SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti — Sejħa għal offerti ristretta — Evalwazzjoni tal-offerta — Talbiet tal-awtorità kontraenti sabiex tiġi ċċarata l-offerta — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C-599/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

SAG ELV Slovensko a.s.,

FELA Management AG,

ASCOM (Schweiz) AG,

Asseco Central Europe a.s.,

TESLA Stropkov a.s.,

Autostrade per l’Italia SpA,

EFKON AG,

Stalexport Autostrady SA

vs

Úrad pre verejné obstarávanie,

fil-preżenza ta’:

Národná dial’ničná spoločnost’ a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SAG ELV Slovensko a.s., FELA Management AG, ASCOM (Schweiz) AG, Asseco Central Europe a.s. u TESLA Stropkov a.s., minn R. Gorej, L. Vojčík u O. Gajdošech, avukati,

għal Autostrade per l’Italia SpA, EFKON AG u Stalexport Autostrady SA, minn L. Poloma u G. M. Roberti, avukati,

għall-Úrad pre verejné obstarávanie, minn B. Šimorová, bħala aġent,

għal Národná diaľničná spoločnosť a.s., minn D. Nemčíková u J. Čorba, advokát,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 51 u 55 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-Úrad pre verejné obstarávanie (Uffiċċju tal-kuntratti pubbliċi, iktar ’il quddiem l-“Úrad”) u impriżi esklużi minn sejħa għal offerti mnedija matul l-2007 minn Národná diaľničná spoločnosť a.s. (iktar ’il quddiem “NDS”), kumpannija kummerċjali kkontrollata 100 % mill-Istat Slovakk, għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġbir ta’ taxxi fuq l-awtostradi u ċerti rotot.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt al-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

4

L-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, li, fi ħdan it-Titilu II, Kapitolu VII, jaqa’ taħt it-Taqsima 2, intitlolat “Kriterji għal għażla kwalitattiva”, jipprovdi:

“L-awtorità kontrattwanti tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50”.

5

L-Artikolu 55 tal-imsemmija direttiva, li jaqa’ taħt it-Taqsima 3, intitolat “Għotja tal-kuntratt”, jipprovdi:

“1.   Jekk, għal kuntratt mogħti, offerti jidhru abnormalment baxxi relatati ma’ merkanzija, xogħlijiet jew servizzi, l-awtorità kontrattwanti għandha, qabel ma tkun tista’ tirrifjuta dawk l-offerti, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tqis rilevanti.

Dawk id-dettalji jistgħu jirrelataw partikolarment ma’:

a)

l-ekonomiji tal-metodu ta’ kostruzzjoni, il-proċess ta’ manifattura jew is-servizzi provduti;

b)

is-soluzzjonijiet Tekniċi magħżula u/jew kull kondizzjonijiet favorevoli eċċezzjonali disponibbli għal min ikun xeħet l-offerta għat-twettiq tax-xogħol, għal forniment ta’ merkanzija jew servizzi;

ċ)

l-oriġinalità tax-xogħol, fornimenti jew servizzi proposti minn min ikun xeħet l-offerta ;

d)

konformità mal-disposizzjonijiet relatati ma’ ħarsien ta’ xogħol u kondizzjonijiet ta’ xogħol fis-seħħ fil-post fejn ix-xogħol, servizz jew forniment ikunu se jiġu mwettqa;

e)

il-possibilità li min ikun xeħet l-offerta jikseb għajnuna mill-Istat.

2.   L-awtorità kontrattwanti għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti billi tikkonsulta lil min ikun xeħet l-offerta, tieħu akkont ta’ l-evidenza fornuta.

[...]”

Id-dritt nazzjonali

6

Skont l-Artikolu 42, intitolat “Proċess ta’ evalwazzjoni ta’ offerti”, tal-Liġi Nru 25/2006 dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, skont il-qorti tart-rinviju:

“1)   Il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ offerti mill-kummissjoni ma huwiex pubbliku. Il-kummissjoni tevalwa l-offerti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti dwar is-suġġett tal-kuntratt, u teskludi l-offerti li ma jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet, indikati fl-avviż ta’ aġġudikazzjoni pubbliku jew fl-avviż użat bħala motiv ta’ sejħa għal offerti u fl-ispeċifikazzjonijiet. [...]

Għall-evalwazzjoni ta’ offerti li għandhom varjanti, il-kummissjoni tipproċedi skont l-Artikolu 37(3).

2)   Il-kummissjoni tista’ tagħmel talba bil-miktub lill-offerenti sabiex jiċċaraw l-offerti tagħhom. Hija madankollu ma tistax titlob jew taċċetta offerta tal-offerent għal emenda li tiffavorixxi l-offerta.

3)   Jekk l-offerta tipproponi prezz anormalment baxx, il-kummissjoni titlob bil-miktub lill-offerenti sabiex jiċċaraw il-proposta ta’ prezz tagħhom. It-talba għandha tkun intiża sabiex jinkisbu d-dettalji tal-kompożizzjoni tal-offerta li l-kummissjoni tqis opportuni, u b’mod partikolari:

a)

l-ekonomija tal-proċess ta’ kostruzzjoni, tal-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti jew tal-provvista ta’ servizzi;

b)

is-soluzzjoni teknika jew il-kundizzjonijiet partikolarment favorevoli disponibbli għall-offerent sabiex jipprovdi l-provvisti, iwettaq ix-xogħlijiet jew jipprovdi s-servizzi;

c)

l-oriġinalità tal-provvisti, tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew tas-servizzi proposti mill-offerent;

d)

l-osservanza tal-leġiżlazzjoni relatata mal-protezzjoni tal-impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol fis-seħħ fil-post fejn il-provvisti huma disponibbli, fejn ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għandhom jitwettqu jew fejn is-servizzi għandhom jingħataw;

e)

il-possibbiltà li tinkiseb għajnuna mill-Istat mill-offerent.

4)   Il-kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kjarifika tal-offerta jew tal-prezzijiet anormalment baxxi, u l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-offerent. Il-kummissjoni teskludi l-offerta:

a)

jekk l-offerent ma jipprovdix spjegazzjonijiet bil-miktub fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara l-irċevuta tat-talba għal kjarifika, sakemm il-kummissjoni ma tistabbilixxix terminu itwal, jew

b)

jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafi 2 jew 3.

[...]

7)   Il-kummissjoni tevalwa l-offerti li ma kinux esklużi abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-avviż ta’ aġġudikazzjoni pubbliku, fl-avviż użat bħala mezz ta’ sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet, u abbażi tar-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom, mhux diskriminatorji u li huma favur kompetizzjoni ekonomika ġusta, kif jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet.

[...]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

7

NDS nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta, permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Settembru 2007, sabiex tikkonkludi kuntratt pubbliku, ta’ valur stmat ta’ iktar minn EUR 600 miljun, għall-provvista ta’ servizzi sabiex jinġabru taxxi fuq l-awtostradi u ċerti toroq.

8

Matul din il-proċedura, NDS bagħtet lil żewġ gruppi ta’ impriżi, applikanti fost oħrajn, talbiet għal kjarifika tal-offerta tagħhom. Dawn b’hekk kienu, minn naħa, SAG ELV Slovensko a.s., FELA Management AG, ASCOM (Schweiz) AG, Asseco Central Europe a.s. u TESLA Stropkov a.s. (iktar ’il quddiem “SAG ELV et”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, Autostrade per l’Italia SpA, EFKON AG u Stalexport Autostrady SA (iktar ’il quddiem “Slovakpass”). Minbarra domandi speċifiċi dwar kull waħda mill-offerti fuq l-aspetti tekniċi tagħhom, dawn iż-żewġ gruppi ntalbu jagħtu spjegazzjonijiet dwar il-prezzijiet anormalment baxxi proposti. Ingħataw risposti għal dawn id-domandi.

9

Sussegwentement, SAG ELV et u Slovakpass ġew esklużi mill-proċedura permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ April 2008.

10

Dawn id-deċiżjonijiet kienu kkontestati quddiem NDS, li kkonfermahom, sussegwentement quddiem il-korp amministrattiv ta’ appell kompetenti, l-Úrad, li min-naħa tiegħu ċaħad, fit-2 ta’ Lulju 2008, ir-rikorsi li ġie adit bihom.

11

L-Úrad ikkunsidra li, għalkemm waħda mir-raġunijiet invokati minn NDS sabiex tiġġustifika l-esklużjoni taż-żewġ gruppi involuti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ ċertifikati għal faċilitajiet li għadhom ma ġewx approvati, ma hijiex fondata, għall-kuntrarju, iż-żewġ raġunijiet l-oħra aċċettati ma jiġġustifikawx din l-esklużjoni. Minn naħa, dawn iż-żewġ gruppi ma pprovdewx risposta suffiċjenti għat-talba għal spjegazzjoni dwar il-prezzijiet anormalment baxxi tal-prezz tal-offerti tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn il-gruppi ma osservawx ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet, jiġifieri dawk li jinsabu fl-Artikolu 11. 1. P 1. 20 għal SAG ELV et, li imponew, essenzjalment, sabiex jiġu ddeterminati l-parametri għall-kalkolu tat-taxxi skont l-istaġuni, il-jiem tal-ġimgħa, is-sigħat tal-ġurnata, u dawk stabbiliti fl-Artikolu 12.T 1. 5 għal Slovakpass, li jimponu li jkun previst ġeneratur għall-provvista ta’ li jaħdem bid-diżil ta’ riżerva.

12

SAG ELV et u Slovakpass ikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Krajský súd Bratislava (Qorti Reġjonali ta’ Bratislava). Din tal-aħħar, b’sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, ċaħdet ir-rikors ta’ SAG ELV et. Din, ukoll, ċaħdet b’sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2009, ir-rikors ippreżentati minn Slovakpass, li kienet għaqdithom, u li saru, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Úrad tat-2 ta’ Lulju 2008 u min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni li biha NDS kienet ikkonfermat il-fondatezza tal-miżura tagħha tal-ħolqien ta’ kummissjoni ta’ evalwazzjoni ta’ offerti, ikkontestata barra minn hekk minn Slovakpass.

13

Minn dawn iż-żewġ sentenzi sar appell quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka). Fid-dawl tal-argumenti mqajma minn SAG ELV et u minn Slovakpass kif ukoll fid-dawl tar-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni Ewropea fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Slovakka minħabba irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-deċiżjonijiet ta’ NDS ikkonċernati josservawx il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni relatati man-nondiskriminazzjoni u mat-trasparenza fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk dawn il-prinċipji jipprekludux lil din l-awtorità kontraenti milli tiċħad offerta għal raġuni bbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet, mingħajr ma talbet minn qabel lill-applikant sabiex jispjega dan in-nuqqas, jew għal raġuni bbażata fuq in-natura anormalment baxxa tal-prezz tal-offerta, mingħajr ma staqsiet lill-applikant b’mod suffiċjentement ċar fuq dan il-punt.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva 2004/18/KE […], fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 51 u 2 tal-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jobbligaw lill-awtorità kontraenti titlob kjarifika tal-offerta, filwaqt li jkunu rispettati d-drittijiet proċedurali suġġettivi tal-individwu li jiġi mistieden jissuplimenta jew jiċċara ċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati skont l-Artikoli 45 u 50 tad-direttiva ċcitata iktar ’il fuq fil-każ fejn in-natura diffiċilment li tinftiehem u ftit ċara tal-offerta tista’ twassal għall-esklużjoni tagħha mill-kuntratt?

2)

Id-Direttiva 2004/18/KE [...], fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 51 u 2 tal-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ma jobbligawx lill-awtorità kontraenti titlob kjarifika tal-offerta jekk din tal-aħħar għandha l-prova li l-kundizzjonijiet relatati mas-suġġett tal-kuntratt ma jkunux sodisfatti?

3)

Dispożizzjoni ta’ dritt intern li tipprovdi li l-kummissjoni stabbilita għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-offerti tista’ biss titlob bil-miktub lill-parteċipanti iċċaraw [jiċċaraw] l-offerta hija kompatibbli mal-Artikoli 51 u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE [...], fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti?

Il-pożizzjoni tal-awtorità kontraenti li tikkonsisti fl-affermazzjoni li ma huwiex kompitu tagħha titlob lill-offerent jispjega prezz anormalment baxx hija konformi mal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18/KE [...] inkwantu, abbażi tal-ifformular tad-domanda indirizzata mill-awtorità kontraenti lir-rikorrenti rigward il-prezz anormalment baxx, [dawn tal-aħħar] kellhom il-possibbiltà jispjegaw b’mod suffiċjenti l-kompożizzjoni tal-offerta ppreżentata?”

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

15

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tagħhom ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza, dawn jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-gvern Slovakk eċċepixxa, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari peress li, fl-ewwel lok, fil-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju minn SAG ELV et, ma kien invokat ebda lment relatat mal-kjarifika tal-offerta tal-applikanti tas-sejħa għal offerti.

17

Madankollu, huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’talba waħda għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju b’konnessjoni ma’ żewġ kawżi li tressqu quddiemha fl-istess ħin u li kienu ngħaqdu. Għaldaqstant, il-fatt allegat mill-gvern Slovakk dwar ir-rikors ippreżentat minn SAG ELV et jista’, fi kwalunkwe każ, ikollu effett fuq l-ammissibbiltà ta’ din it-talba biss jekk huwa stabbilit li ebda lment relatat mal-kjarifika tal-offerta tal-applikanti għal sejħa għal offerti ma tqajjem lanqas fil-kawża prinċipali l-oħra. Peress li tali sitwazzjoni ma ġietx stabbilita u lanqas allegata, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

18

Fit-tieni lok, il-gvern Slovakk isostni li l-parti tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju li hija dwar it-talba għal kjarifika tal-offerta anormalment baxxa, kif ifformulata mill-awtorità kontraenti, hija mingħajr relazzjoni mal-kawża mressqa minn Slovakpass, li fiha ġiet ikkontestata quddiem il-qorti tal-appell l-evalwazzjoni li saret ta’ din it-talba li kienet saret mill-qorti ta’ prim’istanza.

19

Għalkemm il-gvern Slovakk isostni f’dan ir-rigward li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, il-qorti tar-rinviju ma tistax teżamina motiv ieħor barra minn dak li tqajjem quddiemha, tali lment, li huwa bbażat b’hekk fuq regola nazzjonali, ma jfissirx b’daqshekk li d-domanda magħmula hija manifestament mingħajr relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi inkwistjoni.

20

Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li, fil-kawżi prinċipali, l-esklużjoni tal-applikanti saret wara l-evalwazzjoni mill-awtorità kontraenti tar-risposti għat-talbiet għal klarifika tal-offerti li huma ppreżentaw. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jirrelataw mal-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jew jistgħu jsiru tali domandi fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ma jidhrux b’mod manifest li huma ma humiex relatati mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi inkwisjoni.

21

Għaldaqstant, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kawża.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

22

Kif irrileva l-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 2 tiegħu relatat mal-kriterji għal għażla kwalitattiva ta’ applikanti jew ta’ offerenti. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma għaldaqstant irrilevanti għall-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula u li huma relatati, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, biss mal-istadju tal-proċedura relatata ma’ sejħa għal offerti ristretta fejn, wara l-għażla tal-applikanti awtorizzati li jippreżentaw offerta, hija l-awtorità kontraenti li għandha tevalwa dawn l-offerti. Għaldaqstant ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18.

23

Fit-tieni lok, il-fatt li l-awtorità kontraenti, f’din il-kawża, waqqfet kummissjoni sabiex jevalwa f’isimha l-offerti tal-applikanti ma jneħħix ir-responsabbiltà tagħha li tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi. B’hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dispożizzjoni tad-dritt intern li tipprovdi li l-kummissjoni mwaqqfa sabiex tevalwa l-offerti tistax titlob bil-miktub lill-parteċipanti sabiex jikkjarifikaw jekk l-offerta hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, din il-kwistjoni għandha tinftiehem bħala li qed issir b’mod ġenerali bħallikieku l-awtorità kontraenti stess tinsab f’din is-sitwazzjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifhem id-domandi li sarulha, meħuda kollha kemm huma, bħala intiżi sabiex isir magħruf sa fejn l-awtoritajiet kontraenti, meta huma jqisu, fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti ristretta, li l-offerta ta’ applikant hija anormalment baxxa jew impreċiża jew ma hijiex skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt, jistgħu jew għandhom jitolbu kjarifiki mill-applikant ikkonċernat, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 55 tad-Direttiva 2004/18.

25

Rigward l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandu jitfakkar li, fost l-għanijiet prinċipali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, hemm dak li jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha. Sabiex jintlaħaq dan l-għan doppju, id-dritt Komunitarju japplika b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti jew tal-applikanti u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, Pressetext Nachrichtenagentur, C-454/06, Ġabra p. I-4401, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-obbligu ta’ trasparenza, dan essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, Ġabra p. I-3801, punt 111). Dwar l-għoti ta’ kuntratti, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti josservaw l-istess prinċipji u obbligi.

26

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jingħataw risposta, billi tiġi eżaminata l-ewwel nett is-sitwazzjoni li fiha l-awtorità kontraenti tqis l-offerta anormalment baxxa u wara dik li fiha hija tqis li l-offerta hija vaga jew ma hijiex skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt.

F’dak li jikkonċerna l-offerta anormalment baxxa

27

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18, jekk, għal kuntratt speċifiku, offerti jidhru abnormalment baxxi relatati mqabbla mal-provvista, l-awtorità kontraenti għandha, qabel ma tkun tista’ tiċħad dawn l-offerti, “titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tqis rilevanti”.

28

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, redatti f’termini obbligatorji, jirriżulta ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jirrikjedi mingħand l-awtorità kontraenti li hija tivverifika l-kompożizzjoni tal-offerti li huma anormalment baxxi billi jiġi impost fuqha għal dan il-għan l-obbligu li jistaqsi lill-applikanti sabiex jipprovdu l-ġustifikazzjoni neċessarji sabiex juru li dawn l-offerti huma serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punti 46 sa 49).

29

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ dibattitu kontradittorju effettiv, li jsir fi żmien utli f’xi punt fil-proċedura ta’ reviżjoni ta’ offerti, bejn l-awtorità kontraenti u l-applikant, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ juri li l-offerta tiegħu hija serja, tikkostitwixxi rekwiżit tad-Direttiva 2004/18, sabiex tiġi evitata l-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti u sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lombardini u Mantovani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li għalkemm il-lista li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2004/18 ma hijiex eżawrjenti, madankollu ma hijiex purament indikattiva, u għaldaqstant ma tħallix lill-awtoritajiet kuntrattwali liberi li jiddeterminaw liema huma l-fatturi rilevanti li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma offerta li tidher anormalment baxxa tiġi miċħuda (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-292/07, punt 159).

31

Min-naħa l-oħra, l-effettività tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2004/18 jimplika li l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tifformula t-talba indirizzata lill-applikanti kkonċernati sabiex tkun tista’ tiġġustifika b’mod sħiħ u effettiv in-natura serja tal-offerti tagħhom.

32

Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistħarreġ, fid-dawl tal-provi kollha fil-proċess li ġew ippreżentati lilha, jekk it-talba għal kjarifika ppermettietx lill-applikanti kkonċernati sabiex jispjegaw b’mod suffiċjenti l-kompożizzjoni tal-offerta tagħhom.

33

Barra minn hekk, l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18, iktar milli jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 42(3) tal-Liġi Nru 25/2006, li tipprovdi essenzjalment li, jekk l-applikant jipproponi prezz anormalment baxx, l-awtorità kontraenti titlob mingħandu bil-miktub li jiċċara l-proposta ta’ prezz tiegħu, timponi li jkun hemm tali dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 161).

34

L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18 jipprekudi għaldaqstant, b’mod partikolari, il-pożizzjoni ta’ awtorità kontraenti li tallega, kif tevoka l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, li ma għandhiex l-obbligu li titlob lill-applikant sabiex jispjega prezz anormalment baxx.

F’dak li jirrigwarda l-offerta impreċiża jew mhux skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/18, b’differenza minn dak li jikkonċerna l-offerti anormalment baxxi, ma għandha l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi b’mod espliċitu dak li għandu jsir wara li jiġi kkonstatat, mill-awtorità kontraenti, fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti ristretta, li l-offerta ta’ applikant hija impreċiża jew ma hijiex skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt.

36

Min-natura tagħha stess, il-proċedura għal sejħa għal offerti ristretta timplika li, ġaladarba ssir l-għażla tal-applikanti, u ġaladarba l-offerta tagħhom hija ppreżentata, din tal-aħħar ma tistax, bħala prinċipju, tiġi emendata la fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas fuq dik tal-applikant. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-applikanti u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu jipprekludu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kwalunkwe negozjati bejn l-awtorità kontraenti u applikant jew ieħor.

37

Li jiġi permess li l-awtorità kontraenti titlob lil applikant li hija tqis li l-offerta tiegħu hija impreċiża jew li ma hijiex skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt għal kjarifiki f’dan ir-rigward għandu r-riskju fil-fatt li juri li din l-awtorità kontraenti, fil-każ fejn l-offerta ta’ din l-applikazzjoni finalment ser tintgħażel, li nnegozjat dwar din l-offerta b’mod kunfidenzjali, għad-detriment tal-applikanti l-oħra, u bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

38

Barra minn hekk, la mill-Artikolu 2, la minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2004/18, la mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u lanqas mill-obbligu ta’ trasparenza ma jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, l-awtorità kontraenti hija obbligata li tikkuntattja lill-applikanti kkonċernati. Huma ma jistgħux, madankollu, jilmentaw li l-awtorità kontraenti ma għandha l-ebda obbligu, meta n-nuqqas ta’ ċarezza tal-offerta tirriżulta biss minn ksur tad-dmir tagħhom ta’ diliġenza fir-redazzjoni tal-offerta, li għaliha huma suġġetti bħall-applikanti l-oħra.

39

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 għaldaqstant ma jipprekludix l-assenza, f’leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ dispożizzjoni li tobbliga lill-awtorità kontraenti li titlob lill-applikanti, fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, sabiex jiċċaraw l-offerti tagħhom fid-dawl tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt qabel ma tiċħadhom minnħabba li huma impreċiżi jew ma humiex skont dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

40

Madankollu, dan l-Artikolu 2 ma jipprekludix, b’mod partikolari, li, b’mod eċċezzjonali, id-data dwar l-offerta tista’ tiġi kkoreġuta jew ikkompletata minn żmien għal żmien, b’mod partikolari peress li hija teħtieġ manifestament kjarifika sempliċi jew, sabiex ma jkunx hemm żbalji materjali manifesti, sakemm din l-emenda ma twassalx sabiex fir-realtà jkun hemm offerta ġdida. L-imsemmi artikolu għaldaqstant ma jipprekludix lanqas li f’leġiżlazzjoni nazzjonali jkun hemm dispożizzjoni bħall-Artikolu 42(2) tal-Liġi Nru 25/2006, li, essenzjalment, l-awtorità kontraenti tista’ titlob bil-miktub lill-applikanti sabiex jiċċaraw l-offerti tagħhom mingħajr madankollu ma titlob jew taċċetta ebda emenda tal-offerta.

41

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha b’hekk l-awtorità kontraenti, hija din tal-aħħar li għandha titratta l-applikanti differenti b’mod ugwali u leali, hekk li t-talba għal kjarifika ma tistax tidher fi tmiem il-proċedura tal-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla bħala li indebitament ivvantaġġjat jew żvantaġġjat l-applikant jew l-applikanti li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba.

42

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jingħad ukoll li t-talba għal kjarifika tal-offerta tista sseħħ biss wara li l-awtorità kontraenti tkun mgħarrfa dwar l-offerti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lombardini u Mantovani, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53).

43

Barra minn hekk, din it-talba għandha ssir b’mod ugwali lill-impriżi kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, fin-nuqqas ta’ raġuni oġġettivament verifikabbli sabiex tiġġustifika trattament differenti ta’ applikanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta l-offerta għandha, fi kwalunkwe każ, fid-dawl ta’ fatturi oħra, tiġi miċħuda.

44

Barra minn hekk, l-imsemmija talba għandha tirrigwarda l-punti kollha tal-offerta li huma impreċiżi jew ma humiex skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt mingħajr mal-awtorità kontraenti tista’ tiċħad l-offerta għal nuqqas ta’ ċarezza ta’ aspett minnha li ma huwiex is-suġġett ta’ din it-talba.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li:

L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun hemm dispożizzjoni bħall-Artikolu 42(3) tal-Liġi Nru 25/2006, li tipprovdi essenzjalment li, jekk l-applikant jipproponi prezz anormalment baxx, l-awtorità kontraenti titlob mingħandu bil-miktub li jiċċara l-proposta ta’ prezz tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistħarreġ, fid-dawl tal-provi kollha fil-proċess li ġew ippreżentati lilha, jekk it-talba għal kjarifika ppermettietx lill-applikant ikkonċernat sabiex jispjega b’mod suffiċjenti l-kompożizzjoni tal-offerta tiegħu;

L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18 jipprekudi l-pożizzjoni ta’ awtorità kontraenti li tikkunsidra li ma għandhiex l-obbligu li titlob lill-applikant sabiex jispjega prezz anormalment baxx;

L-Artikolu ’2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 42(2) tal-imsemmija Liġi Nru 25/2006, li biha, essenzjalment, l-awtorità kontraenti tista’ titlob bil-miktub lill-applikanti sabiex jiċċaraw l-offerti tagħhom mingħajr madankollu ma titlob jew taċċetta ebda emenda tal-offerta. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha b’hekk l-awtorità kontraenti, hija din tal-aħħar li għandha titratta l-applikanti differenti b’mod ugwali u leali, hekk li t-talba għal kjarifika ma tistax tidher fi tmiem il-proċedura tal-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla bħala li indebitament ivvantaġġjat jew żvantaġġjat lill-applikant jew lill-applikanti li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba.

Fuq it-talba għal sospensjoni tal-effetti tas-sentenza

46

Il-gvern Slovakk talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jillimita ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza jekk hija kellha tinterpreta l-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 billi tiddeduċi minnhom obbligu fuq l-awtorità kontraenti sabiex titlob lill-applikant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konformità ta’ offerta mar-rekwiżiti relatati mas-suġġett tal-kuntratt kif iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jiċċara l-offerta tiegħu.

47

Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 li kkonkludiet din is-sentenza ma twassalx għal tali deduzzjoni. It-talba tal-gvern Slovakk hija, għaldaqstant, u fi kwalunkwe każ, mingħajr ebda skop.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun hemm dispożizzjoni bħall-Artikolu 42(3) tal-Liġi Nru 25/2006 dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li tipprovdi essenzjalment li, jekk l-applikant jipproponi prezz anormalment baxx, l-awtorità kontraenti titlob mingħandu bil-miktub li jiċċara l-proposta ta’ prezz tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistħarreġ, fid-dawl tal-provi kollha fil-proċess li ġew ippreżentati lilha, jekk it-talba għal kjarifika ppermettietx lill-applikant ikkonċernat sabiex jispjega b’mod suffiċjenti l-kompożizzjoni tal-offerta tiegħu.

 

L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18 jipprekudi l-pożizzjoni ta’ awtorità kontraenti li tikkunsidra li ma għandhiex l-obbligu li titlob lill-applikant sabiex jispjega prezz anormalment baxx.

 

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 42(2) tal-imsemmija Liġi Nru 25/2006, li biha, essenzjalment, l-awtorità kontraenti tista’ titlob bil-miktub lill-applikanti sabiex jiċċaraw l-offerti tagħhom mingħajr madankollu ma titlob jew taċċetta ebda emenda tal-offerta. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha b’hekk l-awtorità kontraenti, hija din tal-aħħar li għandha titratta l-applikanti differenti b’mod ugwali u leali, hekk li t-talba għal kjarifika ma tistax tidher, fi tmiem il-proċedura tal-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla, bħala li indebitament ivvantaġġjat jew żvantaġġjat lill-applikant jew lill-applikanti li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.