4.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 328/19 |
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ungerija
(Kawża C-473/10)
()
2010/C 328/36
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk u B.D. Simon, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ungerija
Talbiet tar-rikorrenti
Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
(1) |
tiddikjara li r-Repubblika tal-Ungerija:
|
(2) |
tordna li r-Repubblika tal-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
L-għan tad-Direttiva 91/440/KEE u tad-Direttiva 2001/14/KE huwa li jiggarantixxu l-aċċess għall-infrastruttura tal-ferroviji għall-impriżi f’dan il-qasam taħt kundizzjonijiet ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-imsemmija direttivi jipprovdu li l-korpi li jipprovdu servizzi ta’ trasport ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet rigward l-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferroviji u li korp indipendenti għandu jieħu ħsieb l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura. Jekk impriża tal-ferroviji tieħu ħsieb il-ġestjoni tat-traffiku, tikseb neċessarjament vantaġġ kompetittiv, għaliex, sabiex twettaq dawn il-kompiti ta’ ġestjoni, għandu jkollha informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li jipprovdu l-impriżi tal-ferroviji, il-volum tagħhom u l-ħinijiet tagħhom.
Dan ir-rikors ġie mmotivat, fost l-oħrajn, mill-fatt li fl-Ungerija, bi ksur ta’ dak li ġie stabbilit mid-direttivi msemmija, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ferroviji tinsab f’idejn korpi li jipprovdu servizzi ta’ trasport bil-ferrovija.
Ma jistax jitqies li l-ġestjoni tat-traffiku hija attività ta’ amministrazzjoni tal-infrastruttura li ma hijiex marbuta mal-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferrovija jew mal-allokazzjoni tal-kapaċità, peress li min iwettaq dan neċessarjament jieħu sehem fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward tali indikazzjoni jew allokazzjoni. Minn naħa, dak li jieħu ħsieb il-ġestjoni tat-traffiku għandu jkun informat bid-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċità sabiex ikun jista’ jiżviluppa l-attività ta’ ġestjoni tiegħu; min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ disturb fit-traffiku jew ta’ emerġenza għandu jieħu l-miżuri li jirriżultaw neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni fit-termini stabbiliti, u dan jimplika neċessarjament allokazzjoni ġdida tal-kapaċità tan-netwerk u indikazzjoni ġdida tal-mogħdiji għall-ferrovija disponibbli.
Il-prinċipju tal-indipendenza tal-ġestjoni tat-traffiku huwa miskur sa fejn fl-Ungerija, l-impriżi tal-ferroviji joħorġu fatturi dettaljati dwar it-tariffi għall-użu tal-infrastrutturi. Peress li l-fatturi dettaljati jirreferu neċessarjament, fost l-oħrajn, għas-servizzi użati minn impriżi tal-ferroviji speċifiċi, kif ukoll għall-volum u għall-ħinijiet tagħhom, huma jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-impriżi li joħorġuhom.
Barra min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza fl-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferrovija, ir-Repubblika tal-Ungerija naqset ukoll milli twettaq l-obbligi li joħorġu mid-Direttivi 91/440 u 2001/14, sa fejn:
— |
ma stabbilietx r-rekwiżiti neċessarji sabiex tiżgura l-bilanċ finanzjarju tal-amministraturi tal-infrastrutturi; |
— |
ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tobbliga lill-amministraturi tal-infrastrutturi jnaqqsu t-tariffi ta’ aċċess għan-netwerk u l-ispejjeż għall-ġestjoni; |
— |
ma adottatx il-miżuri ta’ eżekuzzjoni neċessarji sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ spejjeż diretti fid-determinazzjoni tat-tariffi għall-aċċess permezz ta’ stallazzjonijiet ta’ servizz u, fl-aħħar nett, |
— |
ma adottatx sistema ta’ miżuri sabiex tagħti inċentiv lill-impriżi ta’ ferroviji u lill-amministratur tal-infrastrutturi sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun id-disturbi u sabiex itejbu l-ħidma tan-netwerk tal-ferroviji. |
(1) Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).
(2) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).