27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/12


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-6/10)

2010/C 80/21

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braun u L. de Schietere de Lophem, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottax fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha, sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (1) jew, fi kwalunkwe każ, billi naqas milli jikkomunikahom lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/46/KE skada fil-5 ta’ Settembru 2008. Issa, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-konvenut ma kienx ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex jittrasponi d-direttiva jew, fi kwalunkwe każ, huwa ma kienx informa lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 224, p. 1.