19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Târgu-Mureș (ir-Rumanija) fil-15 ta’ Marzu 2010 — Daniel Ionel Obreja vs Direcția Generală a Finanțelor Publice a județului Mureș, Administrația Fondului pentru Mediu

(Kawża C-136/10)

(2010/C 161/26)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Târgu — Mureș

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Daniel Ionel Obreja

Konvenut: Direcția Generală a Finanțelor Publice a județului Mureș, Administrația Fondului pentru Mediu

Domandi preliminari

(1)

L-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tniġġis għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Diċembru 2008 permezz tad-dispożizzjoni nazzjonali Rumena inkwistjoni (id-Digriet urgenti — Ordonanță de Urgență a Guvernului jew il-“OUG” — Nru 50/2008) hija konformi mal-prinċipji tal-unjoni doganali u tal-projbizzjoni ta’ taxxa doppja kif jirriżultaw mill-Artikoli 23, 25 u 90 KE inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jawtorizzaw l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tniġġis bil-għan previst mil-leġiżlatur Rumen fil-preambolu tal-OUG Nru 50/2008, liema għan jirriżulta wkoll mill-Artikoli 174 KE et seq: l-għan li jiġi żgurat il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-implementazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti intiżi sabiex itejbu l-kwalità tal-arja u sabiex jintlaħqu l-valuri limiti previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam? Fi kliem ieħor, b’mod iktar preċiż: fil-każ tal-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tniġġis fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imposta fuq l-ewwel reġistrazzjoni f’dan l-Istat ta’ vettura bil-mutur ġdida jew użata li toriġina minn Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 174 KE et seq jippermettu li ma jiġux applikati l-Artikoli 23, 25 u 90 KE?

(2)

Jekk tali vettura bil-mutur tkun ġiet suġġetta, fi Stat Membru, għal taxxa simili, jiġifieri taxxa fuq it-tniġġis (bl-istess kontenut kunċettwali u għall-istess għan, jiġifieri intiża għal ħarsien tal-ambjent skont il-prinċipji u l-għanijiet iddefiniti fl-Artikoli 174 KE et seq) meta din tkun ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fi Stat Membru ieħor, huwa possibbli li tiġi introdotta tali taxxa fuq it-tniġġis li għandha l-istess għanijiet bħal dawk previsti fl-Artikoli 174 KE et seq, anki jekk din il-vettura bil-mutur diġà kienet ġiet suġġetta qabel għal taxxa fuq it-tniġġis fi Stat Membru ieħor?

Fl-aħħar, fil-każ oppost fejn tali vettura bil-mutur ma tkunx ġiet suġġetta, fi Stat Memrbu ieħor, għal taxxa fuq it-tniġġis (jew għaliex tali taxxa ma teżistix, jew għal xi raġuni oħra), iżda fejn, waqt reġistrazzjoni sussegwenti fi Stat Membru ieħor, pereżempju fir-Rumanija, fejn taxxa ta’ dan it-tip hija imposta, it-taxxa fuq it-tniġġis hija imposta waqt l-ewwel reġistrazzjoni f’tali Stat, jista’ jiġi kkunsidrat li hemm ksur tal-prinċipji tal-unjoni doganali jew ta[l-projbizzjoni ta]l-protezzjoni nazzjonali indiretta previsti fl-Artikoli 23, 25 u 90 KE?