19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/14


Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2010 minn Solvay SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-17 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-57/01, Solvay vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-109/10 P)

(2010/C 161/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Solvay SA (rappreżentanti: P.-A. Foriers, R. Jafferali, F. Louis, A. Vallery, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza kkonċernata tas-17 ta’ Diċembru 2009;

għaldaqstant, terġa’ teżamina r-rikors fuq il-punti annullati u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2000, parzjalment jew fl-intier tagħha, skont il-portata tal-motivi msemmija;

tannulla l-multa ta’ EUR 19-il miljun jew, inkella, tnaqqasha sostanzjalment bħala ħlas għad-dannu gravi subit mir-rikorrenti minħabba d-dewmien straordinarju tal-proċeduri;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka disa’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa magħmul minn ħames partijiet, l-appellanti ssosnti ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien xieraq inkwantu d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2000 (1), ġiet adottata iktar minn għaxar snin wara l-bidu tal-investigazzjonijiet jew, tal-anqas, wara l-bidu tal-proċedimenti permezz tan-notifika tal-ilmenti tal-Kummissjoni lill-appellanti. B’mod partikolari, Solvay takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma evalwatx globalment it-terminu sabiex tinkludi kemm il-fażi amministrattiva kif ukoll dik ġuridika tal-proċedura (l-ewwel parti), li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dewmien tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali (it-tieni parti), li ssuġġettat il-multa għall-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-prova ta’ ksur konkret tad-drittijiet tad-difiża tagħha meta ż-żewġ prinċipji huma indipendenti u distini (it-tielet parti), li ddeċidiet li tali ksur f’dan il-każ huwa ineżistenti (ir-raba’ parti) u li żnaturat il-fatti tal-kawża inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti rrinunċjat milli titlob, sussidjarjament, tnaqqis tal-multa minħabba l-iskadenza tat-terminu raġonevoli (il-ħames parti), meta hija kienet talbet espressament l-annullament jew, tal-anqas, it-tnaqqis tal-multa għal din ir-raġuni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li huwa magħmul minn tliet partijiet, Solvay tinvoka l-ksur tal-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17/62 (2) inkwantu l-Qorti Ġenerali aċċettat l-użu li għamlet il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ dokumenti miksuba matul verifiki dwar parteċipazzjoni eventwali f’akkordji u/jew prattiki miftiehma abbażi tal-Artikolu 101 TFUE (l-ewwel parti). L-appellanti takkuża wkoll lill-Qorti Ġenerali talli aċċettat li l-Kummissjoni tuża kontra tagħha dokumenti miġbura b’kumbinazzjoni, meta dak iż-żmien din ma setgħetx, fin-nuqqas ta’ suspetti, tagħmel kontroll intiż sabiex tiġbor dawn id-dokumenti (it-tieni parti). Fl-aħħar nett, hija takkużaha talli żnaturat il-fatti tal-kawża billi sabet xebħ materjali bejn il-fatti li d-deċiżjoni ta’ verifika kienet intiża li tfittex u dawk li kienu ta’ bażi għall-kundanna tagħha (it-tielet parti).

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li huwa magħmul minn sitt partijiet, l-appellanti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, mill-Qorti Ġenerali, inkwantu imponitilha li turi li atti tal-proċess, mitlufa mill-Kummissjoni, setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (l-ewwel parti). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe eżami provviżorju tal-proċess, ma jistax jiġi eskluż ex officio li d-dokumenti inkwistjoni setgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni (it-tieni u t-tielet partijiet). Fl-aħħar nett, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li hija ma pprovatx li l-atti li ntilfu setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ir-raba’ parti), l-iskont mogħti lill-grupp Saint-Gobain (il-ħames parti) u d-definizzjoni ta’ suq ġeografiku rilevanti (is-sitt parti).

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Solvay issostni ksur tad-drittijiet tad-difiża, tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-atti tal-proċess mitlufa ma kinux utli għad-difiża tagħha, meta huwa biżżejjed li dawn il-partijiet setgħu jippermettulha li ssostni motivi fformulati preliminarjament, pjuttost milli tippermetti l-formulazzjoni ta’ motivi ġodda (l-ewwel parti), u li setgħu jipprovdulha l-possibbiltà, anki jekk ridotta, li tinfluwenza d-direzzjoni tad-deċiżjoni appellata (it-tieni parti).

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tikkundanna l-ksur tad-dritt tagħha li tinstema’ wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel deċiżjoni li kienet timponilha multa u qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sentenza appellata ma tissodisfax ir-rikors għal annullament tagħha u tirrifjuta li tirrikonoxxi l-obbligu tal-Kummissjoni li tisma’ lill-impriża inkwistjoni meta sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat irregolarità proċedurali li tkun affettwat il-miżuri preparatorji.

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-kumpannija appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE u b’nuqqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi aċċettat definizzjoni alternattiva tas-suq ġeografiku rilevanti, kemm jekk huwa suq ta’ daqs Komunitarju jew swieq nazzjonali.

Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 102 TFUE, Solvay tikkritika l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li s-suq rilevanti huwa ta’ daqs Komunitarju (l-ewwel parti) jew nazzjonali (it-tieni parti). Barra minn hekk, hija takkuża lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li juru n-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti (it-tielet parti).

Permezz tat-tmien aggravju tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE u nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-iskont ta’ 1.5 % mogħti lill-grupp Saint-Gobain jikkostitwixxi tnaqqis ta’ fedeltà li jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

Permezz tad-disa’ aggravju tagħha, ir-rikorrenti tikkritika nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll ksur tal-Artikolu 102 TFUE inkwantu l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ prattika diskriminatorja li tirriżulta mis-sistema ta’ tnaqqis mogħti lill-imsieħba kummerċjali, fin-nuqqas anki ta’ stħarriġ intiż sabiex jivverfika jekk l-imsemmija prattika ħolqotx jew le żvantaġġ kompetittiv bejn il-klijenti tal-fornitur dominanti (l-ewwel parti). Fl-aħħar nett, Solvay takkuża lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-parti minima li jirrappreżenta l-karbonat tas-soda fil-prezzijiet finali tal-klijenti tagħha (it-tieni parti).


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/6, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/33.133 — C-Karbonat tas-soda — Solvay) (ĠU 2003 L 10, p. 10).

(2)  Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3)