6.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 301/8 |
Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Awwissu 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-397/10)
()
2010/C 301/10
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Keppenne u I.V. Rogalski, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tikkonstata li, billi impona l-obbligi li ġejjin fir-rigward tal-attivitajiet tal-aġenziji ta’ xogħol temporanju: l-esklussività tal-attività ta’ provvista ta’ xogħol fl-għan tal-impriża (fit-territorju tar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale); forma legali partikolari (fit-territorju tar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale) u ż-żamma ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 30 987 (fir-reġjun ta’ Vlaanderen), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 TFUE; |
— |
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqajjem tliet ilmenti insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 56 tat-Trattat Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-rekwiżit tal-esklussività tal-attività ta’ provvista ta’ impjieg fl-għan tal-impriża jikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li huma awtorizzati jeżerċitaw hemmhekk attivitajiet ta’ natura oħra. Fil-fatt, din il-miżura tobbliga lill-imsemmija impriżi jemendaw l-istatut tagħhom sabiex jipprovdu servizzi, anki b’mod temporanju, fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale.
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li l-obbligu għal impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li jkollha forma jew statut legali partikolari jikkostitwixxi restrizzjoni importanti għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, invokat mill-konvenut bħala ġustifikazzjoni, jista’ fil-fatt jintlaħaq minn miżuri nqas restrittivi, bħall-obbligu ta’ impriża li turi li għandha assigurazzjoni adattata.
Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika fl-aħħar l-obbligu, previst mir-reġjun ta’ Vlaanderen, ta’ żamma ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 30 987, sa fejn tali rekwiżit jimplika li ċerti impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jkollhom jemendaw il-kapital azzjonarju tagħhom sabiex jipprovdu servizzi fil-Belġju, anki b’mod temporanju. Issa, mezzi nqas restrittivi, bħal garanzija jew is-sottoskrizzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema segwit mill-konvenut.