1.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/21


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2010 minn European Renewable Energies Federation ASBL (EREF) mid-digriet mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) fid-19 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-94/07, European Renewable Energies Federation ASBL (EREF) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-74/10 P)

2010/C 113/32

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: European Renewable Energies Federation ASBL (EREF) (rappreżentant: J. Kuhbier, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-94/07, EREF vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej;

tibgħat lura l-kawża quddiem is-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali;

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tal-proċedura tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-94/07 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiġi eżaminata mill-ġdid.

L-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-avukat tagħha, Dr Fouquet, ma setgħetx tirrappreżentaha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li għalhekk ir-rikors tagħha kien inammissibbli.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li peress li Dr Fouquet inħatret direttur tal-EREF fid-29 ta’ Ġunju 2004, hija ma setgħetx titqies iktar bħala terz indipendenti. L-appellanti tqis li Dr Fouquet ma nħatritx formalment direttur tal-EREF, u taħt id-dritt Belġjan tali ħatra kienet tkun teħtieġ li tiġi uffiċjalment irreġistrata mal-awtoritajiet kompetenti Belġjani. L-istatus ta’ direttur ta’ Dr Fouquet mal-EREF kien biss titolari u mhux relatat, jew relatat b’mod limitat biss, mas-setgħa ta’ rappreżentazzjoni.

L-appellanti ssostni wkoll li anki jekk jitqies li l-kariga ta’ Dr Fouquet bħala direttur kienet ta’ natura formali, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-kriterji sabiex tevalwa l-istatus ta’ avukat bħala terz indipendenti. Qiegħed jiġi sottomess li l-Qorti tal-Prim’Istanza la interpretat b’mod tajjeb is-sitwazzjoni legali tar-rappreżentant tal-EREF quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas it-tqassim reali tal-kompiti u obbligi bejn Dr Fouquet u EREF. Skont id-dritt Ġermaniż, il-kariga ta’ Dr Fouquet bħala direttur tal-EREF kienet tippermettilha li tirrappreżenta lill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.