17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/23


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-44/10)

2010/C 100/33

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro u P. Guerra e Andrade, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi, permezz tal-għoti ta’ permessi skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/1/KE (1), u billi lanqas ma adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi, permezz tal-kunsiderazzjoni mill-ġdid u l-aġġornament eventwali tal-permessi tal-installazzjonijiet eżistenti, li, mit-30 ta’ Ottubru 2007, jibdew jitħaddmu skont l-Artikoli 3, 7, 9, 10, 13, 14(a) u (b), u 15(2), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (iktar ’il quddiem id-Direttiva IPPC).

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-Artikoli 4 u 5(1) tad-Direttiva IPPC, moqrija flimkien, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-għoti ta’ permessi, fir-rigward ta’ installazzjonijiet ġodda jew eżistenti, skont kif inhu stabbilit mill-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva. Barra minn hekk, huma għandhom jikkunsidraw mill-ġdid u eventwalment jaġġornaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-permessi fir-rigward tal-installazzjonijiet eżistenti sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007.

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-amministrazzjoni Portugiża fl-2008, minn naħa, fir-rigward ta’ numru ta’ installazzjonijiet, ma ntalabx il-permess rispettiv. Min-naħa l-oħra, minn total ta’ 632 installazzjoni, 280 kienu qed jitħaddmu mingħajr ma nħareġ il-permess rispettiv tagħhom.

Skont informazzjoni aġġornata, minn total ta’ 577 installazzjoni, 481 għandhom il-permess filwaqt li 17-il applikazzjoni jinsabu pendenti sakemm jiġu evalwati.


(1)  ĠU L 24, p. 8