludiet li ir-rapport tal-mandatarju kellu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li fir-realtà, anki jekk il-Kummissjoni għandha tieħu dan inkunsiderazzjoni, hija ma hijiex marbuta bl-opinjoni tal-mandatarju u hija meħtieġa li tibqa’ tmexxi l-investigazzjoni neċessarja sabiex tivverifika li x-xerrej jissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, il-Kummissjoni tallega, minn naħa, interpretazzjoni żbaljata tal-liġi fir-rigward tal-effikaċja tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.


(1)  ĠU L 125, p. 54.