13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/38


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit) fil-11 ta’ Jannar 2010 — Nickel Institute vs Secretary of State for Work and Pensions

(Kawża C-14/10)

2010/C 63/61

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Nickel Institute

Konvenut: Secretary of State for Work and Pensions

Domandi preliminari

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE (1) (“it-30 Direttiva ATP”) u/jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009 (2) (l-“Ewwel Regolament ATP”), huma invalidi, sa fejn huma intiżi sabiex jikklassifikaw jew jirriklassifikaw il-karbonati tan-nikel skont l-effetti rilevanti, peress li:

(a)

il-klassifikazzjonijiet saru mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet intrinsiċi tal-karbonati tan-nikel skont il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ data stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva 67/548/KEE (3) (Id-“Direttiva dwar sustanzi perikolużi”);

(b)

ma kienx hemm kunsiderazzjoni xierqa dwar jekk il-proprjetajiet intrinsiċi tal-karbonati tan-nikel jistgħux jippreżentaw riskju waqt trattament u użu normali, kif meħtieġ mit-Taqsimiet 1.1 u 1.4 tal-Anness VI għad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi;

(c)

ma ġewx stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi;

(d)

il-klassifikazzjonijiet kienu bbażati illegalment fuq dikjarazzjoni ta’ deroga mħejjija sabiex evalwazzjoni ta’ riskju setgħet issir minn awtorità kompetenti skont ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 (4); u/jew

(e)

ma ngħatawx ir-raġunijiet għall-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet kif meħtieġ mill-Artikolu 253 KE?

(2)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE (5) (il-“31 Direttiva ATP”) u/jew l-Ewwel Regolament ATP huma invalidi, sa fejn huma intiżi sabiex jikklassifikaw jew jirriklassifikaw l-idrossidi tan-nikel u sustanzi tan-nikel fi gruppi (flimkien, is-“sustanzi tan-nikel ikkontestati”) għall-għanijiet diġà invokati, peress li:

(a)

il-klassifikazzjonijiet saru mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tan-nikel ikkontestati skont il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ data stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi, imma pjuttost abbażi ta’ ċerti metodi ta’ referenzi kollettivi;

(b)

ma kienx hemm kunsiderazzjoni xierqa dwar jekk il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tan-nikel ikkontestati jistgħux jippreżentaw riskju waqt trattament u użu normali, kif meħtieġ mit-Taqsimiet 1.1 u 1.4 tal-Anness VI għad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi; u/jew

(c)

ma ġewx stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi?

(3)

L-Ewwel Regolament ATP huwa invalidu, sa fejn jikkonċerna l-karbonati tan-nikel u s-sustanzi tan-nikel ikkontestati, peress li:

(a)

ma ġewx stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (6) (ir-“Regolament CLP”) ma kinux ġew stabbiliti, u/jew

(b)

il-klassifikazzjonijiet għat-Tabella 3.1 tal-Anness VI għar-Regolament CLP ġew stabbiliti mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet tal-karbonati tan-nikel u tas-sustanzi tan-nikel ikkontestati skont il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ data stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament CLP, imma pjuttost skont l-Anness VII tar-Regolament CLP?


(1)  Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba, d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkjettar tas-sustanzi perikolużi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 246, p. 1)

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 235, p. 1)

(3)  Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27)

(4)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93, tat-23 ta’ Marzu 1993, dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 212)

(5)  Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE, tal-15 ta’ Jannar 2009, li temenda, bil-għan li tadattaha għall-progress tekniku, għall-31 darba, id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 11, 16.1.2009, p. 6)

(6)  Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 353, p. 1)