19.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/26 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fit-2 ta’ April 2010 — Gerhard Fuchs vs Land Hessen
(Kawża C-160/10)
(2010/C 161/35)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Frankfurt am Main.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Peter Köhler.
Konvenut: Land Hessen.
Domandi preliminari
(1) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Hessisches Beamtengesetz dwar il-limitu obbligatorju tal-età tal-irtirar tal-uffiċjali, huma bbażati fuq interess ġenerali skont il-kriterji tad-dritt tal-Unjoni? F’dan ir-rigward, jitqajmu fuq kollox is-segwenti domandi partikolari:
|
(2) |
X’inhuma r-rekwiżiti li limitazzjoni fl-età fis-sens tal-HBG għandha jkollha sabiex tkun xierqa u adattata għat-twettiq tal-għan imħaddan? Hemm bżonn ta’ investigazzjonijiet iktar profondi sabiex jiġi stabbilit ir-rapport tan-numru — probabbli — ta’ ħaddiema tas-servizz pubbliku li jibqgħu volontarjament fis-servizz wara l-età tal-irtirar għan-numru li jixtiequ jirċievu pensjoni sħiħa meta jaslu għall-età tal-pensjoni, jekk mhux qabel, u b’hekk ċertament iridu jitilqu mis-servizz? Ma jkunx xieraq f’dan ir-rigward li tingħata preferenza volontarja ta’ rtirar fuq irtirar obbligatorju, stante li arranġamenti għall-pensjonijiet isiru sabiex jitnaqqsu meta dawn jittieħdu qabel ma tintlaħaq l-età stabbilita ta’ rtirar sabiex jiġi prekluż infiq mhux raġonevoli ta’ baġit għall-pensjonijiet u spejjeż relatati tax-xogħol (tluq volontarju minflok tluq obbligatorju bħala l-arranġament iktar xieraq u fil-prattika, mhux inqas adegwat). Jista’ ikun xieraq u neċessarju li tintemm awtomatikament, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ inadegwatezza għas-servizz, ir-relazzjoni tax-xogħol tal-uffiċjali li jkunu laħqu ċerta età, fil-każ preżenti li jkunu għalqu 65 sena? Huwa xieraq li ż-żamma fis-sevizz pubbliku, li fih innifsu huwa possibbli, f’kwalunkwe każ sal-età ta’ 68 sena, ikun esklussivament abbażi tal-interessi partikolari tal-entità pubblika li tħaddem u li n-nuqqas ta’ interess ta’ dan it-tip iwassal neċessarjament għat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, mingħajr l-ebda possibbiltà ġuridika taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li wieħed jerġa jinħatar? Meta, minflok tillimita ruħha għall-iffissar, b’mod konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE, tal-kundizzjonijiet ta’ kisba ta’ pensjoni ta’ rtirar bir-rata sħiħa, il-limitu tal-età jinvolvi neċessarjament it-telf tax-xogħol, dan il-limitu għandu jkun ikkunsidrat bħala li jaffettwa b’mod mhux iġġustifikat l-interessi tal-persuni anzjani, ikkomparat ma’ dawk ta’ persuni iżgħar fl-età, li l-valur tagħhom, bħala prinċipju, ma huwiex ogħla? Jekk l-għan li jiġu ffaċilitati r-reklutaġġ u/jew il-promozzjonijiet huwa rrikonoxxut bħala leġittimu, x’inhuma r-rekwiżiti fattwali speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi stabbilit sa liema punt il-possibbiltajiet korrispondenti huma verament meħuda? F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għal kull entità pubblika li tħaddem li tapplika l-limitu tal-età jew għall-entitajiet pubbliċi li jħaddmu kollha li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni, u s-suq tax-xogħol inġenerali għandu jkun inkluż jew le? Fid-dawl tal-lakuni ta’ karattru demografiku diġà perċepibbli fis-suq tax-xogħol u tal-ħtieġa imminenti ta’ persunal ikkwalifikat ta’ kull tip, inkluż fosthom fis-servizz pubbliku federali u tal-Lands, huwa xieraq u neċessarju li l-uffiċjali adatti għas-servizz u li jixtiequ jeżerċitaw l-attività tagħhom ikunu mġegħla jitilqu mis-servizz pubbliku, minkejja l-ħtieġa imminenti u kunsiderevoli ta’ persunal, li s-suq tax-xogħol bil-kemm ikun jista’ jissodisfa? F’dan ir-rigward ikun neċessarju li fil-futur tinġabar din l-informazzjoni li tirrigwarda kull parti tas-suq tax-xogħol? |
(3) |
X’rekwiżiti fil-qasam tal-koerenza għandhom jiġu sodisfatti mid-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-limitu fl-età previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Hessen, u jekk ikun il-każ, mil-leġiżlazzjoni federali Ġermaniża? Jista’ jiġi kkunsidrat li ma hemmx kontradizzjoni bejn il-paragrafu 1 u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 50 tal-HBG, b’mod li l-proroga fir-relazzjoni tax-xogħol wara l-limitu tal-età tiddependi esklużivament fuq interessi tal-entità pubblika li tħaddem? Interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) tal-HBG konformi mad-direttiva tista’, jekk ikun il-każ, twassal sabiex, bl-iskop li tiġi evitata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ir-relazzjoni tax-xogħol tkun dejjem ipprorogata jekk l-ebda raġuni tas-servizz ma tipprojbiha? X’inhuma r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn raġuni bħal din ta’ servizz? Għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex l-interessi ta’ servizz jeħtieġu ż-żamma tar-relazzjoni tax-xogħol, huwa biżżejjed li t-tmiem tagħha jwassal għal diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età? B’liema mod interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 50(3) tal-HBG tista’ tippermetti li tipproroga jew terġa tibda l-kariga ta’ uffiċjal tar-rikorrenti, anki jekk dak l-impjieg kien diġà ġie tterminat? F’din is-sitwazzjoni jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-HBG tibqa inapplikabbli sakemm ir-rikorrenti tagħlaq 68 sena? Huwa xieraq u neċessarju li minn naħa jitwaqqaf it-tluq volontarju mill-età ta’ 60 jew 63 sena rispettivament, billi jitnaqqas b’mod permanenti l-ammont tal-pensjoni ta’ irtirar, billi min-naħa l-oħra tiġi eskluża l-proroga volontarja tar-relazzjoni tax-xogħol wara l-65 sena, ħlief jekk l-entità pubblika li tħaddem turi eċċezzjonalment interess partikolari f’din il-proroga? L-eżistenza ta’ skemi iktar vantaġġużi previsti għall-persuni li jibbenefikaw minn xogħol part-time għal persuni anzjani minn naħa u għall-uffiċjali reklutati għal perijodu fiss min-naħa l-oħra jneħħu mil-limitu fl-età previst fl-Artikolu 50(1) tal-HBG l-karattru tiegħu xieraq u neċessarju? Mill-perspettiva tal-koerenza, kif jeħtieġ li jiġu evalwati r-regolamenti differenti tad-dritt tas-servizz pubbliku, tad-dritt tax-xogħol u tad-dritt tas-sigurtà soċjali li minn naħa għandhom bħala għan li permanentement iżidu l-età tal-pensjoni tal-irtirar bir-rata sħiħa, minn naħa oħra jipprojbixxu t-terminazzjoni minħabba li tkun intlaħqet l-età prevista għall-pensjoni tax-xjuħija normali u minn naħa oħra timponi t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tal-persuni li laħqu din l-età? Huwa importanti mill-perspettiva tal-koerenza li ż-żieda progressiva tal-limiti fl-età fis-sigurtà soċjali u fis-servizz pubbliku tal-Istat Federali u ta’ ċerti Lands isservi qabel kollox l-interess tal-impjegati sabiex ikunu suġġetti l-iktar tard possibbli għall-kundizzjonijiet iktar stretti applikabbli għall-kisba ta’ pensjoni tax-xjuħija bir-rata sħiħa fis-settur pubbliku jew fis-settur privat? Dawn id-domandi għandhom ikunu kkunsidrati irrilevanti għaliex l-uffiċjali suġġetti għall-HBG għadhom ma huma suġġetti għall-ebda żieda fil-limitu fl-età, filwaqt li din iż-żieda hija imminenti għall-membri tal-persunal bil-kuntratt? |
(1) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)