1.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Marknadsdomstolen (l-Isvezja) fit-8 ta’ Marzu 2010 — Konsumentombudsmannen vs Ving Sverige AB

(Kawża C-122/10)

2010/C 113/55

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Marknadsdomstolen (l-Isvezja).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Konsumentombudsmannen.

Konvenuta: Ving Sverige AB.

Domandi preliminari

(1)

Il-kundizzjoni espressa bil-kliem “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”; fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (1), għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l-informazzjoni dwar il-prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni li jixtri, jew jeħtieġ li l-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi wkoll mezz konkret sabiex jinxtara l-prodott (pereżempju, formula tal-ordni) jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz (pereżempju, reklam barra l-ħanut)?

(2)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun li l-komunikazzjoni kummerċjali għandha tinkludi mezz konkret sabiex jinxtara l-prodott, din il-kundizzjoni għandha titqies li hija sodisfatta bis-sempliċi fatt li l-komunikazzjoni tirreferi għal numru tat-telefon jew għal indirizz tal-Internet fejn il-prodott jista’ jiġi ordnat?

(3)

L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni tal-prezz hija sodisfatta jekk il-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi prezz inizjali, jiġifieri l-prezz l-iktar baxx li bih il-prodott jew it-tip ta’ prodotti kkummerċjalizzati jista’ jinxtara, meta dan jeżisti f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut differenti, bi prezzijiet li mhumiex indikati?

(4)

L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott hija sodisfatta mill-mument li l-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott (“verbal or visual reference to the product”) (2), b’tali mod li dan jiġi identifikat mingħajr ma jiġi deskritt b’mod ulterjuri?

(5)

Jekk għad-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva, din tapplika wkoll fil-każ li l-prodott ikkummerċjalizzat jiġi offrut f’verżjonijiet differenti, meta l-komunikazzjoni kummerċjali tirreferi għalihom biss b’isem wieħed komuni?

(6)

Fil-każ ta’ stedina għax-xiri, l-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il-kummerċjant jirreferi għas-sit tal-Internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi l-informazzjoni essenzjali dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodotti, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħrajn, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(4)?

(7)

L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, sabiex ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-prezz jitqiesu sodisfatti, jiġi ddikjarat prezz inizjali?


(1)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p. 22).

(2)  Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni “Dokument ta’ orjentazzjoni dwar l-implementazzjoni/applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi żleali fin-negozju” [SEC(2009) 1666], p. 47 et seq.