29.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 30/23 |
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2010 minn 4care AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-575/08, 4care AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-535/10)
()
2011/C 30/39
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: 4care AG (rappreżentant: S. Redeker, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), Laboratorios Diafarm, S.A.
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2010, Kawża T-575/08, u tiċħad l-oppożizzjoni mressqa mill-intervenjenti; |
— |
tikkundanna lill-appellat u lill-intervenjenti għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell jikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentant mill-appellanti u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tas-7 ta’ Ottubru 2008 li tiċħad l-applikazzjoni tal-appellanti għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv “Acumed”. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark verbali nazzjonali preċedenti “AQUAMED ACTIVE”.
Skont l-appellanti, is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-istess appellanti, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u kif ukoll fir-rigward tal-kwistjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
L-appellanti ssostni li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-karattru deskrittiv tal-kelma “AQUAMED” fi ħdan it-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-importanza tan-numru kbir ta’ trade marks ta’ terzi preċedenti invokati mill-appellanti. L-appellanti tikkunsidra li l-espressjoni “AQUAMED ACTIVE” għandha, intrinsikament, karattru distintiv dgħajjef, u dan mhux biss minħabba l-użu ta’ elementi deskrittivi u komuni ħafna fis-settur tal-prodotti inkwistjoni. Hija żżid li, barra minn hekk, il-karattru distintiv ikompli jiddgħajjef, a posteriori, minħabba l-użu ta’ trade mark simili ta’ terzi fil-kummerċ. Skont l-appellanti, li kieku l-Qorti Ġenerali evalwat dan il-punt b’mod rilevanti, hija kienet tasal għall-konklużjoni li t-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni “AQUAMED ACTIVE” għandha, l-iktar l-iktar, karattru distintiv dgħajjef ħafna u li għalhekk għandha tibbenefika minn protezzjoni limitata.
L-appellanti ssostni li, fil-kuntest tal-eżami tax-xebh tas-sinjali, il-Qorti Ġenerali injorat ċirkustanzi essenzjali, b’tali mod li ma għamlitx evalwazzjoni globali. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-element “ACTIVE” tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni kellu jiġi injorat kompletament fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali u li kien meħtieġ biss li jsir paragun tal-kliem “AQUAMED” u “Acumed”. L-appellanti tqis li, meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-kliem “AQUAMED” u “ACTIVE” huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin, fatt dan li jipprekludi eliminazzjoni totali tal-kelma “ACTIVE”. Li kieku l-Qorti Ġenerali qabbel it-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, “AQUAMED ACTIVE”, fit-totalità tagħha, mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, “Acumed”, hija kien ikollha tikkonstata li ma hemmx xebh bejn is-sinjali.
L-appellanti tqis li anki jekk wieħed iqabbel — b’mod żbaljat — il-kliem “AQUAMED” u “Acumed”, ikollu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont l-appellanti, f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali injorat ċertu numru ta’ deċiżjonijiet preċedenti fejn il-probabbiltà ta’ konfużjoni kienet ġiet eskluża f’ċirkustanzi paragunabbli. Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba l-protezzjoni limitata tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, anki differenzi minimi bejn is-sinjali huma biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Minn dan l-appellanti tikkonkludi li, li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt, hija kienet tasal għall-konklużjoni li, minħabba d-differenzi fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet, fi kwalunkwe każ, suffiċjentement differenti mit-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni.