29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/16


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-512/10)

()

2011/C 30/26

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Stølbæk u K. Herrmann, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità kif emendata (1) u l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (2), kif ukoll l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14/KE, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14/KE flimkien mal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440/KEE kif emendata u l-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka tliet motivi għaliex ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tal-ewwel pakkett ferrovjarju.

L-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma pprovdietx mekkaniżmi li jiżguraw l-indipendenza deċiżjonali u organizzattiva tal-amministratur tal-infrastruttura li jeżerċita funzjonijiet essenzjali bħall-PLK S.A. (Polskie Linie Kolejowe, kumpannija b’responsabbiltà limitata) fil-konfront tal-kumpannija holding, jiġifieri kemm il-kumpannija ta’ kontroll PKP S.A. kif ukoll kumpanniji tat-trasport ferrovjarju oħra li jiddependu mill-kumpannija holding.

It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma ħaditx il-miżuri xierqa — skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14/KE u l-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440/KEE — sabiex tiżgura l-kisba fil-ħin ta’ ekwilibriju finanzjarju mill-amministratur tal-infrastruttura PLK S.A.. Ir-Repubblika tal-Polonja awtorizzat lill-PLK S.A. takkumula telf sal-2012.

It-tielet nett, skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma pprovdietx is-sistema speċjali ta’ inċentivi rikjesta mill-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14/KE għall-kumpannija PLK S.A. sabiex tnaqqas l-ispejjeż u l-piż għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

Ir-raba’ nett, skont il-Kummissjoniu, ir-Repubblika tal-Polonja ma ħaditx — minkejja l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE — il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-piżijiet miġbura għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja jiġu kkalkolati abbażi ta’ spejjeż imputabbli direttament lill-użu tas-servizz ferrovjarju. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma pprovdietx il-mekkaniżmu ta’ kontroll rikjest mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, li jippermetti li jiġi stabbilit jekk il-partijiet varji tas-suq jistgħux isostnu ekonomikament il-piżijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja u għall-użu tagħha.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404.